29.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 180/4


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-20 ta’ Mejju 2020

dwar emendi għall-qafas prudenzjali tal-Unjoni b’risposta għall-pandemija tal-COVID-19

(CON/2020/16)

(2020/C 180/04)

Introduzzjoni u bażi legali

Fis-6 u t-12 ta’ Mejju 2020 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) rċieva talba mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew rispettivament, għal opinjoni dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 575/2013 u (UE) 2019/876 dwar aġġustamenti b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 (1) (minn hawn ’il quddiem ir-“regolament propost”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea billi r-regolament propost fih dispożizzjonijiet li jaffettwaw (1) il-kompitu tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika monetarja skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tat-Trattat, (2) il-kompiti tal-BĊE fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu skont l-Artikolu 127(6) tat-Trattat u (3) l-kontribuzzjoni tas-SEBĊ għat-twettiq bla xkiel ta’ politiki segwiti mill-awtoritajiet kompetenti relatati mal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, kif imsemmi fl-Artikolu 127(5) tat-Trattat. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet ġenerali

L-implikazzjonijiet mingħajr preċedent tal-kriżi globali skattati mill-pandemija tal-coronavirus (COVID-19) wasslu lill-awtoritajiet pubbliċi globali biex jieħdu azzjonijiet rapidi u deċiżivi mmirati biex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkunu jistgħu jibqgħu jaqdu r-rwol tagħhom fil-finanzjament tal-ekonomija reali u li jkunu jistgħu jsostnu l-irkupru ekonomiku, minkejja t-telf dejjem jiżdied li aktarx se jkollhom jaffaċċjaw minħabba l-kriżi.

Il-BĊE għamel użu mill-flessibbiltà superviżorja permessa mill-qafas legali attwali biex jappoġġja lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu sabiex jibqgħu jipprovdu kreditu lill-familji, lin-negozji vijabbli u lill-impriżi l-aktar milquta mill-konsegwenzi ekonomiċi attwali (2). F’dan ir-rigward il-BĊE pprovda kapital temporanju u serħan operattiv (3) u ħabbar aktar flessibbiltà fit-trattament prudenzjali ta’ self sostnut minn garanziji pubbliċi (4). Il-BĊE ħeġġeġ ukoll lill-istituzzjonijiet biex jevitaw effetti proċikliċi eċċessivi fl-applikazzjoni tal-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) 9 (5), naqqas temporanjament il-multiplikatur kwalitattiv tar-riskju tas-suq biex jipprovdi għal-livelli straordinarji tal-volatilità tas-suq (6) u ħareġ rakkomandazzjoni dwar id-distribuzzjonijiet tad-dividendi bl-għan li jiġu ppreżervati r-riżorsi kapitali fi ħdan is-sistema bankarja biex tittejjeb il-kapaċità tagħha li ssostni l-ekonomija reali (7). Dawn il-miżuri rrappreżentaw appoġġ sinifikanti ħafna fl-indirizzar tal-kriżi attwali, b’sinerġiji importanti bejn il-miżuri tal-BĊE bħala superviżur bankarju u l-azzjonijiet tal-politika monetarja tiegħu bħala bank ċentrali.

Awtoritajiet oħra wkoll ħadu azzjoni, b’mod partikolari l-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS) u l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), permezz ta’ miżuri prudenzjali ta’ natura komplementari li bbenefikaw minn koordinazzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, il-gvernijiet nazzjonali nedew programmi ta’ appoġġ sinifikanti ħafna, inklużi garanziji pubbliċi u moratorji fuq il-pagamenti ta’ obbligi ta’ kreditu.

F’dan l-isfond, il-BĊE jappoġġja bis-sħiħ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li żżid il-kapaċità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jsellfu u li jassorbu t-telf relatat mal-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li tibqa’ tiġi żgurata r-reżiljenza kontinwa tagħhom (8). L-aġġustamenti mmirati għar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) (CRR) huma milqugħa, peress li jkomplu jżidu l-kapaċità tas-sistema bankarja biex jittaffa l-impatt ekonomiku tal-pandemija u jiġi appoġġjat l-irkupru, filwaqt li jiġu ppreżervati l-elementi ewlenin tal-qafas prudenzjali. Barra minn hekk, xi elementi tar-regolament propost jikkumplimentaw il-miżuri superviżorji ta’ mitigazzjoni meħuda mill-BĊE u ċerti miżuri maqbula reċentement mill-BCBS jeħtieġu li jsiru operattivi l-emendi għall-qafas legali tal-Unjoni. Kwalunkwe aġġustament ulterjuri għar-regolament propost ma għandux ibiddel b’mod fundamentali l-qafas prudenzjali, li għandu jkompli jirrispetta l-istandards miftiehma ta’ Basel u jevita aktar frammentazzjoni tal-ġabra unika tar-regoli Ewropea.

Bħala osservazzjoni ġenerali ulterjuri dwar id-disponibbiltà li jiġi pprovdut self lill-ekonomija, il-BĊE jindika dan li ġej. Jekk il-proporzjon ta’ Ekwità Komuni ta' Grad 1 (CET1) tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu jaqa’ taħt il-livell tar-rekwiżit ta’ riżerva kombinata, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jistgħu jqassmu r-riżorsi biss fil-limiti tal-ammont massimu distribwibbli (10). Jekk id-dħul ikun negattiv, id-distribuzzjonijiet jiġu kkanċellati, irrispettivament mid-daqs tal-ksur. L-istituzzjonijiet ta’ kreditu jistgħu ma jkunux lesti li jużaw ir-riżervi tagħhom għal self addizzjonali minħabba tħassib li jkunu obbligati jikkanċellaw kupuni tal-Grad 1 Addizzjonali u jiffaċċjaw ir-reazzjonijiet potenzjalment negattivi tal-parteċipanti fis-suq. Imġiba bħal din tfixkel l-effett ta’ benefiċċju intenzjonat tal-qafas tar-riżerva.

Osservazzjonijiet speċifiċi

1.   Arranġamenti tranżitorji għall-mitigazzjoni tal-impatt tad-dispożizzjonijiet tal-IFRS 9 dwar il-kapital regolatorju

1.1

L-Artikolu 473a tas-CRR fih arranġamenti tranżitorji li jippermettu lill-istituzzjonijiet biex iżidu lura mal-kapital CET1 tagħhom porzjon ta’ kwalunkwe żieda fil-proviżjonijiet minħabba l-introduzzjoni tal-kontabilità tat-telf ta’ kreditu mistenni (ECL) taħt l-IFRS 9. L-arranġamenti tranżitorji jikkonsistu f’żewġ komponenti: komponent statiku u komponent dinamiku. Il-komponent statiku jippermetti lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jinnewtralizzaw parzjalment l-“impatt mill-ewwel jum” fuq il-kapital CET1 taż-żieda fil-proviżjonijiet tal-kontabilità minħabba l-introduzzjoni tal-IFRS 9. Il-komponent dinamiku jippermetti lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jinnewtralizzaw parzjalment l-impatt taż-żieda addizzjonali (jiġifieri wara l-ewwel jum) fil-proviżjonijiet għal skoperturi li mhumiex b’indeboliment fil-kreditu. L-arranġamenti tranżitorji eżistenti jkopru l-perjodu mill-2018 sal-2022 (11).

1.2

Fit-3 ta’ April 2020, il-BCBS qabel dwar emendi (12) għall-arranġamenti tranżitorji eżistenti għat-trattament regolatorju tal-ECL fid-dawl tal-kriżi tal-COVID-19. Il-BCBS iċċara wkoll li ġurisdizzjonijiet li diġà implimentaw l-arranġamenti tranżitorji (inkluża l-Unjoni Ewropea) jistgħu jagħżlu b’mod partikolari li jżidu lura inqas minn 100% matul l-2020 u l-2021, jew jieħdu miżuri oħra biex jipprevjenu ż-żieda lura milli tinkludi l-ammonti tal-ECL stabbiliti qabel it-tifqigħa tal-COVID-19 (13). Biex jirrifletti dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-regolament propost jipprevedi l-issettjar mill-ġdid tal-perjodu tranżitorju ta’ 5 snin li beda fl-2018 għall-komponent dinamiku biss.

1.3

Il-BĊE jappoġġja l-emenda tal-Artikolu 473a tas-CRR sabiex l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkunu jistgħu jżidu lura mal-kapital CET1 tagħhom ammont limitat għaż-żieda attribwibbli għall-komponent dinamiku tal-proviżjonijiet tal-ECL wara l-31 ta’ Diċembru 2019. L-ewwel nett, din is-soluzzjoni tippermetti li l-ambitu tal-miżuri addizzjonali jiġi personalizzat biex jiġu indirizzati l-effetti relatati mal-COVID-19, u b’hekk jiġu distinti mill-impatt mill-ewwel jum li ż-żieda fil-proviżjonijiet kellha fuq il-kapital CET1 minħabba l-introduzzjoni tal-IFRS 9. It-tieni nett, din is-soluzzjoni tkun konformi bis-sħiħ mad-deċiżjoni tal-BCBS tat-3 ta’ April 2020.

2.   Trattament ta’ self garantit pubblikament taħt il-garanzija ta’ kontinġenza prudenzjali tal-NPE

2.1

Skont l-Artikolu 47c(4) tas-CRR, skoperturi improduttivi (NPEs) iggarantiti minn aġenziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni (ECAs) uffiċjali jirċievu trattament preferenzjali fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ tnaqqis skont l-Artikolu 47c(3) tas-CRR (l-hekk imsejħa garanzija ta’ kontinġenza prudenzjali tal-NPE). Fil-każ tal-NPEs iggarantiti mill-ECAs, il-parti biss tal-iskopertura koperta minn tali garanzija jeħtieġ li titnaqqas għal kollox wara seba’ snin fl-istatus ta’ NPE, filwaqt li ma hemm l-ebda rekwiżit ta’ tnaqqis qabel dan. Għall-NPEs l-oħra kollha li huma ggarantiti bis-sħiħ jew parzjalment mill-kollateral li jikkwalifika, ir-rekwiżiti minimi tat-tnaqqis jiżdiedu gradwalment maż-żmien sakemm l-NPEs rilevanti jkunu koperti bis-sħiħ.

2.2

Ir-regolament propost jipprevedi estensjoni temporanja tat-trattament speċifiku tal-NPEs iggarantiti mill-ECAs għall-NPEs iggarantiti mill-gvernijiet nazzjonali jew minn entitajiet pubbliċi oħra, li huma eliġibbli bħala fornituri tal-protezzjoni tal-kreditu skont ir-regoli tal-mitigazzjoni tar-riskju tal-kreditu (14), sakemm il-garanzija jew il-kontrogaranzija tingħata bħala parti mill-miżuri ta’ sostenn biex jgħinu lil min jissellef waqt il-pandemija tal-COVID-19 (15).

2.3

Il-BĊE jilqa’ l-proposta li jiġi estiż temporanjament it-trattament aktar ta’ benefiċċju tal-Artikolu 47c(4) tas-CRR għall-NPEs iggarantiti mill-gvern nazzjonali jew minn entitajiet pubbliċi oħra, li huwa wkoll konformi mas-suġġeriment tal-BĊE (16). Il-proposta tneħħi d-distinzjoni arbitrarja bejn garanziji mogħtija minn entitajiet pubbliċi differenti b’pożizzjoni ta’ kreditu simili.

3.   Id-data tal-applikazzjoni tar-riżerva għall-proporzjon ta’ ingranaġġ

3.1

Il-Grupp tal-Gvernaturi u l-Kapijiet ta’ Superviżjoni (GHoS) tal-Banek Ċentrali li jissorvelja l-BCBS approva fis-27 ta’ Marzu 2020 li l-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tal-elementi finali tar-riforma ta’ Basel III tiġi posposta b’sena, inkluża r-riżerva għall-proporzjon ta’ ingranaġġ għal banek globali sistemikament importanti, li se ssir applikabbli fl-Unjoni fl-1 ta’ Jannar 2022. Ir-regolament propost jipprevedi allinjament tal-iskeda taż-żmien applikabbli fis-CRR mal-iskeda taż-żmien il-ġdida approvata mill-GHoS jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2023 u mhux l-1 ta’ Jannar 2022 (17).

3.2

Il-BĊE jappoġġja d-deċiżjoni li jsir użu mill-iskeda ta’ żmien estiża miftiehma fil-livell internazzjonali għall-finalizzazzjoni tar-riformi ta’ Basel III għall-finijiet tat-traspożizzjoni tagħhom fil-liġi tal-Unjoni. Il-posponiment tal-applikazzjoni tar-riżerva għall-proporzjon ta’ ingranaġġ għal banek globali sistemikament importanti se jippermetti lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu aġġustament aktar bla xkiel, filwaqt li jibqgħu kompletament konsistenti mas-sustanza u l-iskeda ta’ żmien maqbula fil-livell internazzjonali. Dan se jippermetti lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu jiffokaw il-kapaċità operattiva tagħhom fuq il-miżuri meħtieġa biex jindirizzaw il-kriżi attwali u jrawmu l-irkupru ekonomiku.

4.   Tpaċija tal-impatt tal-esklużjoni ta’ ċerti skoperturi mill-kalkolu tal-proporzjon ta’ ingranaġġ

4.1

L-istandard tal-proporzjon ta’ ingranaġġ finali ppubblikat mill-BCBS f’Diċembru 2017 (18) jipprevedi li, sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-politiki monetarji, il-ġurisdizzjoni tista’ temporanjament teżenta r-riżervi tal-bank ċentrali mill-miżura tal-iskopertura tal-proporzjon ta’ ingranaġġ f’ċirkostanzi makroekonomiċi eċċezzjonali. Jekk din id-diskrezzjoni tiġi eżerċitata, l-istandards ta’ Basel jeħtieġu rikalibrazzjoni (jiġifieri żieda) tar-rekwiżit tal-proporzjon ta’ ingranaġġ biex tiġi kkumpensata l-esklużjoni tar-riżervi tal-bank ċentrali. Din id-diskrezzjoni, li ġiet introdotta fid-dritt tal-Unjoni (19), se ssir applikabbli fit-28 ta’ Ġunju 2021.

4.2

Il-BĊE jinnota li l-esperjenza tal-kriżi finanzjarja globali enfasizzat b’mod ċar il-ħtieġa għal rekwiżit obbligatorju ta’ proporzjon ta’ ingranaġġ fil-Pilastru 1. Huwa rikonoxxut b’mod wiesa’ li l-akkumulazzjoni ta’ ingranaġġ eċċessiv fis-sistema bankarja kienet kawża sottostanti tal-kriżi finanzjarja globali. Il-BĊE għalhekk iqis li huwa importanti li r-rwol tal-proporzjon ta’ ingranaġġ jiġi ppreżervat bis-sħiħ bħala garanzija ta’ kontinġenza kredibbli mhux ibbażata fuq ir-riskju u li tiġi evitata l-esklużjoni tal-komponenti ewlenin tiegħu.

4.3

Ir-regolament propost jipprevedi bidla fil-mekkaniżmu ta’ rikalibrazzjoni kif attwalment stabbilit fis-CRR. B’mod partikolari, istituzzjoni ta’ kreditu se tkun meħtieġa tikkalkula l-proporzjon ta’ ingranaġġ aġġustat darba biss, fuq il-bażi tal-valur tar-riżervi tal-bank ċentrali eliġibbli tal-istituzzjoni u l-kejl tal-iskopertura totali fil-jum meta l-awtorità kompetenti tal-istituzzjoni tiddikjara li jeżistu ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw l-eżerċitar tad-diskrezzjoni. Il-proporzjon ta’ ingranaġġ aġġustat se japplika matul il-perjodu kollu li matulu tiġi eżerċitata d-diskrezzjoni u mhux se jinbidel, għall-kuntrarju ta’ dak li jiġri taħt il-mekkaniżmu ta’ rikalibrazzjoni attwalment fis-seħħ.

4.4

Il-BĊE jilqa’ l-fatt li r-regolament propost jimplimenta esklużjoni mmirata ta’ żieda fir-riżervi tal-bank ċentrali, li tista’ tappoġġja implimentazzjoni u trażmissjoni bla xkiel ta’ miżuri ta’ politika monetarja. Il-BĊE jinnota li żieda fil-likwidità tal-bank ċentrali li tirriżulta mit-twettiq tal-politika monetarja se twassal għal żieda fil-kwantità ta’ riżervi miżmuma mis-sistema bankarja, kif huwa l-każ għall-miżuri tal-politika monetarja mħabbra reċentement fir-rigward tal-kriżi COVID-19. Filwaqt li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu individwali jistgħu jittrasferixxu dawn ir-riżervi, is-sistema bankarja mhux se tkun tista’ tevita li żżomm dawn ir-riżervi addizzjonali u ż-żieda li takkumpanjahom fil-miżura tal-iskopertura totali tal-proporzjon ta’ ingranaġġ. Sabiex l-esklużjoni tkun effettiva bis-sħiħ, il-BĊE jissuġġerixxi l-modifiki li ġejjin.

4.5

Il-bidla għall-mekkaniżmu ta’ rikalibrazzjoni tapplika mit-28 ta’ Ġunju 2021. Madankollu, sa meta l-awtorità kompetenti teżerċita d-diskrezzjoni tagħha, li tista’ tkun fit-28 ta’ Ġunju 2021 jew data wara, l-ammont ta’ riżervi tal-bank ċentrali miżmuma minn istituzzjoni ta’ kreditu seta’ jkun diġà żdied b’mod sinifikanti minħabba miżuri ta’ politika monetarja. Ir-rikalibrazzjoni bbażata fuq ir-riżervi tal-bank ċentrali miżmuma minn istituzzjoni ta’ kreditu fid-data li awtorità kompetenti teżerċita d-diskrezzjoni tagħha tista’ ma tiffaċilitax bis-sħiħ l-implimentazzjoni u t-trażmissjoni effettiva tal-miżuri tal-politika monetarja. Dan għaliex iż-żieda fir-riżervi tal-bank ċentrali li jimplikaw dawn il-miżuri hija mistennija li tkun seħħet fil-biċċa l-kbira sa dik id-data. Għalhekk l-esklużjoni tar-riżervi tal-bank ċentrali kkalkulati f’dik id-data se toħloq inqas kapaċità għall-banek għal żieda potenzjali fis-self lill-ekonomija reali. Barra minn hekk, jekk ikun hemm il-ħtieġa li tiġġedded l-esklużjoni fi tmiem il-perjodu li matulu tiġi eżerċitata d-diskrezzjoni (inizjalment perjodu massimu ta’ sena), ir-rikalibrazzjoni tkun ibbażata fuq l-ammont tar-riżervi miżmuma fid-data tat-tiġdid, li sadanittant setgħu komplew jiżdiedu. Minħabba l-inċertezza tul il-perjodu taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, il-mekkaniżmu ta’ rikalibrazzjoni jista’ sostanzjalment jimpedixxi l-effikaċja tal-miżura fl-iffaċilitar tal-implimentazzjoni u t-trażmissjoni xierqa tal-politika monetarja.

4.6

L-awtoritajiet kompetenti għandhom għalhekk ikunu jistgħu jistabbilixxu d-data ta’ referenza għar-rikalibrazzjoni sabiex ir-rikalibrazzjoni tibqa’ stabbli għall-perjodu taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali. Dan jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti, f’konsultazzjoni mal-banek ċentrali, li jagħżlu data li timmarka l-bidu tal-perjodu ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali, kif jixhdu d-deċiżjonijiet ewlenin tal-politika monetarja (20). Dan jipprovdi ċertezza u ċarezza lill-parteċipanti fis-suq, u jappoġġja l-implimentazzjoni u t-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja.

4.7

Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu jagħmlu rikalibrazzjoni abbażi ta’ perjodu ta’ referenza, minflok data ta’ referenza. L-ammont medju tar-riżervi tal-bank ċentrali eliġibbli matul il-perjodu mbagħad jiġi kkunsidrat fir-rikalibrazzjoni. Dan jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jinjoraw kwalunkwe varjazzjoni ta’ kuljum tar-riżervi tal-bank ċentrali meta jistabbilixxu r-rekwiżit minimu l-ġdid għal kull istituzzjoni.

5.   Bidliet ulterjuri possibbli għal ċerti aspetti tar-rekwiżiti tar-riskju tas-suq

5.1

Il-livelli straordinarji ta’ volatilità rreġistrati fis-swieq finanzjarji minn mindu faqqgħet il-COVID-19 kellhom impatt fuq ir-rekwiżiti ta’ kapital għar-riskju tas-suq għall-istituzzjonijiet li jużaw l-approċċ tal-mudell intern għar-riskju tas-suq b’żewġ modi: (a) iċ-ċifri tal-Valur fir-Riskju jiżdiedu bħala konsegwenza tal-volatilità ogħla osservata, u (b) jiżdiedu l-multiplikaturi kwantitattivi tar-riskju tas-suq li jirriflettu n-numru tal-ittestjar retrospettiv tal-qbiż fil-valur (21). Dawn l-iżviluppi għandhom impatt fuq il-proporzjonijiet CET1 tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u jistgħu jħallu impatt ukoll fuq il-kapaċità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkomplu l-attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tas-suq u jipprovdu likwidità tas-suq, li taffettwa b’mod negattiv il-funzjonament ordnat tas-suq. Barra minn hekk, żieda eċċessiva fir-rekwiżiti ta’ kapital għar-riskju tas-suq timpedixxi l-objettiv li jiġi lliberat il-kapital biex jiġi appoġġjat is-self lill-ekonomija reali.

5.2

L-istandard tal-BCBS dwar il-mudelli interni tar-riskju tas-suq fih biżżejjed flessibbiltà għall-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tat-trattament tal-ittestjar retrospettiv tal-qbiż fil-valur f’ċirkostanzi straordinarji (22). B’mod partikolari, l-istandard tal-BCBS jirrikonoxxi li anki mudelli mfassla tajjeb jistgħu jonqsu milli jipprevedu volatilità għolja mhux mistennija tas-suq. F’dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji, anki mudell preċiż jista’ jipproduċi ħafna eċċezzjonijiet f’perjodu ta’ żmien relattivament qasir.

5.3

Filwaqt li s-CRR ma jinkludix referenza espliċita għaċ-ċirkostanzi straordinarji deskritti fit-test tal-BCBS, hija permessa ċerta flessibbiltà għall-awtorità kompetenti fil-valutazzjoni tar-riżultati tal-ittestjar retrospettiv. B’mod partikolari, l-Artikolu 366(4) tas-CRR jipprevedi li s-superviżur għandu d-diskrezzjoni li ma jgħoddx il-qbiż fil-valur li jirriżulta mit-telf attwali meta dan ikun xprunat minn fatturi għajr nuqqasijiet tal-mudell, bħal kundizzjonijiet tas-suq straordinarji. Madankollu, is-CRR ma jippermettix lill-awtorità kompetenti tapplika trattament simili għall-qbiż fil-valur ipotetiku u ma jagħtix kashom għall-finijiet tal-kalkolu tal-addend tal-ittestjar retrospettiv. It-tfixkil tas-suq ikkawżat mill-COVID-19 huwa mistenni li jinfluwenza n-numru ta’ qbiż fil-valur ipotetiku, b’mod simili għan-numru ta’ qbiż fil-valur attwali.

5.4

B’riżultat ta’ dan, meta mqabbla ma’ standards internazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti huma ristretti fil-miżuri superviżorji disponibbli tagħhom milli jilħqu l-għan tagħhom li jżommu l-kapaċità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jipprovdu likwidità tas-suq u li jkomplu l-attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tas-suq f’ċirkostanzi straordinarji, li għandhom rwol kritiku fl-appoġġ għall-ekonomija reali. Miżuri addizzjonali, bħal li jiġi injorat il-qbiż fil-valur (li jirriżulta kemm minn telf reali kif ukoll minn telf ipotetiku) f’ċirkostanzi straordinarji, jiksbu aħjar dan l-objettiv. Għalhekk, is-CRR għandu jiġi emendat sabiex jiġi żgurat li, f’ċirkostanzi straordinarji, l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jieħdu azzjoni xierqa, f’konformità mal-istandard tal-BCBS. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw aktar flessibbiltà li tippermettilhom jaġġustaw temporanjament in-numru ta’ qbiż fil-valur (li jirriżulta kemm minn telf attwali kif ukoll minn telf ipotetiku) jew jieħdu azzjoni xierqa oħra. Minħabba li l-kundizzjonijiet straordinarji tas-suq mhumiex marbutin ma’ entitajiet individwali speċifiċi, iżda mas-suq kollu, ikun importanti wkoll li l-awtorità kompetenti teżerċita din is-setgħa fost l-entitajiet taħt superviżjoni kollha fir-rigward tal-mudelli interni rispettivi tagħhom, aktar milli fuq bażi individwali.

Din l-opinjoni se tiġi ppubblikata fuq is-sit elettroniku tal-BĊE.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-20 ta’ Mejju 2020.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  COM(2020) 310 finali.

(2)  Ara l-blogg post minn Andrea Enria, President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE tas-27 ta’ Marzu 2020, Flessibbiltà fis-superviżjoni: kif is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE qed tikkontribwixxi fil-ġlieda kontra l-konsegwenzi ekonomiċi tal-coronavirus, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE dwar is-superviżjoni bankarja fuq www.bankingsupervision.europa.eu.

Ara wkoll l-FAQs dwar miżuri superviżorji tal-BĊE b’reazzjoni għall-coronavirus, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE dwar is-superviżjoni bankarja fuq www.bankingsupervision.europa.eu.

(3)  Ara l-Istqarrija għall-istampa tal-BĊE tat-12 ta’ Marzu 2020, Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE tipprovdi kapital temporanju u serħan operattiv b’reazzjoni għall-coronavirus, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE dwar is-superviżjoni bankarja fuq www.bankingsupervision.europa.eu.

(4)  Ara l-istqarrija għall-istampa tal-BĊE tal-20 ta’ Marzu 2020, Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE tipprovdi iktar flessibbiltà lill-banek b’reazzjoni għall-coronavirus, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE dwar is-superviżjoni bankarja fuq www.bankingsupervision.europa.eu.

(5)  Ara l-istqarrija għall-istampa tal-BĊE tal-20 ta’ Marzu 2020, Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE tipprovdi iktar flessibbiltà lill-banek b’reazzjoni għall-coronavirus, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE dwar is-superviżjoni bankarja fuq www.bankingsupervision.europa.eu.

(6)  Ara l-istqarrija għall-istampa tal-BĊE tas-16 ta’ April 2020, Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE tipprovdi serħan temporanju għar-rekwiżiti ta’ kapital għar-riskju tas-suq, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE dwar is-superviżjoni bankarja fuq www.bankingsupervision.europa.eu.

(7)  Rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-27 ta’ Marzu 2020 dwar id-distribuzzjonijiet tad-dividendi matul il-pandemija tal-COVID-19 u li tħassar ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/1 (BĊE/2020/19) (ĠU C 102 I, 30.3.2020, p. 1).

(8)  Ara t-taqsima 1 tal-memorandum ta’ spjegazzjoni li jakkumpanja r-regolament propost.

(9)  Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(10)  Ara l-Artikolu 141 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(11)  Ara t-taqsima 5 tal-memorandum ta’ spjegazzjoni li jakkumpanja r-regolament propost.

(12)  Ara l-istqarrija għall-istampa tal-BIS tat-3 ta’ April 2020, Il-Kumitat ta’ Basel jistabbilixxi miżuri addizzjonali biex itaffi l-impatt ta’ Covid-19, disponibbli fuq https://www.bis.org/press/p200403.htm.

(13)  BCBS, Miżuri li jirriflettu l-impatt ta’ Covid-19, disponibbli fuq https://www.bis.org/bcbs/publ/d498.pdf.

(14)  L-ittri (a) sa (e) tal-Artikolu 201(1) tas-CRR jirreferu għal skoperturi ta’ (a) gvernijiet ċentrali u banek ċentrali; (b) gvernijiet reġjonali jew awtoritajiet lokali; (c) banek ta’ żvilupp multilaterali; (d) organizzazzjonijiet internazzjonali li għalihom jiġi assenjat piż tar-riskju ta’ 0% skont l-Artikolu 117; (e) entitajiet tas-settur pubbliku, li t-talbiet fuqhom jiġu trattati skont l-Artikolu 116.

(15)  Ara l-Artikolu 500a ġdid propost tas-CRR.

(16)  Ara l-FAQs dwar il-miżuri superviżorji tal-BĊE b’reazzjoni għall-coronavirus.

(17)  Ara l-emenda proposta għall-Artikolu 3(5) tar-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li temenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tal-proporzjon ta’ ingranaġġ, tal-proporzjon nett ta’ finanzjament stabbli, tar-rekwiżiti għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, tar-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti, tar-riskju tas-suq, tal-iskoperturi għall-kontropartijiet ċentrali, tal-iskoperturi għall-impriżi ta’ investiment kollettiv, tal-iskoperturi kbar, tar-rekwiżiti ta’ rapportar u ta’ divulgazzjoni, u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 1).

(18)  BCBS, Basel III: L-iffinalizzar tar-riformi ta’ wara l-kriżi, p. 144, disponibbli fuq https://www.bis.org/bcbs/publ/d424.pdf.

(19)  Ara l-paragrafi 1(n) u 7 tal-Artikolu 429a tas-CRR kif emendat bir-Regolament (UE) 2019/876.

(20)  Ara l-istqarrija għall-istampa tal-BĊE tat-12 ta’ Marzu 2020, Id-deċiżjonijiet tal-politika monetarja, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(21)  Ara wkoll id-dikjarazzjoni tal-EBA dwar l-applikazzjoni tal-qafas prudenzjali dwar aspetti mmirati fil-qasam tar-riskju tas-suq fit-tifqigħa COVID-19 tat-22 ta’ April 2020, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-EBA fuq www.eba.europa.eu.

(22)  BCBS, Kalkolu MAR tal-RWA għar-riskju tas-suq, il-paragrafi 99.65 sa 99.69, disponibbli fuq https://www.bis.org/basel_framework/standard/MAR.htm.