Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti
(2019/C 189/04)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
1.
|
FILWAQT LI JFAKKAR fl-isfond politiku għal din il-kwistjoni kif stabbilit fl-Anness għal dawn il-konklużjonijiet, u b’mod partikolari li:
(a)
|
id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni kif iddikjarata fl-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali tiddikjara li kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużiv sabiex jinżammu u jinkisbu ħiliet li jippermettu l-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà u tranżizzjonijiet b’suċċess fis-suq tax-xogħol (1);
|
(b)
|
l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 4 tan-NU jfittex li jiżgura edukazzjoni ta’ kwalità inklużiva u ekwa u jippromwovi opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd. Kif innutat fid-Dokument ta’ Riflessjoni tal-Kummissjoni “Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030”, “kollox qiegħed jinbidel għal kulħadd. L-edukazzjoni, ix-xjenza, it-teknoloġija, ir-riċerka u l-innovazzjoni huma prerekwiżit għall-kisba ta’ ekonomija sostenibbli tal-UE li tissodisfa l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU”;
|
(c)
|
fit-22 ta’ Mejju 2018 il-Kunsill adotta Konklużjonijiet dwar il-mixja lejn viżjoni ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (2), li fihom huwa stabbilixxa li Żona Ewropea tal-Edukazzjoni għandha tkun imsejsa fuq il-kontinwazzjoni tat-tagħlim tul il-ħajja, u enfasizza li l-inizjattivi taħt Żona Ewropea tal-Edukazzjoni għandhom jinkludu l-livelli u t-tipi kollha ta’ edukazzjoni u taħriġ, inkluż l-edukazzjoni għall-adulti u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.
|
(d)
|
it-tixjiħ tal-popolazzjoni fl-Ewropa, iż-żieda fil-lonġevità fis-soċjetà u l-ħtieġa li titrawwem kooperazzjoni interġenerazzjonali, it-tibdil li qed jaċċellera fis-suq tax-xogħol, il-forom emerġenti ta’ xogħol u l-penetrazzjoni tat-teknoloġiji diġitali fl-aspetti kollha tal-ħajja ta’ kuljum jirriżultaw f’domanda dejjem akbar għal ħiliet ġodda u livell ogħla ta’ ħiliet, għarfien u kompetenzi; dan jagħmel aktar urġenti l-ħtieġa ta’ titjib tal-ħiliet jew ta’ taħriġ mill-ġdid għall-persuni kollha li ma jkollhomx ħiliet bażiċi jew li ma jkunux kisbu kwalifika biex jiġu żgurati l-impjegabbiltà u ċ-ċittadinanza attiva tagħhom;
|
(e)
|
fid-dawl tat-trasformazzjonijiet kbar li qed iseħħu bħalissa fis-swieq tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ inklużivi u ta’ kwalità - li jingħataw fl-istadji kollha tal-ħajja - saru saħansitra aktar kruċjali, u l-Unjoni qed tiffaċċa imperattiv ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid li jeħtieġ approċċi strateġiċi lejn it-tagħlim u l-iżvilupp tal-ħiliet tul il-ħajja; xi data tissuġġerixxi li sa mill-2022, 54 % tal-impjegati kollha ser jeħtieġu titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid sinifikanti (3);
|
(f)
|
il-parametru referenzjarju tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2020 (ET2020) dwar it-tagħlim għall-adulti ilu staġnat fl-Unjoni għal dawn l-aħħar għaxar snin: fl-2017, 10,9 % tal-adulti kienu reċentement wettqu xi forma ta’ attività ta’ tagħlim, meta mqabbel mal-parametru referenzjarju tal-2020 ta’ 15 % (4);
|
(g)
|
ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi fi ħdan is-Semestru Ewropew identifikaw it-titjib tal-ħiliet, it-taħriġ mill-ġdid u t-tagħlim tul il-ħajja bħala sfida ewlenija li għandha tiġi indirizzata fil-futur għal diversi Stati Membri;
|
(h)
|
fl-2017, 61 miljun adult fl-Unjoni li għandhom bejn 25 u 64 sena kienu waqqfu l-edukazzjoni formali tagħhom qabel ma kienu lestew it-tieni ċiklu tal-edukazzjoni sekondarja (5); fl-istess ħin, fl-2017 is-sehem ta’ dawk li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni u mit-taħriġ kien ta’ 10,6 % u issa wasal biex jilħaq il-mira stabbilita għall-2020, jiġifieri inqas minn 10 %, madankollu r-rati bejn il-pajjiżi jvarjaw ħafna; 43 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni għandha livell insuffiċjenti ta’ ħiliet diġitali u 17 % m’għandha l-ebda ħila diġitali (6); u madwar 20 % tal-popolazzjoni adulta fil-pajjiżi li qed jipparteċipaw fl-Istħarriġ tal-OECD dwar il-Ħiliet tal-Adulti (PIAAC) (7) qed tbati b’ħiliet bażiċi bħal-litteriżmu u n-numeriżmu. Għalhekk, il-provvediment għal dawn l-adulti jeħtieġ attenzjoni urġenti;
|
(i)
|
m’hemmx soluzzjoni waħda għal kollox; il-persuni impjegati, qiegħda u inattivi u l-ħafna sottogruppi differenti kollha għandhom ħtiġijiet speċifiċi; il-valutazzjoni u l-validazzjoni tal-ħiliet u l-kompetenzi tal-migranti u r-refuġjati residenti legalment u t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tagħhom ser jaċċelleraw id-dħul tagħhom fis-suq tax-xogħol u l-integrazzjoni bla xkiel tagħhom fil-komunitajiet il-ġodda tagħhom;
|
(j)
|
investiment fit-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid jista’ jkollu impatt ekonomiku qawwi inkluż produttività ogħla u tkabbir ekonomiku; popolazzjoni b’aktar ħiliet u aktar kompetenti li tkun kapaċi tistimola l-innovazzjoni u l-progress teknoloġiku (8); tkabbir fid-dħul mit-taxxa u tnaqqis fin-nefqa pubblika minħabba titjib fis-saħħa tal-individwi, il-parteċipazzjoni soċjali u ċivika, u livelli aktar baxxi ta’ involviment f’attivitajiet kriminali (9);
|
(k)
|
għall-individwi, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid jistgħu jwasslu għal żieda fl-impjegabbiltà, dħul ogħla, saħħa u benesseri aħjar, ċittadinanza aktar attiva u inklużjoni soċjali. Madankollu, l-individwi u l-impjegaturi jista’ jkollhom diffikultajiet biex jirrikonoxxu dawn l-effetti u għalhekk ma jinvestux biżżejjed fit-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, li jitlob li jiġu stabbiliti l-inċentivi t-tajba biex jiġu stimulati l-għarfien u l-motivazzjoni għal involviment f’edukazzjoni u taħriġ ulterjuri;
|
(l)
|
fid-dawl ta’ dan, fid-19 ta’ Diċembru 2016, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti (“ir-Rakkomandazzjoni”) (10), li tappella għal approċċ strateġiku u koordinat biex jiġu pprovduti opportunitajiet ta’ tagħlim konġunti għall-61 miljun adult tal-Unjoni (11) b’ħiliet baxxi u/jew b’livelli baxxi ta’ kwalifiki biex dawn itejbu l-ħiliet bażiċi tagħhom, jiġifieri l-litteriżmu, in-numeriżmu u l-kompetenza diġitali, u/jew biex jiksbu sett usa’ ta’ ħiliet, għarfien u kompetenzi u billi jagħmlu progress lejn kwalifiki ogħla;
|
(m)
|
ir-Rakkomandazzjoni dwar il-Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet tirrakkomanda li l-Istati Membri joffru lil adulti b’livell baxx ta’ ħiliet u/jew b’livell baxx ta’ kwalifiki aċċess għal opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet mibni fuq perkors faċilment aċċessibbli li jinkludi tliet stadji: valutazzjoni tal-ħiliet biex jiġu identifikati l-ħiliet eżistenti u l-ħtiġijiet ta’ titjib tal-ħiliet; offerta ta’ tagħlim u ta’ mentoraġġ imfassla apposta, biex ikunu jistgħu jaġġornaw il-ħiliet u jindirizzaw in-nuqqasijiet tagħhom; u l-opportunità li jkollhom il-ħiliet, l-għarfien u l-kompetenzi miksuba tagħhom validati u rikonoxxuti bil-għan li jiksbu kwalifika jew jingħataw aċċess għall-impjieg.
|
|
2.
|
JIEĦU NOTA TAD-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (12) li jagħti rendikont tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, ippubblikat f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Rakkomandazzjoni.
|
3.
|
JINNOTA l-progress li sar, u b’mod partikolari li:
(a)
|
f’xi Stati Membri, l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni kienet l-istimolu għal dibattitu nazzjonali u rieżami kritiku tal-programmi eżistenti;
|
(b)
|
xi Stati Membri qed jistabbilixxu aġendi ta’ politika ġodda biex jappoġġaw it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-popolazzjoni adulta, f’konformità mal-objettivi tar-Rakkomandazzjoni;
|
(c)
|
għalkemm ħafna mill-miżuri rrapportati jiffokaw fuq l-adulti qiegħda, xi Stati Membri qed jiffukaw ukoll fuq l-appoġġ għal impjegati b’ħiliet baxxi, li jirrappreżentaw sehem sinifikanti mill-grupp fil-mira;
|
(d)
|
bosta Stati Membri qed jieħdu vantaġġ mill-forom differenti ta’ appoġġ offruti mill-programmi tal-Unjoni.
|
|
4.
|
JISSOTTOLINJA l-impenn tiegħu lejn l-ambizzjoni stabbilita fir-Rakkomandazzjoni, u JAPPELLA lill-Istati Membri, fid-dawl tar-Rakkomandazzjoni u f’konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali, iċ-ċirkostanzi u r-riżorsi disponibbli, u f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali u l-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, fejn possibbli, biex:
(a)
|
jistabbilixxu miżuri fuq terminu twil sostenibbli għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-adulti bħala parti minn approċċ strateġiku usa’ għall-iżvilupp tal-ħiliet tul il-ħajja;
|
(b)
|
jadottaw approċċ strateġiku koerenti għall-provvediment ta’ ħiliet bażiċi għal adulti b’ħiliet baxxi u/jew bi kwalifiki baxxi, mibni fuq koordinazzjoni u sħubiji bejn l-atturi rilevanti kollha involuti bħala parti minn strateġiji ta’ ħiliet jew pjanijiet ta’ azzjoni olistiċi;
|
(c)
|
jippromwovu sħubijiet biex jittieħed approċċ olistiku, bl-involviment ta’ atturi rilevanti, inkluż sħab soċjali minn firxa ta’ oqsma ta’ politika (soċjali, tal-impjiegi u tal-edukazzjoni u t-taħriġ) biex jintegra l-provvista ta’ ħiliet bażiċi ma’ servizzi oħra mmirati lejn adulti b’livell baxx ta’ ħiliet u/jew b’livell baxx ta’ kwalifiki;
|
(d)
|
jissensibilizzaw lill-impjegaturi, speċjalment lill-SMEs, dwar l-importanza tat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid u dwar il-mekkaniżmi ta’ appoġġ disponibbli għall-iżvilupp tal-ħiliet tal-adulti u jinkoraġġuhom jippromwovu u joffru opportunitajiet ta’ taħriġ lill-impjegati tagħhom;
|
(e)
|
jiffukaw il-provvista speċifikament fuq l-għajnuna għall-benefiċjarji biex jiksbu mill-inqas livell minimu tat-tliet ħiliet bażiċi, jiġifieri l-litteriżmu, in-numeriżmu u l-kompetenza diġitali kif ukoll kompetenzi ewlenin oħra li huma rilevanti għal parteċipazzjoni attiva f’soċjetà sostenibbli u għal impjiegi sostenibbli;
|
(f)
|
fejn xieraq, jiżguraw li din id-dispożizzjoni tinkludi tliet stadji: valutazzjoni tal-ħiliet, offerta ta’ tagħlim imfassla apposta u flessibbli u validazzjoni u rikonoxximent tal-ħiliet, l-għarfien u l-kompetenzi;
|
(g)
|
joffru opportunitajiet ta’ tagħlim li jkunu speċifikament imfassla għall-ħtiġijiet ta’ tagħlim individwali tal-benefiċjarji, kif identifikati mill-valutazzjoni tal-ħiliet, u bbażati fuq informazzjoni dwar l-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol;
|
(h)
|
jipprovdu miżuri ta’ outreach, ta’ sensibilizzazzjoni, ta’ gwida u ta’ appoġġ, inkluż inċentivi biex tiġi żgurata l-adozzjoni b’suċċess tal-inizjattiva;
|
(i)
|
jikkunsidraw l-iżvilupp ta’ sinerġiji bejn politiki u azzjonijiet effettivi biex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskola u biex jitnaqqas il-proporzjon ta’ adulti b’livell baxx ta’ ħiliet u/jew bi kwalifiki baxxi, pereżempju bejn miżuri skont il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet;
|
(j)
|
jevalwaw l-impatt tal-azzjonijiet tagħhom fuq il-progress miksub mill-grupp fil-mira lejn il-kisba tal-ħiliet u l-kwalifiki stipulati fir-Rakkomandazzjoni.
|
|
5.
|
JISTIEDEN lill-Kummissjoni biex:
(a)
|
tkompli tappoġġa l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet, inkluż permezz ta’ tagħlim reċiproku fost l-Istati Membri u l-partijiet interessati rilevanti, u permezz ta’ sejħiet apposta għal proposti li jiffukaw b’mod partikolari fuq l-għajnuna lill-Istati Membri biex jindirizzaw l-isfidi identifikati fir-rapport ta’ rendikont u jesploraw il-potenzjal ta’ rwol imsaħħaħ u innovattiv għall-koordinaturi nazzjonali ta’ tagħlim għall-adulti;
|
(b)
|
tiffaċilita l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni transsettorjali fil-livell Ewropew permezz ta’ rabtiet ma’ inizjattivi oħra u permezz ta’ programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni, u l-iskambju ta’ prattiki tajba permezz ta’ attivitajiet organizzati ta’ tagħlim reċiproku u permezz ta’ għodod bħall-Pjattaforma Elettronika għat-Tagħlim tal-Adulti fl-Ewropa (EPALE) u/jew il-Europass;
|
(c)
|
meta tifformula proposti ta’ politika, inkluż għal qafas ta’ kooperazzjoni ta’ wara l-2020, tqis ukoll l-isfida fit-tul tat-tagħlim tal-adulti u l-kwistjoni tal-adulti b’ħiliet jew kwalifiki skaduti jew ta’ livell baxx li jeħtieġu aċċess għall-Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet;
|
(d)
|
tikkoopera ma’ korpi tal-Unjoni (Cedefop, ETF) u organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-OECD, in-NU, u l-Unesco u tuża l-għarfien espert tagħhom biex tindirizza l-isfida tat-titjib tal-ħiliet u tat-taħriġ mill-ġdid, inkluż permezz tar-riċerka u l-analiżi rilevanti dwar it-tagħlim għall-adulti u l-valutazzjonijiet tal-ħiliet (eż. PIAAC).
|
|
(1) Dok. 13129/17.
(2) ĠU C 195, 7.6.2018, p. 7.
(3) World Economic Forum: Future of Jobs report, 2018.
(4) Labour Force Survey, 2018.
(5) Labour Force Survey, 2018.
(6) Rapport dwar l-Inklużjoni u l-Ħiliet Diġitali, il-Kummissjoni Ewropea, data tal-2017.
(7) L-Awstrija, il-Belġju-FL, iċ-Ċekja, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, il-Finlandja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, in-Netherlands, il-Polonja, l-Iżvezja, is-Slovenja, is-Slovakkja, ir-Renju Unit u l-Ungerija.
(8) OECD, PIAAC, 2016.
(9) Skills Matter, OECD, 2016.
(10) ĠU C 484, 24.12.2016, p. 1.
(11) Fl-2017, l-ogħla kwalifika li kellhom 61,3 miljun persuna ta’ bejn il-25 u l-64 sena kienet kwalifika ta’ edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell (Eurostat, Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol, 2018). Fl-2012, is-sena tal-ġbir tad-data tal-PIAAC, l-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol irreġistra li 70 miljun persuna ta’ bejn il-25 u l-64 sena, l-ogħla kwalifiki li kellhom kienu kwalifiki ta’ edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell. Din iċ-ċifra naqset kull sena minn dak iż-żmien ’l hawn, b’mod partikolari għaliex: a) il-livelli edukattivi ta’ dawk li jilħqu l-25 sena huma ogħla hekk kif aktar żgħażagħ jispiċċaw it-tieni ċiklu tal-edukazzjoni sekondarja jew ekwivalenti, u b) minħabba li l-persuni fl-età tal-irtirar għandhom, b’mod ġenerali, livelli aktar baxxi ta’ edukazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ xi pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant.
(12) “Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti: it-teħid ta’ rendikont tal-miżuri ta’ implimentazzjoni” SWD (2019) 89 final.
ANNESS
Kuntest Politiku
|
1.
|
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2008/867/KE tat-3 ta’ Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol (1)
|
|
2.
|
Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2008, dwar kif l-iggwidar tul il-ħajja jista’ jiġi integrat aħjar fl-istrateġiji ta’ tagħlim tul il-ħajja (2)
|
|
3.
|
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2011 dwar linji politiċi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel (3)
|
|
4.
|
Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar Aġenda Ewropea mġedda għat-tagħlim għall-adulti (4)
|
|
5.
|
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (5)
|
|
6.
|
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ (6)
|
|
7.
|
Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) (7)
|
|
8.
|
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2016 dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol (8)
|
|
9.
|
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa: naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività (10 ta’ Ġunju 2016)
|
|
10.
|
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2016 dwar Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti (9)
|
|
11.
|
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2017 dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja u li tħassar ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar l-istabbiliment ta’ Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (QEK) (10)
|
|
12.
|
Deċiżjoni (UE) 2018/646 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ April 2018 dwar qafas komuni għall-għoti ta’ servizzi aħjar għall-ħiliet u l-kwalifiki (Europass) u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE (11)
|
|
13.
|
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2018 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (12)
|
|
14.
|
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-mixja lejn viżjoni għal Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (13)
|
(1) ĠU L 307, 18.11.2008, p. 11.
(2) ĠU C 319, 13.12.2008, p. 4.
(3) ĠU C 191, 1.7.2011, p. 1.
(4) ĠU C 372, 20.12.2011, p. 1.
(5) ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.
(6) ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1.
(7) ĠU C 417, 15.12.2015, p. 25.
(8) ĠU C 67, 20.2.2016, p. 1.
(9) ĠU C 484, 24.12.2016, p. 1.
(10) ĠU C 189, 15.6.2017, p. 15.
(11) ĠU L 112, 2.5.2018, p. 42.
(12) ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1.
(13) ĠU C 195, 7.6.2018, p. 7.