11.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 47/1


Riżoluzzjoni dwar “Il-kontribut tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għall-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2020 u lil hinn”

(2020/C 47/01)

Matul is-sessjoni plenarja tiegħu tat-30 u l-31 ta’ Ottubru 2019 (laqgħa tat-30 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta r-Riżoluzzjoni li ġejja b’170 vot favur, 5 voti kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni

1.1.

B’mod ġenerali, hemm erba’ megatendenzi li għandhom ikunu fil-qalba tal-prijoritajiet politiċi tal-leġislatura politika l-ġdida: id-diġitalizzazzjoni, it-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità, id-demografija u l-globalizzazzjoni. Dawn il-megatendenzi qed ibiddlu l-mod kif ngħixu u naħdmu u qed joffru opportunitajiet enormi, però qed joħolqu wkoll sfidi ġodda (1). Madankollu, il-kwistjoni ewlenija hija l-iskala u l-ħeffa tal-bidla.

1.2.

L-UE u l-Istati Membri tagħha huma impenjati bis-sħiħ biex jimplimentaw l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU u l-Ftehim ta’ Pariġi (2) u biex jimxu ’l quddiem bl-implimentazzjoni tagħhom globalment permezz tal-firxa sħiħa ta’ azzjonijiet esterni tagħhom. Barra minn hekk, f’Diċembru 2018, fil-marġini tal-COP24, l-UE u 20 Stat Membru ffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Silesia dwar is-Solidarjetà u t-Transizzjoni Ġusta (3). Fiha, huma enfasizzaw li l-kunsiderazzjoni tal-aspett soċjali tat-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju huwa kruċjali biex tinkiseb approvazzjoni soċjali għall-bidliet li qed iseħħu.

1.3.

Is-suq uniku jibqa’ strument ewlieni għall-integrazzjoni Ewropea. Ir-rivitalizzazzjoni tiegħu tkun ta’ benefiċċju għall-Ewropa, li jagħmilha aktar sostenibbli u koeżiva. Pereżempju, is-suq uniku diġitali joffri opportunitajiet u jeħtieġ li jiġi żviluppat sabiex jiżgura l-kompetittività tal-UE, permezz tal-ħolqien ta’ ambjent li jippermetti forom ġodda ta’ intrapriżi li qed jitfaċċaw f’dan is-suq. Sadanittant, l-UE jeħtiġilha tiżgura li dawn il-forom ġodda ta’ intrapriżi jkunu sostenibbli u li jespandu u jibqgħu fl-Ewropa.

1.4.

Jeħtieġ naġixxu fil-livelli kollha fl-istess ħin u noħolqu azzjoni dinamika li tindirizza l-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali urġenti. Il-KESE jemmen li l-iżvilupp sostenibbli għalhekk jeħtieġ li jkun fil-qalba tal-futur tal-Ewropa (4) u jappella għal strateġija globali tal-UE 2050 dwar is-sostenibbiltà sabiex tiġi implimentata l-Aġenda 2030 tan-NU (5). Din il-bidla fil-paradigma teħtieġ bidliet a) fil-governanza, jiġifieri hemm bżonn ta’ mekkaniżmi ta’ governanza ddedikati biex jiġu indirizzati l-problemi urġenti aktar malajr u jiġu indirizzati kwistjonijiet kumplessi. Ir-rwol ta’ mekkaniżmi bħal dawn ikun li jorbtu lill-UE u lill-Istati Membri, u mhux biex jieħdu post l-azzjoni fi kwalunkwe wieħed minn dawn il-livelli; b) l-integrazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) fil-proċessi ekonomiċi u ta’ monitoraġġ soċjali u bbaġitjar tal-UE. F’dan ir-rigward, is-Semestru Ewropew jista’ jiġi mgħammar b’indikaturi soċjali, ekonomiċi u ambjentali ġodda, imtejba, li jistgħu jitkejlu u komplementari biex jimmonitorjaw u jsegwu l-aspetti u l-prinċipji kollha tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, kif ukoll tas-17-il SDG.

1.5.

Fir-rigward tad-dimensjoni soċjali, l-UE tista’ tkun kburija bil-mudell soċjali tagħha meta mqabbel ma’ partijiet oħra tad-dinja. Madankollu, il-kisbiet soċjali u l-progress fl-Ewropa ma jistgħux jittieħdu bħala fatt. Fl-2017, l-UE kkonfermat l-impenn tagħha għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR). L-implimentazzjoni tal-EPSR u t-triq ’il quddiem huma essenzjali biex jinkiseb tfassil ta’ politika tal-UE u nazzjonali li jkun koerenti u li jissaħħaħ b’mod reċiproku bil-ħsieb li jinbena kunsens imġedded dwar strateġija ekonomika u soċjali sostenibbli sabiex titwettaq il-wegħda tiegħu li jaħdem għal tkabbir ekonomiku bbilanċjat u progress soċjali li jwassal għal żieda fil-benesseri taċ-ċittadini tiegħu (6).

1.6.

L-UE jeħtiġilha ttejjeb il-politiki u l-azzjoni tagħha biex tiżgura l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u forom oħra ta’ ugwaljanza, minbarra li tiggarantixxi li l-persuni kollha li jiffaċċjaw diversi forom ta’ diskriminazzjoni jkollhom opportunitajiet ugwali fis-soċjetà.

1.7.

Biex jiġu indirizzati prijoritajiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali ġodda u attwali, il-KESE jappella għal baġit tal-UE ambizzjuż u mmirat aħjar li jirrifletti r-rieda li jiġu indirizzati l-isfidi tal-UE li jistgħu jinbidlu f’opportunitajiet, u b’hekk jagħti lill-UE proġett ġdid. Għalhekk, il-KESE jappella għal kontroll tal-idoneità tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP).

1.8.

L-involviment strutturat u regolari tas-soċjetà ċivili u tad-djalogu ċivili għandhom rwol ċentrali fil-promozzjoni tas-sostenibbiltà fid-dimensjonijiet kollha tagħha – dik ekonomika, soċjali u ambjentali – u għandu jingħata mandat ċar għall-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-istrateġija. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-ispinta l-ġdida għad-demokrazija Ewropea proposta mill-President elett tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen, u jinsab lest jaqdi r-rwol sħiħ tiegħu fil-konferenza proposta dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa.

1.9.

Id-djalogu soċjali jeħtieġ li jkompli jkollu rwol ċentrali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-miżuri tas-suq tax-xogħol li b’mod effettiv jgħinu lill-kumpaniji u lill-ħaddiema. Minħabba l-isfidi sostanzjali relatati ma’ tranżizzjoni ġusta għal ekonomija ekoloġika u tkabbir sostenibbli, l-involviment tal-imsieħba soċjali huwa kruċjali sabiex titqies l-informazzjoni rilevanti u biex jintlaħaq kunsens dwar l-azzjoni. Id-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv huma prerekwiżit biex jinkisbu tranżizzjonijiet ġusti, impjiegi aħjar, dħul deċenti u biex jiġi miġġieled id-dumping soċjali.

1.10.

Il-KESE jappoġġja t-tassazzjoni ġusta u l-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni tat-taxxa, il-ħasil tal-flus u l-prattiki finanzjarji tar-rifuġji fiskali; objettiv komuni tal-istituzzjonijiet tal-UE, il-gvernijiet u n-negozji jeħtieġ li jkun li jaħdmu flimkien sabiex jistabbilixxu mekkaniżmi effiċjenti bħaż-żewġ direttivi kontra l-evitar tat-taxxa.

1.11.

Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2020 u l-prijoritajiet u l-attivitajiet proposti għalhekk se jirrikjedu li jiġu aġġustati l-għanijiet, il-pożizzjonijiet u l-metodi ta’ ħidma tal-Kummissjoni. Il-politiki interni u esterni kollha tagħha jeħtieġ li jkunu koerenti u allinjati mal-SDGs sabiex il-prinċipji tal-effiċjenza, tas-sussidjarjetà, tal-proporzjonalità u tas-sostenibbiltà jiġu kkunsidrati kif xieraq.

1.12.

Sabiex isiru proposti konkreti għall-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2020, il-KESE qies il-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea 2019-2024 li jmiss kif ippreżentati mill-President elett tal-Kummissjoni f’Lulju 2019 (7).

1.13.

Il-Kummissjoni l-ġdida, kif ippreżentata fl-10 ta’ Settembru, tirrifletti l-prijoritajiet u l-ambizzjonijiet stabbiliti f’dawn il-linji gwida politiċi u hija strutturata abbażi tal-ħtieġa li jiġu indirizzati l-bidliet fil-klima, it-teknoloġija u d-demografija li qed jittrasformaw il-mod kif ngħixu u naħdmu.

2.   Niżviluppaw il-bażi ekonomika tagħna: il-mudell Ewropew għall-ġejjieni – il-promozzjoni ta’ żvilupp ekonomiku sostnut, inklużiv u sostenibbli, suq uniku rivitalizzat, impjieg sħiħ u produttiv u xogħol deċenti għal kulħadd

2.1.

Hemm ħtieġa ċara għal strateġija ekonomika Ewropea ġdida: narrattiva pożittiva għall-iżvilupp futur tal-ekonomija tal-UE fid-dinja usa’ li tgħin biex tiżdied ir-reżiljenza tal-UE għall-iskossi ekonomiċi u ssaħħaħ is-sostenibbiltà – ekonomika, soċjali u ambjentali – tal-mudell ekonomiku tagħha, biex b’hekk iġġib lura l-kunfidenza, l-istabbiltà u l-prosperità kondiviża għall-Ewropej kollha. Filwaqt li tibni fuq il-progress miksub f’dawn l-aħħar snin, din l-istrateġija tista’ twitti t-triq għal aktar integrazzjoni ekonomika, fiskali, finanzjarja, soċjali u politika li hija meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tas-suq uniku u tal-unjoni ekonomika u monetarja tal-Ewropa, kif stabbilit fl-Artikolu 3 tat-TUE.

2.2.

L-UE tista’ tkun ibbażata biss fuq strateġija li tkun soda ekonomikament u robusta f’termini tas-sostenibbiltà soċjali u ambjentali tagħha. Id-dimensjoni ambjentali jeħtieġ li tiżgura li jiġu rispettati “l-limiti planetarji”u li r-riżorsi naturali ma jintużawx iżżejjed, sabiex jibqa’ possibbli l-użu sostenibbli fit-tul ta’ dawn ir-riżorsi u l-bijodiversità tiġi protetta b’mod effiċjenti (8). In-negozju jippermetti l-iżvilupp soċjetali u ambjentali u l-kompetittività sostenibbli. Il-kumpaniji Ewropej huma lesti li jaqdu r-rwol tagħhom u jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom, flimkien mal-ħaddiema u l-partijiet interessati. L-Ewropa teħtieġ ambjent ta’ negozju li jgħin fit-tħejjija għall-futur fejn l-aspetti soċjali u ambjentali jkunu parti mid-definizzjoni tagħha, u li jipprovdi kundizzjonijiet favorevoli u ta’ appoġġ għan-negozju sabiex il-kumpaniji tabilħaqq ikunu jistgħu jikbru b’mod sostenibbli u b’hekk jiġġeneraw il-ġid għar-ridistribuzzjoni sussegwenti tiegħu. Dan jista’ jieħu l-forma wkoll ta’ aktar impjiegi ta’ kwalità, opportunitajiet aħjar ta’ impjieg u drittijiet infurzabbli.

2.3.

Is-suq uniku fid-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali kollha tiegħu huwa fil-qalba tal-integrazzjoni Ewropea u huwa kontributur b’saħħtu għall-ekonomija soċjali tas-suq Ewropew. Madankollu, irid jitlesta għalkollox, jiġi rivitalizzat u aġġornat bil-għan li jsir Suq Uniku Diġitali. Għandha ssir enfasi fuq il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet li jippermettu l-iżvilupp ta’ forom differenti ta’ intrapriżi (inklużi mudelli ekonomiċi ġodda), id-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni, u l-opportunitajiet transfruntiera. Il-funzjonament tiegħu għandu jissaħħaħ u għandu jiġi garantit impenn sħiħ għall-integrazzjoni ulterjuri tiegħu. Għalhekk, is-suq uniku għandu jkun kapaċi jiġġenera żvilupp ekonomiku sostenibbli u innovazzjoni sostenibbli, jattira l-investiment, jappoġġja lill-intraprendituri, u jrawwem il-kompetittività sostenibbli tal-kumpaniji tiegħu fi swieq globalizzati. Madankollu, huwa importanti wkoll li jiġi rikonoxxut li l-impatt pożittiv tas-suq uniku ma ġiex mifrux b’mod ugwali u li mhux iċ-ċittadini kollha huma f’pożizzjoni li jibbenefikaw mil-ġid tiegħu (9).

2.4.

Fir-rigward tal-prospetti makroekonomiċi, l-inċertezza ma naqsitx. Il-ħruġ mistenni tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u t-tensjonijiet globali bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina għadhom ikkunsidrati bil-kbir bħala riskji ta’ ċaqliq ’l isfel għall-iżvilupp ekonomiku u l-impjiegi fil-futur qarib. Skont il-previżjonijiet ekonomiċi tas-sajf tal-Kummissjoni Ewropea, ġie osservat li minkejja rata aggregata baxxa ta’ qgħad meta mqabbla mal-aħħar żewġ deċennji, diversi pajjiżi ma laħqux il-livelli ta’ impjiegi ta’ qabel il-kriżi. Ir-rata ta’ tkabbir tal-PDG fl-Unjoni Ewropea hija mistennija li tkun 1,4 % biss fl-UE din is-sena u 1,2 % fiż-żona tal-euro (10). Il-KESE huwa mħasseb li r-riskji ta’ ċaqliq ’l isfel għall-perspettiva ekonomika għaż-żona tal-euro tabilħaqq jistgħu jevolvu fi kriżi soċjoekonomika oħra fil-futur mhux daqstant imbiegħed, li tista’ toħloq sfidi kbar għall-aġġustament (11). Biex jiġi evitat ir-riskju ta’ reċessjoni ġdida, tinħtieġ orjentazzjoni baġitarja espansjonarja (pożizzjoni fiskali pożittiva) li takkumpanja politika monetarja ta’ approċċ simili. L-espansjoni tal-baġit jeħtieġ li tkun partikolarment sinifikanti fl-Istati Membri li għandhom surplus sinifikanti fil-bilanċ tal-pagamenti tagħhom u bilanċ stabbli jew pożittiv fiskali.

2.5.

It-tkabbir tal-PDG ma jirriflettix il-benesseri tal-parti l-kbira taċ-ċittadini u lanqas ma jirrifletti d-degradazzjoni tal-ambjent u t-tnaqqis tar-riżorsi naturali. Għal din ir-raġuni, hemm bżonn li jiġu żviluppati miżuri ta’ benesseri soċjetali u ta’ sostenibbiltà b’sett ta’ indikaturi aktar adatti li jirriflettu l-profondità reali tal-impatt ekonomiku fit-tul. Jekk nirreferu biss għall-PDG se jitfasslu politiki li jqisu biss l-impatt ekonomiku tagħhom. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi estiż il-qafas ta’ referenza billi jiġu inklużi indikaturi soċjali u ambjentali sabiex jitfasslu riformi verament sostenibbli. Huwa essenzjali li dawn l-indikaturi jkunu kompatibbli wkoll mal-SDGs tan-Nazzjonijiet Uniti (12).

2.6.

Id-disparitajiet soċjali enormi fi ħdan u bejn l-Istati Membri u fi ħdan ir-reġjuni, u l-iżbilanċi territorjali bejn iż-żoni rurali u urbani għadhom sors importanti ta’ tħassib. L-inugwaljanza sinifikanti hija evidenti wkoll meta nħarsu lejn il-ġid. F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ bi pjaċir it-tema prijoritarja tal-Presidenza Finlandiża tal-“ekonomija tal-benesseri”, u jaqbel li t-tnaqqis tal-inugwaljanzi u d-diskrepanzi jeħtieġ li jkun prijorità politika. Jaqbel ukoll li l-kunċett ta’ ekonomija tal-benesseri jeħtieġ li jiġi integrat fil-politiki futuri tal-UE u jistħoqqlu post aktar ċentrali fit-teħid tad-deċiżjonijiet sostenibbli u ekonomiċi.

2.7.

L-UE qed tiffaċċja sitwazzjoni ġeopolitika u ekonomika li qed tinbidel malajr, polarizzazzjoni soċjali u soċjetali li qed tikber, ir-rwol li qed jiżdied tad-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġija fl-aspetti kollha tal-ħajja, kif ukoll it-tibdil fil-klima u sfidi ambjentali oħra. Biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, it-trasformazzjoni industrijali tal-UE hija kruċjali u trid tqis bis-sħiħ l-SGDs globali, li jipprovdu qafas globali ewlieni għal żvilupp ekonomiku ġust u sostenibbli.

2.8.

F’dan il-kuntest, għandha tingħata aktar attenzjoni lill-kwistjonijiet soċjali u tal-impjieg li jaffettwaw liż-żgħażagħ, b’mod partikolari f’termini tad-diskussjoni dwar il-futur tax-xogħol. Dawn jinkludu, fost oħrajn, id-diġitalizzazzjoni, ix-xogħol fuq pjattaforma diġitali, il-frammentazzjoni u l-każwalizzazzjoni tas-suq tax-xogħol, li qed jaffettwaw b’mod partikolari liż-żgħażagħ.

2.9.

L-effetti tal-bidla demografika se jkunu l-kawża ewlenija għal uħud mill-aktar sfidi prevedibbli li l-Unjoni tagħna u l-Istati Membri tagħha se jaffaċċjaw fil-futur fil-perjodu medju. L-iżviluppi demografiċi juru li l-Ewropa se jkollha bżonn ittejjeb l-integrazzjoni tan-nisa, il-ħaddiema żgħażagħ u anzjani, il-persuni b’diżabbiltà u l-migranti fis-suq tax-xogħol. Hemm bżonn ta’ politiki tas-suq tax-xogħol aktar dinamiċi, effiċjenti u effettivi biex jibbenefikaw mit-talent, il-ħiliet u l-potenzjal intraprenditorjali tagħhom kif ukoll biex jipprovdu impjiegi ta’ kwalità. Is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali adegwati għandhom ikunu parti minn dik l-ekwazzjoni, kif ukoll tranżizzjonijiet rapidi sussegwenti mill-qgħad għal kuntratti ta’ xogħol u kundizzjonijiet ta’ impjieg stabbli.

2.10.

L-investiment fin-nies u fis-sostenibbiltà soċjali jista’ jgħin biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi komuni. Titjib fl-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol (jiġifieri politiki attivi tas-suq tax-xogħol), u rwol aktar effiċjenti għas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) (13) fil-prinċipju għandhom jissarrfu f’kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali aħjar għal aktar Ewropej. Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi msemmija hawn fuq, il-KESE jappella, fost affarijiet oħra, għal sistemi ta’ protezzjoni soċjali aktar effettivi, effiċjenti u sostenibbli. F’dan ir-rigward, hemm lok għal azzjoni politika aktar effettiva mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha.

2.11.

Azzjoni bħal din tista’ tiffoka fuq l-impenn li jiġi implimentat il-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali. Dan l-impenn, kif stabbilit fil-Proklamazzjoni Interistituzzjonali, huwa bbażat, fost l-oħrajn, fuq il-prinċipji ta’ tkabbir sostenibbli u l-promozzjoni ta’ progress ekonomiku u soċjali, kif ukoll il-koeżjoni u l-konverġenza, id-diversità tas-sistemi nazzjonali u r-rwol ewlieni tal-imsieħba soċjali (14).

2.12.

Barra minn hekk, l-UE jeħtiġilha tkun minn ta’ quddiem fl-implimentazzjoni tal-SDGs tan-NU filwaqt li tirrikonoxxi, l-ewwel nett, li r-riżorsi domestiċi huma l-ewwel u qabel kollox iġġenerati mit-tkabbir ekonomiku, appoġġjati minn ambjent favorevoli fil-livelli kollha, u, t-tieni, li l-attività tan-negozju privat, l-esperjenza u l-kreattività tal-impjegati, l-investiment u l-innovazzjoni huma xpruni ewlenin għall-iżvilupp (15).

2.13.

Id-djalogu soċjali wera li huwa strument indispensabbli għat-titjib tat-tfassil tal-politika u tal-liġijiet tal-UE, biex tiġi antiċipata l-leġislazzjoni jew biex tiġi pprovduta alternattiva għaliha u biex tissaħħaħ il-leġittimità soċjali tagħha. Id-djalogu soċjali jista’ jkun ukoll għodda għall-implimentazzjoni tal-aġenda għall-iżvilupp sostenibbli.

2.14.

Matul il-kriżi finanzjarja u ekonomika, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) kellu rwol ta’ stabbilizzazzjoni. Il-KESE jirrakkomanda li jiġi kkonsolidat ir-rwol tal-BĊE bħala mutwanti tal-aħħar istanza. Madankollu, għadna kkonfrontati b’fenomeni ekonomiċi inkwetanti bħal livell modest ta’ investiment minkejja politika monetarja relattivament espansjonarja jew il-fatt li l-banek qed jiddepożitaw fondi mal-BĊE anke jekk ikollhom rati tal-imgħax negattivi. Peress li għadna ma nistgħux neskludu aktar kriżijiet finanzjarji jew ekonomiċi, il-Kummissjoni li jmiss jeħtiġilha timplimenta miżuri biex tagħmel l-ekonomija tal-UE inqas vulnerabbli għalihom u aktar reżiljenti. Barra minn hekk, biex jiġu evitati kriżijiet futuri, il-Kummissjoni li jmiss jeħtiġilha tintroduċi miżuri biex jiġu stabbilizzati s-swieq finanzjarji u biex tissaħħaħ id-domanda tal-ekonomija b’mod partikolari. L-applikazzjoni riġida tar-regoli fiskali ddgħajjef l-iżvilupp ekonomiku, speċjalment fis-sitwazzjoni ambigwa ta’ bħalissa. Għal darb’oħra, il-KESE jirrakkomanda l-implimentazzjoni tar-regola tad-deheb (16).

Proposti:

L-Aġenda 2030 tan-NU tipproponi 17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) li l-UE impenjat ruħha li tilħaq sal-2030. Il-KESE jappella għal strateġija globali tal-UE 2050 għas-sostenibbiltà sabiex tiġi implimentata l-Aġenda 2030 tan-NU, garantita minn baġit ambizzjuż tal-UE, u jemmen li l-implimentazzjoni tal-EPRS se tikkontribwixxi għal dan (17):

Suq uniku u strateġija politika industrijali Ewropej ġodda bil-għan li jiġi żviluppat mudell sostenibbli ta’ ekonomija soċjali tas-suq iridu jiżguraw li l-Ewropa tkun minn ta’ quddiem fit-teknoloġija, fl-innovazzjoni u fis-sostenibbiltà, billi:

Is-suq uniku jiġi rivatilizzat, riformat u komplut billi jiġu rieżaminati direttivi ewlenin sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet favorevoli għall-kumpaniji, l-SMEs u forom differenti ta’ intrapriżi (bħal pereżempju mudelli ekonomiċi ġodda u l-ekonomija soċjali), kif ukoll għall-innovazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet. Dan jinkludi r-rieżami ta’ skemi ta’ mobbiltà u opportunitajiet transfruntiera oħrajn, u, b’mod partikolari, is-suq uniku għas-servizzi.

B’kont meħud tar-rwol dejjem akbar tal-ekonomija soċjali fit-trawwim ta’ żvilupp ekonomiku inklużiv u sostenibbli, kif ukoll id-dimensjoni soċjali tal-UE, il-KESE jqis li ekosistema favorevoli – b’finanzjament xieraq mill-UE – għall-ekonomija soċjali hija objettiv importanti li għandu jiġi indirizzat fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni (18).

Jinħolqu kundizzjonijiet qafas għal trasformazzjoni diġitali reali u suq uniku diġitali biex tinkiseb mill-ġdid kompetittività sostenibbli globali u jinkisbu tkabbir u impjiegi sostenibbli, filwaqt li tiġi żviluppata viżjoni Ewropea f’oqsma bħall-iżvilupp ta’ intelliġenza artifiċjali etika u tar-robotika. L-Ewropa teħtieġ bidla ġenerali biex issir l-aktar reġjun diġitali dinamiku fid-dinja – filwaqt li jitqiesu l-opportunitajiet tat-teknoloġija l-ġodda li qegħdin jibdlu lis-soċjetà, bħat-teknoloġija blockchain, in-natura globali tal-ekonomija diġitali u l-integrazzjoni kummerċjali fil-ktajjen tal-valur globali (19) – sabiex tkun tista’ tipprovdi ambjent favorevoli għall-innovazzjoni, l-intraprenditorija, il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja, b’pagi tajbin u produttivi li jirrispettaw l-ambjent kif ukoll ekonomija reali li tkun ta’ benefiċċju għall-kulħadd (20). Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-kisba ta’ ħiliet diġitali fir-rigward tal-appoġġ ulterjuri tas-STEM u l-apprendistati. Is-sistemi edukattivi għandhom jiġu riformati fejn meħtieġ biex isiru adatti għall-iskop fil-qasam diġitali, fost aspetti oħra, u l-investiment fis-sistemi tal-edukazzjoni għandu jittejjeb (21).

Tkompli tiġi appoġġjata t-trasformazzjoni tas-suq tax-xogħol Ewropew filwaqt li jiġu żgurati l-funzjonament tajjeb, l-ekwità u s-sikurezza tiegħu (22). Il-KESE jirrakkomanda li tittieħed azzjoni li tiżgura li l-ħaddiema kollha fl-UE, inkluż dawk li jaħdmu f’forom ġodda ta’ xogħol, jaqgħu taħt il-protezzjoni tal-leġislazzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali f’kull aspett relatat ma’ xogħolhom (23) u li jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-aħjar teknoloġiji sabiex itejbu s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u jiġu evitati l-inċidenti, filwaqt li jitqies l-impatt li dan jista’ jkollu fuq il-privatezza u l-kontroll tal-prestazzjoni (24);

L-iżgurar tad-dritt għal tagħlim tul il-ħajja għall-kulħadd għandu jkun fuq l-aġenda tal-UE, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali għall-kisba tal-ħiliet diġitali. Is-sistemi nazzjonali ta’ edukazzjoni, ta’ taħriġ u ta’ apprendistati għandhom jiġu żviluppati aktar b’enfasi fuq l-oqsma STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika) u sistemi doppji. Dawn se jwasslu għal tqabbil aħjar tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u biex in-nies ikunu jistgħu jiksbu ħiliet, jitħarrġu mill-ġdid u jiksbu taħriġ ta’ aġġornament biex itaffu l-konsegwenzi tar-rivoluzzjoni diġitali, it-tibdil fil-klima u l-iżviluppi demografiċi u soċjetali (25).

Tiġi proposta taħlita ta’ politiki koerenti ta’ politiki makroekonomiċi, industrijali, settorjali u tax-xogħol sabiex tiġi żgurata ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija Ewropea (26). L-għan huwa li jissaħħaħ il-funzjonament tal-katina tal-provvista kollha u li jinħolqu impjiegi deċenti tul il-katina kollha, u b’hekk jinħolqu opportunitajiet ta’ impjieg fuq skala wiesgħa. Dan għandu jinvolvi l-użu tal-potenzjal għall-ħolqien u l-promozzjoni ta’ impjiegi ekoloġiċi u produttivi ta’ kwalità billi tiġi stabbilita aġenda ta’ tkabbir ekoloġiku u sostenibbli u jiġu implimentati inizjattivi li jippermettu li l-kumpaniji, b’mod partikolari l-SMEs u l-mikrointrapriżi, iħaddnu l-SDGs bħala parti mill-istrateġija tan-negozju tagħhom.

Is-Semestru Ewropew, bħala l-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE, għandu xi enfasi fuq l-impjiegi u l-prestazzjoni soċjali, iżda huwa dgħajjef fejn jidħlu l-perikli ppreżentati mit-tibdil fil-klima u fuq il-progress tal-UE lejn il-kisba tal-miri ta’ Pariġi, kif irrappurtat fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019. Għalhekk, il-KESE jappella għal strateġija tal-iżvilupp sostenibbli tal-UE għall-2050 li tħares ’il quddiem, inkorporata f’Ċiklu ta’ Żvilupp Sostenibbli, ibbażata fuq indikaturi u miri soċjali, ekonomiċi u ambjentali li jistgħu jitkejlu u li huma komplementari (27), sabiex jitfasslu riformi verament sostenibbli.

It-tabella ta’ valutazzjoni soċjali wriet li hija strument utli, iżda tista’ tittejjeb. L-14-il indikatur tat-tabella ta’ valutazzjoni u s-sottoindikaturi (35 b’kollox) għandhom ikunu soġġetti għal reviżjoni kontinwa, filwaqt li jinvolvu l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, biex jiġu adattati għall-għanijiet politiċi u għas-sitwazzjonijiet soċjoekonomiċi li qed jinbidlu fl-Ewropa.

Il-KESE jemmen li dawn li ġejjin għandhom jiġu inklużi bħala fatturi ewlenin ta’ reżiljenza fi programm ta’ azzjoni (28):

it-tisħiħ tal-istabbiltà finanzjarja: żieda fil-kapaċità finanzjarja tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES), promozzjoni ta’ politika tat-tassazzjoni Ewropea li tinkludi armonizzazzjoni fiskali, faċilitazzjoni tas-suffiċjenza fiskali tal-Istati Membri u l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi effettivi għall-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa;

it-tlestija tal-Unjoni Monetarja billi jitwessgħu l-għanijiet tal-BĊE, il-ħolqien ta’ Teżor Ewropew Uniku b’kapaċità ta’ ħruġ ta’ dejn, it-titjib tal-governanza taż-żona tal-euro u li din issir aktar demokratika;

żieda fil-produttività tal-ekonomiji Ewropej billi jitpoġġa fokus fuq fatturi ewlenin bħall-investiment (pubbliku u privat), ir-riċerka, l-iżvilupp, l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali, it-titjib tal-ġestjoni tan-negozju u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema;

is-swieq tax-xogħol u l-kwalità tal-impjieg: tisħiħ tan-negozjar kollettiv u tad-djalogu soċjali, l-iżgurar li l-istabbilizzaturi awtomatiċi jaħdmu b’mod effettiv u joħolqu assigurazzjoni Ewropea tal-qgħad (li tikkomplementa l-iskemi nazzjonali), u t-tfassil ta’ aktar politiki attivi u aħjar dwar l-impjieg appoġġjati minn rwol ġdid tas-servizz pubbliku tal-impjiegi;

il-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali permezz tal-iżvilupp u l-applikazzjoni tal-EPSR, b’finanzjament xieraq u mmirat aktar, u djalogu soċjali;

il-promozzjoni tal-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għall-attività tan-negozju u l-investiment billi jittejjeb il-finanzjament tal-kumpaniji. It-tlestija, b’mod urġenti, tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u tal-Unjoni Bankarja, inkluża Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti (EDIS);

il-ġlieda kontra l-qgħad fit-tul u l-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuni li huma skoraġġuti hija qasam ta’ politika ewlieni ieħor li jeħtieġ miżuri mmirati urġenti. Il-KESE jappoġġja r-rekwiżiti minimi għall-assigurazzjoni tal-qgħad f’termini ta’ rata netta ta’ sostituzzjoni, perjodu ta’ intitolament u rata ta’ kopertura, kif ukoll taħriġ u appoġġ għall-ħaddiema f’każ ta’ qgħad.

Huwa assolutament kruċjali li negħlbu d-defiċit tal-investiment pubbliku u privat, bil-għan li nilħqu l-livelli ta’ investimenti fil-perjodu qasir fl-2007 (22,5 % tal-PDG fl-UE, meta mqabbel mal-20,5 % attwali; iż-żewġ ċifri għadhom partikolarment aktar baxxi minn dawk taċ-Ċina u l-Istati Uniti tal-Amerika). Għalhekk, waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-politiki baġitarji jeħtieġ li tkun l-investiment pubbliku u li jiffavorixxu l-investiment privat, u proċess ta’ riforma biex jittejjeb l-ambjent tan-negozju. Dawn ir-riformi jridu jimxu id f’id mar-riformi li jtejbu l-kwalità tal-impjiegi, inaqqsu l-livelli allarmanti ta’ prekarjetà tagħhom u jiżguraw livell għoli ta’ drittijiet soċjali u tax-xogħol (29).

Il-KESE jqis li fl-istabbiliment ta’ parametri referenzjarji u standards minimi għal Ewropa soċjali “triple A” (30), il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jaqblu dwar sett ta’ prinċipji, definizzjonijiet u metodi komuni għal skema adegwata ta’ introjtu minimu li għandha tiġi implimentata fl-Istati Membri kollha. Il-ħidma attwali fuq il-baġits ta’ referenza (31) u n-Netwerk Ewropew dwar l-Introjtu Minimu (32) jipprovdu l-bażi għall-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri biex jaqblu dwar kriterji komuni biex jiġi stabbilit x’jikkostitwixxi introjtu minimu adegwat biex il-persuni joħorġu mill-faqar u jgħixu ħajja deċenti kompatibbli mad-dinjità tal-bniedem. Għandha tingħata kunsiderazzjoni lil inizjattiva leġislattiva tal-UE f’dan il-qasam, b’konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha.

Jinħtieġu aktar investimenti pubbliċi fis-saħħa, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali u għall-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija, speċjalment fil-livell lokali u reġjonali. Dawn għandhom jiġu akkomodati permezz tal-introduzzjoni tar-regola tad-deheb li l-KESE rrakkomanda f’bosta mill-aktar Opinjonijiet reċenti tiegħu, jiġifieri li: l-ispejjeż tal-investiment, b’mod partikolari dwak li jippromovu t-tkabbir sostenibbli fit-tul, ma għandhomx jitqiesu għat-twettiq tal-għanijiet tad-defiċit tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Dan, jekk ikkombinat ma’ proċess ta’ riforma, jibqa’ jiżgura s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi (33).

Il-KESE jieħu nota tal-impenn tal-President elett tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal strument legali li jiżgura li kull ħaddiem fl-Unjoni tagħna jkollu paga minima ġusta. Huwa jqis utli li jiġu stabbiliti punti ta’ riferiment li jgħinu biex tiġi vvalutata l-adegwatezza ta’ pagi baxxi għall-prevenzjoni tal-faqar fost dawk li jaqilgħu l-paga, inkluż billi jiġu promossi l-analiżi u l-iskambju ta’ prattiki tajba permezz tal-proċessi disponibbli ta’ tagħlim reċiproku u billi jiġu introdotti standards komuni biex jiġu stabbiliti pagi minimi trasparenti u prevedibbli, fejn dawn jeżistu u jekk l-imsieħba soċjali jriduhom (34).

Il-mitigazzjoni tad-disparitajiet soċjali, il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa u l-appoġġ għal distribuzzjoni aktar ġusta tal-piż tat-taxxa, iridu jsiru prijoritajiet politiċi għall-Kummissjoni li jmiss. Għalhekk huwa jitlob li r-regoli adottati sabiex jiġu miġġielda dawn il-forom ta’ reati u prattiki ħżiena fil-livell Ewropew jiġu implimentati mingħajr dewmien, u li tiġi evalwata l-possibbiltà li jiġu stabbiliti miżuri oħra aktar effettivi li jinkludu wkoll strumenti sabiex itemmu l-attivitajiet illeċiti tar-rifuġji fiskali (35).

3.   Nibnu futur aktar ekoloġiku, aktar ġust u aktar inklużiv – tittieħed azzjoni urġenti biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima u l-impatt tiegħu

3.1.

Il-KESE jenfasizza li l-protezzjoni ambjentali trid tkun prijorità għolja għall-UE fid-dawl tad-degradazzjoni ambjentali attwali, u trid tiġi integrata fil-politiki u l-azzjonijiet kollha tal-Unjoni. Il-Kumitat jenfasizza li l-UE għandha tagħmel strateġija mġedda għall-politika industrijali kompatibbli mal-ħtieġa li tittieħed azzjoni effettiva biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, jiżdied is-sehem ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija u biex ikun hemm frankar tal-enerġija, bil-għan li jiġi żgurat li tal-anqas il-miri tal-Ftehim ta’ Pariġi jiġu implimentati bis-sħiħ u minnufih. Fl-istess ħin, l-UE għandha tħeġġeġ lill-partijiet l-oħra tal-Ftehim ta’ Pariġi biex iwettqu l-impenn tagħhom li jiżguraw kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-kumpaniji Ewropej. Dan għandu jiġi rifless ukoll f’allinjament tal-miri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-UE għall-2030 u l-2050.

3.2.

Il-klima li qed tinbidel aktar malajr, il-kollass tal-bijodiversità, riskji ambjentali oħra u n-nuqqas kollettiv li jitwettqu politiki ta’ suċċess huma wkoll theddida serja għall-popolazzjoni, l-ekonomija u l-ekosistemi tal-Ewropa. Għalhekk għandna bżonn strateġija ġenerali u b’saħħitha għall-iżvilupp sostenibbli tal-UE 2050 għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-NU. L-UE għandha tħaffef it-tranżizzjoni ġusta u sostenibbli sabiex tikseb l-ogħla livell possibbli ta’ provvista ta’ enerġija rinnovabbli. Din tal-aħħar għandha tkun nadifa, affordabbli, u tappoġġja s-sjieda tal-komunità u taċ-ċittadini.

3.3.

L-Ewropa jeħtiġilha tkun fuq quddiem fil-ġlieda favur l-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Il-KESE jilqa’ l-fatt li sforz akbar fl-azzjoni klimatika huwa wieħed mill-prijoritajiet tal-UE u se jkompli jkun hekk, kif stabbilit fil-Linji Gwida Politiċi tal-President elett tal-Kummissjoni, is-Sinjura von der Leyen. Is-sostenibbiltà ambjentali ser teħtieġ taħlita wiesgħa ta’ politiki, fosthom il-politika kummerċjali. Se teħtieġ ukoll l-implimentazzjoni f’waqtha tal-miżuri, fil-livell globali, tal-UE, nazzjonali u reġjonali, f’oqsma bħall-enerġija u t-trasport, it-tassazzjoni, ir-riċerka, il-politika industrijali u tal-kompetizzjoni, kif ukoll il-politiki dwar l-impjiegi u dawk soċjali.

3.4.

B’mod ġenerali, il-projezzjonijiet tal-impatt tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta’ Pariġi juru li t-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima tista’ żżid il-PDG b’1,1 % addizzjonali u l-impjiegi b’0,5 % meta mqabbla ma’ xenarju mingħajr politiki ta’ azzjoni klimatika. Dan jammonta għal 1,2 miljun impjieg addizzjonali fl-UE sal-2030, minbarra t-12-il miljun impjieg ġdid li huma diġà mistennija (36). Biex dan iseħħ, għandhom jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni internazzjonali, partikolarment għall-industriji Ewropej li jużaw ħafna riżorsi u enerġija (REIIs) (37).

3.5.

It-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u b’impatt newtrali fuq il-klima mhux se tkun inklużiva b’mod awtomatiku, minħabba li timplika spejjeż u riskji potenzjalment sinifikanti għal setturi speċifiċi. Tranżizzjoni ġusta għandha żewġ dimensjonijiet ewlenin: f’termini ta’ “eżiti”(ix-xenarju soċjoekonomiku u ta’ impjieg ġdid f’ekonomija dekarbonizzata) u ta’ “proċess”(kif naslu hemmhekk). L-“eżitu”għandu jkun bażi industrijali u ekonomika soda sostnuta b’ambjent ta’ investiment favorevoli u sistemi tax-xogħol u tal-edukazzjoni li jiffunzjonaw tajjeb u li kapaċi jipprovdu xogħol deċenti għal kulħadd f’soċjetà inklużiva fejn jinqered il-faqar. Il-proċess ta’ kif naslu hemmhekk għandu jkun ibbażat fuq tranżizzjoni mmaniġġjata b’politiki ekonomiċi sinifikanti u bi djalogu soċjali u ċivili sinifikanti fil-livelli kollha sabiex jiġi żgurat li l-kondiviżjoni tal-piż kif ukoll tal-benefiċċji hija ġusta u ħadd ma jitħalla barra. Il-miżuri u r-riformi meħtieġa jista’ jkollhom impatt sostanzjali fuq il-persuni u r-reġjuni, inkluż riallokazzjoni sinifikanti tax-xogħol fis-setturi u l-impjiegi kollha, u bidliet profondi fir-rekwiżiti ta’ ħiliet futuri. Tranżizzjoni sostenibbli teħtieġ investiment f’sistemi ta’ protezzjoni soċjali effettivi u integrati. Barra minn hekk, din trid tkun ikkombinata mill-qrib ma’ tisħiħ profond u demokratiku tal-unjoni ekonomika u monetarja, u ma’ strateġija finanzjarja soda li tkun kapaċi tiżgura finanzjament adegwat għal tranżizzjoni sostenibbli f’qafas finanzjarju pluriennali ġdid ambizzjuż, sistemi fiskali nazzjonali sostenibbli u ġusti, u investimenti pubbliċi b’saħħithom fil-livelli nazzjonali u Ewropej. F’dak il-kuntest, huwa meħtieġ kontroll tal-idoneità tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP).

3.6.

L-istrumenti tal-UE bħas-Semestru Ewropew, il-FSE u l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) kif ukoll id-Djalogu Soċjali Ewropew jistgħu jikkontribwixxu għal tranżizzjoni ġusta billi jappoġġjaw lill-kumpaniji, il-ħaddiema u l-familji li kienu dipendenti fuq xogħol f’setturi intensivi fl-enerġija matul it-tranżizzjoni, inkluż permezz ta’ taħriġ mill-ġdid, għoti ta’ ħiliet mill-ġdid, konsulenza għal tiftix ta’ impjieg individwalizzata u potenzjalment s-sostituzzjoni tal-introjtu.

3.7.

Il-KESE jilqa’ l-linji gwida l-ġodda dwar ir-rappurtar ta’ informazzjoni korporattiva relatata mal-klima bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Finanzi Sostenibbli, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin dwar it-tipi ta’ attivitajiet ekonomiċi li jistgħu jagħtu kontribut reali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew l-adattament (tassonomija) għalih (38). F’dan ir-rigward, huwa fundamentali li tinkiseb prevedibbiltà, ċertezza u ċarezza dwar liema attivitajiet huma tassew ambjentalment sostenibbli (39).

Proposti:

Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp, fil-qafas tad-djalogu soċjali fil-livelli adatti nazzjonali u Ewropej, ta’ miżuri adegwati dwar “tranżizzjonijiet ġusti”li jintroduċu miżuri u azzjonijiet biex jimmaniġġjaw, jibdlu u jintroduċu protezzjoni minima f’każijiet ta’ postijiet tax-xogħol organizzati mill-ġdid jew tkeċċijiet kollettivi li jirriżultaw minn tranżizzjonijiet (teknoloġiċi, demografiċi, tal-globalizzazzjoni, tat-tibdil fil-klima, tal-ekonomija ċirkolari), inkluż id-dritt ta’ involviment f’negozjar kollettiv biex jiġi antiċipat it-tibdil u jiġi pprovdut appoġġ lill-ħaddiema affettwati (evoluzzjoni tad-Direttiva dwar Sensji Kollettivi) (40).

Tranżizzjoni ġusta teħtieġ li tkun parti integrali mill-qafas tal-politika tal-iżvilupp sostenibbli. Il-politiki ta’ tranżizzjoni ġusta għandhom jiffukaw fuq il-korrezzjoni tal-effetti distributtivi negattivi tal-miżuri tal-politika dwar il-klima, fuq il-ġestjoni attiva tat-tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol u għandhom ukoll jittrattaw kwistjonijiet ta’ żvilupp reġjonali.

Sabiex tindirizza l-isfidi klimatiċi u ambjentali, l-UE jeħtiġilha tittrasforma ekonomija lineari f’ekonomija ċirkolari u newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju, li tiżgura li ċ-ċikli jkunu dejjiema u effiċjenti kemm jista’ jkun (41).

Fil-fehma tal-KESE, il-Patt dwar il-Finanzjament għall-Klima għandu jħaddan l-aspetti kollha tal-politika dwar l-indirizzar tat-tibdil fil-klima: tranżizzjoni ġusta (miżuri sabiex jittaffew l-effetti tat-tibdil, iżda li jikkumpensaw ukoll għad-danni u għat-telf), kif ukoll politiki effettivi ta’ adattament għat-tibdil fil-klima. Il-mudell tal-ekonomija ċirkolari għandu jiġi preferut kemm jista’ jkun u għandu jittejjeb il-qafas regolatorju tiegħu. Kollox għandu jkun iffinanzjat minn baġits adatti, permezz tar-riorjentazzjoni tal-investimenti eżistenti (allokazzjoni ekoloġika) u minn sorsi ġodda u aċċessibbli ta’ finanzjament (42).

Il-patt jirrikjedi l-istabbiliment ta’ qafas Ewropew ċar u prevedibbli ta’ politika fuq medda twila ta’ żmien sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ippjanar b’rabta mal-investimenti. Dan il-qafas irid ikun akkumpanjat minn riflessjoni attiva dwar għażliet ta’ politika differenti bħall-mekkaniżmi ta’ aġġustament fil-fruntieri, bħat-taxxa fuq il-karbonju fil-fruntieri, biex tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju (43), għall-prodotti li mhumiex soġġetti għall-istess standards ambjentali u soċjali (44).

Ladarba tkun ġiet adottata u implimentata bis-sħiħ it-tassonomija tas-sostenibbiltà (45), għandha tingħata kunsiderazzjoni għall-ħtieġa ta’ miżuri leġislattivi addizzjonali possibbli, jekk ikun xieraq u abbażi ta’ valutazzjoni tal-impatt tajba. F’dan il-kuntest, il-KESE jirreferi għal żewġ Opinjonijiet tiegħu dwar il-Patt Ewropew dwar il-Finanzjament għall-Klima (46) u dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli (47).

L-investimenti, kemm pubbliċi u privati, fl-ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju jridu jiżdiedu sabiex jintlaħqu l-miri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet aġġornati tal-UE għall-2030, u se tkun meħtieġa bidla radikali sabiex tinkiseb ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju sal-2050, f’konformità mal-miri ta’ Pariġi. Id-dgħufija dejjiema tal-attività ta’ investiment fis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-Ewropa hija wkoll f’kuntrast mal-livell għoli ta’ sussidji għall-karburanti fossili u sussidji oħra li jagħmlu ħsara lill-ambjent, li għadhom jeżistu madwar l-Istati Membri tagħha. Il-problema mhix biss nuqqas ta’ investiment: l-allokazzjoni ta’ riżorsi eżistenti lanqas ma taħdem sew. Għanijiet ta’ politika ċari u qafas ta’ politika aktar koerenti huma neċessarji biex dawn it-tendenzi negattivi jinbidlu. Fi kwalunkwe każ, it-tmiem tal-era tal-karburanti fossili fl-Ewropa jrid ikun akkumpanjat b’investimenti neċessarji sabiex jiġu żgurati l-protezzjoni tal-ħaddiema tagħha, il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u l-appoġġ għall-iżvilupp lokali. Il-proċessi ta’ tranżizzjoni għandhom jiġu nnegozjati mal-imsieħba soċjali u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jkunu relatati ma’ politiki ta’ trasparenza u ta’ komunikazzjoni effettiva.

L-emissjonijiet tas-CO2 għandhom jiġu intaxxati madwar l-UE kollha b’mod soċjalment ġust, min iniġġes jiġi mġiegħel iħallas u jiġi appoġġjat l-investiment f’enerġija nadifa għall-but ta’ kulħadd. It-tassazzjoni fuq l-enerġija tista’ tappoġġja t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u tikkontribwixxi għal tkabbir sostenibbli u soċjalment ġust.

Wieħed mill-akbar riskji għas-saħħa ambjentali fl-UE huwa t-tniġġis tal-arja, li jikkawża madwar 400 000 mewta prematura fis-sena. L-indirizzar tat-tniġġis tal-arja permezz ta’ azzjoni klimatika huwa opportunità biex jiżdied l-appoġġ popolari u politiku għall-politiki dwar it-tibdil fil-klima.

Il-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku u tal-ilma, u l-garanzija ta’ ikel aċċessibbli, tajjeb għas-saħħa u ta’ kwalità tajba, prodotti sikuri u t-tmiem tal-espożizzjoni ta’ ħsara għal sustanzi kimiċi tossiċi. Taħlita wiesgħa ta’ politiki, inkluża l-politika agrikola tal-UE, għandha tgħin biex jintlaħqu talbiet soċjetali ġodda, inklużi metodi ta’ produzzjoni sostenibbli, nutrizzjoni aħjar, tnaqqis fl-iskart tal-ikel, trattament xieraq aħjar tal-annimali, protezzjoni tal-klima u l-preservazzjoni tal-bijodiversità.

L-UE għandha tappoġġja l-isforzi tal-pajjiżi msieħba biex ineħħu gradwalment sussidji li huma ta’ ħsara għall-ambjent sabiex tgħinhom jimplimentaw l-Aġenda 2030 u l-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima.

Il-politika kummerċjali tal-UE trid tkun konsistenti mal-Aġenda 2030 u mal-Ftehim ta’ Pariġi. Id-dispożizzjonijiet eżistenti dwar il-ftehimiet dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli jridu jiġu infurzati b’mod effettiv.

4.   Il-protezzjoni taċ-ċittadini u l-libertajiet - il-paċi, il-ġustizzja u istituzzjonijiet b’saħħithom

4.1.

Illum l-Unjoni tipprovdi l-paċi, l-istabbiltà u l-prosperità madwar l-Ewropa u lil hinn minnha, minkejja l-bosta sfidi interni u esterni li qiegħda tiffaċċja. L-UE tħares b’mod determinat il-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali tagħha. Dawn jiggwidaw il-politiki tagħna u jrawmu sens ta’ appartenenza, filwaqt li jibnu fuq il-kultura kondiviża tagħna. Id-demokrazija trid tiġi rrispettata fl-Ewropa u promossa lil hinn minnha. L-involviment ċiviku, ir-responsabbiltà pubblika, u l-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet aktar ġusti, aktar trasparenti u inklużivi jridu jissaħħu fil-livelli kollha.

4.2.

L-UE teħtieġ soċjetajiet miftuħa u vibranti, fejn l-individwi għandhom drittijiet indaqs u jistgħu jgħixu ħielsa mid-diskriminazzjoni u b’rispett sħiħ għall-privatezza u s-sikurezza tagħhom. Id-diversità kulturali tarrikkixxi lill-Ewropa u lill-poplu tagħha. Id-diversità hija parti mill-identità u s-saħħa tal-Ewropa.

4.3.

L-Ewropa qiegħda taffronta sfidi maġġuri li jridu jiġu indirizzati u diskussi minn perspettiva Ewropea u mhux minn perspettiva nazzjonali biss, u billi jiġu implimentati bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet imnaqqxa fl-Artikoli 10 u 11 tat-TUE. Għal din ir-raġuni, id-demokrazija Ewropea jeħtieġ li ssaħħaħ id-dimensjoni transnazzjonali tal-objettivi u l-isfidi tagħha, filwaqt li tippromovi ċittadinanza Ewropea bbażata fuq il-valuri komuni fl-Unjoni Ewropea, b’aktar edukazzjoni istituzzjonali Ewropea u qafas soċjetali deliberattiv, aktar parteċipattiv, kif ukoll aktar enfasi Ewropea.

4.4.

L-iżviluppi demografiċi juru li l-Ewropa se jkollha bżonn il-migranti, it-talent, il-ħiliet u l-potenzjal intraprenditorjali tagħhom. Hemm bżonn urġenti li jinbidlu n-narrattiva u l-politiki dwar il-migrazzjoni bbażati fuq kooperazzjoni aktar mill-qrib ma’ pajjiżi terzi, biex jiġi żgurat dibattitu razzjonali bbażat fuq il-fatti. Ir-refuġjati u l-migranti m’għandhomx jitqiesu bħala theddida iżda bħala opportunità għall-mudell ekonomiku u soċjali tal-Ewropa. Għal dan għandna bżonn approċċ u strateġija komprensiva għall-migrazzjoni, li jinkludu l-migrazzjoni legali.

Proposti:

L-UE teħtieġ mekkaniżmu komprensiv u infurzabbli għall-monitoraġġ regolari tal-istat tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-pajjiżi kollha tal-UE.

Il-midja ħielsa u indipendenti u s-soċjetà ċivili jeħtiġilhom jkunu appoġġjati u jitħallew iwettqu r-rwol tagħhom fid-demokrazija.

Il-politika tal-konsumaturi hija qrib l-interessi tal-pubbliku u għalhekk tista’ tinfluwenza l-impenn tan-nies lejn il-proċess ta’ integrazzjoni tal-UE. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-drittijiet tal-konsumaturi huma infurzati u rispettati fil-proċess tar-REFIT, fid-dinja diġitali u fis-sikurezza tal-prodotti u s-servizzi. Il-Kummissjoni għandha ssaħħaħ miżuri biex jiġu eliminati l-faqar enerġetiku u l-faqar tal-konsum u biex jissaħħaħ l-aċċess għall-ikel u s-servizzi għall-Ewropej kollha. Il-Kummissjoni għandha tippromovi wkoll id-drittijiet tal-konsumaturi għall-informazzjoni, l-edukazzjoni u l-parteċipazzjoni u d-dritt tagħhom li jorganizzaw ruħhom sabiex l-interessi tagħhom jiġu rappreżentati meta jkunu qed jitfasslu r-regoli li jikkonċernawhom.

Il-Kummissjoni jeħtiġilha tlesti r-rieżami tagħha tal-istrumenti legali u mhux legali prinċipali tal-politika tal-konsumatur tal-UE bħala politika ta’ ċittadinanza orizzontali trasversali, u trid tippreżenta pjan ta’ azzjoni ġdid biex tipproteġi u tiddefendi l-konsumaturi matul l-għaxar snin li ġejjin.

Barra minn hekk, u meta jitqies li l-aċċess għas-servizzi ta’ interess ġenerali huwa element fundamentali tal-ġustizzja soċjali u huwa bbażat fuq il-prinċipju tat-trattament ugwali tal-utenti, li jipprojbixxi kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni jew esklużjoni, il-KESE jitlob li jiġi ċċarat il-kunċett ta’ aċċess universali għas-servizzi ta’ interess ġenerali, u li jiġu introdotti miżuri leġislattivi li jobbligaw lill-Istati Membri jistabbilixxu indikaturi ta’ aċċess (48).

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta Aġenda Ewropea għall-Ġlieda kontra d-Diskriminazzjoni abbażi tar-raġunijiet definiti fl-Artikolu 19 tat-Trattat ta’ Lisbona u tieħu wkoll azzjoni konkreta biex tiftaħ u tirrevedi d-Direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u tindirizza l-kundizzjonijiet tat-tfal, in-nisa, il-persuni b’diżabbiltà u l-anzjani f’sitwazzjonijiet vulnerabbli kif ukoll forom ġodda ta’ vulnerabbiltà. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tieħu azzjoni urġenti dwar din il-kwistjoni fil-bidu nett tal-mandat tagħha.

Il-Kummissjoni għandha tieħu inizjattivi f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà u timplimenta l-UNCRPD fil-politiki u l-programmi esterni tagħha, inkluża t-tnedija ta’ karta tad-diżabbiltà tal-UE rikonoxxuta fl-Istati Membri kollha. Fl-2020, l-UE għandha tippreżenta l-proposta tagħha għall-Aġenda Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2020–2030 u tiddikjara l-2023 bħala s-Sena Ewropea tad-Drittijiet marbuta mad-Diżabbiltà.

Il-KESE jħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tappoġġja l-attivitajiet fl-istituzzjonijiet edukattivi fil-livelli kollha li jgħinu lill-istudenti biex jiddistingwu bejn l-aħbarijiet foloz u l-fatti bbażati fuq ix-xjenza.

L-UE jeħtiġilha ttejjeb il-politiki u l-azzjonijiet tagħha biex tiżgura l-ugwaljanza bejn il-ġeneri billi timplimenta aġenda trasformattiva u li tista’ titkejjel għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, bħala parti minn strateġija integrata u ambizzjuża ta’ ħames snin tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Din l-istrateġija għandha tinkludi l-eliminazzjoni tad-differenzi bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa mhux biss permezz ta’ għodda speċifika li ssaħħaħ it-trasparenza korporattiva dwar il-politiki dwar il-pagi u l-istrateġiji tagħhom biex jindirizzaw id-differenzi bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, u tindirizza l-oqsma kollha definiti fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-ġlieda kontra d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa. Barra minn hekk, l-UE jeħtiġilha tiggarantixxi li l-persuni kollha li jiffaċċjaw diskriminazzjoni multipla jkollhom opportunitajiet indaqs fis-soċjetà.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu assistiti u integrati r-refuġjati u l-applikanti għall-asil. Jistieden lill-Kummissjoni tniedi b’mod urġenti u twettaq riforma effiċjenti tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil li tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, u l-istabbiliment ta’ sistema ġenwinament komuni għall-Istati Membri kollha. Jirrakkomanda wkoll li jsir progress fir-rigward tar-risistemazzjoni u l-viżi umanitarji għar-refuġjati sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet reali. Jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi u timmonitorja u tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-ftehim dwar id-distribuzzjoni tar-refuġjati bejn l-Istati Membri.

Barra minn hekk, jitlob li d-drittijiet tal-bniedem u d-dritt internazzjonali jiġu rispettati fir-rieżami tal-ftehimiet ta’ sħubija ma’ pajjiżi terzi ta’ tranżitu u ta’ oriġini tal-flussi migratorji, u għall-iżvilupp ta’ strumenti finanzjarji biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni.

Il-kooperazzjoni mal-pajjiżi msieħba hija essenzjali biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni, mgħejuna r-refuġjati, trattati l-flussi ta’ migrazzjoni mħallta, indirizzata l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin u jitwettqu r-ritorn u r-riammissjoni. Jeħtieġ li jiġu kkoordinati l-istrumenti umanitarji, tal-iżvilupp u dawk politiċi bil-għan li tingħata assistenza effettiva lill-persuni fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom.

L-UE għandha tadotta politiki u miżuri li japprovaw migrazzjoni sikura, ordnata u regolari u jsaħħu wkoll l-inklużjoni u l-koeżjoni soċjali. L-UE għandha tirregola l-istatus ta’ “individwi spostati minħabba raġunijiet ambjentali” u taħdem f’koordinazzjoni aktar mill-qrib mal-ILO fir-rigward ta’ programmi ta’ migrazzjoni u integrazzjoni tax-xogħol (49).

Il-KESE jappella għal rotot legali u sikuri għar-refuġjati meta jiġu fl-UE. Hemm bżonn ta’ approċċ ikkoordinat mill-Istati Membri kollha u l-partijiet ikkonċernati Ewropej u nazzjonali, ibbażat fuq responsabbiltà kondiviża, allokazzjoni ġusta, konverġenza u rispett għad-drittijiet fundamentali, bil-għan li jiġu inklużi aktar għażliet għal riunifikazzjoni tal-familja, rilokazzjoni u risistemazzjoni.

5.   Il-promozzjoni tal-interessi u l-valuri tal-Ewropa fid-dinja – it-tisħiħ tal-mezzi ta’ implimentazzjoni u r-rivitalizzazzjoni tas-sħubija globali għall-iżvilupp sostenibbli

5.1.

F’dinja dejjem aktar maqsuma u multipolari, l-UE se jkollha bżonn issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha biex tiggarantixxi l-prosperità, is-sigurtà u l-valuri tagħha. Kif enfasizzat fl-Istrateġija Globali ta’ Ġunju 2016, l-Ewropa jeħtieġ li tmexxi fid-dinja permezz ta’ appoġġ konsistenti u b’saħħtu għall-ordni globali multilaterali bbażat fuq ir-regoli, bin-Nazzjonijiet Uniti fil-qalba tiegħu. L-UE għandha tippromovi l-governanza globali bbażata fuq il-valuri fundamentali ta’ ekonomija soċjali tas-suq, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, l-iżvilupp sostenibbli, il-multilateraliżmu u r-rispett għad-dritt umanitarju internazzjonali.

5.2.

L-UE għandha wkoll tagħmilha prijorità li tiżviluppa relazzjonijiet b’saħħithom mal-pajjiżi tal-viċinat, ibbażati fuq bilanċ ċar bejn id-drittijiet u l-obbligi. Tista’ ssir referenza għall-politika tal-viċinat tal-UE u l-politika tal-iżvilupp bħala waħda mill-prijoritajiet tal-UE, u l-UE bħala l-akbar donatur fid-dinja. Is-soċjetà ċivili għandha tipparteċipa fil-monitoraġġ ta’ dawn il-politiki.

5.3.

L-UE jeħtiġilha żżomm l-impetu tal-proċess tat-tkabbir u tkompli bin-negozjati u l-programmi ta’ adeżjoni mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

5.4.

Il-politika kummerċjali tal-UE hija fattur ewlieni li japplika għall-UE kollha kemm hi u tabilħaqq tgħaqqad lill-Istati Membri kollha tagħha. Il-politika kummerċjali għenet lill-UE biex iżżid il-prosperità tagħha permezz ta’ skambji kummerċjali ma’ firxa wiesgħa ta’ sħab. Fl-istess ħin, l-UE tinkorpora u tippromovi, permezz tal-kummerċ, il-valuri tal-inklużjoni soċjali u l-ħarsien tal-ambjent li huma essenzjali għat-tiswir tal-globalizzazzjoni sostenibbli – fi kliem ieħor, forma ta’ globalizzazzjoni li tkun ta’ benefiċċju mhux biss għall-kumpaniji kbar u l-investituri, iżda wkoll għan-nies ordinarji, il-ħaddiema, il-bdiewa, il-konsumaturi, l-artiġjanat u l-professjonijiet liberi u għall-SMES u b’mod partikolari l-mikrointrapriżi. Il-kummerċ huwa wkoll għodda ewlenija li tappoġġja l-politika tal-UE fir-rigward tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, biex tikkontribwixxi għall-bidla minn żvilupp għal sħubija, speċjalment mal-Afrika.

5.5.

L-Ewropa teħtieġ politika tat-tassazzjoni ġusta u moderna, adattata għall-isfidi tal-ekonomija diġitali u li tiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-ġganti tal-Internet, il-pjattaformi online ta’ merkanzija u n-negozji lokali. Il-ġlieda kontra l-evażjoni, il-frodi u l-evitar tat-taxxa se teħtieġ kooperazzjoni aktar estensiva fil-livell internazzjonali u bejn l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali.

Proposti:

Il-KESE jappella b’mod partikolari għal aġenda ambizzjuża tal-politika kummerċjali fit-tliet livelli kollha, unilaterali, bilaterali u multilaterali – politika li toħloq it-tkabbir u l-impjiegi ta’ kwalità fl-UE filwaqt li tippromovi politika kummerċjali bbażata fuq ir-regoli fil-livell globali.

L-UE, flimkien mas-soċjetà ċivili Ewropea, inklużi n-negozji, jeħtiġilha wkoll tippromovi b’mod attiv ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem meta tinnegozja ftehimiet kummerċjali. Barra minn hekk, il-konvenzjonijiet tal-ILO għandhom jiġu rispettati. Dawn il-ftehimiet għandhom ikunu soġġetti għal sorveljanza demokratika, filwaqt li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni xierqa tas-soċjetà ċivili, u għandu jitfittex pjan direzzjonali dwar impenji sodi f’każ li l-konvenzjonijiet tal-ILO ma jkunux ratifikati jew implimentati kif xieraq (50).

L-UE jeħtiġilha tinkludi wkoll impenn sod fir-rigward tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, sabiex jiddaħħlu fis-seħħ klawżoli reali soċjali, ta’ protezzjoni tal-konsumatur u ambjentali f’kull ftehim kummerċjali (l-imsieħba kummerċjali potenzjali kollha tal-Ewropa se jkunu kkonċernati peress li 195 mill-197 membru tan-Nazzjonijiet Uniti huma firmatarji għall-ftehim). L-ipprezzar tal-karbonju fil-livell globali jkun ukoll alternattiva li għandha tiġi analizzata aktar partikolarment għall-industriji Ewropej ta’ riżorsi u enerġija (REIIs) (51) u, jekk imfassla tajjeb skont ir-regoli tal-UE u tad-WTO, għandhom jiġu promossi b’mod attiv (52). Taxxa fuq il-karbonju fil-fruntieri tista’ tgħin biex jintlaħaq dan l-għan.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ id-djalogu tagħha mas-soċjetà ċivili sabiex jiġi żviluppat il-funzjonament tal-kapitoli dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli (TSD) fi ftehimiet kummerċjali attwali u futuri. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkun aktar ambizzjuża, b’mod partikolari sabiex tissaħħaħ l-infurzabbiltà effettiva tal-impenji fil-kapitoli TSD (53). L-UE jeħtiġilha tinkludi wkoll l-ogħla livelli ta’ drittijiet tal-bniedem, protezzjoni tal-konsumatur, u drittijiet tal-ħaddiema fil-ftehimiet kummerċjali futuri kollha. Barra minn hekk, il-konvenzjonijiet tal-ILO għandhom jiġu rispettati. Dawn il-ftehimiet għandhom ikunu soġġetti għal sorveljanza demokratika, filwaqt li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni xierqa tas-soċjetà ċivili.

Il-KESE jappoġġja t-tassazzjoni ġusta u l-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni tat-taxxa, il-ħasil tal-flus u l-prattiki finanzjarji tar-rifuġji fiskali; objettiv komuni tal-istituzzjonijiet tal-UE, il-gvernijiet u n-negozji jeħtieġ li jkun li jaħdmu flimkien sabiex jistabbilixxu mekkaniżmi effiċjenti bħaż-żewġ direttivi kontra l-evitar tat-taxxa.

L-UE għandha tikkoopera ma’ reġjuni ekonomiċi oħrajn biex tiġġieled b’mod effettiv il-korruzzjoni u l-evażjoni tat-taxxa mad-dinja kollha u biex tiżgura li r-regoli internazzjonali dwar it-taxxa korporattiva jkunu ċari, trasparenti, oġġettivi u prevedibbli.

Il-mudelli l-ġodda tan-negozju li jużaw il-pjattaformi tal-Internet u għodod diġitali oħrajn irriżultaw f’kumpaniji li jiddependu inqas fuq preżenza fiżika f’pajjiż. Il-KESE jemmen li huwa importanti ħafna li jiġu żviluppati prinċipji ġodda dwar kif il-profitti korporattivi jiġu attribwiti lil pajjiż tal-UE u kif għandhom jiġu intaxxati, fi djalogu mal-imsieħba kummerċjali, u biex ikun hemm parteċipazzjoni attiva fid-diskussjonijiet li għaddejjin fil-livell tal-OECD/G20 dwar ftehim globali dwar l-ekonomija diġitalizzata, sabiex tiġi evitata kwalunkwe eskalazzjoni ta’ tensjonijiet kummerċjali u tat-taxxa bejn l-atturi ekonomiċi ewlenin fid-dinja (54).

6.   It-twettiq tal-prijoritajiet permezz ta’ governanza b’saħħitha u baġit tal-UE aktar b’saħħtu

6.1.

L-ekonomiji u d-dinja tax-xogħol li qegħdin jinbidlu, it-tibdil fil-klima u fil-ġeopolitika diġà qegħdin isawru l-Unjoni tagħna u se jkunu fatturi ewlenin li se jixprunaw il-ġejjieni. L-UE teħtieġ approċċ ġdid ta’ governanza u, fejn meħtieġ, regoli u strumenti ġodda meta jiġu definiti u implimentati l-politiki tal-UE. L-iżvilupp sostenibbli jeħtieġ approċċ politiku olistiku u transsettorjali biex jiżgura li l-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali jiġu indirizzati flimkien.

6.2.

Il-KESE jenfasizza li l-UE jeħtiġilha tindirizza b’mod determinat dawn l-isfidi b’impenn politiku qawwi, integrazzjoni politika akbar u aħjar, bir-rispett sħiħ u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali u tal-prinċipji demokratiċi u billi naħdmu flimkien;

6.3.

Il-KESE jenfasizza li l-kriżi finanzjarja u ekonomika ħolqot żbilanċ bejn l-istituzzjonijiet ewlenin tal-Unjoni. Dan jirrekjedi forom ġodda ta’ governanza u ġestjoni fil-livell tal-UE. Ir-rwol tal-Parlament Ewropew irid jissaħħaħ biex jippromovi aktar responsabbiltà demokratika.

6.4.

L-implimentazzjoni tal-EPSR u tal-SDGs teħtieġ bażi baġitarja robusta, ambjent tan-negozju favorevoli u investiment pubbliku u privat. In-negozjati għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss għandhom jimmiraw li jiżguraw finanzjament xieraq għall-politiki soċjali, tal-impjieg u ambjentali u investiment produttiv.

6.5.

L-ewwel pass biex tissaħħaħ id-dimensjoni klimatika tal-QFP li jmiss se jkun li tiżdied il-mira tal-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima għall-QFP kollu għal 40 %, kif mitlub mill-KESE. Dan jirrikjedi aġġustament tal-miri klimatiċi settorjali kollha skont dan u li dawn isiru legalment vinkolanti. Il-Kummissjoni u l-Parlament għandhom jaħdmu wkoll flimkien biex jiżguraw li l-arkitettura ekoloġika tal-PAK il-ġdida, jiġifieri l-kundizzjonalità u l-ekoskemi, tiġi implimentata b’mod effiċjenti mill-perspettiva ambjentali, biex jiġi eliminat gradwalment l-appoġġ tal-UE għal proġetti li jagħmlu ħsara lill-klima u biex jittejbu l-metodoloġiji ta’ traċċar tal-klima. Għandhom ukoll jeħilsu riżorsi sinifikanti biex jappoġġjaw lil dawk l-individwi u t-territorji l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni tal-enerġija, billi joħolqu strumenti ġodda jew jirriformaw dawk eżistenti.

6.6.

L-unanimità, li t-Trattati jirrikjedu f’ċerti oqsma fundamentali, hija ostakolu kważi insuperabbli f’mumenti importanti u f’deċiżjonijiet kruċjali, u l-Kumitat għalhekk, fir-rigward tal-proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, jargumenta favur il-prinċipju ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata (VMK) fil-Kunsill u, għal-leġislazzjoni, jiffavorixxi l-użu tal-proċedura leġislattiva ordinarja fl-oqsma kollha fejn dan ikun possibbli; Il-KESE jfakkar li skont it-Trattati fis-seħħ dan jista’ jinkiseb bl-użu tad-diversi klawżoli “passerelle”jew, fil-każ tal-kooperazzjoni msaħħa, bl-użu tal-Artikolu 333 tat-TFUE (55).

Proposti:

Il-promozzjoni tal-importanza tal-kooperazzjoni fil-livell interistituzzjonali, filwaqt li jiġu rispettati l-prerogattivi ta’ kull istituzzjoni kif stabbiliti fit-Trattati, peress li din il-kooperazzjoni ngħatat qafas ġdid mal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. Il-KESE huwa tal-fehma li għandu jkun involut sabiex jiġi żgurat li l-fehmiet tal-partijiet interessanti rilevanti kollha jiġu kkunsidrati u biex finalment tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħidma tal-UE.

L-użu ta’ strumenti għal regolamentazzjoni aħjar tal-Kummissjoni Ewropea huwa mod ieħor biex tiġi żgurata l-integrazzjoni ulterjuri tal-iżvilupp sostenibbli fil-politiki Ewropej. Il-valutazzjonijiet kollha tal-impatt tal-Kummissjoni jridu jevalwaw l-impatti ambjentali, tal-klima, soċjali u ekonomiċi sabiex is-sostenibbiltà tkun ikkunsidrata u meqjusa sewwa. L-evalwazzjonijiet ex post iridu janalizzaw ukoll it-tliet dimensjonijiet f’approċċ integrat b’saħħtu. Huma meħtieġa wkoll konsultazzjonijiet mal-imsieħba soċjali, filwaqt li jiġu rrispettati d-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jitolbu l-konsultazzjoni speċifika tax-xogħol u tal-ġestjoni fir-rigward tal-leġislazzjoni dwar kwistjonijiet soċjali (Artikolu 154(2)); il-konsultazzjonijiet mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-parlamenti nazzjonali jiffurmaw komponent ieħor tal-istrumenti għal regolamentazzjoni aħjar biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit tal-inklużività li jinsab fil-qalba tal-Aġenda 2030 (56).

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali propost għall-2021–2027 mhux adattat biex jindirizza l-isfidi l-ġodda stabbiliti fl-Aġenda Strateġika tal-Kunsill Ewropew 2019–2024 u l-Linji Gwida Politiċi tal-Kummissjoni Ewropea 2019–2024 li jmiss. Il-KESE jipproponi żieda fil-finanzjament biex jippermetti (i) l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali biex jistimula l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità fil-kuntest ta’ żvilupp ekonomiku sostenibbli; (ii) l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-NU, u (iii) l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi li jippromovi tranżizzjonijiet ġusti lejn soċjetajiet ekoloġiċi u diġitizzati.

Il-fondi tal-UE li jirċievu l-Istati Membri għandhom ikunu soġġetti għar-rispett tal-prinċipju tal-istat tad-dritt, pilastru fundamentali tal-valuri tal-Unjoni skont l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Il-Kumitat iqis ukoll li din il-kundizzjonalità tista’ tiġi estiża għall-prinċipji l-oħra marbuta mal-istat tad-dritt li jinsabu fit-Trattati tal-UE (57).

Il-proġetti li għandhom jiġu appoġġjati, li ser ikunu konsistenti mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU u li jitolbu mezzi sostanzjali fil-qasam tal-innovazzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp, għandhom jiġu infurzati permezz ta’ għodda, b’mod li jkun possibbli li jiġu viżwalizzati s-sorsi differenti ta’ finanzjament (fosthom, il-QFP li jmiss) u permezz ta’ azzjonijiet differenti (58), jiġifieri:

ridirezzjoni tal-finanzjament lejn investimenti sostenibbli permezz ta’ “allokazzjoni ekoloġika”u, f’dan il-kuntest, il-promozzjoni ta’ self mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) b’“tikketta ekoloġika”;

l-użu tat-tnaqqis kwantitattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) bħala sors ta’ finanzjament;

żieda sa 40 % tas-sehem tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi ddedikat għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

l-UE jeħtiġilha turi livell ta’ ambizzjoni li jirrifletti l-kobor l-isfida tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; medja ta’ 40 % tal-baġit globali tagħha (QFP 2021-2027) trid tiġi allokata għal dan l-għan;

żieda tas-sehem korrispondenti tal-Fond Ewropew ta’ Koeżjoni li taqbeż l-20 % attwali;

il-mobilizzazzjoni ta’ 3 % tal-fondi tal-pensjoni u tal-assigurazzjoni;

appoġġ lin-negozji, b’mod partikolari l-SMEs u speċjalment lill-mikrointrapriżi, fl-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp sa mhux iżjed minn EUR 100 biljun iddedikati għal dan l-għan;

ir-rispett tal-impenji tal-assistenza finanzjarja fir-rigward tal-pajjiżi tan-Nofsinhar li jieħdu sehem fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima (59).

7.   Il-KESE fit-tmexxija u l-iffaċilitar tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fl-affarijiet tal-UE – l-għoti tas-setgħa, l-involviment u l-konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili

7.1.

Il-promozzjoni tas-sostenibbiltà fid-dimensjonijiet kollha tagħha – ekonomika, soċjali u ambjentali – teħtieġ sforz u impenn konsiderevoli mill-atturi kollha involuti. Dibattitu demokratiku miftuħ imsejjes fuq l-involviment strutturat tas-soċjetà ċivili għandu rwol kruċjali biex it-tranżizzjoni tkun ġusta u effettiva. Mistoqsijiet ewlenin dwar “l-eżiti”, “kif naslu għalihom”u kif niżguraw li l-piż u l-qsim tal-benefiċċji jkunu ġusti u li ħadd ma jitħalla lura jeħtieġ li jiġu indirizzati b’mod miftuħ u trasparenti.

7.2.

Il-KESE jenfasizza r-rwol kruċjali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki fl-istadji kollha u fil-livelli kollha, inkluż il-livell lokali. Dan jirrikjedi bidla fil-kultura u rikonoxximent tal-valur tas-soċjetà ċivili fil-livelli tal-UE u tal-Istati Membri, li diġà huwa minqux fl-Artikolu 11 tat-TUE, li jipprevedi l-promozzjoni u l-iffaċilitar mill-istituzzjonijiet tal-UE tad-djalogu ċivili orizzontali u vertikali, biex iwettqu konsultazzjonijiet wiesgħa u jistabbilixxu l-pedamenti għall-inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej. Dawn huma proċessi komplementari li jseħħu mingħajr preġudizzju għall-konsultazzjoni tal-KESE u d-djalogu soċjali.

7.3.

Is-soċjetà ċivili għandha l-kapaċità li tirrifletti interessi tassew differenti ħafna u xi drabi diverġenti u biex tagħmel lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet konxji dwarhom. Il-KESE huwa eżempju tajjeb ħafna ta’ dan il-proċess, u jinsab impenjat bis-sħiħ biex ikompli jwettaq dan ir-rwol: billi jiffaċilita d-djalogu, u jibni pontijiet fi ħdan is-soċjetà ċivili u mal-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra.

Proposti:

Meta wieħed iqis li l-KESE huwa l-istituzzjoni tas-soċjetà ċivili fil-livell tal-UE, ir-rwol tiegħu għandu jkun imsaħħaħ sew u b’mod estensiv u jintuża biex imexxi u jiffaċilita l-involviment u l-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili fl-affarijiet tal-UE. Għalhekk għandu jkun involut b’mod attiv fit-tħejjija u t-twettiq tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, li għandha tibda fl-2020 u li ħabbret Ursula von der Leyen fl-aġenda tagħha għall-Ewropa.

Il-KESE jsegwi mill-qrib, u huwa involut b’mod attiv, fi djalogi strutturati u fora konsultattivi (eż. il-Pjattaforma tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari, il-Forum Ewropew dwar il-Migrazzjoni) li jlaqqgħu u jinvolvu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u atturi oħra mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-Istati Membri. Meta tikkostitwixxi pjattaformi, bħal pereżempju r-REFIT, il-Kummissjoni għandha tqis ir-rappreżentanza tal-KESE, f’konformità mal-mandat li t-Trattati jikkonferixxu lill-Kumitat. B’hekk tiżgura li dan jirrifletti l-kompożizzjoni tal-Kumitat fil-forma tat-tliet gruppi tiegħu.

Il-KESE jirrimarka li fil-livell tal-UE ma hemm l-ebda involviment strutturat tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċess għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni. Għalhekk jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni tistabbilixxi Forum Ewropew ta’ Koeżjoni tas-Soċjetà Ċivili (60) bil-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tal-impjegati, u ta’ organizzazzjonijiet rilevanti oħra tas-soċjetà ċivili.

Meta tistabbilixxi portali tal-Internet sabiex tiġbor opinjonijiet mill-pubbliku, li jinkludu kemm organizzazzjonijiet kif ukoll individwi, il-Kummissjoni għandha tagħmel distinzjoni bejn kontributi minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u dawk minn individwi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha twettaq immappjar tal-partijiet interessati bil-kooperazzjoni tal-KESE biex tidentifika gruppi destinatarji rappreżentattivi u ġeografikament ibbilanċjati, bl-użu tar-Reġistru ta’ Trasparenza. Minbarra dan, il-Kummissjoni għandha tiżgura li t-tweġibiet ikollhom ponderazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha taħdem kontinwament fuq it-titjib ta’ dawn il-konsultazzjonijiet f’termini ta’ trasparenza, aċċessibbiltà, feedback u obbligu ta’ rendikont għall-parteċipanti.

Sabiex jiġi żviluppat approċċ aktar strateġiku għal dawn il-prattiki, billi jitqiegħdu fuq bażi istituzzjonali u rappreżentattiva aktar strutturata, il-Kummissjoni għandha taħdem mill-qrib mal-KESE u titlob opinjoni esploratorja dwar kif id-djalogu ċivili jista’ jiġi organizzat b’mod effettiv u fuq bażi permanenti, li jwassal għal komunikazzjoni speċifika mill-Kummissjoni.

L-effettività tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej għandha titjieb, billi jiġu esplorati modi ġodda, bħall-użu ta’ għodod diġitali, biex b’mod partikolari jiżdied l-involviment taż-żgħażagħ u ta’ persuni minn gruppi vulnerabbli.

Brussell, it-30 ta’ Ottubru 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Studju tal-PE dwar Global Trends to 2035 (Tendenzi globali sal-2035) u Rapport tas-Sistema Ewropea ta’ Analiżi tal-Istrateġiji u l-Politiki (ESPAS) Global Trends to 2030: Challenges and Choices for Europe (Tendenzi globali sal-2030: sfidi u għażliet għall-Ewropa), tad-9 ta’ April 2019 (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  Appoġġ għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli madwar id-dinja: Ir-Rapport Konġunt ta’ Sinteżi 2019 tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha tas-16 ta’ Mejju 2019.

(3)  Id-Dikjarazzjoni Ministerjali Dikjarazzjoni ta’ Silesia dwar is-Solidarjetà u t-Transizzjoni Ġusta adottata fis-Summit tal-Mexxejja matul l-24 Konferenza tal-Partijiet (COP24) għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), fit-3 ta’ Diċembru 2018 f’Katowice, il-Polonja.

(4)  Opinjoni tal-KESE tas-26 ta’ Settembru 2019 dwar id-Dokument ta’ Riflessjoni Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU).

(5)  Opinjoni tal-KESE tat-13 ta’ Marzu 2019 dwar Nisimgħu liċ-ċittadini tal-Ewropa għal futur sostenibbli (Sibiu u lil hinn), (ĠU C 228, 5.7.2019, p. 37).

(6)  Opinjoni tal-KESE tal-25 ta’ Jannar 2017 dwar Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (ĠU C 125, 21.4.2017, p. 10).

(7)  Unjoni li tirsisti għal aktar – L-aġenda tiegħi għall-Ewropa – Linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss 2019-2024.

(8)  Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171).

(9)  Ara n-nota 5 f’qiegħ il-paġna.

(10)  EC Summer Forecast 2019 (Previżjonijiet tas-Sajf tal-KE għall-2019) (mhux disponibbli bil-Malti) https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/economic-performance-and-forecasts/economic-forecasts/summer-2019-economic-forecast-growth-clouded-external-factors_en

(11)  Opinjoni tal-KESE tal-24 ta’ Jannar 2019 dwar Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C 159, 10.5.2019, p. 49).

(12)  Rapport tal-OECD tal-1 ta’ Marzu 2019 Going beyond GDP: Measuring What Counts for Economic and Social Performance (Immorru lil hinn mill-GDP: Inkejlu dak li jgħodd għall-prestazzjoni ekonomiku u soċjali) (mhux disponibbli bil-Malti) u Opinjoni tal-KESE tad-29 ta’ Marzu 2019 dwar Il-PDG u lil hinn minnu - l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-għażla ta’ indikaturi komplementari, (ĠU C 181, 21.6.2012, p. 14).

(13)  Opinjoni tal-KESE tas-17 ta’ Lulju 2019 dwar Ir-rwol il-ġdid tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi (PES) fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (ĠU C 353, 18.10.2019, p. 46).

(14)  Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10).

(15)  Riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta’ Settembru 2015: Transforming our world: the 2030 agenda for Sustainable Development (Nittrasformaw id-dinja tagħna: L-aġenda 2030 għall-iżvilupp sostenibbli).

(16)  Ara, b’mod partikolari, l-Opinjoni tal-24 ta’ Jannar 2019 dwar Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C 159, 10.5.2019, p. 49) u l-Opinjonijiet tal-14 ta’ Frar 2018 dwar Nitgħallmu mill-imgħoddi sabiex jiġu evitati politiki ta’ awsterità severi fl-UE, (ĠU C 227, 28.6.2018, p. 1), tat-18 ta’ Jannar 2018 dwar Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C 197, 8.6.2018, p. 33), tal-10 ta’ Lulju 2013 dwar il-Green Paper dwar il-finanzjament fuq terminu twil tal-ekonomija Ewropea (ĠU C 327, 12.11.2013, p. 11), tas-26 ta’ Marzu 2014 dwar L-Impatt tal-investimenti soċjali fuq l-impjiegi u l-fondi pubbliċi (ĠU C 226, 16.7.2014, p. 21), tal-14 ta’ April 2018 dwar Il-Finanzjament tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, (ĠU C 262, 25.7.2018, p. 1) u tal-20 ta’ Frar 2019 dwar Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019: Għal Ewropa aktar b'saħħitha quddiem l-inċertezza globali (ĠU C 190, 5.6.2019, p. 24).

(17)  Ara n-nota 5 f’qiegħ il-paġna.

(18)  Opinjoni tal-KESE tas-17 ta’ Ottubru 2018 dwar Il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 165).

(19)  Ara n-nota 5 f’qiegħ il-paġna.

(20)  Opinjoni tal-KESE tas-17 ta’ Ottubru 2018 dwar Il-Patt Ewropew dwar il-Finanzjament għall-Klima, (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 8)

(21)  Ara n-nota 5 f’qiegħ il-paġna.

(22)  Rapport tal-Kummissjoni Globali tal-ILO dwar il-Futur tax-Xogħol - Work for a brighter future (Ħidma għal ġejjieni aktar pożittiv) (mhux disponibbli bil-Malti) tat-22 ta’ Jannar 2019 Dan ir-rapport jagħmel is-saħħa u s-sikurezza parti mill-Garanzija tax-Xogħol Universali.

(23)  Opinjoni tal-KESE tal-25 ta’ Settembru 2019 – Sommarju tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-investimenti fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (OHS) (għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU).

(24)  Analiżi tal-Impjieg u l-Iżviluppi Soċjali 2019) Ir-reviżjoni trimestrali tas-26 ta’ Marzu 2019.

(25)  Opinjoni tal-KESE tal-25 ta’ Settembru 2019 dwar Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali – evalwazzjoni tal-implimentazzjoni inizjali u rakkomandazzjonijiet għall-futur (għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU).

(26)  Opinjoni tal-KESE tal-21 ta’ Settembru 2017 dwar It-tranżizzjoni lejn ġejjieni Ewropew aktar sostenibbli –strateġija għall-2050, (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 44).

(27)  Ara n-nota 5 f’qiegħ il-paġna.

(28)  Opinjoni tal-KESE tas-17 ta’ Lulju 2019 dwar “Lejn ekonomija Ewropea aktar reżiljenti u sostenibbli”(ĠU C 353, 18.10.2019, p. 23).

(29)  Ara n-nota 11 f’qiegħ il-paġna.

(30)  Opinjoni tal-KESE tal-20 ta’ Frar 2019 dwar Lejn Direttiva Qafas Ewropea dwar l-introjtu minimu (ĠU C 190, 5.6.2019, p. 1).

(31)  https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1092&intPageId=2312&langId=mt

(32)  https://emin-eu.net/what-is-emin/

(33)  Ara n-nota 16 f’qiegħ il-paġna.

(34)  Ara n-nota 25 f’qiegħ il-paġna.

(35)  Ara n-nota 11 f’qiegħ il-paġna.

(36)  Eurofound (2019), Future of manufacturing - Energy scenario: Employment implications of the Paris Climate Agreement (Il-futur tal-manifattura - ix-xenarju tal-enerġija: l-implikazzjonijiet tal-impjieg tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima), Eurofound Research Report (Rapport ta’ Riċerka tal-Eurofound), Frar 2019 (mhux disponibbli bil-Malti).

(37)  Opinjoni tal-KESE tas-17 ta’ Lulju 2019 dwar Il-perspettiva industrijali settorjali ta’ rikonċiljazzjoni tal-politiki dwar il-klima u l-enerġija (ĠU C 353, 18.10.2019, p. 59).

(38)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Ġunju 2019 Linji gwida dwar ir-rappurtar mhux finanzjarju: Suppliment dwar ir-rappurtar ta' informazzjoni relatata mal-klima.

(39)  Opinjoni tal-KESE tas-17 ta’ Ottubru 2018 dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli (COM(2018) 353 final — 2018/0178 (COD)) u dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 dwar parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju u parametri referenzjarji b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv (COM(2018) 355 final — 2018/0180 (COD)) (ĠU C 62, 15.2.2019, p.103).

(40)  Ara n-nota 25 f’qiegħ il-paġna.

(41)  Ara n-nota 5 f’qiegħ il-paġna.

(42)  Ara nota 19 f’qiegħ il-paġna.

(43)  Ara n-nota 7 f’qiegħ il-paġna.

(44)  Ara nota 19 f’qiegħ il-paġna.

(45)  Ara n-nota 38 f’qiegħ il-paġna.

(46)  Ara n-nota 19 f’qiegħ il-paġna.

(47)  Opinjoni tal-KESE tas-17 ta’ Ottubru 2018 dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli” (COM(2018) 97 final) (ĠU C 62, 15.2.2018, p. 73).

(48)  Opinjoni tal-KESE tad-19 ta’ Ġunju 2019 – Għal implimentazzjoni aħjar tal-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali, il-promozzjoni ta’ servizzi essenzjali (ĠU C 282, 20.8.2019, p. 7).

(49)  Ara n-nota 5 f’qiegħ il-paġna.

(50)  Opinjoni tal-KESE tal-14 ta’ Frar 2018 dwar Kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli (TSD) fi Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles tal-UE (FTA) (ĠU C 227, 26.8.2018, p. 27).

(51)  Opinjoni tal-KESE tas-17 ta’ Lulju 2019 dwar Il-perspettiva industrijali settorjali ta’ rikonċiljazzjoni tal-politiki dwar il-klima u l-enerġija (ĠU C 353, 18.10, 2019, p. 59).

(52)  Ara n-nota 19 f’qiegħ il-paġna.

(53)  53 Opinjoni tal-KESE tal-14 ta’ Frar 2018 dwar Kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli (TSD) fi Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles tal-UE (FTA) (ĠU C 227, 28.6.2018, p. 27).

(54)  Opinjoni tal-KESE tat-12 ta’ Lulju 2018 dwar It-tassazzjoni tal-profitti ta’ kumpaniji multinazzjonali fl-ekonomija diġitali (ĠU C 367, 10.10.2018, p. 73).

(55)  Opinjoni tal-KESE tas-17 ta’ Settembru 2015 dwar It-titjib tat-Trattat ta’ Lisbona (ĠU C 13, 15.1.2016, p. 183).

(56)  Ara n-nota 5 f’qiegħ il-paġna.

(57)  Opinjoni tal-KESE tad-19 ta’ Settembru 2018 dwar Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027 (ĠU C 440, 6.12.2018, p. 106)

(58)  Ara n-nota 19 f’qiegħ il-paġna.

(59)  Ara n-nota 19 f’qiegħ il-paġna.

(60)  Opinjoni tal-KESE tas-17 ta’ Ottubru 2018 dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 90)