7.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 192/11


Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-titjib fiċ-ċirkolazzjoni transfruntiera ta’ xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej, b’enfasi fuq il-koproduzzjonijiet

(2019/C 192/05)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

FILWAQT LI JFAKKAR:

fil-kuntest politiku kif stabbilit fl-Anness I (1) għal dawn il-konklużjonijiet, u b’mod partikolari l-Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura 2019-2022, adottat fis-27 ta’ Novembru 2018,

JAGĦRAF LI

1.

Id-diversità kulturali u lingwistika tal-Ewropa tirrappreżenta assi importanti għas-settur awdjoviżiv Ewropew. Meta japprofitta mill-aqwa użu tat-teknoloġiji diġitali online, il-kontenut awdjoviżiv jista’ jegħleb il-konfini ġeografiċi u lingwistiċi, jippromwovi d-diversità kulturali u jaqsam il-valuri Ewropej, biex b’hekk irawwem sens ta’ appartenenza għal spazju kulturali komuni u l-kompetittività tas-settur awdjoviżiv Ewropew.

2.

Ix-xogħlijiet awdjoviżivi, partikolarment films, sensiliet u teledrammi f’episodji, kemm biex jintwerew fiċ-ċinema kif ukoll għal servizzi tal-media awdjoviżiva, jirriflettu r-rikkezza u d-diversità tal-kulturi Ewropej u jikkostitwixxu wirt li jeħtieġ li jkun promoss u ppreservat għall-ġenerazzjonijiet futuri u minnhom stess.

3.

L-iżvilupp diġitali għamel possibbli l-koeżistenza tat-teatri taċ-ċinema u tas-servizzi tal-media awdjoviżivi lineari u nonlineari, li ħalliet impatt fuq id-drawwiet u l-preferenzi tal-udjenzi (2). Madankollu, it-teatri taċ-ċinema għadhom il-pjattaforma ewlenija għall-esplojtazzjoni kummerċjali ta’ films twal (3).

4.

Ittieħdu passi importanti fil-livell Ewropew biex tiġi indirizzata l-piraterija awdjoviżiva online, iżda huma meħtieġa aktar sforzi biex tissaħħaħ l-ekonomija kreattiva fl-era diġitali, sabiex titħares id-diversità kulturali tagħha u jiġi żgurat li aktar xogħlijiet ikunu disponibbli għan-nies madwar l-Ewropa u lil hinn minnha.

5.

Ġeneralment, iċ-ċirkolazzjoni ta’ xogħlijiet awdjoviżivi tiġi stimulata b’miżuri ta’ finanzjament nazzjonali u internazzjonali marbuta mal-promozzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni, inkluż matul l-istadju tal-iżvilupp permezz ta’ mezzi diġitali differenti, kif ukoll wirjiet f’festivals, fost l-oħrajn. Il-qafas legali awdjoviżiv Ewropew, b’mod partikolari d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva, huwa pilastru importanti biex tiġi żgurata l-viżibbiltà tal-produzzjonijiet awdjoviżivi Ewropej fil-pajjiżi tal-UE.

6.

Studji (4) mill-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew juru li parti kbira mill-films prodotti fl-UE huma koproduzzjonijiet Ewropej u jindikaw il-vantaġġi tal-koproduzzjoni, jiġifieri l-possibbiltà li jintlaħqu udjenzi u swieq akbar milli għal films nazzjonali (5) u li jibbenefikaw minn aktar sorsi ta’ finanzjament, inkluż il-finanzjament pubbliku (6). Barra minn hekk, il-koproduzzjonijiet jirriżultaw minn kooperazzjoni kreattiva, finanzjarja u prattika msejsa fuq il-kondiviżjoni tal-għarfien espert u jibnu pontijiet bejn żoni u kuntesti ġeografiċi u lingwistiċi differenti, waqt li jħallu effetti pożittivi fuq is-sħab, kemm maġoritarji kif ukoll minoritarji, tal-koproduzzjoni u fuq is-settur awdjoviżiv kollu kemm hu.

7.

It-titjib taċ-ċirkolazzjoni transfruntiera tax-xogħlijiet awdjoviżivi permezz ta’ pjattaformi u katalgi differenti jeħtieġ approċċ koerenti għall-politiki f’dan il-qasam, inkluż fir-rigward tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda bħall-intelliġenza artifiċjali.

8.

Qafas regolatorju xieraq skont il-ħtieġa u komplementarjetà bejn is-sorsi differenti ta’ finanzjament huma meħtieġa biex jiġu inkoraġġiti l-ħolqien u l-produzzjoni ta’ kwalità għolja fis-settur awdjoviżiv, waqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tas-swieq awdjoviżivi u l-kapaċitajiet tagħhom, il-politiki u l-miżuri eżistenti ta’ appoġġ fil-livell nazzjonali, kif ukoll l-ispeċifiċitajiet tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament u għoti ta’ liċenzji għal ċerti xogħlijiet awdjoviżivi, sikwit ibbażati fuq l-għoti ta’ liċenzji territorjali esklużivi. Fil-maġġoranza tal-każijiet, il-fondi nazzjonali għal films bi skemi ta’ appoġġ differenti u tipi differenti ta’ għotjiet, self, inċentivi fiskali u mekkaniżmi ta’ finanzjament Ewropej għal proġetti multilaterali, bħas-sottoprogram MEDIA u Eurimages, jipprovdu lis-settur awdjoviżiv b’riżorsi vitali għall-proġetti tiegħu. Filwaqt li qed jiġu ttestjati u żviluppati għodod ġodda ta’ finanzjament, il-bejgħ minn qabel lil xandara pubbliċi u privati u lil distributuri minn pajjiżi differenti, u l-investimenti tagħhom, jibqgħu essenzjali għall-finanzjament ta’ films Ewropej (7). Mil-livell reġjonali sa dak Ewropew, il-fondi pubbliċi żviluppaw dejjem aktar opportunitajiet finanzjarji, inkluż inċentivi ta’ produzzjoni u skemi ta’ koproduzzjoni minoritarji.

9.

Is-settur awdjoviżiv Ewropew huwa karatterizzat minn speċifiċitajiet ġeografiċi u/jew lingwistiċi, li jistgħu jkunu l-kawża ta’ frammentazzjoni tas-suq. Bil-ħsieb li dan jingħeleb, il-koproduzzjonijiet jistgħu jsaħħu ċ-ċirkolazzjoni internazzjonali tax-xogħlijiet awdjoviżivi u jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet nazzjonali ta’ produzzjoni u distribuzzjoni u fiż-żieda tal-kompetittività u l-viżibbiltà tal-produzzjonijiet awdjoviżivi nazzjonali.

10.

Il-preżenza ta’ koproduzzjonijiet f’festivals tal-films għandha l-potenzjal li tiżgura l-viżibbiltà ta’ xogħlijiet ta’ kwalità u żżid iċ-ċirkolazzjoni tagħhom. Il-festivals tal-films jaqdu wkoll rwol importanti fit-trawwim tal-kooperazzjoni (pereżempju bil-kondiviżjoni ta’ riżorsi u tagħrif espert) bejn atturi differenti fil-katina tal-valur.

FILWAQT LI F’DAN IL-KUNTEST JENFASIZZAW LI:

11.

Fil-qafas tal-Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura 2015-2018, ġie stabbilit grupp ta’ esperti dwar il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni (OMC) b’rabta maċ-ċirkolazzjoni tal-films Ewropej. Huwa rrakkomanda li jitħeġġeġ aktar investiment fil-koproduzzjonijiet billi jkunu inċentivati l-koproduzzjonijiet f’oqfsa legali nazzjonali u fi skemi ta’ appoġġ awdjoviżiv, inkluż bl-appoġġ ta’ fondi bilaterali għal koproduzzjoni jew kożvilupp. Irrakkomanda wkoll li jiġu mħeġġa l-koproduzzjonijiet bejn sħab varji minn firxa wiesgħa ta’ Stati Membri.

12.

Fil-kuntest tal-Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura 2019-2022, grupp ġdid ta’ esperti OMC ser jiffoka fuq il-koproduzzjonijiet fis-settur awdjoviżiv. Il-grupp għandu jibni fuq il-ħidma tal-grupp espert OMC dwar iċ-ċirkolazzjoni ta’ films Ewropej u huwa mistenni jivvaluta b’mod aktar speċifiku l-koproduzzjonijiet, inkluż ma’ pajjiżi mhux tal-UE, u jirrapporta rakkomandazzjonijiet konkreti lill-Kunsill.

13.

Fid-dawl tal-iżviluppi msemmija hawn fuq, jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali, fil-limitu tar-riżorsi eżistenti, lil żewġ linji ta’ azzjoni:

A.   MIŻURI DIRETTI BIEX JINKORAĠĠIXXU L-KOPRODUZZJONIJIET

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

JISSOTTOLINJA LI:

14.

Kemm is-sħab maġġoritarji kif ukoll dawk minoritarji ta’ koproduzzjoni jibbenefikaw mill-opportunitajiet li tipprovdi l-kooperazzjoni, f’termini ta’ fondi, faċilitajiet tekniċi, għarfien espert, valuri għolja ta’ produzzjoni u ċ-ċirkolazzjoni msaħħa miksuba mill-koproduzzjoni.

15.

Il-fondi, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji nazzjonali tal-films – ta’ spiss fil-kuntest ta’ ftehimiet ta’ koproduzzjoni – jagħtu kontribut sinifikanti għall-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni tal-koproduzzjonijiet fl-Ewropa billi jappoġġawhom fil-fażijiet kollha (l-iżvilupp, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni).

16.

Is-sottoprogramm MEDIA 2014-2020 huwa magħmul minn ħafna skemi ta’ finanzjament u azzjonijiet differenti li jinkoraġġixxu u jappoġġaw il-koproduzzjonijiet Ewropej. L-appoġġ dirett tiegħu lill-koproduzzjonijiet jinkludi l-operazzjoni ta’ fondi għall-koproduzzjoni internazzjonali, azzjonijiet speċifiċi skont l-iskema tal-iżvilupp (finanzjament individwali jew tat-tip slate) u l-iskema tal-programmazzjoni tat-TV, u appoġġ għall-istrateġiji ta’ distribuzzjoni li jtejbu ċ-ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet iffinanzjati.

17.

Filwaqt li t-trattati jew il-ftehimiet bilaterali ta’ koproduzzjoni jiffaċilitaw l-aċċess għas-sistemi nazzjonali ta’ finanzjament u ta’ appoġġ, il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Koproduzzjoni Ċinematografika tal-Kunsill tal-Ewropa (1992, riveduta fl-2017) tipprovdi qafas legali komprensiv u standards għall-koproduzzjonijiet multilaterali u għall-koproduzzjonijiet bilaterali bejn partijiet li ma jkunux daħlu fi trattat bilaterali.

18.

Eurimages, il-fond ta’ appoġġ kulturali tal-Kunsill tal-Ewropa, huwa strument importanti ħafna biex jingħata finanzjament għall-koproduzzjonijiet u huwa rilevanti għad-distribuzzjoni u l-esplojtazzjoni kummerċjali ta’ films twal, animazzjonijiet u films dokumentarji.

19.

Il-koproduzzjonijiet fost il-pajjiżi li huma qrib xulxin ġeografikament u/jew kulturalment, f’xi każijiet saħħu l-prattika ta’ kooperazzjoni strutturata tul il-katina tal-valur.

20.

Kemm il-koproduzzjonijiet Ewropej kif ukoll dawk internazzjonali, spiss appoġġati mill-fondi reġjonali, nazzjonali u Ewropej imsemmija hawn fuq, urew potenzjal ta’ ċirkolazzjoni msaħħaħ u sikwit kienu ppremjati bl-aktar premjijiet u rikonoxximenti għall-films prestiġjużi fid-dinja.

21.

L-opportunitajiet ġodda offruti mill-ambjent diġitali qegħdin kull ma jmur jintużaw minn produtturi fl-istruttura u l-proċess ta’ koproduzzjoni internazzjonali.

22.

Ir-rekwiżiti amministrattivi differenti fost il-korpi ta’ finanzjament pubbliku u diversi settijiet ta’ regoli fil-livell reġjonali, nazzjonali, u Ewropew jistgħu xi kultant ikunu ta’ sfida għas-sħab f’koproduzzjoni, mil-lat tekniku, artistiku u finanzjarju.

23.

Waqt li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet huwa limitat għall-koproduzzjonijiet minn fost il-pajjiżi Ewropej, importanti li jiġi ssottolinjat l-interess dejjem jiżdied fis-settur awdjoviżiv Ewropew f’koproduzzjonijiet ma’ pajjiżi ewlenin mhux Ewropej. Minbarra li jinvolvi talenti mid-dinja kollha, dan għandu potenzjal għoli li jżid iċ-ċirkolazzjoni internazzjonali ta’ xogħlijiet Ewropej koprodotti.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI, FIL-LIMITI TAL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM, BIEX:

24.

jibqgħu jinkoraġġixxu l-koproduzzjonijiet Ewropej bejn pajjiżi b’kapaċitajiet awdjoviżivi diversi u/jew bejn pajjiżi b’żona lingwistika jew ġeografika ristretta, kif ukoll iċ-ċirkolazzjoni u l-viżibbiltà ta’ dawn ix-xogħlijiet;

25.

jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jaqsmu prattiki tajba u jidentifikaw soluzzjonijiet għas-simplifikazzjoni amministrattiva, il-koerenza u t-trasparenza tar-regoli ta’ fondi pubbliċi differenti, inkluż permezz tat-teknoloġiji diġitali, sabiex ikomplu jiffaċilitaw il-koproduzzjonijiet Ewropej;

26.

iqisu l-possibbiltà li jtejbu ċ-ċirkolazzjoni, il-promozzjoni u l-esplojtazzjoni kummerċjali tal-films waqt it-tfassil tal-iskemi ta’ appoġġ tagħhom u jikkunsidraw il-valutazzjoni tal-iskemi pubbliċi tagħhom tal-iffinanzjar fid-dawl ta’ objettivi ċari dwar il-kwalità ta’ xogħlijiet kofinanzjati u tal-potenzjal tagħhom li jiċċirkolaw fl-UE;

27.

iħeġġu lill-atturi kollha, inkluż il-fornituri tas-servizzi tal-kontenut online, biex jikkondividu data dwar l-udjenza mal-awtoritajiet pubbliċi u mad-detenturi tad-drittijiet u jużaw din id-data sabiex ikunu jafu l-udjenza tagħhom u jifhmuha aħjar sabiex jadattaw l-iskemi ta’ appoġġ kif xieraq.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

28.

jikkunsidraw l-implimentazzjoni ta’ skemi ta’ appoġġ, inkluż skemi għall-koproduzzjonijiet minoritarji, biex jissupplimentaw il-finanzjament privat u l-istrumenti finanzjarji Ewropej, sabiex iħeġġu l-produzzjoni u l-promozzjoni tax-xogħlijiet Ewropej fuq il-pjattaformi kollha;

29.

jappoġġaw aktar il-fondi reġjonali u nazzjonali fir-rwol essenzjali tagħhom ta’ faċilitaturi ta’ koproduzzjonijiet, filwaqt li fejn possibbli jiżguraw il-komplementarjetà tagħhom mal-miżuri ta’ appoġġ;

30.

jużaw teknoloġiji ġodda fid-diġitalizzazzjoni tal-proċess kuntrattwali u ta’ finanzjament sabiex jissimplifikaw l-aċċess għall-finanzjament, jiżguraw użu aktar effiċjenti u trasparenti tal-flejjes pubbliċi u jnaqqsu l-għadd ta’ kwistjonijiet legali li jirriżultaw b’rabta mal-koproduzzjoni;

31.

jenfasizzaw ir-rwol tal-produtturi indipendenti fil-proċess ta’ koproduzzjoni.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:

32.

tesplora modi kif tista’ tiżviluppa, tippromwovi u tissimplifika aktar l-opportunitajiet ta’ finanzjament għall-koproduzzjonijiet skont is-sottoprogramm MEDIA;

33.

tippromwovi miżuri għall-kisba ta’ viżibbiltà u ċirkolazzjoni aħjar ta’ xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej, filwaqt li tiżgura kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni li jqisu l-ispeċifiċitajiet ġeografiċi u lingwistiċi tal-Istati Membri f’termini ta’ produzzjoni, distribuzzjoni u kapaċitajiet ta’ udjenzi;

34.

tqis għażliet li jistgħu jittieħdu għat-tkabbir tal-viżibbiltà tas-sħab kollha tal-koproduzzjoni – kemm is-sħab maġġoritarji kif ukoll dawk minotarji – għal xogħlijiet appoġġati mis-sottoprogramm MEDIA;

35.

f’kooperazzjoni mal-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew, tippreżenta valutazzjoni tal-koproduzzjonijiet fl-Ewropa, inkluż inventarju tal-opportunitajiet ta’ aċċess għas-suq għall-koproduzzjonijiet, filwaqt li tissuġġerixxi modi kif issaħħaħ il-kooperazzjoni tagħhom;

36.

issaħħaħ il-kooperazzjoni, id-djalogu politiku strutturat u l-iskambju tal-aħjar prattiki mal-korpi reġjonali u nazzjonali rilevanti, aġenziji tal-films Ewropej, id-Diretturi tal-Aġenzija Ewropea tal-Films (EFADs), kif ukoll mal-Kunsill tal-Ewropa, b’mod partikolari Eurimages u l-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew, waqt li tfittex sinerġiji possibbli u opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni u tgħarraf lill-Istati Membri b’dawn l-iskambji;

37.

tesplora għażliet għall-appoġġ ta’ inizjattivi bħal laboratorji ta’ kreattività jew kmamar għall-kitba, fejn il-produtturi, l-awturi u d-diretturi jkunu jistgħu jaħdmu flimkien fuq l-iżvilupp ta’ koproduzzjonijiet;

B.   APPOĠĠ GĦAL EKOSISTEMA SOSTENIBBLI GĦALL-KOPRODUZZJONIJIET

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

JISSOTTOLINJA LI:

38.

Il-potenzjal tal-koproduzzjonijiet Ewropej jista’ jiġi sfruttat aktar billi titrawwem ekosistema li matul il-katina kollha tal-produzzjoni tinkoraġġixxi u tippromwovi xogħlijiet koprodotti. Dan jinkludi miżuri ta’ implimentazzjoni għall-appoġġ indirett tal-koproduzzjonijiet, iżda wkoll il-faċilitazzjoni tal-kollaborazzjoni fl-istadju tal-kitba tal-iskritt u l-iżvilupp, u d-distribuzzjoni tax-xogħlijiet koprodotti u l-aċċess għalihom wara li jinħarġu.

39.

Kif irrakkomandat mill-grupp ta’ esperti OMC dwar iċ-ċirkolazzjoni tal-films Ewropej inġenerali, biex tiżdied iċ-ċirkolazzjoni, jenħtieġ li ssir azzjoni f’oqsma bħall-promozzjoni, it-teatri taċ-ċinema, il-festivals, il-VOD, id-data dwar l-udjenza, l-iskemi ta’ appoġġ, il-kooperazzjoni politika, l-aċċess għall-finanzi, u l-monitoraġġ tar-riżultati tal-finanzjament pubbliku;

40.

It-trasparenza tal-appoġġ finanzjarju offrut lill-koproduzzjonijiet jenħtieġ li tkun żgurata. B’mod partikolari, l-informazzjoni li tikkonċerna l-finanzjament pubbliku dirett jew indirett li jirċievu l-proġetti ta’ koproduzzjoni minn sorsi differenti - kemm jekk ikunu (sotto)nazzjonali jew inkella Ewropej - jenħtieġ li tkun aċċessibbli għall-korpi pubbliċi ta’ finanzjament.

41.

Skont is-sottoprogramm MEDIA, il-miżuri indiretti sabiex jinkoraġġixxu l-koproduzzjonijiet jinkludu t-taħriġ, l-aċċess għas-swieq u l-attivitajiet internazzjonali ta’ networking li jinkoraġġixxu u jżidu l-kapaċità għall-kooperazzjoni transfruntiera.

42.

Id-distribuzzjoni u l-esplojtazzjoni kummerċjali huma stadji ewlenin fil-bini tal-udjenzi għax-xogħlijiet koprodotti. In-netwerk Europa Cinemas, iffinanzjat mis-sottoprogramm MEDIA, jagħti appoġġ sinifikanti lill-wiri ta’ films Ewropej mhux nazzjonali. Madankollu, huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġi żgurat li xogħlijiet koprodotti jiġu distribwiti, sfruttati kummerċjalment, u promossi internazzjonalment fuq il-kanali u l-pjattaformi kollha tad-distribuzzjoni. B’mod partikolari, il-kooperazzjoni fil-promozzjoni ta’ xogħlijiet koprodotti hija essenzjali biex jiġi żgurat is-suċċess internazzjonali tagħhom.

43.

Ġeneralment, il-politiki fis-settur awdjoviżiv għandhom fil-qalba tagħhom il-provvista ta’ kontenut ta’ kwalità għolja u varjat kulturalment u lingwistikament. Huwa essenzjali li jiġu żviluppati udjenzi għal xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej ta’ kwalità għolja, oriġinali u innovattivi u jkunu appoġġati l-viżibbiltà ta’ dan it-tip ta’ kontenut u l-aċċess għalih. Skont l-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew, hemm żbilanċ sinifikanti bejn l-għadd ta’ films Ewropej maħruġa u s-sehem tagħhom mit-total tal-entrati u għalhekk huwa essenzjali li jissaħħu l-konnessjonijiet bejn il-films u l-udjenzi maħsuba għalihom.

44.

Rigward id-distribuzzjoni tax-xogħlijiet awdjoviżivi permezz ta’ pjattaformi diġitali, huwa importanti li tiġi żgurata ekosistema bilanċjata u rispett għad-dritt tal-awtur, bħala mezz ta’ appoġġ lill-kreattività.

45.

It-talent jinsab fil-qalba tas-settur awdjoviżiv Ewropew. Għaldaqstant, l-investiment fil-professjonisti tas-settur awdjoviżiv Ewropew – inkluż fit-taħriġ tagħhom – jibqa’ prekondizzjoni għal ekosistema kompetittiva.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI, FIL-LIMITI TAL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM U FIL-LIMITU TAR-RIŻORSI EŻISTENTI, BIEX:

46.

Jappoġġaw aktar is-settur awdjoviżiv u jikkunsidraw l-użu ta’ programmi settorjali biex jilħqu dan l-oġġettiv.

47.

Ikomplu jippromwovu miżuri li jagħtu appoġġ indirett lill-koproduzzjonijiet, inkluż in-networking internazzjonali, it-taħriġ lill-professjonisti tal-films, l-iżvilupp tat-talent, sessjonijiet ta’ ħidma ta’ koproduzzjoni, l-iskambju ta’ prattiki tajba u attivitajiet ta’ kooperazzjoni, peress li l-proċessi kreattivi kollaborattivi għandhom il-potenzjal li jiġġeneraw proġetti ta’ kwalità għolja li jirnexxu.

48.

Jivvalutaw jekk ikunx opportun li jistabbilixxu miżuri speċifiċi biex jinkoraġġixxu lill-professjonisti żgħażagħ jiżviluppaw u jvaraw l-ewwel proġetti tagħhom, u b’hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp taċ-ċinema Ewropea;

49.

Jiffaċilitaw l-aċċess tal-udjenzi għal xogħlijiet u kontenut awdjoviżivi permezz ta’ miżuri li jinkoraġġixxu promozzjoni u distribuzzjoni transfruntiera usa’, inkluż l-iżvilupp ta’ teknoloġiji diġitali għad-doppjaġġ u s-sottotitolaġġ f’kemm lingwi Ewropej possibbli. Dan jinkludi xogħlijiet awdjoviżivi koprodotti minn pajjiżi jew reġjuni li l-lingwi tagħhom mhumiex mitħaddta wisq, bil-ħsieb li tkun promossa d-diversità lingwistika waqt li fl-istess ħin jingħelbu l-ostakli li jġibu magħhom il-lingwi jew il-bżonnijiet speċjali;

50.

Iżidu l-isforzi biex jiżguraw li x-xogħlijiet koprodotti jkunu appoġġati u promossi tul il-katina kollha tal-valur, inkluż fil-livell transfruntier, u li jilħqu l-akbar udjenza internazzjonali possibbli.

51.

Ikomplu jikkooperaw fl-iżvilupp ta’ Direttorju tal-Films Ewropej, li ser iġib aktar viżibbiltà u trasparenza lix-xogħlijiet koprodotti Ewropej disponibbli online.

52.

Jinkoraġġixxu d-djalogu strutturat u komprensiv mal-aktar firxa wiesgħa possibbli ta’ partijiet ikkonċernati privati, sabiex iżommu l-impenn attwali tagħhom li jikkontribwixxu għall-ekosistema tal-koproduzzjonijiet u jiżguraw il-komplementarjetà tas-sorsi ta’ finanzjament;

53.

B’kont dovut meħud tas-sussidjarjetà, jinkoraġġixxu u jappoġġaw aktar inizjattivi ta’ litteriżmu fil-films fl-edukazzjoni formali, informali u nonformali, waqt li jipprovdu l-ħiliet kreattivi liż-żgħażagħ Ewropej u jrawmu l-potenzjal innovattiv tagħhom. Il-litteriżmu fil-films jaqdi rwol fundamentali fl-involviment tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ u jagħtihom il-kapaċità li jiskopru u japprezzaw il-wirt u d-diversità kulturali tal-films Ewropej.

(1)  L-Anness I jelenka dokumenti rilevanti marbuta mal-kwistjonijiet ikkonċernati (atti leġislattivi, konklużjonijiet tal-Kunsill, komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea, eċċ.).

(2)  Skont l-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew, fl-2017 il-medja tas-sehem tal-films mill-UE f’37 katalgu tal-pajjiż ta’ abbonamenti għal video on demand (SVOD) kienet ta’ 20 %.

Bħala medja, 22 % tal-films prodotti kull sena fl-UE kienu koproduzzjonijiet, minn 24 % fil-katalgu ta’ Flimmit sa 53 % fil-katalgi ta’ Horizon/UPC Prime. Fis-27 katalgu ta’ Netflix, medja ta’ 36 % tal-films kienu koproduzzjonijiet.

Rigward il-films prodotti u maħruġa fit-teatri taċ-ċinema fl-UE bejn l-2005 u l-2014, 64 % kienu ta’ oriġini mill-UE, 16 % mill-Istati Uniti, 15 % ta’ oriġini internazzjonali u 4 % ta’ oriġini Ewropea oħra. Il-koproduzzjonijiet mhux nazzjonali mill-UE kienu l-maġġoranza tal-films mhux nazzjonali mill-UE fil-katalgi.

(3)  47 % biss tal-films Ewropej maħruġa fiċ-ċinema tul l-istess perijodu kienu inklużi f’minn tal-anqas servizz wieħed ta’ video on demand (VOD), waqt li l-films Ewropej irrappreżentaw madwar 25 % tat-total ta’ films fuq pjattaformi ta’ VOD.

Ara l-istudji 1 u 4 mill-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew, elenkati fl-Anness II.

(4)  Ara l-istudji 1-3 fl-Anness II.

(5)  Il-koproduzzjonijiet sarrfu f’24 % tal-produzzjoni totali fl-Ewropa bejn l-2005 u l-2014, iżda l-entrati madwar id-dinja għall-koproduzzjonijiet ammontaw għal 50,3 % tat-total tal-entrati għall-films Ewropej (56,9 % għall-films mill-UE), fejn qabżu bi ftit l-entrati għal films purament nazzjonali. Bħala medja, l-entrati għall-koproduzzjonijiet Ewropej huma aktar minn tliet darbiet ogħla mill-entrati għal films purament nazzjonali.

(6)  Ara l-istudju 4 fl-Anness II.

(7)  Il-bejgħ minn qabel lix-xandara u lid-distributuri f’diversi territorji sarraf f’total ta’ 41 % tal-volum ta’ finanzjament kumulattiv f’kampjun ta’ 445 film Ewropew twil. Ara l-istudju 5 fl-Anness II.


ANNESS I

Atti Leġislattivi

1.

Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 221).

2.

Regolament (UE) 2017/1128 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar l-iżgurar tal-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut online fis-suq intern (ĠU L 168, 30.6.2017, p. 1).

3.

Direttiva (UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li temenda d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) fid-dawl ta’ realtajiet tas-suq li qed jinbidlu (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 69).

Konklużjonijiet tal-Kunsill

4.

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-patrimonju ċinematografiku Ewropew, inkluż l-isfidi tal-era diġitali (ĠU C 324, 1.12.2010, p. 1).

5.

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-kontenut Ewropew fl-ekonomija diġitali (ĠU C 457, 19.12.2018, p. 2).

6.

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura 2019-2022 (ĠU C 460, 21.12.2018, p. 12).

7.

Konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2017, EUCO 19/17.

Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill

8.

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kompetenzi ewlenin għat-taħriġ kontinwu (ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1).

Komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni

9.

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-opportunitajiet u l-isfidi għaċ-ċinema Ewropea fl-era diġitali, 24 ta’ Settembru 2010, COM (2010) 487 final

10.

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Aġenda Ġdida Ewropea għall-Kultura, 22 ta’ Mejju 2018, COM(2018) 267 final.

Konvenzjonijiet internazzjonali

11.

Konvenzjoni tal-Unesco tal-20 ta’ Ottubru 2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali

12.

Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Koproduzzjoni Ċinematografika (riveduta), 30 ta’ Jannar 2017.

ANNESS II

Studji tal-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew

13.

How do films circulate on VOD services and in cinemas in the European Union? A comparative analysis, Christian Grece, 2016

14.

Film production in Europe. Production volume, co-production and worldwide circulation, Julio Talavera Milla, 2017

15.

YearBook 2017/2018. Key trends. Television, cinema, video-on-demand audiovisual services – the pan-European picture, Francisco Cabrera, Gilles Fontaine, Christian Grece, Marta Jimenez Pumares, Martin Kanzler, Ismail Rabie, Agnes Schneeberger, Patrizia Simone, Julio Talavera, Sophie Valais, 2018

16.

The legal framework for international co-productions, Francisco Javier Cabrera Blázquez, Maja Cappello, Enric Enrich, Julio Talavera Milla, Sophie Valais, 2018, IRIS Plus

17.

Fiction film financing in Europe: A sample analysis of films released in 2016, Martin Kanzler, 2018