14.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 199/3


Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

Sistemi ta’ Sikurezza tal-Okkupanti (II) fornuti lill-Grupp Volkswagen u lill-Grupp BMW

(AT.40481)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2019/C 199/03)

Fis-7 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni bdiet proċedimenti skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (2) u l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 (3) kontra Autoliv (4), Takata (5) u TRW (6) (kollettivament “il-partijiet”).

Wara diskussjonijiet ta’ riżolviment (7) u sottomissjonijiet dwar riżolviment (8) f’konformità mal-Artikolu 10a (2) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004, il-Kummissjoni għamlet notifika ta’ Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet (DO) fl-10 ta’ Jannar 2019. Skont id-DO, il-partijiet ipparteċipaw f’żewġ każijiet ta’ ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 tat-TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fir-rigward tal-provvisti tal-prodotti għas-sikurezza tal-okkupanti għal ċerti karozzi tal-passiġġieri lil kumpaniji li jappartjenu għall-Grupp Volkswagen u l-Grupp Volkswagen u l-Grupp BMW.

Fir-risposti rispettivi tagħhom għad-DO, il-partijiet ikkonfermaw skont l-Artikolu 10a(3) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 li d-DO irriflettiet il-kontenut tas-sottomissjonijiet dwar ir-riżolviment tagħhom.

L-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni jsib li l-partijiet kisru l-Artikolu 101 tat-TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw f’żewġ każijiet ta’ ksur uniku u kontinwu li kienu jikkonsistu mill-iskambju ta’ ċerta informazzjoni kummerċjalment sensittiva u f’xi każi koordinazzjoni tal-prezzijiet li jikkonċernaw il-bejgħ ta’ ċerti tipi ta’ sistemi tas-sikurezza tal-okkupanti (jiġifieri ċinturini tas-sikurezza, airbags u/jew roti tal-istering) għall-karozzi tal-passiġġieri fil-perjodu bejn Jannar 2007 u Marzu 2011 lill-Grupp Volkswagen u lill-Grupp Volkswagen u lill-Grupp BMW.

Skont l-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, eżaminajt jekk l-abbozz ta’ deċiżjoni jittrattax biss l-oġġezzjonijiet li l-partijiet ingħataw l-opportunità juru l-fehmiet tagħhom dwarhom. Ikkonkludejt li dan seħħ.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, u b’kunsiderazzjoni li l-partijiet ma indirizzawli l-ebda talba jew ilment (9), inqis li l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet fil-proċedimenti ta’ dan il-każ ġie rrispettat.

Brussell, l-1 ta’ Marzu 2019.

Joos STRAGIER


(1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) numru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18).

(4)  Autoliv, Inc. u Autoliv B.V. & Co. KG.

(5)  TKJP Corporation (li qabel kienet Takata Corporation) u TB Deu Abwicklungs-Aktiengesellschaft i.L. (qabel kienet Takata Aktiengesellschaft).

(6)  ZF TRW Automotive Holdings Corp. (li qabel kienet TRW Automotive Holdings Corp.), TRW Automotive Safety Systems GmbH u TRW Automotive GmbH.

(7)  Il-laqgħat ta’ riżolviment saru bejn Novembru 2017 u Novembru 2018.

(8)  Il-partijiet issottomettew it-talbiet formali għal riżolviment fi […].

(9)  Skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, il-partijiet għall-proċedimenti f’każijiet ta’ kartelli li jinvolvu ruħhom f’diskussjonijiet ta’ riżolviment skont l-Artikolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 773/2004, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura ta’ riżolviment jistgħu jikkonfermaw mal-uffiċjal tas-seduta li l-eżerċitar tad-drittijiet proċedurali tagħhom ikun żgurat. Ara wkoll il-paragrafu 18 tal-Avviż tal-Kummissjoni 2008/C 167/01 dwar il-mod ta’ proċedimenti ta’ riżolviment ta’ tilwim bil-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 f’każijiet tal-kartelli (ĠU C 167, 2.7.2008, p. 1).