17.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 424/24


Pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott emendata wara l-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(2019/C 424/10)

Il-Kummissjoni Ewropea approvat din l-emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1).

L-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ din l-emenda minuri tista’ tiġi kkonsultata fil-bażi tad-data DOOR tal-Kummissjoni.

SPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ SPEĊJALITÀ TRADIZZJONALI GARANTITA

КАЙСЕРОВАН ВРАТ ТРАКИ Я” (KAYSEROVAN VRAT TRAKIYA)

Nru tal-UE: TSG-BG-01018-AM01-23.7.2019

Il-Bulgarija

1.   Isem li għandu jiġi rreġistrat/ismijiet li għandhom jiġu rreġistrati

“Кайсерован врат Тракия” (Kayserovan vrat Trakiya)

2.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.2 Prodotti tal-laħam (imsajra, immellħa, affumikati, eċċ.)

3.   Raġunijiet għar-reġistrazzjoni

3.1.   Indika jekk il-prodott

jirriżultax minn metodu ta’ produzzjoni, ipproċessar jew kompożizzjoni li jikkorrispondi għall-prattika tradizzjonali għal dak il-prodott jew l-oġġett tal-ikel;

huwiex manifatturat minn materja prima jew ingredjenti li kienu jintużaw tradizzjonalment.

Il-prodott diġà ġie rreġistrat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2257 (2).

3.2.   Indika jekk l-isem

kienx jintuża tradizzjonalment sabiex jirreferi għall-prodott speċifiku;

jidentifikax il-karattru tradizzjonali jew il-karattru speċifiku tal-prodott.

L-isem “Кайсерован врат Тракия” (Kayserovan vrat Trakiya) ġie introdott għall-ewwel darba fl-1980 f’dokument ta’ standardizzazzjoni għall-produzzjoni tiegħu — l-istandard tal-industrija 18-71996-80, imfassal minn żewġ riċerkaturi Bulgari, Dzhevizov u Kiseva. Il-prodott malajr sar popolari u ilu jiġi prodott b’mod tradizzjonali fil-Bulgarija kollha għal iktar minn 30 sena b’dan l-isem. L-isem huwa wkoll speċifiku fih innifsu minħabba li jinkludi l-ingredjenti prinċipali tal-prodott deskritti fil-punt 4.2.

4.   Deskrizzjoni

4.1.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem imsemmi fil-punt 1, inklużi l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi, mikrobijoloġiċi jew organolettiċi tiegħu li juru l-karattru speċifiku tal-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)

Il-“Кайсерован врат Тракия” (Kayserovan vrat Trakiya) huwa speċjalità ta’ laħam nej u mnixxef, magħmul minn laħam ippreservat mhux imqatta’. Il-prodott jiġi ppreparat mil-laħam tal-għonq tal-majjal frisk u mingħajr għadam. Jiġi ppressat kemm-il darba matul il-preservazzjoni u jinkesa b’taħlita ta’ “kayserov” (kayserova smes), magħmula minn ħwawar naturali u nbid abjad. Huwa adattat għall-konsum dirett minn kull tip ta’ konsumatur.

Proprjetajiet fiżiċi — għamla u dimensjonijiet

Forma ċilindrika tawwalija u ċċattjata.

Karatteristiċi kimiċi

Kontenut tal-ilma: mhux aktar minn 48 % tal-piż totali,

Melħ (klorur tas-sodju) mhux aktar minn 6,5 % tal-piż totali,

pH: mill-inqas 5,4.

Karatteristiċi organolettiċi

Dehra esterna u kulur

Il-wiċċ jinkesa bit-taħlita “kayserov”, kannella-ħamranija; huwa niexef sew, b’qoxra li tinħass tajjeb.

Sezzjoni trażversali

It-tessut muskolari huwa ta’ lewn aħmar jgħajjat, filwaqt li x-xaħam huwa ta’ lewn roża ċar u bi ħxuna ta’ mhux iżjed minn 1 cm.

Konsistenza: densa u elastika.

Togħma u riħa: karatteristika, pjaċevoli u ftit mielħa, b’aroma distinta tat-taħwir li jkun intuża, mingħajr togħmiet u rwejjaħ strambi.

Il-“Кайсерован врат Тракия” (Kayserovan vrat Trakiya) jista’ jitqiegħed fis-suq f’biċċiet sħaħ, biċċiet imqatta’ jew maqtugħin fetti rqaq, ippakkjat f’vakwu, f’imballaġġ tas-selofejn jew f’atmosfera mmodifikata.

4.2.   Deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem imsemmi fil-punt 1 li għandhom isegwu l-produtturi, inklużi, fejn xieraq, in-natura u l-karatteristiċi tal-materja prima jew tal-ingredjenti użati, kif ukoll il-metodu li permezz tiegħu jitħejja l-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)

Għall-produzzjoni tal-“Кайсерован врат Тракия” (Kayserovan vrat Trakiya), hemm bżonn l-ingredjenti u s-sustanzi addittivi li ġejjin:

laħam: 100 kg għonq tal-majjal

taħlita għat-tmelliħ: għal 100 kg għonq tal-majjal: melħ -3,35 kg, antiossidanti: aċidu askorbiku (E300) — 40 g, nitrat tal-potassju (E252) — 100 g jew nitrat tas-sodju (E251) — 85 g, zokkor granulat irraffinat — 500 g.

it-taħlita “kayserov” għal 100 kg għonq tal-majjal:

paprika — 4 kg,

fienu — 3 kg,

tewm — 2 kg,

inbid abjad — 12 l,

ħjut tal-ispag/tal-qanneb.

Metodu tal-produzzjoni

Għall-produzzjoni tal-“Кайсерован врат Тракия” (Kayserovan vrat Trakiya), jintuża l-għonq tal-majjal frisk immaturat, b’valur pH ta’ bejn 5,6 u 6,2. Il-laħam jitneħħielu l-għadam bil-galbu biex il-gruppi muskolari jitħallew sħaħ. Minn quddiem jinqata’ fejn hemm l-artikulazzjoni atlanto-oċċipitali, minn wara bejn il-ħames u s-sitt vertebri dorsali, u ’l isfel mill-ħames spazju ta’ bejn il-kustilji. Minn isfel jinqata’ tul l-ewwel ħames kustilji - f’sens orizzontali. Il-laħam mingħajr għadam jitnaddaf mid-demm, jingħata l-għamla u jitraqqam. L-għenuq tal-majjal li jingħataw l-għamla jitqiegħdu f’kontenituri nodfa adattati għat-tmelliħ. It-taħlita tal-melħ, l-aċidu askorbiku, in-nitrat tal-potassju jew tas-sodju u z-zokkor kristallizzat raffinat tingħorok bl-idejn jew b’mod mekkaniku. L-għenuq immellħa jitqiegħdu taħt pressjoni qawwija f’kontenituri tal-plastik jew tal-azzar inossidabbli għal maturazzjoni fi mħażen tal-friża f’temperatura ta’ bejn 0 u 4 °C. Wara tlitt ijiem jew erbgħa, jiddawwru bil-maqlub, bil-partijiet ta’ fuq li jieħdu post dawk ta’ taħt, u jinħażnu mill-inqas għaxart ijiem taħt l-istess kondizzjonijiet sakemm jitmellħu kompletament u b’mod uniformi. Ma’ kull għonq immellaħ jinhemeż ganċ bi spaga biex dawn jiddendlu fuq vireg tal-injam u/jew tal-metall li jkunu rranġati fuq tilari tal-azzar inossidabbli għaz-zalzett. Il-biċċiet ma jitħallewx imissu ma’ xulxin. Il-biċċiet imdendla jitħallew imdendla fuq it-tilari biex jiskulaw sa 24 siegħa b’temperatura tal-arja li ma taqbiżx it-12-il °C. Imbagħad jitqiegħdu f’kompartimenti tat-tnixxif naturali jew bl-arja kondizzjonata li fihom it-temperatura u l-umdità jkunu jistgħu jiġu rregolati. It-tnixxif iseħħ f’temperatura tal-arja ta’ mhux aktar minn 17 °C u f’umdità relattiva ta’ bejn 70 u 85 %. Matul it-tnixxif u l-maturazzjoni, il-laħam jiġi ppressat diversi drabi. L-ippressar idum bejn 12 u 24 siegħa kull darba. L-ippressar inizjali jseħħ meta l-biċċiet ikunu moderatament niexfa meta jintmessu u tkun tista’ tinħass tifforma qoxra ħafifa. Qabel ma jiġu ppressati, il-biċċiet individwali jridu jintgħażlu skont il-ħxuna tagħhom. It-tnixxif jissokta sakemm il-laħam ikun kiseb konsistenza densa u elastika, u l-kontenut tal-ilma ma jaqbiżx it-48 % tal-massa totali. Wara l-aħħar ippressar, il-biċċiet jinksew bit-taħlita “kayserov”, magħmula minn ħwawar, ilma u nbid abjad skont ir-riċetta; il-biċċiet imbagħad jerġgħu jiddendlu sabiex jinxfu sakemm it-taħlita tkun nixfet kompletament u tkun ifformat qoxra. Il-fienu jrid jintaħan bil-galbu minn qabel u jitgħaddas fl-ilma kiesaħ għal 24 siegħa.

4.3.   Deskrizzjoni tal-elementi ewlenin li jistabbilixxu l-karattru tradizzjonali tal-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)

Speċifiċità tal-prodott

Togħma u proprjetajiet aromatiċi tal-prodott

Laħam magħżul u mqassam bil-galbu - il-laħam ta’ għonq tal-majjal frisk u t-taħlita “kayserov” jagħtu togħma u aroma uniċi lill-“Кайсерован врат Тракия” (Kayserovan vrat Trakiya).

Biex jiġi prodott il-“Кайсерован врат Тракия” tradizzjonali (Kayserovan vrat Trakiya) ma jintużawx kolturi li jibdew il-fermentazzjoni jew regolaturi tal-pH. Dan il-fatt jiddistingwih minn prodotti mmanifatturati b’teknoloġiji innovattivi.

Għamla ċċattjata speċifika tal-biċċiet

L-għamla karatteristika tinkiseb bi ppressar ripetut matul il-proċess tat-tnixxif.

Karattru tradizzjonali tal-prodott

Il-“Кайсерован врат Тракия” (Kayserovan vrat Trakiya) huwa parti mill-grupp ta’ speċjalitajiet tal-laħam nej, ippreservat, ippressat u mhux maqtugħ tal-majjal. Huwa wieħed minn firxa wiesgħa ta’ prodotti tal-laħam li ilhom jiġu prodotti għal għexieren ta’ snin fil-Bulgarija. Il-produzzjoni tiegħu fil-Bulgarija għandha tradizzjoni li tmur lura iktar minn 30 sena.

L-informazzjoni storika dwar it-teknoloġija u r-riċetta għall-produzzjoni tal-“Кайсерован врат Тракия” (Kayserovan vrat Trakiya) tinsab fid-dokument ta’ standardizzazzjoni dwar ir-rekwiżiti tal-prodott ON 18-71996-80 — Pastarma “Plovdiv”, Pastarma “Rodopa”, Kayserovan svinski vrat Trakiya, Natsionalen agraro-promishlen sayuz (NAPS) Sofia, 1980. It-teknika tal-produzzjoni hija stabbilita f’Tehnologicheska instruktsiya №326 ot 20.10.1980 g. za proizvodstvo na pastarmi “Plovdiv”, “Rodopa” i “Kayserovan svinski vrat Trakiya”, Natsionalen agraro-promishlen sayuz, Sofia, 1980), li tfasslet mir-riċerkaturi Dzhevizov u Kiseva fi Plovdiv.

Tul il-proċess ta’ tnixxif tal-“Кайсерован врат Тракия” (Kayserovan vrat Trakiya), il-metodu tradizzjonali jeżiġi konformità ma’ ċerti parametri (temperatura u umdità). Barra minn hekk, jintużaw preses b’uċuħ tal-injam b’deroga skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Dan joħloq kundizzjonijiet favorevoli biex matul it-tnixxif tiżviluppa b’mod naturali l-mikroflora mixtieqa. L-ippressar jagħti lill-prodott l-għamla ċċattjata karatteristika tiegħu u t-togħma tradizzjonali speċifika tiegħu li baqgħet ma nbidlitx sa llum il-ġurnata.


(1)  ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17.

(2)  ĠU L 321, 5.12.2015, p. 17.

(3)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.