30.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 452/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-1 ta’ Diċembru 2020

dwar kwistjonijiet tar-rati tal-kambju relatati mal-frank CFA u l-frank Comorjan

(CON/2020/31)

(2020/C 452/01)

Introduzzjoni u bażi legali

Fit-3 ta’ Novembru 2020 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar kwistjonijiet ta’ rati tal-kambju relatati mal-frank CFA u l-frank Comorjan (98/683/KE) (1) (iktar ‘il quddiem ir-“Rakkomandazzjoni”). Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 219(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE, din l-opinjoni ġiet adottata mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE.

1.   Osservazzjonijiet ġenerali

1.1.

Ir-Rakkomandazzjoni tipproponi bidliet limitati għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/683/KE (2) biex tipprovdi espressament għall-possibbiltà għal Franza u l-pajjiżi terzi relevanti tal-Union économique et monétaire ouest-africaine (UEMOA, Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Afrika tal-Punent) u l-Comoros biex jidħlu fi ftehimiet ġodda li jissostitwixxu għal kollox il-ftehimiet eżistenti bejniethom u li ssir referenza għalihom fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/683/KE, minflok ma jiġu emendati dawk il-ftehimiet eżistenti. Ir-Rakkomandazzjoni tipprevedi wkoll li eventwalment jingħataw ismijiet ġodda lill-muniti tal-UEMOA, tas-CEMAC u tal-Comoros.

1.2.

Il-BĊE jinnota li l-ftehimiet eżistenti dwar kwistjonijiet ta’ rati tal-kambju bejn Franza u l-UEMOA, is-CEMAC u l-Comoros [li attwalment jinsabu fis-seħħ] jiżguraw konvertibbiltà bejn l-euro u l-muniti tal-UEMOA, tas-CEMAC u tal-Comoros b’parità fissa. Taħt dawn il-ftehimiet, il-garanzija tal-konvertibbiltà hija bbażata fuq impenn baġitarju tat-Teżor Franċiż, u mhux fuq xi impenn min-naħa tal-Banque de France. Kif huwa ddikjarat fil-premessi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/683/KE, u kif ġie enfasizzat qabel mill-BĊE, dawn il-ftehimiet mhux aktarx li jkollhom xi impatt materjali fuq il-politika monetarja u tar-rata tal-kambju taż-żona tal-euro, xejn fihom ma jista’ jiġi interpretat li jimplika xi obbligu għall-BĊE jew għal xi bank ċentrali nazzjonali fis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali biex jappoġġaw il-konvertibbiltà ta’ dawn il-muniti, u l-modifiki għall-ftehimiet eżistenti mhux se jwasslu għal xi obbligi għall-BĊE jew għal xi bank ċentrali nazzjonali (3).

2.   Osservazzjonijiet speċifiċi

2.1.

Il-BĊE jinnota li s-sostituzzjoni rrakkomandata ta’ referenzi għall-frank CFA b’referenzi għat-terminu ġenerali “munita” tal-oqsma tal-muniti rispettivi tissostitwixxi l-potenzjal li jingħataw ismijiet ġodda lill-frank CFA u l-frank Comorjan fil-ftehimiet ġodda li għandhom jiġu konklużi bejn Franza u l-pajjiżi terzi rilevanti.

2.2.

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/683/KE, Franza hija awtorizzata li tinnegozja u tikkonkludi modifiki għal-ftehimiet eżistenti tagħha mal-UEMOA, mas-CEMAC u mal-Comoros. Il-proposta fir-Rakkomandazzjoni hija li Franza għandha tkun awtorizzata wkoll, soġġett għal approvazzjoni mill-Kunsill, biex tissostitwixxi dawk il-ftehimiet eżistenti. Il-BĊE jifhem li l-bidliet limitati proposti għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/683/KE mir-Rakkomandazzjoni altrimenti ma jibdlux ir-reġim legali stabbilit b’dik id-Deċiżjoni tal-Kunsill. F’dan ir-rigward, ir-Rakkomandazzjoni ma tipproponi ebda alterazzjoni għad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/683/KE fir-rigward tar-rwol ta’ konsulenza tal-BĊE f’bidliet futuri għan-natura u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet, u lanqas għad-dritt tal-BĊE li jkun infurmat dwar l-implimentazzjoni ta’, jew modifiki li ma jbiddlux in-natura u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’, dawn il-ftehimiet.

Din l-Opinjoni se tiġi ppubblikata fuq EUR-Lex.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-1 ta’ Diċembru 2020.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  COM/2020/658 final.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar kwistjonijiet ta’ rati tal-kambju relatati mal-frank CFA u l-frank Comorjan (98/683/KE) (ĠU L 320, 28.11.1998, p. 58).

(3)  Ara l-premessa 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/683/KE; ara wkoll il-paragrafu 3 tal-Opinjoni tal-BĊE CON/1998/37. L-opinjonijiet kollha tal-BĊE huma ppubblikati fuq EUR-Lex.