28.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 364/94


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni ‘Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva’”

(COM(2020) 98 final)

(2020/C 364/13)

Relatur:

Antonello PEZZINI

Korelatur:

Cillian LOHAN

Konsultazzjoni

Kummissjoni, 22.4.2020

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

25.6.2020

Adottata fil-plenarja

16.7.2020

Sessjoni plenarja Nru

553

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

215/2/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) huwa konvint li s-sostenibbiltà hija wieħed mill-pilastri tal-iżvilupp tal-Ewropa tal-ġejjieni, permezz ta’ tranżizzjoni għaqlija u parteċipattiva, appoġġjata mill-kultura tal-ekonomija ċirkolari.

1.2.

It-tranżizzjoni lejn modi ċirkolari tal-ekonomija Ewropea ma tistax tiġi eparata mill-kuntest soċjoekonomiku li qed ikollha tiżviluppa fih bħalissa, iżda l-isfidi tal-kriżi tas-saħħa għandhom jinbidlu f’opportunità ta’ bidu mill-ġdid, fuq pedamenti ġodda, bil-prerekwiżiti biex titħaffef il-preparazzjoni tal-modi ċirkolari l-ġodda.

1.3.

Il-kultura l-ġdida li tirfed l-ekonomija ċirkolari għandha tkun opportunità biex jitħaffef il-kunċett tal-kejl tal-ġid tal-entitajiet territorjali, permezz ta’ kriterji ġodda, jiġifieri lil hinn mill-PDG (1).

1.4.

Għandha ssir enfasi akbar fuq it-tixrid ta’ “kultura ċirkolari”, permezz tal-edukazzjoni, il-bini tal-kapaċitajiet u aktar responsabbiltà, b’mod li l-persuni jiġu mħeġġa jadattaw u jibdlu d-drawwiet u l-imġiba tagħhom ta’ kuljum.

1.5.

Il-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari (ECESP) jistħoqqilha tiġi msaħħa u tista’ tappoġġja inizjattivi ta’ politika differenti li jkunu ta’ għajnuna biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn iċ-ċirkolarità.

1.6.

Il-Kumitat jilqa’ l-proposti tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari (CEAP) u jqis li l-miżuri ta’ tranżizzjoni għandhom jitqiesu sew meta jiġu mfassla l-pjani għar-rikostruzzjoni ekonomika u soċjali wara s-sitwazzjoni devastanti kkawżata mill-COVID-19.

1.7.

Huwa essenzjali li tiġi rikonoxxuta l-komplementarjetà li teżisti bejn it-tibdil fil-klima, il-politiki tal-ekonomija ċirkolari u r-responsabbiltà soċjali korporattiva, li jiġu enfasizzati l-karatteristiċi ċirkolari tal-enerġija fis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, speċjalment fis-setturi tal-bini u tat-trasport, mingħajr ma nħallu barra l-appoġġ għall-proċessi agrikoli u għas-sistema tal-ikel, li huma meħtieġa biex titnaqqas il-ħela.

1.8.

Il-KESE jemmen li l-patt propost għall-ħiliet u x-xogħol fil-Fond Soċjali Ewropew Plus huwa opportunità eċċellenti biex jitwettqu l-programmi ppjanati.

1.9.

Il-prattika tal-ekodisinn għandha tkompli tespandi, u b’hekk tiffaċilita d-durabbiltà tal-prodotti u l-irkupru ppjanat tal-komponenti, bħala stimolu għal suq dinamiku tal-materja prima sekondarja, appoġġjat minn interventi legalment vinkolanti, b’kontenut irriċiklat obbligatorju u rintraċċar diġitali.

1.10.

Il-Kummissjoni, bħal fil-każ tal-“prodotti li jużaw l-enerġija”, għandha, bi ftehim mas-setturi kkonċernati, tippubblika atti delegati li jiddeterminaw il-karatteristiċi ta’ prodotti ġodda li jistgħu jsiru nutrijenti ta’ prodotti oħrajn.

1.11.

Il-proċess tal-istandardizzazzjoni teknika tal-prodotti sostenibbli, qabel kollox mis-setturi li jużaw ħafna riżorsi, għandu jingħata importanza partikolari fil-kuntest tas-sistema ta’ “kwalità u konformità”, billi jinvolvi l-valutazzjoni tal-konformità, bħall-użu usa’ tal-akkwisti ekoloġiċi u tal-klassifikazzjoni tal-materja prima u tal-materjal sekondarju.

1.11.1.

Il-korpi tal-istandardizzazzjoni nazzjonali, f’kooperazzjoni mal-korpi Ewropej (2), għandhom jiżviluppaw malajr kemm jista’ jkun rakkomandazzjonijiet (3) u standards armonizzati, sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn ekonomija funzjonali ġdida.

1.12.

L-implimentazzjoni prattika tal-ekonomija ċirkolari se teħtieġ kollaborazzjoni kbira mill-partijiet interessati, u l-KESE jitlob li jkun hemm politiki ċari u appoġġ finanzjarju, speċjalment fir-rigward tar-reklamar, sabiex dan ma jibqax b’karatterizzazzjoni qawwija fuq il-konsum u, filwaqt li jiġu osservati r-regoli tas-suq ħieles, jiffavorixxi l-aspetti tad-durabbiltà tal-prodotti u tal-possibbiltà tal-użu mill-ġdid.

1.13.

Il-KESE jqis li huwa fundamentali li l-konsumaturi jingħataw informazzjoni u data aħjar dwar il-ġestjoni tal-prodotti, it-traċċabbiltà u t-trasparenza, permezz ta’ speċifikazzjonijiet tal-prodotti u ta’ teknoloġiji diġitali, li jippermettu l-fluss ta’ informazzjoni dwar il-kompożizzjoni u dwar il-possibbiltà ta’ tiswija.

1.14.

Il-KESE jqis li huwa opportun li jiġi promoss, permezz ta’ programmi Ewropej, l-ittestjar konkret ta’ proċessi ta’ ekonomija ċirkolari f’setturi differenti, f’numru sinifikanti ta’ bliet Ewropej, ċentri agroalimentari u żoni rurali, sabiex jiġu kapitalizzati esperjenzi sinifikanti, fi ktajjen ta’ produzzjoni u ta’ konsum, li jistgħu jintużaw bħala prattiki tajbin.

1.15.

Il-KESE jemmen li għandu jiġi riservat spazju wiesa’ għall-atturi pubbliċi u privati, fil-livell tal-prossimità territorjali, li jistgħu jaqdu rwol kruċjali biex jiġu ffaċċjati l-opportunitajiet ġodda, billi jiżviluppaw sħubijiet pubbliċi-privati, li jipproduċu eżempji ta’ “responsabbiltà soċjali territorjali” (4) u ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva, immirati lejn il-prinċipji taċ-ċirkolarità kollaborattiva.

1.16.

Fl-aħħar nett, il-KESE jitlob li l-azzjonijiet kollha proposti jkunu soġġetti għal valutazzjonijiet tal-impatt xierqa li jqisu l-implikazzjonijiet ambjentali, soċjali u ekonomiċi.

2.   Kuntest soċjoekonomiku — lejn ekonomija ċirkolari Ewropea

2.1.

L-intrapriżi u l-konsumaturi qegħdin jirrikonoxxu dejjem aktar il-ħsara għall-iżvilupp sostenibbli kkawżata mill-mudelli ekonomiċi lineari adottati s’issa, ikkaratterizzati minn konsum għoli ta’ materjali u riżorsi, bl-użu ta’ tekniki ta’ obsolexxenza programmata u bl-inċentivi għax-xiri ta’ prodotti dejjem ġodda.

2.2.

Fl-2019, aktar minn 92 biljun tunnellata ta’ materjal ġew estratti u pproċessati, dawn ikkontribwew għal madwar nofs l-emissjonijiet globali ta’ CO2 (5), kif ukoll ħolqu problemi sinifikanti fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem.

2.2.1.

L-estrazzjoni u l-ipproċessar tar-riżorsi jikkawżaw aktar minn 90 % tat-telfien globali tal-bijodiversità (6).

2.2.2.

Madwar 20 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra huwa kkawżat mill-estrazzjoni u l-ipproċessar ta’ metalli u minerali mhux metalliċi (7).

2.2.3.

Barra minn hekk, l-UE jkollha timporta, bi spiża konsiderevoli, il-parti l-kbira tal-ħtiġijiet tagħha ta’ materja prima.

2.3.

L-ekonomija ċirkolari, li tippromovi:

responsabbiltà soċjali u ambjentali korporattiva;

impjiegi ġodda lokali u ta’ kwalità għolja;

l-eliminazzjoni tal-iskart;

l-użu kontinwu u sikur tar-riżorsi naturali;

ċiklu ċirkolari tas-sistema ta’ disinn-produzzjoni-distribuzzjoni-konsum;

il-kwalifikazzjoni mill-ġdid u l-użu mill-ġdid tar-residwi fi tmiem ta’ ħajjithom;

li tista’ tiżviluppa ekonomija funzjonali, li tista’ ġġib benefiċċji konsiderevoli għas-soċjetà.

2.4.

Fil-preżent, 8,6 % biss tal-attività dinjija timxi fuq il-mudell ċirkolari. Madankollu, it-tranżizzjoni lejn tali dimensjoni teħtieġ kooperazzjoni kbira mill-pubbliku u mill-privat.

2.5.

It-tranżizzjoni tal-ekonomija Ewropea lejn il-modi ċirkolari ma tistax tiġi sseparata mill-kuntest soċjoekonomiku li qed ikollha tiżviluppa fih bħalissa, f’mument fejn il-pandemija tal-coronavirus ikkawżat l-agħar reċessjoni ekonomika minn wara d-Depressjoni l-Kbira tal-1929.

2.5.1.

Minħabba l-COVID-19, il-kumpaniji qegħdin jiffaċċjaw telf ta’ dħul u ġew interrotti l-ktajjen ta’ provvista, filwaqt li l-għeluq ta’ fabbriki u l-qgħad qegħdin jinfirxu ma’ kullimkien.

2.6.

It-tliet tipi ta’ riskji ta’ bħalissa — pandemiji mhux ikkontrollati, proġetti ta’ politika ekonomika insuffiċjenti, u “iċ-ċinju iswed” ġeopolitiku (avveniment assolutament mhux mistenni) — jistgħu jitfgħu lill-ekonomija globali f’depressjoni kontinwa, proprju waqt li l-komponenti kollha tas-soċjetà Ewropea qegħdin isiru konxji tal-fatt li għal żvilupp ekonomiku sostenibbli huwa meħtieġ li jintużaw modi li jqisu fl-istess ħin l-aspett teknoloġiku, iż-żieda fil-produttività u użu aktar effiċjenti tar-riżorsi.

2.7.

Min-naħa l-oħra, l-isfidi li qiegħda tiffaċċja d-dinja jistgħu jinbidlu f’opportunità kbira, biex nerġgħu nibdew b’entużjażmu għal żvilupp sostenibbli, fuq pedamenti ġodda, li jkunu kapaċi jsibu l-kundizzjonijiet biex iħaffu l-ippjanar tal-modi ċirkolari.

2.8.

Il-KESE esprima ruħu kemm-il darba dwar il-ħtieġa ta’ tkabbir sostenibbli u inklużiv. Flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, nieda l-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari (ECESP) (8), fejn enfasizza li “minkejja s-suċċessi li nkisbu s’issa, hemm ostakli ċari għall-kisba tal-ekonomija ċirkolari”.

2.9.

Kif tenna l-grupp ta’ koordinazzjoni tal-ECESP, it-tranżizzjoni lejn ekonomija inklużiva, newtrali għall-klima u ċirkolari għandha tibda mil-lum (9).

2.10.

Fis-6 ta’ April 2020, il-KESE adotta dikjarazzjoni konġunta fejn jenfasizza li “f’dawn iż-żminijiet ta’ inċertezza kbira — pjan Ewropew komprensiv ta’ rkupru ekonomiku biss jippermetti li jiġu indirizzati bl-aħjar mod il-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 u tinbena mill-ġdid ekonomija Ewropea aktar sostenibbli u reżiljenti”.

3.   Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea

3.1.

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari l-ġdid (CEAP) jistabbilixxi għadd ta’ inizjattivi ġodda li jkopru ċ-ċiklu sħiħ tad-disinn u tal-ħajja tal-prodotti, li jippermettu liċ-ċittadini u lin-negozji jipparteċipaw bis-sħiħ fl-ekonomija ċirkolari.

3.2.

Bħala parti mill-istrateġija industrijali tal-UE, qegħdin jiġu proposti miżuri sabiex:

jiġi żgurat li l-prodotti sostenibbli jsiru r-regola fl-Unjoni, b’att leġislattiv dwar l-istrateġija għall-prodotti sostenibbli, biex ikun żgurat li l-prodotti li jitqiegħdu fis-suq tal-UE jkunu ddisinjati biex idumu aktar;

il-konsumaturi jingħataw is-setgħa, b’aċċess għal informazzjoni affidabbli bi “dritt għal tiswija” reali;

tiġi ffukata l-attenzjoni fuq is-setturi li l-aktar jużaw riżorsi u li għandhom potenzjal għoli ta’ ċirkolarità, bħal pereżempju:

l-elettronika u l-ICT: “Inizjattiva dwar l-Elettronika Ċirkolari”;

il-batteriji u l-vetturi: qafas regolatorju ġdid għall-batteriji;

l-imballaġġ: rekwiżiti obbligatorji ġodda li jiddefinixxu dak li huwa permess fis-suq tal-UE;

il-plastik: rekwiżiti obbligatorji ġodda dwar il-kontenut irriċiklat;

it-tessuti: strateġija ġdida tal-UE biex jissaħħu l-kompetittività u l-innovazzjoni fis-settur;

il-kostruzzjoni u l-bini: strateġija ġenerali għal Ambjent Mibni Sostenibbli;

l-ikel: inizjattiva leġislattiva ġdida dwar prodotti li jistgħu jerġgħu jintużaw mill-ġdid sabiex jissostitwixxu l-imballaġġ u l-oġġetti ta’ fuq il-mejda fir-ristoranti li jintużaw darba;

it-tnaqqis tal-iskart: tiġi evitata l-ġenerazzjoni tal-iskart u li dan jinbidel f’riżorsa sekondarja ta’ kwalità;

iċ-ċirkolarità tibda taħdem għan-nies, għar-reġjuni u għall-bliet;

jissaħħaħ ir-rwol tal-istandardizzazzjoni;

azzjonijiet trasversali: iċ-ċirkolarità bħala prerekwiżit għan-newtralità klimatika;

azzjonijiet fuq livell globali;

monitoraġġ tal-progress.

Il-pjan jinkludi madwar 35 azzjoni matul il-perjodu ta’ tliet snin, min-nofs l-2020 sa nofs l-2023, b’inizjattivi fl-oqsma tal-elettronika, tal-iskart, u fis-servizzi għan-nies u l-ambjent.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Il-KESE jinsab konvint li s-sostenibbiltà hija waħda mill-pilastri tal-iżvilupp tal-Ewropa tal-ġejjieni u li, permezz ta’ tranżizzjoni għaqlija u parteċipattiva lejn l-ekonomija ċirkolari, iċ-ċittadini, il-konsumaturi, l-intrapriżi u l-ħaddiema jkunu jistgħu, permezz ta’ investimenti qawwija, jilqgħu għall-isfida u jikkontribwixxu mhux biss għar-rispett tal-ambjent, iżda wkoll għall-iżvilupp ta’ idea ta’ soċjetà miftuħa u inklużiva, li tissalvagwardja r-riżorsi għall-ġenerazzjonijiet futuri.

4.1.1.

B’mod partikolari, il-proċessi agrikoli u s-sistema tal-ikel jistgħu jibbenefikaw ħafna mill-ekonomija ċirkolari sabiex tonqos il-ħela u jiġi żgurati benesseri taċ-ċittadini aħjar.

4.1.2.

Se jkun hemm bżonn ta’ investimenti qawwija biex jiġu żviluppati teknoloġiji ekoloġiċi, fertilizzanti organiċi ġodda u l-bijometan.

4.2.

Il-Kumitat jilqa’ s-sensiela ta’ miżuri leġislattivi u ta’ politika proposti fis-CEAP u jqis li l-miżuri ta’ tranżizzjoni lejn l-ekonomija ċirkolari għandhom jitqiesu sew, speċjalment wara s-sitwazzjoni devastanti kkawżata mill-COVID-19.

5.   Koerenza fil-livell Ewropew

5.1.

Aħna nemmnu li huwa essenzjali li nirrikonoxxu l-komplementarjetà li teżisti bejn it-tibdil fil-klima u l-politiki tal-ekonomija ċirkolari. Huwa essenzjali wkoll li l-input tal-enerġija jkun ġej minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u ma jkunx lineari bħall-fjuwils fossili.

5.1.1.

Iċ-ċirkolarità fl-użu tal-enerġija tista’ sseħħ ukoll meta tingħata attenzjoni għall-iffrankar u għall-effiċjenza fl-enerġija, li qed issir dejjem aktar urġenti fis-settur tat-trasport.

5.2.

L-iżvilupp tal-kapaċitajiet li huma meħtieġa għall-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari għandu jiġi mħeġġeġ fil-livelli kollha. Il-patt propost għall-ħiliet u x-xogħol fil-Fond Soċjali Ewropew Plus, huwa opportunità eċċellenti biex jitwettqu l-programmi ppjanati.

5.3.

Ir-rwol tal-akkwist pubbliku m’għandux jiġi sottovalutat biex tinkiseb din it-tranżizzjoni. Il-kriterji ambjentali minimi, li diġà huma inklużi fid-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku (10), għandhom isiru obbligatorji, bi speċifikazzjonijiet tekniċi adegwati (11). Għandu jiġi offrut taħriġ speċifiku lill-kuntratturi sabiex ikun żgurat li jiġu offruti l-opportunitajiet ċirkolari kollha u biex jiġi evitat li l-ostakli eventwali ma jtellfux l-akkwisti ċirkolari.

5.4.

Il-Kumitat iqis li huwa essenzjali li l-ħafna inizjattivi li jridu jitwettqu fix-xhur li ġejjin għandhom iqisu, b’mod espliċitu, kif jistgħu jtejbu ċ-ċirkolarità u s-sostenibbiltà tal-investimenti, speċjalment fil-pajjiżi strutturalment u finanzjarjament aktar vulnerabbli.

5.4.1.

Dawn l-inizjattivi għandhom ikunu promossi f’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet lokali u mal-forzi soċjali, b’attenzjoni partikolari għall-ħolqien ta’ impjiegi aħjar u impjiegi ġodda.

5.5.

Il-KESE jappoġġja l-opportunità li jiġu adottati rekwiżiti legalment vinkolanti biex jissaħħaħ is-suq tal-materja prima sekondarja, b’mod partikolari għall-imballaġġ, il-vetturi, il-materjali tal-kostruzzjoni u l-batteriji.

5.6.

Element fundamentali biex jiġu implimentati l-proċessi ċirkolari huwa d-disinn ekoloġiku tal-prodotti. L-ambitu tal-ekodisinn għandu jkompli jespandi, sabiex isir parti integrali ta’ kull fażi tal-produzzjoni, u b’hekk jiffaċilita l-irkupru tal-komponenti bħala mutur għal suq dinamiku tal-materja prima sekondarja.

5.6.1.

Fid-dawl ta’ dan, kif diġà ġara bil-“prodotti li jużaw l-enerġija” (12), il-Kummissjoni għandha tippubblika atti delegati li jiddeterminaw il-karatteristiċi ta’ diversi prodotti ta’ użu komuni li, wara li jintużaw, jistgħu jsiru nutrijenti ta’ prodotti oħrajn.

5.7.

L-istandardizzazzjoni teknika fil-qasam tal-ekonomija ċirkolari hija partikolarment importanti. Minħabba t-trasversalità u l-kumplessità tas-suġġett, huwa essenzjali li jkun hemm koordinazzjoni b’saħħitha bejn id-diversi partijiet interessati, il-korpi ta’ standardizzazzjoni differenti u l-attività tal-leġislatur.

5.8.

Il-proċess ta’ standardizzazzjoni teknika tal-prodotti sostenibbli, speċjalment fis-setturi li jużaw ħafna riżorsi, huwa partikolarment importanti, speċjalment fil-proċessi tal-għoti ta’ akkwisti pubbliċi ekoloġiċi u fil-klassifikazzjoni tal-materja prima u tal-materja sekondarja.

5.9.

Il-KESE jitlob li l-azzjonijiet kollha proposti jkunu soġġetti għal valutazzjonijiet tal-impatt xierqa li jqisu l-implikazzjonijiet ambjentali, soċjali u ekonomiċi.

5.10.

Id-dibattitu li għaddej dwar il-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari u kemm huma utli u meħtieġa biex tiġi indirizzata l-kwistjoni, li ġiet diskussa diversi drabi, li mmorru lil hinn mill-PDG, jiġifieri li jiġu inklużi elementi ġodda oħra minbarra dawk li jirrigwardaw il-prestazzjoni ekonomika li jintużaw bħalissa fit-tliet sistemi tal-kalkolu tal-PDG (13), bħal pereżempju il-ħolqien ta’ sistemi ta’ solidarjetà għal soċjetà inklużiva; l-għajxien fil-limiti tal-pjaneta tagħna; u distribuzzjoni ġusta tar-riżorsi.

6.   Edukazzjoni u kultura

6.1.

Skont il-KESE, huwa kruċjali li ssir enfasi akbar fuq it-tixrid ta’ “kultura ċirkolari”, permezz tal-edukazzjoni, il-bini tal-kapaċitajiet u aktar responsabilizzazzjoni, u fuq l-intensifikazzjoni tad-djalogu mas-soċjetà ċivili, b’mod li l-persuni jiġu mħeġġa jadattaw u jibdlu d-drawwiet u l-imġiba ta’ kuljum tagħhom. Il-kooperazzjoni transettorjali b’saħħitha hija wkoll essenzjali.

6.1.1.

Ir-responsabbiltà soċjali korporattiva bħala element konkret ta’ ekonomija funzjonali tikkombina perfettament mal-kultura tal-ekonomija ċirkolari, peress li tippermetti sinerġija straordinarja bejn l-interessi tal-intraprendituri u dawk tal-impjegati, kif ukoll l-iżvilupp sostenibbli, li jkun immirat lejn it-tnaqqis tal-ħela u l-ħela bla bżonn.

6.2.

Ikun xieraq li jsiru proposti għall-integrazzjoni ta’ prinċipji tal-ekonomija ċirkolari fil-kurrikuli tal-iskejjel u programmi ta’ edukazzjoni għolja, kif ukoll għall-finanzjament tal-edukazzjoni teknika b’ħiliet għolja u l-appoġġ għall-ħiliet kreattivi.

6.3.

Il-programm Erasmus+ kien utli ħafna sabiex jiġi promoss l-iskambju ta’ għarfien dwar l-ekonomija ċirkolari fost id-diversi pajjiżi Ewropej.

6.4.

L-istudju kkummissjonat mill-KESE (14) u l-Opinjoni relatata NAT/764 dwar l-iżvilupp ta’ sinerġiji fost id-diversi pjani direzzjonali tal-ekonomija ċirkolari, flimkien man-netwerk attiv fil-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari, jipprovdu bażi soda għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u għall-ħolqien ta’ għarfien tal-partijiet interessati.

6.5.

L-operaturi ekonomiċi u s-soċjetà ċivili jistgħu jibdew testjar konkret ta’ proċessi ta’ ekonomija ċirkolari f’setturi differenti, f’għadd sinifikanti ta’ muniċipalitajiet Ewropej adatti, permezz ukoll tal-użu ta’ fondi adegwati, bħall-Fond “Missjonijiet” tal-programm Orizzont Ewropa.

6.6.

Madankollu, l-element fundamentali biex jiġu implimentati l-proċessi ċirkolari huwa d-disinn ekoloġiku tal-prodotti.

7.   Il-konsumaturi bħala protagonisti tal-implimentazzjoni

7.1.

L-implimentazzjoni prattika tal-ekonomija ċirkolari se teħtieġ netwerk b’saħħtu ta’ partijiet interessati li jkunu informati, involuti u konnessi. Il-politiki ewlenin u l-appoġġ strutturali għad-diversi gruppi interessati għandhom jiġu identifikati, riveduti b’mod regolari u kkomunikati b’mod effettiv.

7.2.

Ir-rwol tar-reklamar għandu jiġi indirizzat ukoll, sabiex tonqos in-natura konsumista qawwija tiegħu u, waqt li josserva r-regoli tas-suq ħieles, jiffavorixxi l-aspetti tad-durabbiltà tal-prodotti u l-possibbiltà ta’ użu ġdid mingħajr ma jaqa’ fir-reklamar qarrieqi.

7.2.1.

Huwa importanti li r-reklamar ikun aktar iffukat fuq il-prinċipji tar-realiżmu, ix-xejriet u l-karatteristiċi tipiċi, fejn eżempji konkreti, l-approċċ lejn l-iżvilupp sostenibbli, u l-karatteristiċi pożittivi tad-durabbiltà tal-oġġetti jidhru li huma ta’ valur għall-konsumatur u għas-soċjetà.

7.3.

Id-dritt għal tiswija tal-prodotti bi prezzijiet ġusti u proporzjonati għandu jkun rikonoxxut u inkorporat fil-garanziji tal-prodott, inkluż permezz ta’ miżuri fiskali u networks ta’ tiswijiet lokali u aċċess iffaċilitat (15). F’dan ir-rigward, il-ġlieda kontra l-obsolenza ppjanata għandha ssir parti integrali tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u standards ġodda tal-prodotti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, li jistgħu jissewwew faċilment u jiġu rkuprati.

7.4.

Il-KESE jirrikonoxxi s-suċċess tas-sħubija bejnu u l-Kummissjoni Ewropea għall-iżvilupp ta’ pjattaforma innovattiva interistituzzjonali (ECESP), u jistenna bil-ħerqa li jestendi l-mandat tagħha fil-futur.

7.4.1.

Il-KESE jemmen li għandha tingħata kunsiderazzjoni lil distribuzzjoni differenti tat-tassazzjoni, li tnaqqas il-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol sabiex tiżdied dik fuq ir-riżorsi u, b’mod partikolari, fuq prodotti inqas sostenibbli u dawk li għandhom obsolenza ċara.

7.4.2.

Il-prinċipju ta’ tassazzjoni aktar stretta għandu jiġi applikat fuq il-prodotti importati fl-UE li jidhru li ma jikkonformawx mal-kriterji tal-ekonomija ċirkolari.

7.5.

Għandu jkun hemm rikonoxximent u appoġġ espliċitu għar-rwol tal-intrapriżi soċjali fl-ekonomija ċirkolari, b’mod li n-negozji b’esperjenza fl-użu mill-ġdid, fit-tiswijiet u fir-riġenerazzjoni jkunu jistgħu jibbenefikaw minn valur soċjali akbar, peress li huma impenjati favur l-iżvilupp tal-ħiliet tal-persuni l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.

7.6.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-konsumaturi Ewropej jingħataw informazzjoni aħjar dwar il-ġestjoni tal-prodotti, li tinkludi l-vantaġġi ta’ disinji u manifattura ċirkolari, kif ukoll dwar it-traċċabbiltà u t-trasparenza, billi jintużaw ukoll passaporti tal-prodotti u ta’ teknoloġiji diġitali, bħall-blockchain, li jippermettu l-fluss ta’ informazzjoni dwar il-kompożizzjoni, dwar il-possibbiltà ta’ tiswija u dwar tmiem il-ħajja tal-prodotti.

7.7.

L-informazzjoni affidabbli, komparabbli u verifikabbli hija importanti biex tippermetti lix-xerrejja jieħdu deċiżjonijiet aktar sostenibbli u b’hekk tnaqqas ir-riskju ta’ kummerċjalizzazzjoni ambjentali qarrieqa (“green washing”).

7.8.

L-awtoritajiet lokali huma atturi ewlenin fil-ġestjoni tal-ilma, tal-iskart u tal-hubs sekondarji tal-materja prima. Jistgħu jvaraw sħubiji sperimentali, li huma essenzjali għall-iżvilupp tal-innovazzjoni ċirkolari.

7.9.

Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp tal-prinċipji tar-“responsabbiltà soċjali territorjali” diġà enfasizzata f’opinjonijiet preċedenti, li jiżguraw ir-responsabbiltà pubblika u privata tas-sostenibbiltà ċirkolari tat-territorju.

Brussell, is-16 ta’ Lulju 2020.

Luca JAHIER

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 100, 30.4.2009, p. 53.

(2)  CEN, CENELEC u ETSI.

(3)  Ara UNI, il-korp tal-istandardizzazzjoni tal-Italja, Regolament (UE) 1025/2012.

(4)  ĠU C 175, 28.7.2009, p. 63.

(5)  Ara Forum Ekonomiku Dinji, Circular Economy and Material Value Chains (Ekonomija Ċirkolari u Katini tal-Valur tal-Materjali – mhux disponibbli bil-Malti) 2020.

(6)  Ara Il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP), Natural Resources for the Future We Want (Riżorsi Naturali għall-Ġejjieni li Nixtiequ – mhux disponibbli bil-Malti), 2019.

(7)  Ara Il-Kummissjoni għat-Tranżizzjonijiet Enerġetiċi, Mission Possible: Reaching Net-Zero Carbon Emissions (Missjoni Possibbli: Nilħqu n-Newtralità Karbonika – mhux disponibbli bil-Malti), 2018.

(8)  EESC-2017-02666-05-00-decbur — Mandat tal-grupp ta’ koordinazzjoni.

(9)  Joint statement on the new Circular Economy Action Plan (CEAP) by members of the Coordination Group (CG) of the European Circular Economy Stakeholder Platform – March 2020. (Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid għal Ekonomija Ċirkolari (CEAP) mill-membri tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari – Marzu 2020).

(10)  Id-Direttivi 2014/23/UE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1), 2014/24/UE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65), 2014/25/UE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

(11)  Ara UNI/prassi di riferimento: 2019 Linee guida per la modalità di verifica del contenuto di riciclato e/o recuperato e/o sottoprodotto presente nei prodotti regolati da CAM (Criteri Ambientali Minimi) (Linji Gwida għall-verifika tal-kontenut riċiklat u/jew irkuprat u/jew prodott sekondarju soġġett għall-kriterji ambjentali minimi – mhux disponibbli bil-Malti).

(12)  Ara d-Direttiva 2005/32/KE (ĠU L 191, 22.7.2005, p. 29) kif riformulata mid-Direttiva 2009/125/KE (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10).

(13)  Ara ESA 2010 UE.

(14)  https://www.eesc.europa.eu/en/our-work/publications-other-work/publications/circular-economy-strategies-and-roadmaps-europe-executive-summary

(15)  Ara d-Direttiva 1999/85/KE tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 1999 dwar il-possibbiltà li tiġi introdotta rata ta’ VAT imnaqqsa fuq servizzi li jinvolvu xogħol intensiv (ĠU L 277, 28.10.1999, p. 34): servizzi ta’ tiswijiet fuq skala żgħira għar-roti, żraben u oġġetti tal-ġilda, ħwejjeġ, lożor u purtieri tad-dar, tiswijiet u rinnovazzjoni ta’ djar privati, u s-servizzi ta’ għajnuna fid-dar.