5.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 189/34


Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ġenerazzjonijiet ta’ żgħażagħ kreattivi

(2019/C 189/06)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

WARA LI KKUNSIDRA:

l-isfond politiku li jenfasizza l-importanza tal-ħolqien ta’ Unjoni fejn iż-żgħażagħ jirċievu l-aqwa edukazzjoni u taħriġ possibbli u fejn jistgħu jistudjaw u jsibu impjieg fil-kontinent kollu u waqt li jiddikjara l-ħtieġa li jingħataw opportunitajiet aħjar għaż-żgħażagħ permezz ta’ miżuri konkreti u programmi msaħħa tal-UE, kif stabbilit fl-Anness,

l-Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura, adottata mill-Kummissjoni Ewropea f’Mejju 2018, li tissottolinja l-importanza tal-kultura u l-kreattività għas-soċjetà u għall-kompetittività tal-ekonomija Ewropea,

l-objettivi tal-Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura 2019-2022, adottat fis-27 ta’ Novembru 2018, u r-rikonoxximent tiegħu li tenħtieġ orjentazzjoni aktar b’saħħitha lejn il-ħtiġijiet ta’ gruppi speċifiċi, bħaż-żgħażagħ, biex jitjiebu l-koeżjoni u l-benessri.

KONXJU LI:

L-involviment taż-żgħażagħ għandu jkun element fundamentali tal-politiki tal-futur, u għalhekk, ser ikun importanti ħafna li tinstemal-vuċi tagħhom fis-snin li ġejjin.

It-tfal u ż-żgħażagħ jiffaċċaw ħafna sfidi fid-dinja globalizzata tal-lum u għalhekk huwa importanti li huma jifhmu l-valuri u d-diversità kulturali huma u jħejju ruħhom għall-ħajja bħala ċittadini globali.

L-iżviluppi diġitali biddlu l-kreazzjoni, il-produzzjoni, it-tixrid, it-trasmissjoni u l-konsum ta’ xogħlijiet kulturali u kreattivi, waqt li ffaċilitaw il-firxa globali ta’ dawk ix-xogħlijiet. Id-dinja diġitali sawret xejriet innovattivi ta’ aċċess għall-kultura, u tar-reinterpretazzjoni personali u l-awtoespressjoni, li qanqlet interess kbir fost iż-żgħażagħ u li timpenjahom bħala udjenzi attivi.

Iż-żgħażagħ jeħtieġu ħiliet ġodda biex jiffaċċaw sfidi speċifiċi, bħall-qgħad, l-esklużjoni soċjali, il-migrazzjoni, u teknoloġiji ġodda li, minkejja l-vantaġġi li jġibu magħhom, jistgħu wkoll iżidu l-inugwaljanzi u jsaħħu d-differenzi kulturali u ekonomiċi.

L-iżvilupp ta’ ħiliet artistiċi u kreattivi u t-trawwim tat-talent jinsabu fil-qalba tas-setturi kulturali u kreattivi, jippromwovu l-innovazzjoni, inkluż l-innovazzjoni soċjali, biex jinkiseb tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

Il-ħiliet lingwistiċi huma essenzjali għall-mobbiltà fl-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-edukazzjoni, it-taħriġ, l-aċċess għall-kultura u l-aċċess għas-suq tax-xogħol Ewropew.

JIKKUNSIDRA LI:

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, huwa importanti li jittieħdu passi ulterjuri biex jiġu indirizzati l-ħames prijoritajiet li ġejjin:

il-promozzjoni ta’ aċċess aħjar għall-kultura u l-parteċipazzjoni fil-kultura għat-tfal u ż-żgħażagħ;

it-tisħiħ tal-kooperazzjoni transsettorjali, b’enfasi fuq is-sinerġiji bejn il-kultura u l-edukazzjoni;

l-iffaċilitar tal-intraprenditorija taż-żgħażagħ fis-setturi kulturali u kreattivi;

it-trawwim tal-emerġenza ta’ talent ġdid;

il-promozzjoni tal-ħiliet diġitali u l-litteriżmu medjatiku.

JINDIKA LI:

L-organizzazzjonijiet kulturali, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u x-xogħol taż-żgħażagħ għandhom rwol ewlieni biex jistabbilixxu l-pedamenti għall-kreattività, li huma kruċjali għall-iżvilupp tas-soċjetà kollha kemm hi.

Jenħtieġ approċċ aktar strateġiku għall-parteċipazzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ fil-kultura, sabiex jitrawmu l-kreattività u l-ħsieb kritiku tagħhom u biex jgħinhom jiżviluppaw ħiliet li huma importanti għall-benessri, għat-tagħlim, għas-sens ta’ appartenenza, għaċ-ċittadinanza attiva, għall-inklużjoni soċjali u għall-impjegabbiltà futura tagħhom jew għall-kapaċità li jibdew negozju.

Il-ħiliet kulturali u kreattivi miksuba permezz tal-edukazzjoni formali, mhux formali u informali, inkluż permezz tal-parteċipazzjoni f’attivitajiet kulturali u kreattivi, jgħammru liż-żgħażagħ bl-għodda biex ikunu kreattivi u inventivi, biex isolvu l-problemi u biex jaħdmu b’mod kollaborattiv u sperimentali. L-approċċi sperimentali huma ta’ importanza ewlenija għall-promozzjoni tal-kreattività u l-innovazzjoni. Għalhekk, l-edukazzjoni artistika u kulturali, bħala parti minn approċċ speċjalizzat jew interdixxiplinari, għandha rwol importanti ħafna kemm fil-ħolqien ta’ aktar opportunitajiet għall-ġenerazzjoni żagħżugħa, biex b’hekk tippreparahom aħjar biex jiffaċċaw sfidi futuri, kif ukoll fit-trawwim tal-għoti tas-setgħa, l-iżvilupp personali u l-fehim kulturali reċiproku.

Huwa importanti wkoll li jiġu mħeġġa miżuri li jiffaċilitaw transizzjoni bla xkiel mis-sistema edukattiva għas-suq tax-xogħol, inkluż bl-appoġġ għall-intraprenditorija, it-traineeships u l-apprendistati għaż-żgħażagħ fis-settur kulturali u f’dak kreattiv.

Iż-żgħażagħ ma jirrappreżentawx grupp omoġenju fejn jidħlu l-ħiliet, il-livell ta’ edukazzjoni, l-istat ta’ tħejjija għall-futur u l-aspettattivi. L-inizjattivi u l-azzjonijiet imfasslin biex irawmu u jsaħħu l-ħiliet meħtieġa sabiex wieħed jidħol fis-suq tax-xogħol jew isir imprenditur, u għall-ħajja adulta b’mod ġenerali, għandhom ikunu mfasslin skont il-kapaċitajiet li diġà għandhom l-ġenerazzjonijiet żagħżugħa.

L-inugwaljanzi u l-ostakli ekonomiċi jew soċjali li jistgħu jimpedixxu liż-żgħażagħ milli jkollhom aċċess u jipparteċipaw fil-kultura bħala kreaturi, konsumaturi u imprendituri, jew l-aċċess tagħhom għal teknoloġiji ġodda, għandhom jiġu identifikati u indirizzati biex jiġi żgurat li l-kontribut u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ kollha, inkluż gruppi b’inqas opportunitajiet, jistgħu jiġu sfruttati bis-sħiħ.

Għaldaqstant għandha tingħata attenzjoni speċjali liż-żgħażagħ li jinsabu f’riskju ta’ marġinalizzazzjoni minħabba l-oriġini etnika, il-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, id-diżabbiltà, ir-reliġjon, it-twemmin jew l-opinjonijiet politiċi tagħhom, sabiex jiġi żgurat li ż-żgħażagħ kollha jkunu inklużi.

Id-disponibbiltà ta’ varjetà rikka ta’ kultura grazzi għall-evoluzzjoni diġitali mhux neċessarjament tiggarantixxi aċċess għal kontenut kulturali multilingwi ta’ kwalità għolja. Għalhekk huwa essenzjali li jiġu kkonsolidati l-politiki kulturali li jippromwovu opportunitajiet indaqs għaż-żgħażagħ, sabiex huma kollha jkunu jistgħu jesperjenzaw il-kultura u jiżviluppaw il-ħsieb kreattiv u kritiku tagħhom, kif ukoll il-ħiliet kritiċi u analitiċi tagħhom, li huma kollha kemm huma kruċjali biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jaċċessaw u jinteraġixxu ma’ kontenut kulturali diġitali.

It-teknoloġiji diġitali għandhom impatt pożittiv fuq l-iżvilupp tal-kreattività, għaliex jippermettu forom ġodda ta’ espressjoni, komunikazzjoni, parteċipazzjoni kulturali u kritika. Barra minn hekk, il-kreattività jista’ jkollha rwol importanti sabiex tagħmel it-teknoloġiji u s-servizzi diġitali aktar faċli għall-utent. Għalhekk, l-umanizzazzjoni tat-teknoloġiji tista’ tiżgura li huma jkunu għas-servizz tal-poplu u jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom. Il-ġenerazzjonijiet żagħżugħa, kemm bħala kreaturi kulturali kif ukoll bħala konsumatur kulturali – li spiss hija nattiva diġitali – jippreferu mudelli ġodda ta’ negozju li ma kinux jeżistu qabel. Minn din il-perspettiva, il-mekkaniżmi finanzjarji innovattivi jistgħu jrawmu l-intraprenditorija u jipprovdu kontribut essenzjali għall-ekonomija kreattiva kompetittiva, sostenibbli u mmexxija mill-innovazzjoni tal-lum.

Filwaqt li jiġu rikonoxxuti l-eżiti tar-rapport tal-grupp ta’ ħidma dwar il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni, “The role of public policies in developing entrepreneurial and innovation potential of the cultural and creative sectors”, huwa kruċjali li jittieħed kont tal-karatteristiċi partikolari tal-industriji kulturali u kreattivi, jiġifieri l-varjetà tal-ktajjen tal-valur u l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-kumpanniji f’dawn is-setturi huma impriżi żgħar jew mikro jew jikkonsistu minn persuni li jaħdmu għal rashom. Il-miżuri li jappoġġaw il-kreattività u l-intraprenditorija tal-ġenerazzjonijiet żagħżugħa għandhom għalhekk jindirizzaw dawn il-karatteristiċi distintivi.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI, FL-AMBITU TAL-ISFERA TA’ KOMPETENZA RISPETTIVA TAGĦHOM U BIR-RISPETT DEBITU GĦALL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ, BIEX JINDIRIZZAW IL-ĦAMES PRIJORITAJIET LI ĠEJJIN:

1.   Il-promozzjoni ta’ aċċess aħjar għall-kultura u l-parteċipazzjoni fil-kultura għat-tfal u ż-żgħażagħ

L-Istati Membri u l-Kummissjoni huma mistiedna:

(i)

ikomplu joħolqu opportunitajiet għat-tfal u ż-żgħażagħ biex jaċċessaw u jipparteċipaw fil-kultura, speċjalment għal dawk minn ambjenti żvantaġġati, sabiex jitnaqqsu d-differenzi u l-inugwaljanzi soċjali, u biex tintlaħaq l-aktar udjenza wiesgħa possibbli; jiżguraw opportunitajiet indaqs għat-tfal u ż-żgħażagħ kemm fl-ibliet kif ukoll fiż-żoni rurali, sabiex jitneħħew l-ostakli għal aċċess ugwali u għall-parteċipazzjoni fil-kultura, permezz ta’ organizzazzjonijiet u eventi kulturali jew b’mezzi diġitali;

(ii)

jiffaċilitaw parteċipazzjoni attiva fil-kultura billi jippromwovu l-kokreazzjoni u l-multilingwiżmu;

(iii)

iħeġġu lill-organizzazzjonijiet kulturali biex jippromwovu u jadattaw il-kontenut li joffru, inkluż permezz ta’ teknoloġiji diġitali, biex jilħqu aħjar lit-tfal u lil udjenzi żagħżugħa u biex iżidu l-interess tagħhom fil-kultura, l-espressjoni artistika u x-xjenza;

(iv)

javvanzaw il-politiki bbażati fuq l-evidenza permezz ta’ monitoraġġ regolari tal-konsum kulturali, l-imġiba u l-preferenzi tat-tfal u ż-żgħażagħ, kif ukoll tal-kisbiet tagħhom f’termini ta’ kreattività u ħiliet lingwistiċi;

(v)

jippromwovu aktar il-qari fost it-tfal u ż-żgħażagħ, bħala mezz essenzjali biex jiskopru l-kultura fil-manifestazzjonijiet u l-espressjonijiet kollha tagħha.

Il-Kummissjoni hija mistiedna:

(i)

tappoġġa l-iskambju tal-aħjar prassi u ta’ attivitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari fost l-Istati Membri;

(ii)

tappoġġa inizjattivi innovattivi mfasslin biex itejbu l-aċċess tal-ġenerazzjonijiet ta’ żgħażagħ għall-kultura u l-parteċipazzjoni fil-kultura bħala kreaturi, konsumaturi jew imprendituri.

2.   It-tisħiħ tal-kooperazzjoni transsettorjali, b’enfasi fuq is-sinerġiji bejn il-kultura u l-edukazzjoni

L-Istati Membri u l-Kummissjoni huma mistiedna:

(i)

jappoġġaw l-edukazzjoni artistika u kulturali, u b’hekk jippromwovu l-esperjenzi u l-parteċipazzjoni f’attivitajiet kulturali, kif ukoll jisfruttaw il-potenzjal ta’ teknoloġiji diġitali biex jgħinu fl-għoti tal-aċċess għall-kultura u l-lingwi;

(ii)

iħeġġu l-kooperazzjoni bejn l-iskejjel, l-artisti, professjonisti kulturali oħra u l-organizzazzjonijiet kulturali f’attivitajiet ta’ tagħlim iddedikati lit-tfal u ż-żgħażagħ;

(iii)

jippromwovu l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-għalliema u ta’ professjonisti oħra biex titrawwem il-kreattività fit-tfal u ż-żgħażagħ;

(iv)

jappoġġaw azzjoni transsettorjali dwar l-għarfien kulturali u l-espressjoni kulturali u jippromwovu l-akkwist ta’ kompetenzi u ħiliet rilevanti, inkluż ħiliet artistiċi u lingwistiċi.

Il-Kummissjoni hija mistiedna:

(i)

tiżviluppa proġetti u azzjonijiet li jrawmu l-kreattività fl-edukazzjoni, inkluż bil-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-OECD, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Unesco, u testendi l-attenzjoni fuq il-ħsieb kreattiv u kritiku fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż permezz tal-promozzjoni ta’ STEAM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija, Arti u Matematika);

(ii)

tippromwovi u xxerred ir-riżultati tal-inizjattivi msemmijin hawn fuq, kemm fil-korpi preparatorji rilevanti tal-Kunsill kif ukoll lil udjenza usa’.

3.   L-iffaċilitar tal-intraprenditorija taż-żgħażagħ fis-setturi kulturali u kreattivi

L-Istati Membri huma mistiedna:

(i)

jikkunsidraw li jagħmlu l-aħjar użu mill-finanzjament disponibbli biex jappoġġa l-kreattività u l-proġetti ta’ intraprenditorija taż-żgħażagħ, fejn rilevanti;

(ii)

iħeġġu l-iżvilupp tal-inkubaturi ta’ industriji kulturali u kreattivi, residenzi, aċċeleraturi tan-negozji, raggruppamenti u ċentri kreattivi, u pjattaformi diġitali kulturali, u jippromwovu sħubiji u netwerk transsettorjali;

(iii)

irawmu kultura, kreattività u innovazzjoni intraprenditorjali permezz tat-tagħlim tul il-ħajja, minn stadju bikri u permezz tal-edukazzjoni formali, mhux formali u informali, filwaqt li tingħata attenzjoni konsiderevoli lill-użu ta’ ħsieb proġettwali u opportunitajiet ta’ taħriġ, pereżempju fil-forma ta’ inizjattivi intraprenditorjali kemm qabel kif ukoll wara l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ direzzjoni ta’ negozju;

(iv)

iqisu kif joħolqu kondizzjonijiet favorevoli għal negozji kulturali ġodda ġestiti miż-żgħażagħ, bl-appoġġ tal-innovazzjoni transsettorjali.

Il-Kummissjoni hija mistiedna:

(i)

trawwem l-intraprenditorija kulturali u kreattiva u netwerks transsettorjali fost iż-żgħażagħ, filwaqt li jiġi enfasizzat il-potenzjali tagħhom biex jistimolaw l-iżvilupp ta’ professjonijiet kulturali u kreattivi permezz tal-mobbiltà, inkluż skambji, ħidma konġunta u kokreazzjoni, żjarat ta’ studju u attivitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari;

(ii)

tappoġġa sħubiji bejn professjonisti u industriji kulturali u kreattivi, inkluż permezz tal-promozzjoni ta’ negozji ġodda, ċentri kreattivi u netwerks ta’ inkubazzjoni, sabiex tiġi inkorporata t-teknoloġija l-aktar avvanzata u x-xjenza fil-kreattività, l-arti u d-disinn.

4.   It-trawwim tal-emerġenza ta’ talent żagħżugħ ġdid

L-Istati Membri huma mistiedna:

(i)

iqisu li jsaħħu l-kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati kulturali u edukattivi sabiex jappoġġaw it-talent kreattiv, iħeġġu l-kompetizzjoni relatata mal-innovazzjoni u jippremjaw il-kreattività fl-isfera kulturali;

(ii)

iwessgħu l-aċċess għal teknoloġiji ġodda, inkluż għaż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet, sabiex tingħata s-setgħa lil individwi żgħażagħ b’talent kulturali.

Il-Kummissjoni hija mistiedna:

(i)

tippromwovi l-kultura u l-kreattività, inkluż permezz ta’ edukazzjoni artistika fil-programmi rilevanti tal-UE;

(ii)

tappoġġa l-iżvilupp ta’ talent kreattiv żagħżugħ permezz ta’ pjattaformi multilingwi, skemi ta’ mobbiltà u politiki.

5.   Il-promozzjoni tal-ħiliet diġitali u l-litteriżmu medjatiku

L-Istati Membri huma mistiedna:

(i)

irawmu l-ħiliet diġitali, il-litteriżmu medjatiku u l-ħsieb kreattiv u kritiku, inkluż permezz tal-użu ta’ programmi u fondi rilevanti tal-UE, għaliex huma importanti ħafna biex jiżguraw l-impjegabbiltà tal-ġenerazzjoni żagħżugħa u l-kapaċità tagħhom li jadattaw għal bidliet strutturali fit-teknoloġiji diġitali. Is-sħubiji pubbliċi/privati jistgħu jservu bħala ħolqa bejn l-edukazzjoni, l-organizzazzjonijiet ċivili u n-negozji;

(ii)

jippromwovu l-użu kreattiv tat-teknoloġija, il-ħsieb kreattiv u kritiku, u l-ħiliet analitiċi permezz tal-edukazzjoni formali, mhux formali u informali, inkluż riżorsi ta’ edukazzjoni miftuħa, sabiex jiżviluppaw il-kapaċità taż-żgħażagħ li jivvalutaw l-informazzjoni;

(iii)

ikomplu bl-iskambju tal-aħjar prassi u r-riċerka bejn l-esperti u dawk li jfasslu l-politika sabiex isaħħu l-akkwist ta’ ħiliet relatati mal-litteriżmu medjatiku.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni huma mistiedna:

(i)

jappoġġaw miżuri tal-litteriżmu medjatiku, li huma kruċjali għall-użu ta’ teknoloġiji diġitali u li għandhom influwenza sinifikanti fuq il-ħsieb kreattiv u kritiku taż-żgħażagħ, l-aċċess għall-kultura, il-fehim tal-fenomenu kulturali u l-kapaċità li joħolqu kontenut;

(ii)

jappoġġaw it-taħriġ tal-għalliema u tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ fl-edukazzjoni formali, mhux formali u informali, bil-ħsieb li jiżguraw li jkunu mgħammra tajjeb biex jindirizzaw il-litteriżmu medjatiku meta jaħdmu maż-żgħażagħ u t-tfal.

Il-Kummissjoni hija mistiedna:

(i)

tkompli bil-konsultazzjonijiet tagħha ma’ komunitajiet ta’ esperti fl-Istati Membri dwar l-aħjar modi kif jiġu aggregati u promossi – inkluż permezz ta’ għodod online adatti – inizjattivi eżistenti sabiex jinbena fuqhom u titqajjem sensibilizzazzjoni fost iż-żgħażagħ dwar kwistjonijiet ewlenin relatati mal-ambjent tal-media diġitali, bħall-parteċipazzjoni u l-kreattività, il-kredibbiltà, il-ħsieb kritiku u l-għażliet infurmati, u r-rispett għall-privatezza.

JAPPELLA LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI biex jużaw ir-riżorsi disponibbli biex iħejju lill-ġenerazzjonijiet ta’ żgħażagħ kreattivi għall-opportunitajiet u l-isfidi tal-futur.


ANNESS

Kunsill Ewropew

Id-Dikjarazzjoni ta’ Ruma tal-25 ta’ Marzu 2017

Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2017, (EUCO 19/1/17 REV 1)

Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 2016, (EUCO 34/16)

Konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-20 u l-21 ta’ Ottubru 2016, (EUCO 31/16)

Id-Dikjarazzjoni ta’ Bratislava tas-16 ta’ Settembru 2016

Kunsill

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar kollegamenti kulturali u kreattivi biex jiġu stimulati l-innovazzjoni, is-sostenibbiltà ekonomika u l-inklużjoni soċjali (ĠU C 172, 27.5.2015, p. 13)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-potenzjal kreattiv u innovattiv taż-żgħażagħ (ĠU C 169, 15.6.2012, p. 1)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kompetenzi kulturali u kreattivi u r-rwol tagħhom fil-bini tal-kapital intellettwali tal-Ewropa (ĠU C 372, 20.12.2011, p. 19)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Promozzjoni ta’ Ġenerazzjoni Kreattiva: l-iżvilupp tal-kreattività u l-kapaċità innovattiva tat-tfal u ż-żgħażagħ permezz tal-espressjoni kulturali u l-aċċess għall-kultura (ĠU C 301, 11.12.2009, p. 9)

Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar qafas għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ: L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 (ĠU C 456, 18.12.2018, p. 1)

Kummissjoni

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Aġenda Ġdida Ewropea għall-Kultura” tat-22 ta’ Mejju 2018, (COM(2018) 267 final)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “L-Impenn, il-Konnessjoni u l-Għoti tas-Setgħa liż-żgħażagħ: Strateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ” tat-22 ta’ Mejju 2018, (COM(2018) 269 final)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “It-tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura” tal-14 ta’ Novembru 2017 (COM(2017) 673 final)

Rapporti tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni:

Manwal tal-kuxjenza u espressjoni kulturali (2016)

Promozzjoni tal-aċċess għall-kultura permezz ta’ mezzi diġitali: politiki u strateġiji għall-iżvilupp tal-udjenza (2017)

Ir-rwol tal-politiki pubbliċi fl-iżvilupp tal-potenzjal intraprenditorjali u innovattiv tas-setturi kulturali u kreattivi (2018)