9.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 412/12


Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar l-Edukazzjoni u t-taħriġ ta' persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ

(2019/C 412/03)

IL-KUNSILL U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI MLAQQGĦIN FI ĦDAN IL-KUNSILL

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU LI:

1.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 tistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea fost affarijiet oħra jappoġġaw l-iżvilupp ta' ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew, inkluż it-taħriġ għal persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ.

2.

Il-varjetà u l-karatteristiċi speċifiċi tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-Istati Membri huma riflessjoni tal-istorja, il-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi u l-kuntesti kulturali rispettivi tal-Istati Membri, kif ukoll il-prijoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali tagħhom.

3.

Minkejja d-differenzi, hemm bażi komuni f'dak li jirrigwarda l-ħtiġijiet edukattivi u ta' taħriġ ta' persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, imsejsa fuq kooperazzjoni li ilha ssir fil-qasam Ewropew taż-żgħażagħ, fuq valuri komuni u fuq għadd kbir ta' studji, dikjarazzjonijiet, programmi, konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ (1). Attivitajiet bil-mira fost affarijiet oħra li tinħoloq klassifikazzjoni Ewropea ta' standards okkupazzjonali, jiġu mmappjati l-perkorsi edukattivi u tal-karriera ta' persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, tiżdied il-kwalità tal-provvista ta' ħidma fost iż-żgħażagħ, tingħata informazzjoni dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ u jiġi appoġġat l-iżvilupp professjonali ta' persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ permezz tal-programmi tal-UE u l-portafoll tal-Ħidma fost iż-Żgħażagħ tal-Kunsill tal-Ewropa jikkontribwixxu elementi utli għal din il-bażi komuni.

4.

L-edukazzjoni u t-taħriġ ta' persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ għandhom jiġu adattati biex jikkorrispondu għall-ħtiġijiet u l-kundizzjonijiet partikolari fl-Istati Membri individwali. Għaldaqstant, l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ jeħtieġu approċċ flessibbli, orjentat lejn l-utenti, fuq diversi livelli u transsettorjali.

5.

L-edukazzjoni u t-taħriġ ta' persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ jistgħu jsiru minn, fost oħrajn, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, organizzazzjonijiet ta' ħidma fost iż-żgħażagħ, organizzazzjonijiet muniċipali jew reġjonali ta' ħidma fost iż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili, kif ukoll minn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ li jipprovdu studji relatati mal-ħidma fost iż-żgħażagħ.

6.

Peress li l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ jeħtieġ li jiġu adattati għall-kundizzjonijiet nazzjonali, il-mudelli u l-prattiki li jirriżultaw mhumiex neċessarjament direttament trasferibbli għal Stati Membri oħra.

7.

Studji u stħarriġ reċenti (2) jissuġġerixxu li hemm nuqqas ta' edukazzjoni ta' kwalità fil-qasam tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u nuqqas ta' taħriġ għal persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ fl-Ewropa. Hemm ukoll nuqqas ta' informazzjoni u data dwar il-ħtiġijiet ta' edukazzjoni u taħriġ u dwar id-dispożizzjonijiet eżistenti fid-diversi Stati Membri.

8.

Edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja, flessibbli u orjentati lejn il-prattika għal persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, appoġġati minn riċerka regolari, huma prekundizzjoni kruċjali u mutur għall-promozzjoni kemm tal-kwalità kif ukoll tar-rikonoxximent tal-ħidma fost iż-żgħażagħ.

FILWAQT LI JENFASIZZAW:

9.

Il-ħtieġa li jiġu żviluppati u jingħataw edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, li jibnu fuq id-diversità tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa.

10.

Il-ħtieġa li jkomplu jiġu esplorati l-perkorsi edukattivi u ta' tagħlim ta' persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ imħallsa u volontarji. Hemm nuqqas ta' għarfien dwar kif l-edukazzjoni formali u t-tagħlim mhux formali jkollhom konnessjoni mal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u jħejjuhom għall-prattika attwali tal-ħidma fost iż-żgħażagħ. Hemm ukoll il-ħtieġa li jiġu mmappjati l-karrieri ta' persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u li tingħata ħarsa aktar fil-fond lejn il-ġestjoni tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, l-organizzazzjonijiet ta' ħidma fost iż-żgħażagħ u l-ħidma fost iż-żgħażagħ fuq il-livell muniċipali jew reġjonali sabiex jiġu appoġġati t-tagħlim u t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol. Hi meħtieġa wkoll aktar informazzjoni dwar kif l-assoċjazzjonijiet u n-netwerks ta' persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ jistgħu jingħataw is-setgħa u jissaħħu għat-tagħlim bejn il-pari, il-konsulenza bejn il-pari u l-appoġġ tal-pari.

11.

Ir-rwol essenzjali tar-riċerka, u ta' perspettivi u approċċi msejsa fuq il-prattika u minn isfel għal fuq għall-edukazzjoni u t-taħriġ ta' persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ.

12.

L-importanza u l-potenzjal tat-tagħlim bejn il-pari, it-taħriġ bejn il-pari, il-mentoraġġ, il-prattika sorveljata u l-prattika riflessiva fl-edukazzjoni u t-taħriġ tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ.

13.

Ir-rikonoxximent tal-varjetà ta' kompetenzi (3) li l-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ jeħtieġu għall-ħidma tagħhom maż-żgħażagħ hekk kif is-sitwazzjonijiet tal-ħajja tagħhom jevolvu.

14.

L-importanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali u kontinwi ta' persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ biex jiffaċċaw u jindirizzaw b'mod adegwat il-kwistjonijiet emerġenti li huma rilevanti għaż-żgħażagħ, bħad-diġitalizzazzjoni, il-migrazzjoni, it-tibdil fil-klima, suq tax-xogħol li qed jinbidel, it-theddid għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, u żieda fl-inċertezza.

15.

L-opportunità li l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ jitqiesu bħala għodda għall-implimentazzjoni tal-objettivi tal-politika Ewropea dwar iż-żgħażagħ u l-istrateġiji Ewropej għall-ħidma fost iż-żgħażagħ, b'mod partikolari l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019–2027.

16.

L-importanza tat-twaqqif jew tat-titjib, kif xieraq, ta' strutturi u riżorsi sostenibbli għall-iżvilupp tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ fl-Ewropa.

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI EWROPEA, FL-OQSMA TA' KOMPETENZA RISPETTIVI TAGĦHOM U FIL-LIVELLI XIERQA, B'KUNSIDERAZZJONI XIERQA GĦALL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ:

17.

Filwaqt li jibnu fuq l-eżerċizzju ta' mmappjar eżistenti, iwettqu aktar riċerka dwar is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ attwali għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ fl-Ewropa, sabiex japprofondixxu l-għarfien dwar l-impatt tal-politiki, il-metodi u l-għodod żviluppati fil-livell Ewropew fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ fl-Istati Membri. Kull fejn ikun possibbli , il-ġbir ta' informazzjoni għandu jsir permezz tal-istrumenti disponibbli, bħaċ-Ċentru Ewropew ta' Għarfien għall-Politika dwar iż-Żgħażagħ u l-Wiki taż-Żgħażagħ.

18.

Jiżviluppaw fehim komuni bejn l-Istati Membri ta' x'inhuma edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u l-objettivi tagħhom, biex b'hekk irawmu l-iżvilupp ta' approċċi flessibbli, ibbażati fuq il-prattika u fuq diversi livelli għall-edukazzjoni u t-taħriġ ta' persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ li jistgħu jiġu adattati biex jissodisfaw il-ħtiġijiet u l-aspettattivi nazzjonali, reġjonali u lokali f'kull Stat Membru.

19.

Joħolqu qafas ibbażat fuq kompetenzi għal edukazzjoni u taħriġ formali u mhux formali għal persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ li jkun sensittiv għad-differenzi fil-ħtiġijiet ta' taħriġ ta' persuni impjegati/li jitħallsu li jaħdmu maż-żgħażagħ, dawk li jixtiequ jsegwu karriera ta' ħidma fost iż-żgħażagħ u voluntiera u mexxejja voluntiera li jaħdmu maż-żgħażagħ, li jiddependi fuq it-tagħlim mill-pari u juża t-tagħlim diġitali u metodi innovattivi oħra. Tali qafas ma jkun jimponi ebda rekwiżit formali fuq il-programmi edukattivi nazzjonali u ser ikun jirrispetta għalkollox il-kompetenzi nazzjonali.

20.

Jinkoraġġixxu lill-Istati Membri jwettqu, fejn xieraq, immappjar speċifiku għall-pajjiżi tal-kompetenzi meħtieġa fil-ħidma fost iż-żgħażagħ, kif ukoll tal-elementi ewlenin tagħhom, u, fuq il-bażi ta' dan, jevalwaw, jaġġornaw u jkomplu jiżviluppaw programmi ta' taħriġ u edukazzjoni għal persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ immexxija minn istituti edukattivi jew ta' taħriġ lokali, reġjonali jew nazzjonali jew minn organizzazzjonijiet li jipprovdu taħriġ għall-ħidma fost iż-żgħażagħ, kemm għal tagħlim inizjali kif ukoll għal dak kontinwu.

21.

Iħeġġu lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet nazzjonali rilevanti u lill-partijiet ikkonċernati fil-qasam taż-żgħażagħ jaħdmu flimkien mal-Kunsill tal-Ewropa, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet u netwerks rilevanti oħrajn biex ikomplu jiżviluppaw l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ fil-livell Ewropew.

22.

Jippromwovu u jiffaċilitaw kooperazzjoni bilaterali u multilaterali, b'mod partikolari fil-livell interdixxiplinarju, bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-Istati Membri, universitajiet, istituzzjonijiet edukattivi, fosthom istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet ta' edukazzjoni vokazzjonali bi programmi ta' edukazzjoni u taħriġ stabbiliti għal persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u dawk li jkollhom il-mira li jiżviluppaw programmi bħal dawn.

23.

Jippromwovu kooperazzjoni kontinwa bejn il-fornituri pubbliċi ta' ħidma fost iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili involuti fl-edukazzjoni u t-taħriġ tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ għall-fini tal-iskambju ta' esperjenzi u tal-kondiviżjoni tal-ispirazzjoni madwar l-Ewropa. Għal dan il-għan, l-opportunitajiet ipprovduti mill-programmi rilevanti tal-UE, bħall-Erasmus +, għandhom jintużaw kif xieraq.

24.

Itejbu l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, ir-riċerka relatata mal-ħidma fost iż-żgħażagħ u r-rikonoxximent tat-tagħlim mhux formali fil-ħidma fost iż-żgħażagħ billi jingħataw opportunitajiet għall-iskambju, il-kooperazzjoni u n-netwerking permezz tal-użu effettiv tal-opportunitajiet ipprovduti mill-programmi u l-fondi tal-UE, bħal Erasmus+, il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u Ewropa Kreattiva.

JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI EWROPEA:

25.

Tesplora l-alternattivi, sa tmiem l-2021, biex ikomplu jiġu żviluppati l-edukazzjoni u t-taħriġ ta' persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, inkluż it-tħejjija ta' Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar dan is-suġġett.

26.

Ittejjeb il-kompetenzi diġitali permezz ta' tagħlim u taħriġ mhux formali, filwaqt li tqis il-proċess ta' aġġornament tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali bil-ħsieb li jiġi estiż għall-ħidma fost iż-żgħażagħ.

(1)  Ara r-referenzi fl-Anness

(2)  Ara referenza 4 fl-Anness.

(3)  Youth work (education) in flux: contemporary challenges in an erratic Europe, Rapport dwar il-konferenza tal-UE dwar iż-żgħażagħ, Helsinki, 1-3 ta' Lulju 2019 minn Tomi Kiilakoski u Marko Kovacic


ANNESS

1.   Referenzi

Filwaqt li jadotta dawn il-konklużjonijiet, il-Kunsill ifakkar, b'mod partikolari, f'dan li ġej:

1.

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-aċċess taż-żgħażagħ għall-kultura (2010/C 326/02);

2.

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ (2010/C 327/01);

3.

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-dimensjoni tal-Lvant tal-parteċipazzjoni u l-mobbiltà taż-żgħażagħ (2011/C 372/03);

4.

Kummissjoni Ewropea, Working with young people: the value of youth work in the European Union, 2014 (mhux disponibbli bil-Malti);

5.

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-ħidma fost iż-żgħażagħ sabiex jiġu żgurati soċjetajiet koeżivi (2015/C 170/02);

6.

Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni politika taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika fl-Ewropa, (2015/C 417/02);

7.

Dikjarazzjoni tat-Tieni Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħidma fost iż-Żgħażagħ, 27-30 ta' April 2015;

8.

Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar ir-rwol tas-settur taż-żgħażagħ f'approċċ integrat u transsettorjali biex tiġi evitata u miġġielda r-radikalizzazzjoni vjolenti taż-żgħażagħ (2016/C 213/01);

9.

Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-promozzjoni ta' approċċi ġodda fil-ħidma fost iż-żgħażagħ biex jiġi skopert u żviluppat il-potenzjal taż-żgħażagħ (2016/C 467/03);

10.

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol tal-ħidma fost iż-żgħażagħ għall-appoġġ liż-żgħażagħ fl-iżvilupp ta' ħiliet essenzjali għall-ħajja li jiffaċilitaw it-transizzjoni b'suċċess tagħhom għall-ħajja adulta, iċ-ċittadinanza attiva u l-ħajja tax-xogħol (2017/C 189/06);

11.

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ħidma intelliġenti fost iż-żgħażagħ (2017/C 418/02);

12.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa CM/Rec(2017) 4 tal-Kumitat tal-Ministri lill-istati membri dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ;

13.

Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar qafas għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ: L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 (2018/C 456/01);

14.

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, COM(2018) 22 final;

15.

Sħubija bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa fil-qasam taż-Żgħażagħ: L-immappjar tal-perkorsi edukattivi u tal-karrieri ta' dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ, Parti I. Rapport.

2.   Definizzjoni

Għall-fini ta' dawn il-Konklużjonijiet tal-Kunsill,

"Persuna li taħdem maż-żgħażagħ" hija professjonist, voluntier jew mexxej taż-żgħażagħ li tiffaċilita t-tagħlim u l-iżvilupp personali u soċjali taż-żgħażagħ u timmotivahom biex isiru individwi u ċittadini awtonomi, attivi u responsabbli. It-twettiq ta' ħidma fost iż-żgħażagħ huwa mirfud mill-prinċipji tas-sehem volontarju u attiv taż-żgħażagħ.