28.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 364/116


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar (a) “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ azzjoni fit-tul għal implimentazzjoni u infurzar aħjar tar-regoli tas-suq uniku”

(COM(2020) 94 final)

u (b) “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-ostakli għas-Suq Uniku”

(COM(2020) 93 final)

(2020/C 364/16)

Relatur:

Gerardo LARGHI

Korelatur:

Gonçalo LOBO XAVIER

Konsultazzjoni

(a)

Kummissjoni Ewropea, 22.4.2020

(b)

Kummissjoni Ewropea, 22.4.2020

Bażi legali

(a) u (b) Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Is-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

25.6.2020

Data tal-adozzjoni fis-sessjoni plenarja

16.7.2020

Sessjoni plenarja Nru

553

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

212/2/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja l-Pjan ta’ azzjoni fit-tul għal implimentazzjoni u infurzar aħjar tar-regoli tas-suq uniku (1) tal-Kummissjoni.

1.2.

Il-KESE lest jappoġġja u japprova l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar L-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-ostakli għas-Suq Uniku (2).

1.3.

Il-KESE jemmen li għal wisq żmien, l-applikazzjoni insuffiċjenti jew inadegwata tar-regoli tal-UE kienet il-punt debboli tad-dritt tal-Unjoni, u li għalhekk ħafna każijiet ta’ frodi u mġiba illegali ma ġewx indirizzat. L-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija essenzjali sabiex tinbena l-fiduċja tan-negozji u tal-konsumaturi u biex jiġi żgurat li s-suq uniku joffri l-potenzjal sħiħ tiegħu lin-negozji, lill-impjegati u lill-konsumaturi.

1.4.

Il-KESE jemmen li biex tkun effettiva, strateġija ta’ implimentazzjoni trid: 1) tkun ibbażata fuq sħubija b’saħħitha li tinvolvi lill-partijiet interessati rilevanti kollha; 2) tippermetti kooperazzjoni akbar fil-livell Ewropew bejn in-networks ta’ infurzar eżistenti sabiex tiżgura li jiġu indirizzati l-problemi li jaffettwaw diversi setturi fl-istess ħin; 3) tiżviluppa strateġiji u mezzi sabiex jindirizzaw ksur wiesa’ fl-UE, fejn tkun tista’ tittieħed azzjoni unika, effettiva u trasparenti ta’ infurzar biex jiġu protetti l-partijiet interessati kollha u jiġi żgurat infurzar transnazzjonali tal-liġi; 4) tuża l-potenzjal tat-teknoloġiji l-ġodda.

1.5.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fil-pjan ta’ azzjoni tinkludi rwol definit ċar għall-atturi tas-soċjetà ċivili, l-imprendituri, il-ħaddiema, u l-konsumaturi.

1.6.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-idea tal-Kummissjoni Ewropea li tittrasforma s-SOLVIT f’għodda awtomatika effettiva għall-ostakli mhux ġustifikati fis-suq uniku, iżda huwa importanti li s-SOLVIT ikun attrezzat bi proċedura aktar strutturata biex każijiet importanti jiġu riferuti lill-Kummissjoni u jaħdem fis-setturi u l-oqsma kollha tal-politika.

1.7.

Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva ffukata biex jittejbu l-valutazzjonijiet ex ante tar-regolamentazzjoni restrittiva fil-kuntest tad-Direttiva dwar it-Test tal-Proporzjonalità (3). L-involviment tal-partijiet interessati waqt “l-ittestjar tal-proporzjonalità” għandu jkun in-norma aktar milli l-eċċezzjoni.

1.8.

Il-Gateway Diġitali Unika huwa mod wieħed kif jiġu akkomodati b’mod diġitali l-ħtiġijiet tan-negozji u l-konsumaturi għal informazzjoni online. Il-punti uniċi ta’ kuntatt ser jiġu integrati malajr fil-Gateway Diġitali Unika, biex b’hekk il-kumpaniji u l-konsumaturi jkunu jistgħu jirreferu għal post wieħed biss għall-assistenza u l-informazzjoni.

1.9.

Il-KESE jappoġġja s-sejħa tal-Kummissjoni biex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw il-proposta dwar l-infurzar tad-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern, li tistabbilixxi l-proċedura ta’ notifika għal skemi ta’ awtorizzazzjoni u r-rekwiżiti relatati ma’ servizzi (4).

1.10.

Il-Kumitat jenfasizza li l-kriżi marbuta mat-tixrid tal-COVID-19 tinvolvi riskji serji għas-suq uniku, jiġifieri li d-differenzi bejn il-pajjiżi tal-UE f’termini ta’ żvilupp ekonomiku, garanziji soċjali u livelli ta’ prosperità jistgħu jiżdiedu wara li tintemm il-pandemija.

1.11.

Il-Kumitat jinnota li minkejja l-kisbiet reali tas-suq uniku, in-negozji u l-konsumaturi għadhom jirrappurtaw li għad fadal wisq ostakli.

1.12.

Il-KESE jaqbel mal-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni, li jgħid li “biex jingħelbu l-ostakli eżistenti tas-suq uniku, se jkun essenzjali li jkun hemm sħubija reali bejn l-atturi differenti responsabbli għall-implimentazzjoni u għall-infurzar fil-livell Ewropew u f’dak tal-Istati Membri”.

1.13.

Il-KESE għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tuża l-Istrateġija l-ġdida għall-Infurzar tas-Suq Uniku biex tibni qafas kollaborattiv b’saħħtu li jinkludi lill-partijiet interessati kollha attivi fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fost affarijiet oħra, l-organizzazzjonijiet għandhom ikunu involuti b’mod sħiħ fil-ħidma tat-Task Force mħabbra għall-Infurzar fis-Suq Uniku, li għandha sservi bħala forum biex jiġu diskussi kwistjonijiet ta’ infurzar orizzontali.

1.14.

Il-KESE jemmen li l-infurzar huwa essenzjalment problema orizzontali u għalhekk m’għandux jiġi indirizzat b’mod kompartimentalizzat. Huwa essenzjali li jiġi organizzat u ssemplifikat aħjar il-fluss tax-xogħol bejn in-networks differenti tal-infurzar u li jiġi ffaċilitat l-iskambju tagħhom ta’ informazzjoni u ta’ prattiki tajba.

1.15.

Ir-Regolament dwar Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi għen biex jinbena pont bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi permezz ta’ rikonoxximent aħjar tal-kooperazzjoni tagħhom. Madankollu, filwaqt li huwa pożittiv, dan il-qafas għadu inkomplet u jirrikjedi aktar titjib, pereżempju fil-ħeffa tar-rispons għat-twissijiet miċ-ċittadini.

1.16.

Il-KESE jemmen li d-data u l-intelliġenza artifiċjali jistgħu jintużaw biex jgħinu fil-monitoraġġ tas-swieq. Għalhekk huwa jqis li dawn l-għodod diġitali għandhom jiġu żviluppati fil-livell tal-UE u jiġu kondiviżi mill-partijiet interessati kollha.

1.17.

L-awtoritajiet tal-infurzar illum qegħdin jiffaċċjaw proliferazzjoni ta’ prattiki diżonesti fis-suq uniku, filwaqt li l-ħidma tagħhom ta’ spiss hija soġġetta għal limitazzjonijiet baġitarji stretti. F’dan il-kuntest, il-Kumitat jitlob użu aħjar tar-riżorsi skarsi, koordinazzjoni aħjar bejn in-networks eżistenti, l-iżvilupp ta’ sinerġiji ġodda bejn l-atturi kollha, u għodod ġodda bbażati fuq teknoloġiji ġodda li jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni.

2.   Rigward il-Komunikazzjoni — Pjan ta’ azzjoni fit-tul għal implimentazzjoni u infurzar aħjar tar-regoli tas-suq uniku (COM (2020) 94 final) — INT/899

2.1.   L-isfidi għas-suq uniku

2.1.1.

Is-suq uniku huwa fil-qalba tal-proġett Ewropew u għamel il-ħajja tal-konsumaturi u tan-negozji Ewropej aktar faċli. Suq uniku effiċjenti għandu jippermetti liċ-ċittadini tal-UE jgawdu minn għażla aktar wiesgħa ta’ servizzi u prodotti u minn opportunitajiet aħjar ta’ impjieg. Is-suq uniku għandu jistimula l-kummerċ u l-kompetizzjoni u huwa fundamentali biex jinkisbu t-trasformazzjonijiet ekoloġiċi, industrijali u diġitali tal-UE.

2.1.2.

Sabiex jinkiseb dan, l-Ewropa jeħtieġ li tistabbilixxi prijoritajiet ibbażati fuq kriterji u tipproċedi fuq il-bażi ta’ kriterji stabbiliti sewwa lejn gwida politika ċara, li tagħti prijorità assoluta lin-nies.

2.1.3.

Biex issaħħaħ il-kooperazzjoni fl-infurzar tar-regoli tas-suq uniku, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tħabbar l-istabbiliment ta’ Task Force għall-Infurzar fis-Suq Uniku (SMET), li r-rwol tagħha huwa li tivvaluta l-istat ta’ konformità tal-liġi nazzjonali mar-regoli tas-suq uniku, billi tagħti prijorità lill-ostakli l-aktar urġenti, tindirizza r-regolamentazzjoni eċċessiva, tiddiskuti kwistjonijiet ta’ infurzar orizzontali, u timmonitorja l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni propost. F’dan ir-rigward, is-SMET għandha tistabbilixxi kriterji ċari biex jiġi deċiż liema huma l-aktar ostakli urġenti skont il-valur ekonomiku tagħhom.

2.1.4.

Il-Kummissjoni beħsiebha wkoll tuża mekkaniżmi ta’ prevenzjoni biex: tevita ostakli ġodda għall-forniment ta’ servizzi fis-suq uniku; ittejjeb il-kapaċità ta’ sejbien ta’ nuqqas ta’ konformità; tistabbilixxi pjattaforma għall-infurzar onlajn (laboratorju ta’ infurzar elettroniku) biex taqsam informazzjoni dwar prodotti industrijali u tal-konsumatur illegali u mhux konformi; tistabbilixxi punt ta’ dħul ta’ informazzjoni uniku Ewropew għall-awtoritajiet għall-kontrolli fuq prodotti mhux alimentari u t-Tieqa Unika Doganali li jmiss; tiżgura li s-sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) issir l-istrument prestabbilit; toħloq għodda li tippermetti lill-individwi u lin-negozji jirrappurtaw b’mod anonimu dwar l-ostakli regolatorji li jiltaqgħu magħhom fl-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom tas-suq intern; ittejjeb l-infurzar fir-rigward tal-leġislazzjoni agroalimentari tal-UE (inkluża s-saħħa tal-annimali u tal-pjanti); tivvaluta l-integrazzjoni tal-istrutturi eżistenti (bħan-Network ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, in-Network tal-UE għall-Konformità tal-Prodotti jew l-Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali) u laboratorju ffinanzjat taħt il-Programm għas-Suq Uniku jew il-Programm Ewropa Diġitali biex jittestja u japplika soluzzjonijiet avvanzati tal-IT; issaħħaħ il-ġlieda kontra l-prodotti foloz u illegali, inklużi l-prodotti illeċiti magħmula jew assemblati fl-UE minn komponenti impurtati, u testendi l-mandat attwali tal-OLAF; issaħħaħ l-infurzar fil-katina agroalimentari; tiżviluppa sistemi ta’ tikkettar u traċċabilità billi tippromovi l-użu ta’ għodod diġitali biex tippermetti kontrolli aktar immirati fil-fruntieri esterni u fl-UE; tagħmel SOLVIT l-għodda prestabbilita għas-soluzzjoni tat-tilwim tas-suq uniku; tissemplifika l-proċess għall-immaniġġar tal-każijiet, twettaq rieżami preliminari tal-ilmenti fi żmien xahrejn sabiex jiġu stabbiliti l-passi li jmiss; u tuża s-sistema tal-EU Pilot skont kundizzjonijiet u skedi ta’ żmien ċari għall-każijiet fejn tkun tidher li tista’ tintlaħaq soluzzjoni rapida fi żmien qasir.

2.2.   Kummenti ġenerali

2.2.1.

Il-KESE jqis li t-tlestija u l-infurzar effettiv tas-suq uniku huma tal-akbar importanza, billi huwa mezz biex jintlaħqu l-objettivi politiċi mnaqqxa fid-dokumenti fundaturi tal-Unjoni Ewropea, pjuttost milli tmiem fih innifsu.

2.2.2.

L-ostakli prinċipali identifikati fil-Komunikazzjoni huma: l-għażliet regolatorji fil-livell nazzjonali u tal-UE; it-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġislazzjoni; il-kapaċità u l-prattika amministrattiva fl-Istati Membri; l-ambjent ġenerali tan-negozju u tal-konsumatur; u kawżi sottostanti mhux relatati mal-ordni pubbliku, bħal-lingwa jew il-kultura.

2.2.3.

Is-SOLVIT isir l-għodda awtomatika: il-KESE jappoġġja l-għan li jiġi żgurat li l-proċeduri tas-SOLVIT isiru l-għodda awtomatika għal ostakli mhux ġustifikati fis-suq uniku. Madankollu, għandha biss id-djalogu u s-setgħa ta’ perswazjoni għad-dispożizzjoni tagħha; barra minn hekk ma tistax tintuża b’mod parallel mal-litigazzjonijiet. Is-sistema tas-SOLVIT teħtieġ proċedura aktar strutturata biex tirreferi każijiet importanti lill-Kummissjoni. Fl-istess ħin, huwa importanti li s-SOLVIT taħdem fis-setturi u l-oqsma ta’ politika kollha.

2.2.4.

Tintlaqa’ tajjeb il-miżura biex jittejbu l-valutazzjonijiet ex ante tar-regolamentazzjoni restrittiva fil-kuntest tad-Direttiva dwar it-Test tal-Proporzjonalità (5). Madankollu, il-Kummissjoni għandha tipprovdi assistenza strutturata u toħroġ gwida lill-Istati Membri dwar kif għandhom iwettqu l-valutazzjonijiet ex ante tal-proporzjonalità tar-regolamentazzjoni nazzjonali l-ġdida tal-professjonijiet skont id-Direttiva dwar it-Test tal-Proporzjonalità. Barra minn hekk, l-involviment tal-partijiet interessati waqt “l-ittestjar tal-proporzjonalità” għandu jkun in-norma aktar milli l-eċċezzjoni.

2.2.5.

Il-ksib tal-informazzjoni u l-proċeduri amministrattivi: il-Gateway Diġitali Unika hija mod kif b’mod diġitali jiġu akkomodati l-ħtiġijiet tan-negozji u tal-konsumaturi għal informazzjoni online, iżda skont il-leġislazzjoni eżistenti tas-suq uniku, l-Istati Membri jridu jinfurmaw ukoll lill-kumpaniji permezz ta’ punti uniċi ta’ kuntatt. Diversi biċċiet tal-leġislazzjoni tal-UE jipprevedu ċ-ċentralizzazzjoni tal-punti uniċi ta’ kuntatt. Dawn ser jiġu integrati malajr fil-Gateway Diġitali Unika, biex b’hekk il-kumpaniji u l-konsumaturi jkunu jistgħu jirreferu għal post wieħed biss għall-assistenza u l-informazzjoni. In-negozji għandhom jirċievu biss tweġiba waħda u kkoordinata.

2.2.6.

L-UE attwalment qed tiġi mheżża kemm minn fatturi esterni bħall-pandemija li għaddejja bħalissa, li kkawżat bosta mwiet u żergħet il-paniku, u xeħtet lill-ekonomija kollha tal-UE f’reċessjoni, kif ukoll minn fatturi interni bħan-nuqqas ta’ dik iż-żieda fis-solidarjetà li wasslet għat-twelid tal-Unjoni. Għalhekk qegħdin nistaqsu lilna nfusna x’inhu meħtieġ biex jiġi stabbilit suq uniku li ma jkunx biss eżerċizzju tekniku u leġislattiv, b’kunsiderazzjoni mill-ġdid tal-mudell sħiħ tal-proġett Ewropew. Huwa assolutament raġonevoli li nistaqsu jekk Ewropa magħquda — kif xi wħud immaġinaw, bosta tħabtu biex jibnu u oħrajn impenjaw ruħhom biex jeqirdu biċċa biċċa, tal-anqas mir-rifjut tal-kostituzzjoni tal-UE — hix se tkun għadha teżisti fl-2050 u lil hinn bħala mudell ta’ libertà, xempju ta’ kultura, promotur tal-paċi, tappoġġja r-rieda tajba bejn il-popli u tiddefendi l-opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa f’dinja mingħajr diskriminazzjoni jew ostakli.

2.2.7.

Dan ta’ hawn fuq huwa aktar minnu f’dan iż-żmien partikolarment diffiċli, meta l-Ewropa qed tiġi ffaċċjata minn kriżi fit-tul li hija sistemika pjuttost milli sempliċement ikkawżata mill-istat attwali tal-ekonomija: din mhijiex biss kriżi ekonomika u finanzjarja, iżda wkoll kriżi tal-valuri soċjali u kulturali. Għadd tajjeb ta’ ċittadini jemmnu li l-unika soluzzjoni kredibbli hija li jitwarrab l-approċċ purament monetarju u ekonomiku favur Unjoni ġenwinament politika.

2.2.8.

Il-KESE jemmen li l-kriżi tal-COVID-19, li affettwat lill-pajjiżi Ewropej kollha, tappella biex terġa’ tiġi kkunsidrata s-sistema kollha, mhux biss f’sens organizzattiv iżda wkoll sabiex jiġu ġġenerati ideat ġodda u jitfasslu mudelli ġodda ta’ negozju.

2.2.9.

Is-sistemi tal-protezzjoni ċivili ma ħadmux f’kull pajjiż biex jindirizzaw il-kriżi. Għall-kuntrarju, f’ħafna postijiet dawk is-sistemi fallew: la l-gvernijiet ċentrali, la l-muniċipalitajiet u lanqas iċ-ċittadini ma wrew li kienu lesti għal emerġenza, u r-risposti ħafna drabi kienu bil-mod u jiswew il-flus, u xi drabi jħawdu ’l dak li jkun.

2.2.10.

Deher ċar li f’xi oqsma l-Ewropa tiddependi minn pajjiżi terzi, sitwazzjoni li tirrikjedi kunsiderazzjoni mill-ġdid ta’ ċerti pedamenti tal-Unjoni Ewropea, li trid turi kapaċità li tirreaġixxi u tirriorganizza lilha nnifisha. L-akkwist muniċipali, reġjonali u mill-Istat, u l-appoġġ għall-fornituri lokali, se jirrikjedu attenzjoni partikolari: l-akkwist pubbliku jrid isir garanzija tas-sigurtà ekonomika.

2.2.11.

L-istandardizzazzjoni mmexxija mis-suq għandha rwol importanti taħt l-“approċċ il-ġdid”, applikat mhux biss għall-prodotti iżda wkoll għas-servizzi.

2.2.12.

Għandu jkun hemm valutazzjoni preċiża tal-ħtieġa għall-miżuri li għandhom jiġu adottati, u tal-effiċjenza u l-impatt tagħhom, sabiex fir-regolamentazzjoni tas-servizzi, dawk rilevanti għas-suq uniku jiġu distinti minn servizzi oħra.

2.2.13.

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni dwar l-importanza tal-miżuri kollha maħsuba biex jippromovu l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-dritt tal-Unjoni fis-suq uniku. Oqsma bħall-prodotti u s-servizzi, l-akkwist pubbliku, is-sorveljanza tas-suq, id-dritt tal-kumpaniji, id-dritt kuntrattwali u ekstrakuntrattwali, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-moviment liberu tal-kapital, is-servizzi finanzjarji, il-kompetizzjoni u l-iżvilupp ta’ għodod għall-governanza, kollha jirrikjedu b’mod urġenti l-istabbiliment ta’ suq uniku li jħares id-drittijiet tal-individwi, il-produtturi, il-ħaddiema u l-konsumaturi, mingħajr ma jimmina l-attività ekonomika bbilanċjata.

2.2.14.

Il-KESE jitlob li suq uniku ġust iqis il-ħtieġa li jiġu rrispettati r-regoli tax-xogħol, tal-konsumatur u dawk ambjentali, f’konformità mal-Istrateġija Industrijali għall-Ewropa, li għadha kemm ġiet proposta (6) kif ukoll mal-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari stabbiliti fil-programm tal-Kummissjoni. Il-KESE diġà approva b’mod sħiħ dawn il-prinċipji u jqis li l-Ewropa għandha tassumi t-tmexxija f’dan il-qasam.

2.2.15.

Il-KESE jappoġġja d-deċiżjoni li titwaqqaf Task Force għall-Infurzar fis-Suq Uniku, magħmula mill-Istati Membri u l-Kummissjoni, f’konformità mal-proposti u r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-KESE f’għadd ta’ okkażjonijiet (7).

2.2.16.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġi miġġieled kull każ waħdieni ta’ regolamentazzjoni eċċessiva u infurzar skorrett tar-regoli, li ħafna drabi mminaw il-funzjonament xieraq tas-suq. Il-KESE jitlob bil-qawwa li jiġi rappreżentat f’dan it-task force, tal-anqas bħala osservatur.

2.2.17.

Kif diġà ntqal f’bosta mill-Opinjonijiet preċedenti tiegħu (8), il-KESE jaqbel li l-Kummissjoni tidentifika r-riskji u d-dewmien fit-tlestija tas-suq uniku marbuta mal-frammentazzjoni tas-suq, id-diskrepanzi fir-regoli infurzabbli, l-inċertezza rigward il-kunfidenzjalità tad-data, l-użu mingħajr skrupli u mhux dejjem kontrollabbli tan-networks tal-IT, u l-fatt li s-servizzi illegali huma disponibbli onlajn, prinċipalment minħabba n-nuqqas ta’ infurzar permezz ta’ tassazzjoni u penali mill-partijiet rilevanti tal-Kummissjoni. Il-KESE jirrakkomanda li d-DĠ tal-Kummissjoni jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet abbażi ta’ approċċ trasversali.

2.2.18.

Il-KESE jiddispjaċih li l-liġijiet tal-UE għadhom mhumiex qed jiġu infurzati b’mod effettiv. Iċ-ċittadini Ewropej jeħtieġ li jkollhom id-dritt għal azzjoni kollettiva sinifikanti fil-livell Ewropew, li għandha tiġi introdotta b’mod ċar u fil-pront; dan jgħin bil-bosta biex tiġi garantita, bħala l-aħħar soluzzjoni, ir-responsabbiltà għan-nuqqas ta’ konformità mar-regoli Ewropej u b’hekk jikkontribwixxi għall-konformità volontarja ma’ dawk ir-regoli (9).

2.2.19.

Il-KESE jenfasizza li ħafna drabi l-Istati Membri nnifishom kisru r-regoli maqbula tas-suq uniku jew ħolqu u ttolleraw ostakli fil-liġi nazzjonali, bil-għan li joħolqu protezzjoni addizzjonali fis-suq tagħhom u jiksbu vantaġġi għan-negozji nazzjonali. Il-kisbiet ħafna drabi jkunu għal żmien qasir ħafna, iżda dan jagħmel ħsara lill-SMEs u lin-negozji ġodda, flimkien mal-individwi u l-konsumaturi li jitpoġġew f’riskju minn prodotti mhux konformi jew ikollhom inqas għażla.

2.2.20.

Għal din ir-raġuni, il-KESE jappoġġja s-sejħa tal-Kummissjoni biex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw il-proposta għal Direttiva dwar in-notifika ta’ regoli nazzjonali skont id-Direttiva dwar is-Servizzi (10). Madankollu, il-ftehim ma għandux idgħajjef id-Direttiva eżistenti dwar is-Servizzi permezz ta’ eżenzjonijiet mill-obbligu ta’ notifika fir-rigward tar-restrizzjonijiet territorjali (inkluż l-ippjanar spazjali urban) jew billi lill-Kummissjoni jitneħħewlha s-setgħat attwali tagħha fit-teħid ta’ deċiżjonijiet.

2.3.   Kummenti speċifiċi

2.3.1.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tas-suq uniku jfisser li l-UE hija kapaċi toħloq sistema kummerċjali multilaterali, miftuħa, mhux diskriminatorja u bbażata fuq ir-regoli. In-negozji ta’ pajjiżi terzi jridu jikkonformaw mar-regoli tal-UE biex jiksbu aċċess għas-suq uniku, inklużi f’oqsma bħalma huma s-saħħa, l-ambjent, is-sigurtà tal-ikel u tal-prodotti, u l-protezzjoni tal-konsumatur.

2.3.2.

Il-KESE japprova d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tgħaqqad flimkien għodod li diġà huma fis-seħħ sabiex jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ suq uniku permezz ta’ għodod ġodda (bħal punt ta’ informazzjoni ċentrali li l-impjegati taċ-ċivil fl-Istati Membri jistgħu jirreferu għalih jekk ikollhom mistoqsijiet prattiċi, pjattaformi għall-iskambji mal-Istati Membri bħal dik użata għad-Direttivi dwar l-Akkwisti Pubbliċi, u aċċess imtejjeb għall-informazzjoni dwar ir-regoli u r-rekwiżiti għall-utenti permezz tal-Gateway Diġitali Unika).

2.3.3.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni żżid gwida dwar il-prinċipji li ġejjin:

(a)

is-sussidjarjetà u s-“sussidjarjetà doppja”;

(b)

ir-rikonoxximent reċiproku;

(c)

l-innovazzjoni u l-prekawzjoni;

(d)

l-interess ġenerali fir-rigward ta’ ċerti servizzi (eż. is-servizzi bankarji u l-assigurazzjoni).

2.3.4.

Il-KESE jaqbel mad-deċiżjoni ta’ konċentrazzjoni fuq l-akkwist pubbliku. L-amministraturi u l-benefiċjarji tal-fondi tal-UE jridu jiġu megħjuna jtejbu l-prattiki tagħhom fir-rigward tal-akkwisti pubbliċi, sabiex jiżguraw kundizzjonijiet ekwi u jużaw l-akkwist bħala għodda strateġika biex jiġu segwiti objettivi ta’ politika ewlenin, bħall-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari.

3.   Rigward il-Komunikazzjoni L-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-ostakli għas-Suq Uniku (COM (2020) 93 final) — INT/908

3.1.   L-ostakli għas-suq uniku

3.1.1.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni biex jiġu identifikati u mneħħija l-ostakli għas-suq uniku tiffoka fuq it-13-il ostaklu prinċipali, li juri li dawn mhumiex biss regolatorji jew amministrattivi, iżda wkoll prattiċi. In-negozji u l-konsumaturi li joperaw fl-UE ħafna drabi jiffaċċjaw diversi limitazzjonijiet fl-istess ħin. Dan jirrigwarda b’mod partikolari lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), il-professjonisti u l-konsumaturi.

3.1.2.

Sabiex tipproponi soluzzjonijiet possibbli fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, il-Komunikazzjoni tidentifika ħames kawżi ewlenin: l-għażliet regolatorji fil-livell nazzjonali u tal-UE; it-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġislazzjoni; il-kapaċità u l-prattiki amministrattivi fl-Istati Membri; l-ambjent ġenerali tan-negozju u tal-konsumatur; u kawżi prinċipali mhux relatati mal-ordni pubbliku, bħal-lingwa u l-kultura.

3.1.3.

Xi drabi jidher li l-Istati Membri jiksru r-regoli maqbula tas-suq uniku jew joħolqu u jittolleraw ostakli fil-liġi nazzjonali, bil-għan li joħolqu protezzjoni addizzjonali fis-suq tagħhom u jiksbu vantaġġi għan-negozji nazzjonali.

3.2.   Kummenti ġenerali

3.2.1.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tidentifika l-ostakli ewlenin li fadal għal suq uniku reali. Dawn l-ostakli mhumiex biss regolatorji jew amministrattivi, iżda wkoll prattiċi, li jfisser li n-negozji u l-konsumaturi li joperaw fl-UE ħafna drabi jiffaċċjaw diversi limitazzjonijiet fl-istess ħin. Dan għandu impatt negattiv b’mod partikolari fuq l-SMEs u l-professjonisti liberi.

3.2.2.

Il-KESE jemmen li strateġija ta’ implimentazzjoni effettiva trid: 1) tkun ibbażata fuq sħubija b’saħħitha li tinvolvi lill-partijiet interessati kollha; 2) tippermetti kooperazzjoni akbar fil-livell Ewropew bejn in-networks ta’ infurzar eżistenti sabiex tiżgura li l-ksur jiġi individwat u problemi kumplessi li jaffettwaw diversi setturi fl-istess ħin jiġu indirizzati; 3) tiżviluppa strateġiji u mezzi sabiex jindirizzaw b’mod effiċjenti ksur fuq skala kbira tar-regoli tal-UE, fejn tkun tista’ tittieħed azzjoni unika ta’ infurzar biex jiġu protetti l-partijiet interessati kollha u jiġi żgurat infurzar transnazzjonali tal-liġi; 4) tuża l-potenzjal tat-teknoloġiji l-ġodda sabiex tippromovi azzjonijiet ta’ infurzar aktar effiċjenti u sorveljanza aktar mill-qrib tas-suq.

3.2.3.

Il-KESE jemmen li għal wisq żmien l-applikazzjoni insuffiċjenti jew inadegwata tar-regoli tal-UE kienet il-punt debboli tad-dritt tal-Unjoni u dan kien ifisser li ħafna każijiet ta’ frodi u prattiki illegali ma ġewx indirizzati. L-infurzar b’saħħtu tad-dritt tal-Unjoni huwa essenzjali sabiex tinbena l-fiduċja tal-konsumatur u sabiex jiġi żgurat li n-negozji, l-impjegati u l-konsumaturi jużaw il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku.

3.2.4.

Id-dannu kkawżat lis-suq uniku mill-kriżi tal-COVID-19 se jamplifika d-dannu kkawżat mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. Dan jista’ jfisser li meta l-pandemija tintemm, id-differenzi bejn il-pajjiżi tal-UE f’termini ta’ żvilupp ekonomiku, garanziji soċjali u livelli ta’ prosperità se jiżdiedu, b’konsegwenzi għas-suq uniku u l-iżvilupp tiegħu.

3.2.5.

Il-KESE jemmen li s-sitwazzjoni attwali tista’ twassal biex is-suq uniku jiġi ridott għal sempliċi żona ta’ kummerċ ħieles – mhux ir-riżultat naturali ta’ proġett politiku sovranazzjonali iżda sempliċement l-inqas denominatur komuni tal-interessi nazzjonali tal-pajjiżi.

3.2.6.

Il-KESE għalhekk jappella lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kkonċernati biex jinformaw b’mod ċar liċ-ċittadini Ewropej dwar il-limitazzjonijiet tas-suq uniku sabiex ikollhom idea realistika ta’ x’jistgħu fil-fatt jistennew mit-twettiq u l-infurzar tiegħu. Dan jagħmilha importanti li ma jiġux imposti la miżuri li jistgħu jkunu superfluwi u mhux ġustifikati u li fir-realtà joħolqu biss ostakli għall-operat tan-negozji, b’mod partikolari l-SMEs (11), inklużi l-professjonijiet liberi, u lanqas armonizzazzjoni sħiħa, li mhijiex difensibbli minħabba li prinċipji oħra jridu jieħdu l-preċedenza, pereżempju d-drittijiet tal-konsumatur u l-protezzjoni tal-konsumatur. Is-suq uniku jrid jirrifletti l-prinċipju tas-saħħa fid-diversità, li għandu jkun fundamentali fil-politika Ewropea flimkien mal-armonizzazzjoni.

3.2.7.

L-istandardizzazzjoni għandha rwol importanti taħt l-“approċċ il-ġdid”, applikat mhux biss għall-prodotti iżda wkoll għas-servizzi.

3.2.8.

Pjan fit-tul bħal dak imfassal mill-Kummissjoni sabiex jitneħħew l-ostakli li fadal huwa impenn ambizzjuż u ta’ min ifaħħru, iżda jrid ikun akkumpanjat minn investiment sostanzjali fi proċessi ta’ informazzjoni, twissija, tagħlim, taħriġ, integrazzjoni u standardizzazzjoni.

3.3.   Id-dimensjoni soċjali tas-suq uniku

3.3.1.

Il-KESE jitlob għal darb’oħra lill-Kummissjoni biex tqis id-dimensjoni soċjali tal-UE bil-għan li tippromovi l-ħolqien ta’ impjiegi effettivi u ta’ kwalità tajba, tippromovi l-mobilità transkonfinali, ittejjeb il-kapaċitajiet u l-ħiliet, u żżid l-investiment f’dawk l-SMEs li jħossu li huma partikolarment limitati mir-regoli imposti mill-UE u jibbenefikaw l-anqas mill-istatus quo. Għal din ir-raġuni, il-KESE jilqa’ l-adozzjoni tal-istrateġija tal-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali.

3.3.2.

Il-KESE jqis li r-regoli stabbiliti għas-suq uniku huma utli biss sakemm dawn jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ ekonomija tas-suq soċjali b’saħħitha bil-għan li jiġu prevenuti l-faqar, l-inugwaljanza, id-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali, b’enfasi partikolari fuq l-iżgurar li ż-żgħażagħ ikollhom post fis-soċjetà.

3.3.3.

Hemm sentiment qawwi fost l-SMEs u l-impjegati li huma jikkostitwixxu dawk li ntlaqtu l-aktar mill-kriżijiet ekonomiċi, l-introduzzjoni tal-euro u issa mill-pandemija serja ħafna li xeħtet lill-ekonomija Ewropea f’reċessjoni. Dan ifisser li kull miżura li tappoġġja suq uniku Ewropew trid tinvolvi komunikazzjoni aktar sempliċi, diretta u effettiva, anqas burokrazija, u regoli li jistgħu jinftiehmu minn kulħadd.

3.3.4.

Il-KESE jitlob ukoll biex il-miżuri futuri tal-ekonomija ekoloġika u l-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni għas-suq uniku jinkludu regoli dwar is-settur tal-ekonomija soċjali sabiex jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ekwi għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u jiġi promoss l-iżvilupp ta’ dan is-settur.

3.3.5.

L-appoġġ għall-imprendituri żgħażagħ u għall-prodotti u s-servizzi innovattivi huwa aspett fundamentali tal-programm sabiex jitwassal is-suq uniku. Il-KESE japprova d-deċiżjoni li jiġu appoġġjati mudelli ġodda ta’ negozju, jiġifieri l-ekonomija ċirkolari, it-teknoloġiji avvanzati, soluzzjonijiet effiċjenti fir-riżorsi, b’emissjonijiet baxxi tas-CO2 u inizjattivi oħra maħsuba pereżempju biex jippromovu d-dimensjoni internazzjonali tan-negozji, jattiraw it-talent u jtejbu l-ħiliet tal-persunal.

3.3.6.

Il-KESE jaqbel li l-SMEs li jinvestu fi proġetti diġitali għandhom jiġu appoġġjati. Il-proġetti għandhom ikunu mfassla wkoll sabiex ikunu ta’ benefiċċju għan-negozji, il-konsumaturi, u s-soċjetà ċivili kollha kemm hi.

3.4.   Kummenti speċifiċi

3.4.1.

Il-KESE jenfasizza d-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-kumpaniji Ewropej meta jikkompetu fi swieq globali b’oligopolji jew monopolji, li f’ċerti każijiet ikunu proprjetà tal-istat. L-eżempji jinkludu l-industrija ferrovjarja, it-trasport bl-ajru, u l-enerġija eolika, fejn il-kumpaniji Ewropej jiffaċċjaw kompetizzjoni ħarxa (minn pajjiżi terzi, u b’mod partikolari minn kumpaniji Ċiniżi).

3.4.2.

Il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni fil-ġlieda tagħha sabiex tiżgura l-konformità tal-prodott tal-pjattaformi onlajn sabiex ma jitpoġġewx fis-suq prodotti illegali u mhux siguri. Huwa jenfasizza l-importanza ta’ kull miżura waħdanija mfassla sabiex tivverifika l-konformità tal-prodotti mibjugħa fuq pjattaformi onlajn u biex tipprova u tiżgura s-sigurtà tal-prodotti fil-katina tal-provvista onlajn globali.

3.4.3.

Madankollu, il-KESE jixtieq jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra wkoll, bħala parti minn dan l-eżerċizzju, kwistjonijiet bħall-intelliġenza artifiċjali, il-komunikazzjonijiet kummerċjali, il-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar, il-garanziji legali u kuntrattwali fil-bejgħ tal-prodotti u s-servizzi, u dispożizzjonijiet speċifiċi għall-implimentazzjoni u l-infurzar tas-suq intern fis-settur bankarju u dak tal-assigurazzjoni.

Brussell, is-16 ta’ Lulju 2020.

Luca JAHIER

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  COM(2020) 94 final.

(2)  COM(2020) 93 final.

(3)  ĠU L 173, 9.7.2018, p. 25.

(4)  COM(2016) 821 final.

(5)  ĠU L 173, 9.7.2018, p. 25.

(6)  COM(2020) 102 final.

(7)  Ara ĠU C 43, 15.2.2012, p. 14 u l-Opinjonijiet l-oħra msemmija aktar ’il fuq.

(8)  Ara l-lista mehmuża.

(9)  Il-KESE fassal diversi Opinjonijiet dwar din il-kwistjoni, fosthom: ĠU C 309, 16.12.2006, p. 1, ĠU C 324, 30.12.2006, p. 1, ĠU C 162, 25.6.2008, p. 1, ĠU C 228, 22.9.2009, p. 40ĠU C 128, 18.5.2010, p. 97.

(10)  COM(2016) 821 final.

(11)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 51.