28.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 364/67


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Patt Klimatiku Ewropew”

(opinjoni esploratorja)

(2020/C 364/10)

Relatur:

Dimitris DIMITRIADIS

Korelatur:

Peter SCHMIDT

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 11.3.2020

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

29.6.2020

Adottata fil-plenarja

16.7.2020

Sessjoni plenarja Nru

553

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

206/4/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Ninsabu f’emerġenza klimatika. Fi żmien il-kriżijiet tas-saħħa globali, u dawk ekonomiċi imminenti, ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, l-impenn tal-UE għat-tranżizzjoni lejn ekonomija tal-benesseri sostenibbli, reżiljenti, newtrali għall-klima u effiċjenti fir-riżorsi jrid jiġi affermat mill-ġdid. Li għandna bżonn issa huma bidliet trasformazzjonali fil-kultura, fl-infrastruttura, fl-imġiba, fil-parteċipazzjoni u fl-għajxien li se jħallu impatt fuq iċ-ċittadini, iżda li jsaħħu wkoll il-pożizzjoni tagħhom b’diversi modi.

1.2.

It-tibdil fil-klima jheddidna lkoll, iżda, bħall-pandemija, għandu l-akbar effett ta’ dannu fuq il-persuni l-aktar vulnerabbli u marġinalizzati. Huwa essenzjali li t-tranżizzjoni ma tħalli lil ħadd jibqa’ lura.

1.3.

Il-KESE jissottolinja li l-parteċipazzjoni attiva tal-partijiet kollha tas-soċjetà — l-intrapriżi, il-ħaddiema, ir-riċerkaturi, il-konsumaturi, il-komunitajiet u ċ-ċittadini u l-organizzazzjoni tagħhom — hija kruċjali għall-mobilizzazzjoni tat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika.

1.4.

B’hekk, il-KESE jappoġġja s-sejħa biex l-Unjoni Ewropea timpenja ruħha li tikseb in-newtralità karbonika sal-2050 u, għaldaqstant, iżżid il-mira tagħha għat-tnaqqis tal-gassijiet serra għall-2030. Ir-Rapport dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet 2019 tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP), jindika li l-emissjonijiet globali jeħtieġ li jitnaqqsu b’7,6 % fis-sena, li mil-lum, sabiex it-tisħin globali jiġi limitat għal 1,5 oC. Skont il-kalkoli, dan ifisser mira għat-tnaqqis ta’ mill-inqas 68 % sal-2030.

1.5.

Hija meħtieġa bidla għal mudell parteċipattiv fil-livelli kollha ta’ skala u, fl-implimentazzjoni tal-Patt Klimatiku, il-Kummissjoni għandha opportunità importanti u obbligu biex turi approċċ innovattiv li se jirrifletti, jappoġġja u jispira azzjoni li diġà qed issir fis-soċjetà ċivili, fil-komunitajiet, il-bliet u r-reġjuni.

1.6.

Mudelli parteċipattivi li huma ffukati b’mod limitat wisq, jew li huma mfassla b’modi li jillimitaw l-iskala tat-tibdil eżaminat, jew li jistgħu jiġu injorati mill-istituzzjoni li stabbilixxiethom, se jservu biss biex ixekklu u jiddiżappuntaw lil dawk li jinvolvu ruħhom.

1.7.

L-Ewropa teħtieġ tixpruna bidla sistematika għall-azzjoni klimatika permezz tal-innovazzjoni (teknoloġika u soċjali) billi tgħaqqad il-provvista tal-innovazzjoni mal-atturi fuq in-naħa tad-domanda, kull min huwa kkonċernat mill-problemi (problem owners) u dawk b’ambizzjoni kbira għal bidla. It-trasformazzjoni diġitali għandha tkun iggwidata mill-SDGs biex jiġu evitati r-riskji, inklużi dawk relatati mad-drittijiet tal-ħaddiema (1). L-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, flimkien mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, jipprovdu opportunità biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta ffukata fuq l-objettiv ta’ impjiegi ta’ kwalità għal kulħadd.

1.8.

L-isfidi globali identifikati l-aktar mill-atturi tas-soċjetà ċivili involuti fl-azzjoni klimatika huma nuqqas ta’ aċċess għall-finanzjament, nuqqas ta’ għarfien espert, nuqqas ta’ persunal u nuqqas ta’ rikonoxximent, kif ukoll in-nuqqas ta’ narrattiva konsistenti mill-UE u l-gvernijiet nazzjonali.

1.9.

Il-kisba tal-għanijiet klimatiċi tal-UE u dawk internazzjonali se teħtieġ riżorsi finanzjarji sinifikanti. Il-baġit tal-Patt Ekoloġiku Ewropew (fondi pubbliċi u privati), il-fond ta’ rkupru ta’ EUR 750 biljun, inkluża l-allokazzjoni ta’ fondi għall-proċess tas-Semestru tal-UE, għandhom ikunu ffukati fuq l-irkupru sostenibbli, inkluża l-azzjoni klimatika.

1.10.

Il-kundizzjonalità tal-finanzjament fuq prattiki sostenibbli fis-setturi kollha għandha tkun in-norma għat-tfassil ta’ pjani ta’ rkupru għal wara l-COVID-19 immirati lejn l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU u l-Ftehim ta’ Pariġi. Ir-rispons għall-irkupru wara l-COVID-19 ma għandux ikun wieħed li “joħodna lura” fejn konna qabel, iżda li “jmexxina” għal xi ħaġa ġdida u aħjar.

1.11.

Il-bini tal-kapaċitajiet u l-appoġġ tekniku huma meħtieġa biex il-partijiet interessati kollha jagħmlu t-tranżizzjoni għal futur aktar reżiljenti u sostenibbli. It-twaqqif ta’ Forum tal-UE dwar il-Finanzjament għall-Klima tal-UE għandu jistimula l-aċċess għall-finanzi u jneħħi l-ostakli.

1.12.

Il-KESE jipproponi Pjattaforma tal-Partijiet Interessati tal-Patt Klimatiku Ewropew ibbażata fuq il-prinċipji tal-inklużività, it-trasparenza u l-parteċipazzjoni ġenwina u s-sjieda minn atturi klimatiċi fil-livelli kollha.

1.13.

Il-Patt Klimatiku għandu jkun iffukat fuq ir-responsabbilizzazzjoni tan-nies biex jibdlu s-sistemi — permezz tal-esplorazzjoni, l-esperimentazzjoni u d-dimostrazzjoni. Il-perspettivi ta’ diversi livelli, il-ħolqien ta’ viżjoni, ir-rakkontar tal-istejjer u l-ippjanar billi jiġi definit il-futur mixtieq kollha se jkunu kruċjali. Għandha tiġi mrawma u ffaċilitata varjetà wiesgħa ta’ inizjattivi klimatiċi.

2.   Introduzzjoni

2.1.

L-indirizzar tal-isfidi klimatiċi u ambjentali sar kompitu li dejjem qed isir aktar urġenti u jeħtieġ reviżjoni drastika tal-approċċi soċjoekonomiċi attwali mhux sostenibbli. Il-pandemija globali tal-COVID-19 uriet li aġġustamenti sempliċi fl-istili ta’ ħajja u s-sistemi tagħna mhux se jkunu biżżejjed. Qabel il-pandemija, diġà kienu qed iseħħu bidliet fundamentali fil-metodi ta’ produzzjoni, li jaffettwaw in-negozji, il-ħaddiema u l-organizzazzjoni tax-xogħol, u jistgħu jiġu aċċellerati bħala riżultat. Il-Kummissjoni Ewropea adottat il-Patt Ekoloġiku Ewropew bħala l-istrateġija l-ġdida għall-mudelli soċjoekonomiċi u finanzjarji tal-UE li huma sostenibbli, aktar nodfa, aktar sikuri u aktar tajbin għas-saħħa.

2.2.

Fid-dawl tal-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19, l-azzjoni klimatika u l-impenji tas-sostenibbiltà jridu jkunu fuq quddiem fil-politika tal-irkupru u r-rikostruzzjoni, u tal-baġits korrispondenti, sabiex ma jkunux jistgħu jżommu lill-UE aktar f’futur bi kwantitajiet kbar ta’ karbonju. Il-miżuri ta’ wara l-kriżi għandhom jitfasslu b’mod li joħloqu reżiljenza tas-sistema, jipproteġu u jirrestawraw il-bijodiversità, jagħtu prijorità lis-saħħa pubblika, filwaqt li ma jħallu lil ħadd jibqa’ lura u jwittu t-triq għal ekonomija tal-benesseri. F’dan il-kuntest, il-Patt Ekoloġiku Ewropew ma għandux jiġi abbandunat jew ittardjat, iżda għandu jissaħħaħ.

2.3.

Is-suċċess tal-Patt Ekoloġiku Ewropew se jiddependi ħafna mill-kapaċità tal-UE li tinvolvi liċ-ċittadini tagħha. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni qed tħejji Patt Klimatiku Ewropew biex ilaqqa’ flimkien diversi atturi, inklużi r-reġjuni, l-awtoritajiet lokali, il-komunitajiet lokali, is-soċjetà ċivili, l-iskejjel, in-negozji u l-individwi.

3.   Il-ħtieġa li s-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini jiġu involuti fi kwistjonijiet marbuta mal-klima

3.1.

Qegħdin niffaċċjaw emerġenza klimatika globali. Ir-rispons tal-gvernijiet għall-kriżi klimatika s’issa ma kienx biżżejjed u d-dinja għadha mhix fit-triq it-tajba biex tissodisfa l-objettiv tal-Ftehim ta’ Pariġi u tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs). L-istrajks għall-klima miż-żgħażagħ u oħrajn mis-soċjetà ċivili ilhom jappellaw bil-qawwa għal azzjoni klimatika aktar ambizzjuża u urġenti. Il-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet, li ntrabtu bl-Aġenda 2030 u l-Ftehim ta’ Pariġi, għandhom ir-responsabbiltà li jindirizzaw b’mod urġenti dawn id-domandi, jieħdu deċiżjonijiet ta’ politika deċiżivi u ambizzjużi u jimxu lejn mudell ġdid ta’ azzjoni klimatika inklużiva, fejn il-partijiet interessati kollha jkunu involuti b’mod attiv.

3.2.

B’hekk, il-KESE jappoġġja s-sejħa biex l-Unjoni Ewropea timpenja ruħha li tikseb in-newtralità karbonika sal-2050 u, għaldaqstant, iżżid il-mira tagħha għat-tnaqqis tal-gassijiet serra għall-2030 (2). Il-KESE jistenna li l-mira l-ġdida tal-emissjonijiet għall-2030 se tkun ibbażata fuq rieżami wiesa’ u valutazzjoni tal-impatt adegwata. Il-KESE jsostni wkoll li hemm argumenti deċiżivi għall-mira għal tnaqqis minimu ta’ 55 % sal-2030, sabiex l-UE twieġeb min-naħa tagħha għall-ħtieġa enormi fil-livell globali għal tnaqqis fl-emissjonijiet. Pereżempju, ir-Rapport dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet 2019 tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) (3), jindika li mira aktar ambizzjuża ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet 2030 hija meħtieġa fil-livell globali sabiex tintlaħaq il-mira ta’ 1,5 oC stabbilita fil-Ftehim ta’ Pariġi (4).

3.3.

Mill-Ewrobarometru tal-2019 joħroġ li 93 % taċ-ċittadini tal-UE jqisu t-tibdil fil-klima bħala problema serja; 79 % iqisuha bħala problema serja ħafna. Il-maġġoranza vasta ta’ dawk li wieġbu jaħsbu li huwa importanti li l-gvern nazzjonali tagħhom jistabbilixxi miri ambizzjużi biex tiżdied l-enerġija rinnovabbli (92 %) u titjieb l-effiċjenza fl-enerġija (89 %).

3.4.

Il-Patt Klimatiku jeħtieġ li jaffettwa s-setgħa tal-Ewropej biex tinkiseb il-viżjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew ta’ soċjetà għanja, inklużiva, reżiljenti għall-klima b’ekonomija ċirkolari ta’ emissjonijiet żero netti sal-2050. Ir-rapport tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) jirreferi b’mod espliċitu għall-ħtieġa għal bidliet rapidi, estensivi u mhux preċedenti fl-aspetti kollha tas-soċjetà. Bidliet inkrementali mhux se jkunu biżżejjed. Fokus limitat fuq it-tnaqqis tas-CO2 huwa kontroproduttiv fil-livell lokali, billi jillimita l-involviment u l-ħsieb u billi jillimita b’mod konsiderevoli l-bidliet li jiġu immaġinati u implimentati. Fil-preżent hija meħtieġa trasformazzjoni fundamentali tas-sistemi ekonomiċi, soċjali u finanzjarji li tiskatta bidla esponenzjali fir-rati ta’ dekarbonizzazzjoni u ssaħħaħ ir-reżiljenza għall-klima. Biex dan iseħħ, hemm bżonn ta’ narrativi ispiranti wiesgħa u diversi, li jikkommunikaw għalfejn id-dinja jeħtiġilha tinbidel.

3.5.

Il-kriżi globali attwali kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 uriet il-ħila tal-gvernijiet li jieħdu miżuri drammatiċi biex inaqqsu theddida eżistenzjali, kif ukoll il-ħila tan-nies, almenu għal żmien qasir, li jadattaw għal stili ta’ ħajja ristretti ġodda imposti minn dawn il-miżuri. B’mod importanti, il-komunitajiet, l-intrapriżi, l-imsieħba soċjali u atturi oħra mhux statali qed jaqdu rwol importanti fir-rispons għall-pandemija, ta’ spiss billi jidentifikaw il-ħtiġijiet, ifasslu u jimplimentaw interventi adatti għall-kuntest b’mod aktar rapidu, effettiv u kreattiv milli ntwera li kien possibbli permezz ta’ direzzjoni minn fuq għal isfel.

3.6.

Hemm opportunità kbira u riskju kbir hekk kif nersqu għall-fażi li jmiss ta’ rispons għall-COVID-19. Il-miżuri ekonomiċi u l-pakketti fiskali li qed jitfasslu biex isostnu u jerġgħu jagħtu bidu lill-ekonomija Ewropea jridu jħaddnu t-tassonomija tal-UE għal investimenti sostenibbli u finanzjamenti diretti għal dawk li huma sostenibbli jew li għandhom il-potenzjal li jsiru sostenibbli u li se jimpenjaw ruħhom, soġġetti għal monitoraġġ, biex jidentifikaw u jagħmlu l-bidliet meħtieġa b’urġenza.

3.7.

Ix-xkiel traġiku kkawżat mill-COVID-19, li wassal għas-sospensjoni tar-regoli fiskali, wera li hija possibbli viżjoni oħra meta l-ħajjiet tal-persuni, l-ekonomiji tagħna u s-sopravivenza għall-ħajja fid-Dinja kif nafuha jkunu f’periklu. Viżjoni tal-progress soċjali li tiddependi biss mill-insegwiment ta’ tkabbir fil-Prodott Domestiku Gross (PDG) tinjora elementi fundamentali għall-benesseri individwali u soċjali u ma tqisx kif imiss kunsiderazzjonijiet ambjentali u soċjali. Għalhekk, jeħtieġ li ssir il-qabża minn ekonomija bbażata fuq il-prodott domestiku gross (PDG) għal ekonomija tal-benesseri (5) (6).

3.8.

Mod ta’ kif insaħħu l-ambizzjoni klimatika huwa li noħolqu ambjenti abilitanti għal aktar azzjoni minn atturi mhux statali, li jinkludu diversi tipi ta’ negozji, inklużi l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju u l-mikrointrapriżi; l-investituri; l-imsieħba soċjali; il-kooperattivi; il-bliet u r-reġjuni, it-trade unions; il-komunitajiet lokali u gruppi ta’ ċittadini; il-bdiewa; l-iskejjel; l-organizzazzjonijiet ta’ ispirazzjoni reliġjuża; gruppi taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet mhux governattivi oħra.

3.9.

Ambjent abilitanti jeħtieġ bidla ewlenija minn konsultazzjoni u involviment minn fuq għal isfel għal kodisinn, kokreazzjoni u awtonomizzazzjoni. Il-mudelli ta’ konsultazzjoni standard rari jilħqu lil hinn minn setturi tas-soċjetà limitati ħafna u b’ħafna riżorsi. L-individwi, l-organizzazzjonijiet u l-intrapriżi li għandhom l-aktar x’jiggwadanjaw mill-bidla trasformattiva u x’jikkontribwixxu għaliha jeħtieġ li jiġu offruti opportunitajiet ġenwini biex jipparteċipaw fit-teħid tad-deċiżjonijiet jekk se jimpenjaw ħin u enerġija għall-proċess.

3.10.

Fl-2018, il-KESE appella għal “Djalogu Ewropew dwar Azzjoni Klimatika Mhux Statali” (7). L-għan tad-djalogu ma għandux ikun biss li jenfasizza u juri l-azzjonijiet, iżda wkoll li jwieġeb għall-ħtiġijiet tal-atturi mhux statali billi jispira sħubijiet ġodda bejniethom u livelli differenti ta’ gvern; billi jiffaċilita t-tagħlim bejn il-pari, it-taħriġ u l-kondiviżjoni ta’ pariri, u jiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament.

3.11.

Il-KESE ppropona (8) li jiġi stabbilit djalogu maċ-ċittadini permanenti bħala element preparatorju obbligatorju għad-deċiżjonijiet politiċi ewlenin kollha u l-inizjattivi kollha pertinenti fil-livelli kollha.

3.12.

S’issa, il-Kummissjoni ma segwietx dawn ir-rakkomandazzjonijiet (9). Il-Patt Klimatiku jipprovdi opportunità biex l-istituzzjonijiet jaħdmu mill-qrib flimkien għal qafas ta’ abilitazzjoni għall-involviment tas-soċjetà ċivili u taċ-ċittadini, li jibni fuq il-proċessi ta’ konsultazzjoni eżistenti iżda li jmur lil hinn minnhom.

4.   It-tagħlim minn prattiki eżistenti dwar is-soċjetà ċivili u l-involviment taċ-ċittadini

4.1.

Eżempji eżistenti fil-livell nazzjonali, reġjonali u muniċipali tal-assembleji taċ-ċittadini, id-djalogi maċ-ċittadini u proċessi ta’ involviment deliberattivi (10) simili juru l-kapaċità u x-xewqa taċ-ċittadini li jieħdu r-responsabbiltà għas-soluzzjonijiet tal-kriżi klimatika. Ta’ sikwit, l-approċċi parteċipattivi usa’, meta dawn jitfasslu b’attenzjoni, jiġġeneraw kisbiet sinifikanti għas-sostenibbiltà mingħajr ma jkunu ffukati b’mod espliċitu fuq il-kriżi klimatika. Dawn huma xhieda mhux biss tal-ħtieġa u x-xewqa qawwija għal demokrazija parteċipattiva, iżda wkoll għall-ħila tal-gvernijiet li joħolqu spazji bħal dawn u biex jagħtu segwitu għall-proposti tagħhom b’mod politiku.

4.1.1.

Fl-2019, 150 ċittadin Franċiż magħżula b’mod każwali bdew jiddeliberaw fuq il-mistoqsija “kif nistgħu nnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’tal-inqas 40 % sal-2030, fi spirtu ta’ ġustizzja soċjali?”. Is-sessjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni taċ-Ċittadini jsiru fil-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Franċiż. Il-Gvern għandu wkoll il-pjan li jindirizza b’mod pubbliku l-proposti u se jippubblika skeda ta’ żmien provviżorja għall-implimentazzjoni tagħhom (11).

4.1.2.

L-Assemblea taċ-Ċittadini Irlandiżi stabbilita fl-2016, kienet tikkonsisti f’100 ċittadin, magħżula b’mod aleatorju biex jirrappreżentaw l-elettorat Irlandiż. Dawn ingħataw il-kompitu li jiddeliberaw dwar suġġetti li jvarjaw mill-projbizzjoni kostituzzjonali fuq l-abort sal-idea li l-Irlanda tkun il-mexxejja fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima. Il-kumitat parlamentari stabbilit biex imexxi r-rakkomandazzjonijiet tal-Assemblea dwar it-tibdil fil-klima sawwar b’mod sinifikanti l-Pjan ta’ Azzjoni Klimatika ferm importanti tal-Irlanda li ġie ppubblikat f’Ġunju 2019.

4.1.3.

Fiż-żewġ bliet ewlenin ta’ Spanja, ġew stabbiliti djalogi maċ-ċittadini u forums lokali biex jippromovu parteċipazzjoni usa’ taċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar partijiet tal-baġit lokali u brainstorming dwar il-futur tal-belt.

4.1.4.

Il-Kunsill taż-Żgħażagħ dwar il-Klima fil-Ministeru tal-Enerġija, il-Provvista u l-Klima fid-Danimarka għandu l-għan li jwassal mod ta’ ħsieb ġdid fil-politika dwar it-tibdil fil-klima u jipprovdi input lill-ministru dwar soluzzjonijiet futuri għall-klima.

4.1.5.

Il-belt ta’ Gdańsk fil-Polonja organizzat tliet assembleji taċ-ċittadini dwar l-adattament għal avvenimenti tat-temp estremi, it-tnaqqis fit-tniġġis tal-arja u t-titjib fl-involviment ċiviku.

4.1.6.

Fil-Finlandja, l-ewwel Panel taċ-Ċittadini dwar l-iżvilupp sostenibbli laqqa’ flimkien madwar 500 Finlandiż biex jivvalutaw l-istat tal-iżvilupp sostenibbli. Ir-riżultati se jintużaw biex jippromovu x-xogħol fuq l-iżvilupp sostenibbli mill-Gvern u l-Parlament Finlandiż.

4.1.7.

Fl-Italja, wara l-COP 25, saret proposta leġislattiva mir-rappreżentati tas-soċjetà ċivili biex tiġi stabbilita Assemblea taċ-Ċittadini fuq il-mudell Franċiż. Fir-Renju Unit tnieda proċess simili, bl-“Assemblea dwar il-Klima tar-Renju Unit: it-triq għan-newtralità”.

4.1.8.

F’Bolonja, l-Italja, il-muniċipalità ħolqot “Uffiċċju tal-Immaġinazzjoni Ċivika” bħala parti mill-ħidma usa’ tagħha biex terġa’ tinvolvi liċ-ċittadini. Din ħolqot sitt “laboratorji” li jorganizzaw avvenimenti regolari bil-għan li tinħoloq viżjoni, li jużaw Open Space u għodod oħra. Meta joħorġu ideat tajbin ħafna għal proġett, il-muniċipalità toħloq “patti” mal-komunità biex tiżgura li dawn isiru realtà. Matul l-aħħar ħames snin sar qbil dwar aktar minn 500 patt, li jvarjaw minn bankijiet ġodda fit-toroq sa proġetti ħafna akbar u aktar ambizzjużi. Dan sar ukoll il-mezz li permezz tiegħu jiġi organizzat il-baġit għall-parteċipazzjoni.

4.2.

Bosta inizjattivi oħra mmexxija mill-komunità jimmobilizzaw l-azzjoni lokali biex jinħoloq futur aktar sostenibbli b’suċċessi notevoli u ta’ ispirazzjoni. Fost oħrajn, “Viċinati Sostenibbli” fi Brussell; in-Network ta’ Azzjoni Klimatika tal-Komunitajiet Skoċċiżi, li huwa network fil-livell lokali ta’ madwar 120 grupp tal-komunità; Coopérnico — kooperattiva dwar l-enerġija rinnovabbli (RESCoop) fil-Portugall; u l-moviment Transition, li issa huwa attiv fi sforzi biex tinbena reżiljenza fl-iskala tal-komunità f’aktar minn 50 pajjiż, li jispira lin-nies biex jibdlu l-mod ta’ kif jaħsbu, jaġixxu u jgħixu fid-dinja. Il-Programm ta’ Azzjoni “Komunitajiet għall-Futur”, li se jitnieda dan is-sajf, jista’ jgħin biex jipprovdi l-ambjent istituzzjonali għall-parteċipazzjoni pubblika.

4.3.

Fil-livell Ewropew, l-involviment strutturat tas-soċjetà ċivili huwa meħtieġ u għandu jingħata mandat ċar għall-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki u l-istrateġija li għandhom l-għan li jiksbu n-newtralità klimatika.

4.3.1.

Il-pjattaforma ta’ diversi partijiet ikkonċernati dwar l-SDGs kellha rwol importanti, iżda ħalliet ukoll lok għal titjib f’termini ta’ għoti ta’ riżorsi, il-frekwenza tal-laqgħat, is-sjieda tal-ippjanar tal-aġenda, l-opportunitajiet għal dibattitu estiż u involviment u ffaċilitar ta’ konsultazzjonijiet aktar regolari, trasparenti u aċċessibbli.

4.3.2.

Il-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari, li hija mmexxija b’mod konġunt mill-KESE u l-Kummissjoni, tipprovdi spazju għal grupp ta’ varjetà kbira ta’ partijiet interessati biex jiskambjaw prattiki u ideat tajbin, u joħolqu networks siewja. L-għoti tas-sjieda tal-pjattaforma lill-partijiet interessati jirrappreżenta d-differenza ewlenija tal-pjattaforma ta’ diversi partijiet ikkonċernati dwar l-SDGs u hija prattika tajba li wieħed għandu jsegwi.

4.4.

L-objettivi ta’ Pariġi mhux se jintlaħqu mingħajr l-involviment qawwi tal-imsieħba soċjali fil-livelli kollha, u b’mod partikolari fl-industriji u s-setturi li huma affettwati b’mod qawwi mid-dekarbonizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni. L-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, flimkien mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, jipprovdu opportunità biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta li tiffoka fuq l-objettiv ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba għal kulħadd. Id-djalogu soċjali mmexxi mit-trade unions u mill-impjegaturi huwa wieħed mill-aħjar forums biex ikun hemm sensibilizzazzjoni dwar il-kriżi klimatika. Huma l-protagonisti ewlenin jekk irridu niksbu trasformazzjoni soċjalment ġusta, produttiva u kummerċjali li jġib miegħu l-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dawn ix-xenarji jvarjaw minn Summits ta’ Djalogu Soċjali fil-livell Ewropew, sad-djalogu transkonfinali, li huwa essenzjali biex isir aktar sforz għall-integrazzjoni soċjali Ewropea, kif ukoll ftehimiet kollettivi settorjali u fil-livell tal-kumpaniji. L-involviment tal-ħaddiema jifforma parti integrali mid-demokrazija fil-post tax-xogħol u jagħti l-opportunità lill-ħaddiema biex jieħdu sehem attiv f’deċiżjonijiet li jittieħdu fil-post tax-xogħol li jistgħu jagħtu kontribut pożittiv għall-azzjoni klimatika.

4.5.

Il-komunità ta’ konoxxenza u innovazzjoni dwar il-klima (Climate-KIC) tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) jiffoka fuq id-disinn, it-twettiq u l-konnessjoni ta’ esperimenti intraprenditorjali u effetti ta’ dimostrazzjoni fil-fond fuq il-lievi tal-bidla sistemika. Il-Climate-KIC tal-EIT għandu portafoll magħmul minn esperimenti bil-għan li jistimulaw modi ġodda ta’ ħsieb, li jixprunaw l-effetti esponenzjali tat-teknoloġiji, networks u forzi tal-komunità ġodda u li jfittxu li wieħed jitgħallem b’mod aktar mgħaġġel mill-pass tal-bidla (12).

5.   It-tagħlim mir-risponsi tan-negozju

5.1.

L-innovazzjoni tirreferi għaż-żieda ta’ passi addizzjonali fl-iżvilupp ta’ servizzi u prodotti ġodda fis-suq jew fil-pubbliku li jissodisfaw il-ħtiġijiet mhux issodisfati jew isolvu l-problemi li ma kienx hemm fil-passat. L-innovazzjoni teknoloġika tiffoka fuq l-aspetti teknoloġiċi ta’ prodott jew servizz. L-innovazzjoni soċjali tirreferi għal prattiki soċjali ġodda li jimmiraw biex jissodisfaw il-ħtiġijiet soċjali b’mod aħjar mis-soluzzjonijiet eżistenti, li jirriżultaw minn, pereżempju, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-edukazzjoni, l-iżvilupp tal-komunità jew is-saħħa. It-teknoloġija diġitali għandha rwol importanti x’taqdi fl-innovazzjoni soċjali permezz tal-użu tal-ICT bħal networks online u għodod diġitali oħrajn.

5.2.

Il-proċess tal-innovazzjoni sistematika għandu jkun disponibbli bi prezz affordabbli għall-partijiet interessati kollha li jeħtieġ li jkunu involuti fil-kodisinn tas-soluzzjonijiet li se jixprunaw it-tranżizzjoni għas-sostenibbiltà meħtieġa. Il-vijabbiltà finanzjarja hija prerekwiżit għall-koeżjoni soċjali u l-punt ta’ li “ħadd ma jitħalla jibqa’ lura” fil-proċess tal-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Għal din ir-raġuni, aspetti tal-bidla sistemika li għandhom karatteristiċi pubbliċi tajbin għandhom jiġu ffinanzjati jew issussidjati minn sorsi pubbliċi li jippermettu ingranaġġ ulterjuri tal-fondi privati għal investimenti marbuta mat-tibdil fil-klima.

5.3.

Il-komunitajiet li jirnexxu fit-twassil ta’ innovazzjoni tas-sistemi huma dawk li jeċċellaw fil-fehim tal-problema, li jiġbru soluzzjonijiet, li jallokaw is-soluzzjonijiet skont il-ħtiġijiet speċifiċi u r-riżorsi ta’ postijiet u kuntesti differenti. Jeħtieġ li nsaħħu l-pożizzjoni tal-komunitajiet Ewropej permezz ta’ dawn il-ħiliet u noħolqu l-ambjenti abilitanti rilevanti għal aktar azzjoni mill-atturi mhux statali.

5.4.

Hemm ħtieġa urġenti għal mekkaniżmi ta’ finanzjament innovattivi li jirrikonoxxu u jwieġbu għall-potenzjal tas-sistema mmexxija mill-komunità u l-isfidi tagħha, li teħtieġ appoġġ flessibbli u ċentrali sabiex tiġi stabbilita u sostnuta, u kapital għan-negozji ġodda f’riskju għal proġetti ikbar, kif ukoll mentoraġġ u appoġġ professjonali. Il-Patt Klimatiku jista’ joħloq rotta siewja ħafna għall-innovaturi soċjali sabiex ikunu jistgħu jipprovdu feedback dwar l-ostakli ta’ politika u dawk ekonomiċi, li jimblokkawhom u jpoġġuhom fi żvantaġġ u li ta’ sikwit jistgħu jirrendu mhux vijabbli proġetti ta’ trasformazzjoni bżonnjużi ferm.

5.5.

Ir-risponsi tal-kumpaniji huma referenza importanti ħafna, kif muri minn dawn l-eżempji:

Kumpaniji multinazzjonali li jipproduċu l-ħwejjeġ li jintlibsu u jintremew, li jippromovu linja ta’ bejgħ ta’ ħwejjeġ użati, bħala strateġija ta’ riċiklaġġ;

Il-mentoraġġ ta’ produtturi kbar taż-żejt u kumpaniji tal-assigurazzjoni, li se jkollhom jorjentaw mill-ġdid in-negozji tagħhom.

5.6.

Eżempji ta’ risponsi sinifikanti mis-settur finanzjarju jinkludu:

Id-deċiżjoni tal-fondi ta’ investiment li ma jinvestux fi proġetti li ma jikkunsidrawx il-parametru tal-klima;

In-Network għall-Ekoloġizzazzjoni tas-Sistema Finanzjarja, imwaqqaf minn tmien banek ċentrali u superviżuri, għal finanzjament ekoloġiku.

6.   Il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-fehim pubbliku tal-azzjoni klimatika

6.1.

Huma meħtieġa djalogi diretti maċ-ċittadini biex ikun hemm sensibilizzazzjoni dwar l-importanza ta’ tranżizzjoni għal soċjetajiet aktar sostenibbli u komunitajiet lokali aktar b’saħħithom. Tali djalogi għandhom l-aktar valur miżjud meta jiġu organizzati fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali. Madankollu, gwida, koordinazzjoni u appoġġ mil-livell tal-UE jkunu essenzjali.

6.2.

Primarjament, għandha tkun ir-responsabbiltà tal-pajjiżi individwali li jiżviluppaw sistema ta’ regolamentazzjoni ambjentali li tkun ibbażata fuq l-ambjent lokali tagħhom u l-ħtiġijiet tiegħu, u li tkun aġġustata għall-iżvilupp sostenibbli ta’ dak il-pajjiż. Ir-rikonoxximent tad-drittijiet tan-natura jkun element importanti ta’ dan (13).

6.3.

Kwalunkwe intervent fil-livell tal-UE għandu jitfassal b’mod konġunt mal-utenti, li jitgħallmu minn, jimmudellaw u jispiraw l-approċċ parteċipattiv meħtieġ fil-livelli l-oħra tal-iskala. Jeħtieġ li jinġiebu għarfien espert u riżorsi bil-għan li jappoġġjaw id-disinn u l-iffaċilitar ta’ spazji kollaborattivi innovattivi, ir-rakkontar ta’ stejjer interessanti u l-użu ta’ teknoloġija innovattiva. Aspett fundamentali għas-suċċess tal-Patt Klimatiku se tkun il-ħila tal-komunitajiet involuti li jsiru l-aħjar rakkontaturi tal-istejjer possibbli, li jagħtu l-ħajja lill-futur mibdul li qed jippromovu, jesploraw u u jingħaqdu ma’ ħtiġijiet u x-xewqat eżistenti, u jirresponsabilizzaw lin-nies biex jaġixxu.

6.4.

Ambjent tan-netwerk li jwassal għat-tħeġġiġ u l-appoġġ tal-azzjoni klimatika jeħtieġ pjattaforma online għall-iskambju tal-prattiki u l-lezzjonijiet meħuda mill-proġetti u l-approċċi. Tali pjattaforma parteċipattiva tista’ tiffaċilita t-tagħlim bejn il-pari u l-kondiviżjoni tal-pariri fost l-atturi billi tgħinhom jegħlbu l-ostakli regolatorji. Din tista’ tistimula l-edukazzjoni u l-innovazzjoni billi tipprovdi korsijiet online, webinars u sessjonijiet ta’ ħidma.

6.5.

Ir-rikonoxximent u l-komunikazzjoni kredibbli tal-azzjonijiet eżistenti jistgħu jkunu stimuli b’saħħithom biex tittieħed azzjoni klimatika. Il-finanzjament u riżorsi oħra, appoġġ tal-ispeċjalisti u s-setgħa li jissawru deċiżjonijiet li jħallu impatt fuq ix-xogħol tagħhom se jippermettu l-applikazzjoni usa’ ta’ approċċi li taw xhieda tal-effettività tagħhom.

6.6.

L-ambaxxaturi għall-azzjoni klimatika jistgħu jingħataw il-kompitu li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn bosta atturi; jistabbilixxu prirjoritajiet strateġiċi/tematiċi; jorganizzaw avvenimenti; u jinċentivaw azzjonijiet klimatiċi ġodda.

6.7.

Tali Ambaxxaturi tal-Patt Klimatiku jistgħu jservu bħala punti fokali għal setturi differenti tal-ekonomija. Għandhom jinħatru wkoll ambaxxaturi speċifiċi għaż-żgħażagħ, il-komuntiajiet lokali, il-bliet u r-reġjuni. L-ambaxxaturi fil-livell tal-UE jkollhom rwol differenti mill-ambaxxaturi fil-livell nazzjonali/reġjonali/lokali. Ikun hemm bżonn li tiġi żgurata l-koordinazzjoni bejn id-diversi livelli.

6.8.

Il-ħatra ta’ membri tal-KESE u l-KtR bħala ambaxxaturi fil-livell tal-UE għall-kostitwenzi li jirrappreżentaw tkun ibbażata fuq in-networks estensivi tagħhom fost is-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-korpi konsultattivi u l-Kummissjoni.

6.9.

Pereżempju, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tan-negozju għandhom perspettiva reali, u jirrappreżentaw b’mod demokratiku l-ħaddiema f’diversi setturi. Dawn huma kruċjali fit-tiswir tal-miżuri differenti sabiex jakkomodaw il-ħtiġijiet tal-ħaddiema u n-negozji u jidentifikaw l-isfidi. L-ambaxxaturi tal-klima fil-livelli differenti fl-ambjent tat-trade unions u tan-negozji jistgħu jibbażaw fuq il-punti pożittivi tad-djalogu soċjali, jagħtu spinta lill-kondiviżjoni tal-informazzjoni b’mod effettiv u jistimulaw l-azzjoni klimatika. Din il-ħidma tat-trade unions teħtieġ ambjent istituzzjonali favorevoli għad-drittijiet fuq il-post tax-xogħol.

6.10.

It-trasformazzjoni diġitali tibdel l-organizzazzjoni u l-mod tal-produzzjoni tal-kumpaniji, u bosta SMEs qed ibatu minħabba nuqqasijiet serji ħafna fid-diġitalizzazzjoni. It-tħassib ta’ bosta ħaddiema huwa dwar l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq l-impjiegi tagħhom, li jista’ jwassal għal żieda fil-qgħad u l-inugwaljanzi.

6.11.

Sabiex “jiġi promoss il-finanzjament u l-investiment ekoloġiku u tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta” fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni żviluppat tassonomija biex tinċentiva l-investimenti fi 8 gruppi ekonomiċi kbar u 70 settur tal-attività, li se jibdlu drastikament il-produzzjoni tagħhom u l-kwantità u l-kwalità tal-impjiegi tagħhom. F’dan id-dokument, il-pedament tal-Pjan ta’ Investiment għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, hemm biss referenza waħda għad-drittijiet tax-xogħol tal-istandards fundamentali tal-ILO.

7.   Il-ħolqien ta’ spazji reali u virtwali għall-iskambju dwar il-klima

7.1.

Il-Patt Klimatiku għandu jkun iffukat fuq ir-responsabbilizzazzjoni tan-nies biex jibdlu s-sistemi — permezz tal-esplorazzjoni, l-esperimentazzjoni u d-dimostrazzjoni. Huma meħtieġa programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ li jkopru l-ispettru kollu tas-soċjetà ċivili, u atturi mhux statali oħra. It-titjib fl-għarfien u l-fehim tal-isfida tal-klima billi wieħed juża approċċ aktar fil-fond u miftuħ, u billi titjieb il-kwalità tad-diskussjonijiet u l-konversazzjonijiet dwar il-problema fost il-partijiet interessati huwa kruċjali.

7.2.

Se jkunu meħtieġa għodod lesti għall-implimentazzjoni biex jistrutturaw u jimmaniġġjaw l-isfidi u jisfruttaw l-opportunitajiet ta’ innovazzjonijiet u tranżizzjonijiet tas-sostenibbiltà. Il-programm Orizzont 2020 tal-KE pproduċa u mexxa ħafna minn dawn l-għodod. F’ambjenti multidixxiplinari, għandu jiġi segwit l-approċċ “tagħlim permezz tal-azzjoni, bl-applikazzjoni tal-għodod għall-każijiet tal-utenti”.

7.3.

L-immaniġġjar tal-partijiet interessati, il-perspettiva ta’ diversi livelli, il-ħolqien ta’ viżjoni u l-ippjanar billi jiġi ddefinit il-futur mixtieq u l-immaniġġjar tan-niċeċ se jkunu kruċjali fil-mobilizzazzjoni tal-Patt Klimatiku. Din l-istruttura għandha l-għan li tiffaċilita l-proċess tas-soluzzjoni tal-problemi billi tistabbilixxi perkors għall-innovazzjoni tas-sistema għat-tibdil fil-klima u l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

7.4.

Is-suċċess tal-Patt Klimatiku se jkun parzjalment definit bil-ħila tal-intraprenditorija u n-negozji li jattiraw finanzjament b’għotjiet minn sorsi pubbliċi, filantropiċi u privati. Tali finanzjament għandu l-ambizzjoni li jindirizza l-fallimenti tas-suq li kkawżaw it-tibdil fil-klima, għandu r-rieda għal bidla li tfixkel u jista’ jilħaq skala sinifikanti. Il-Qafas ta’ Finanzjament Multilaterali tal-UE, fondi pubbliċi u privati Ewropej u internazzjonali xprunati mill-missjoni b’rieda li jixprunaw bidla sistemika fl-oqsma tal-mitigazzjoni u l-adattament tal-klima jistgħu jintużaw biex jimmobilizzaw biljuni ta’ azzjonijiet klimatiċi innovattivi. L-għan globali għandu jkun li jiġu ġġenerati r-riżorsi, l-esperjenza u l-kapaċità b’relazzjoni għal eżiti utli għat-tnaqqis fl-emissjonijiet u reżiljenza klimatika akbar li jistgħu jiġu mmultiplikati biex jaċċelleraw il-bidla u jiġġeneraw it-tama. Il-Patt Klimatiku għandu jilqa’ l-involviment tas-settur finanzjarju nazzjonali u internazzjonali, billi jinkludi l-fondi multilaterali u privati rilevanti. Barra minn hekk, is-sistema tat-taxxa għandha tirrifletti l-prinċipju tal-massimizzazzjoni u s-sostenn tal-ekonomija tal-benesseri.

7.5.

L-inkorporazzjoni ta’ spazji fiżiċi u virtwali għall-iskambji tal-klima f’assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili eżistenti, li jinteraġixxu permezz tal-Pjattaforma tal-Partijiet Interessati tal-Patt Klimatiku, għandha tiġi kkunsidrata wkoll.

7.5.1.

Fil-qasam tax-xogħol, ikun tajjeb li jitwaqqfu Osservatorji tal-Prospettiva, l-Analiżi u l-Interpretazzjoni tax-xogħol, il-bidliet organizzattivi u teknoloġiċi, li jkopru t-tmien gruppi tat-tassonomija, bil-parteċipazzjoni tat-trade unions, l-impjegaturi u l-amministrazzjonijiet, fil-livell Ewropew u tal-Istati Membri, b’appoġġ materjali mill-Kummissjoni.

8.   Il-bini tal-kapaċitajiet għall-iffaċilitar ta’ inizjattivi fil-livell lokali

8.1.

Il-qafas ġenerali għandu jiġi ddefinit b’mod ċar, sabiex jiġu evitati inkonsistenzi mal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

8.2.

L-isfidi globali identifikati l-aktar mill-atturi tas-soċjetà ċivili għall-involviment fl-azzjoni klimatika huma nuqqas ta’ aċċess għall-finanzjamenti; nuqqas ta’ għarfien espert; nuqqas ta’ persunal; u nuqqas ta’ rikonoxximent (14), kif ukoll in-nuqqas ta’ narrattiva konsistenti mill-UE u l-gvernijiet nazzjonali.

8.3.

Diversi partijiet interessati ilhom jindikaw ambjenti regolatorji u amministrattivi kumplessi bħala ostakli għal azzjoni klimatika mhux statali. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u inizjattivi mmexxija mill-komunità jistgħu jibbenefikaw minn sforzi fil-bini tal-kapaċitajiet li jgħinuhom jorjentaw ruħhom fl-ambjenti regolatorji u amministrattivi.

8.4.

L-għoti ta’ appoġġ kemm materjali (assistenza teknika, bini tal-kapaċitajiet, finanzjament, eċċ.) u mhux materjali (rikonoxximent, viżibbiltà akbar, eċċ.), kif ukoll l-iffaċilitar tan-networking u l-konnessjonijiet ma’ oqsma u proċessi tal-politika speċifiċi, għandhom ikunu elementi essenzjali ta’ Pjattaforma tal-Partijiet Interessati tal-Patt Klimatiku Ewropew li għandha l-għan li tistimula l-azzjoni klimatika fil-prattika.

8.5.

L-atturi mhux statali jistgħu jiffaċċjaw diversi sfidi fil-valutazzjoni tal-finanzjament għall-inizjattivi klimatiċi tagħhom, li jinkludu: rekwiżiti tad-daqs tal-proġett projbittivi, nuqqas ta’ rieda mill-investituri privati biex jiffinanzjaw il-proġetti, proċessi u rekwiżiti kkumplikati għall-applikazzjoni u l-aċċess għall-fondi (15). Ostakli oħra jinkludu nuqqas ta’ għarfien dwar l-għażliet ta’ finanzjament għall-klima, kapaċità amministrattiva u għarfien tekniku insuffiċjenti biex jiġu żgurati l-limitazzjonijiet ta’ finanzjament, baġitarji u regolatorji, l-iżgurar tal-bankabbiltà tal-investimenti potenzjali, il-limitazzjonijiet politiċi u d-diffikultajiet biex jiġu ssodisfati kriterji ta’ eleġibbiltà preskrittivi żżejjed għall-fondi tal-UE u dawk internazzjonali (16).

8.6.

Il-KESE ppropona l-istabbiliment ta’ Forum dwar il-Finanzjament għall-Klima, li jlaqqa’ flimkien lil partijiet interessati prinċipali biex jindirizzaw il-kwistjonijiet ewlenin, jidentifikaw l-ostakli, jiddisinjaw soluzzjonijiet u jidentifikaw l-aktar mekkaniżmi effiċjenti għal titjib fid-distribuzzjoni tal-finanzjament f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Għaddej studju (17) biex jiġi propost pjan ta’ azzjoni u biex, fl-aħħar mill-aħħar, jittejjeb l-aċċess tal-atturi klimatiċi mhux statali għall-finanzjament.

9.   Lejn Pjattaforma tal-Partijiet Interessati tal-Patt Klimatiku Ewropew

9.1.

Fid-dawl tal-esperjenzi pożittivi bil-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari, il-KESE jipproponi li tiġi stabbilita Pjattaforma tal-Partijiet Interessati tal-Patt Klimatiku Ewropew simili.

9.2.

L-inklużività, it-trasparenza u l-parteċipazzjoni ġenwina u s-sjieda mill-atturi klimatiċi lokali għandhom ikunu l-prinċipji ta’ gwida għall-Pjattaforma.

9.3.

Il-KESE talab biex it-tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli, newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju, u effiċjenti fir-riżorsi tkun ġusta u ma tħalli l-ebda unità domestika, komunità, reġjun, settur u minoranza tibqa’ lura (18). Il-Pjattaforma tal-Partijiet Interessati tal-Patt Klimatiku Ewropew għandha tinkludi Osservatorju tat-tranżizzjoni għan-newtralità klimatika biex jimmonitorja l-implimentazzjoni ta’ politika dwar it-tibdil fil-klima tal-UE fil-livell nazzjonali u reġjonali u biex jiġbor data bħala appoġġ għall-iżvilupp tal-politika fil-livell kollha.

9.4.

Il-KESE jappoġġja l-organizzazzjoni ta’ Assembleji taċ-Ċittadini fl-Istati Membri biex jinfurmaw, jispiraw u jrawmu l-fehim u biex jingħataw pariri lil-livelli kollha ta’ governanza fir-rigward tal-politiki dwar it-tibdil fil-klima. Il-Pjattaforma tal-Partijiet Interessati tal-Patt Klimatiku Ewropew tista’ tippromovi l-esperjenzi ta’ suċċess eżistenti u xxerred gwida u l-aħjar prattiki lill-pajjiżi, ir-reġjuni u l-bliet interessati li jospitaw assembleji simili.

9.5.

Il-Pjattaforma tal-Partijiet Interessati tal-Patt Klimatiku Ewropew tista’ tingħata l-kompitu li torganizza Assemblea taċ-Ċittadini fil-livell tal-UE ospitata b’mod konġunt mill-KESE, il-KtR u l-PE bl-appoġġ tal-Kummissjoni.

9.6.

Element essenzjali tal-Pjattaforma huwa li tkun ċentru li jibni l-kapaċitajiet u ċentru ta’ finanzjament, li jipprovdi gwida, informazzjoni u edukazzjoni dwar il-politiki u l-istrateġiji dwar il-klima kif ukoll jiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament għal proġetti fuq skala żgħira. Iċ-ċentru tal-UE kif ukoll iċ-ċentri nazzjonali jistgħu jiġu stabbiliti f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali.

9.7.

Il-pjattaforma online tal-Partijiet Interessati tal-Patt Klimatiku Ewropew isservi biex toħloq spazji għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-għarfien, billi tiffaċilita n-networking u l-bini ta’ impenji.

9.8.

Il-Pjattaforma tal-Partijiet Interessati tal-Patt Klimatiku Ewropew tkun teħtieġ l-istabbiliment ta’ grupp ta’ koordinazzjoni magħmul minn rappreżentanti ta’ diversi atturi. L-għażla tal-membri tal-grupp ta’ koordinazzjoni se teħtieġ kriterji trasparenti u ċari sabiex tiġi żgurata l-inklużività u r-rappreżentanza, filwaqt li tinżamm governanza effiċjenti tal-istruttura. Għandhom jiġu rrappreżentati l-partijiet interessati li ġejjin: l-istituzzjonijiet tal-UE, is-soċjetà ċivili, inklużi n-negozju, it-trade unions, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-komunità tax-xjenza, il-komunità ta’ finanzjament u ż-żgħażagħ. Il-partijiet interessati mill-istituzzjonijiet u s-setturi b’inqas riżorsi għandhom jingħataw biżżejjed riżorsi biex jipparteċipaw u jkollhom rwol fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

Brussell, is-16 ta’ Lulju 2020.

Luca JAHIER

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Network ta’ Soluzzjonijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, Six Transformations to achieve the Sustainable Development Goals (Sitt trasformazzjonijiet biex jinkisbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli — mhux disponibbli bil-Malti)

(2)  Ir-rapporteur tal-Parlament Ewropew dwar il-Liġi Ewropea dwar il-Klima (COM(2020)0080), Jytte Guteland, qed tipproponi li l-mira klimatika tal-Unjoni għall-2030 tiżdied għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ 65 % meta mqabbel mal-livelli tal-1990. Konsegwentement, il-Kummissjoni, sat-30 ta’ Ġunju 2021, għandha tivvaluta kif il-leġislazzjoni tal-Unjoni li timplimenta l-mira ogħla tkun teħtieġ tiġi emendata kif imiss.

(3)  Rapport dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet 2019

(4)  Ir-Rapport dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet tal-2019 tal-UNEP, jindika li l-emissjonijiet globali jeħtieġ li jitnaqqsu b’7,6 % fis-sena, mil-lum, sabiex it-tisħin globali jiġi limitat għal 1,5 oC. Skont il-kalkoli għall-UE, dan ifisser tnaqqis ta’ 68 % sal-2030 meta mqabbel mal-livelli tal-2030.

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar L-ekonomija sostenibbli li neħtieġu (ĠU C 106, 31.03.2020, p. 1).

(6)  L-ekonomija għall-benesseri — fergħa tal-ekonomija li tfittex li tevalwa l-politiki ekonomiċi f’termini tal-effetti tagħhom fuq il-benesseri tal-komunità. Matul is-seklu 20, ġiet stabbilita bħala fergħa definita sew tat-teorija ekonomika.

(7)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-promozzjoni ta’ azzjonijiet klimatiċi minn atturi mhux statali (ĠU C 227, 28.6.2018, p. 35).

(8)  Opinjoni tal-KESE dwar Strateġija għat-tnaqqis fit-tul tal-emissjonijiet ta’ gass serra tal-UE (ĠU C 282, 20.8.2019, p. 51).

(9)  Proposti diġà fl-Opinjoni tal-KESE dwar Il-ħolqien ta’ koalizzjoni tas-soċjetà ċivili u tal-awtoritajiet lokali sottonazzjonali biex jiġu ssodisfati l-impenji tal-Ftehim ta’ Pariġi (ĠU C 389, 21.10.2016, p. 20).

(10)  https://www.thersa.org/discover/publications-and-articles/rsa-blogs/2018/07/our-call-for-action-on-deliberative-democracy.

(11)  https://www.conventioncitoyennepourleclimat.fr/en/.

(12)  Il-programm “Deep Demonstrations” tal-Climate-KIC tal-EIT jirrappreżenta “vantaġġ fit-tkabbir” ekonomiku potenzjali mill-aktar “sidien ta’ sfidi” ambizzjużi tal-Ewropa biex jifhmu l-“ispazju tal-problema” tagħhom u d-“disinjaturi” biex ifasslu s-sistema u joħolqu portafoll ta’ pożizzjonijiet ta’ intervent.

(13)  Opinjoni tal-KESE dwar Dokument ta’ Riflessjoni “Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030”; Opinjoni tal-KESE dwar Il-ġustizzja klimatika (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 22).

(14)  Studju tal-KESE.

(15)  Opinjoni tal-KESE dwar L-iffaċilitar tal-aċċess għall-finanzjament għall-klima għal atturi mhux statali (ĠU C 110, 22.03.2019, p. 14).

(16)  Rossi, L., Gancheva, M. and O'Brien, S., 2017.

(17)  Climate Finance Forum — modalities and first tasks (Forum dwar il-Finanzjament għall-Klima — modalitajiet u l-ewwek kompiti), Studju għall-KESE minn Milieu Consulting SPRL.

(18)  Opinjoni tal-KESE dwar Ħadd ma jitħalla jibqa’ lura meta tiġi implimentata l-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030 (ĠU C 47, 11.2.2020, p. 30).