20.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 393/12


Il-pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi ta’ kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2019/C 393/04)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

SPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ SPEĊJALITÀ TRADIZZJONALI GARANTITA

“AMATRICIANA TRADIZIONALE”

Nru tal-UE: TSG-IT-02390 — 31.1.2018

“L-Italja”

1.   Isem li għandu jiġi rreġistrat/ismijiet li għandhom jiġu rreġistrati

“Amatriciana Tradizionale”

2.   Tip ta’ prodott

Klassi 2.21. ikliet ippreparati

3.   Raġunijiet għar-reġistrazzjoni

3.1.   Jekk il-prodott:

☐ jirriżultax minn metodu ta’ produzzjoni, ipproċessar jew kompożizzjoni li jikkorrispondi għall-prattika tradizzjonali għal dak il-prodott jew l-oġġett tal-ikel

☒ huwiex magħmul minn materja prima jew ingredjenti li jintużaw tradizzjonalment.

Il-karattru tradizzjonali tal-“Amatriciana Tradizionale” huwa marbut mal-ingredjenti u l-metodu speċifiku ta’ preparazzjoni użat tradizzjonalment fiż-żona tal-produzzjoni ta’ Monti della Laga, minn fejn toriġina z-zalza.

Iz-zalza “Amatriciana Tradizionale” tiġi f’żewġ tipi (sabiex tisserva minnufih jew f’data aktar tard) u tintuża sabiex tisserva mal-għaġin.

3.2.   Jekk l-isem:

☒ intużax tradizzjonalment sabiex jirreferi għall-prodott speċifiku

☐ jidentifikax il-karattru tradizzjonali jew il-karattru speċifiku tal-prodott

L-isem “Amatriciana Tradizionale” jintuża sabiex jirreferi għal preparazzjoni tal-ikel miksuba bl-użu tal-metodu ta’ produzzjoni/tar-riċetta antika miż-żona ta’ Amatrice, kif ukoll għall-użu ta’ ingredjenti speċifiċi (tadam, xedaq tal-majjal) li jiddeterminaw il-karatteristiċi tal-prodott.

L-“Amatriciana Tradizionale” hija magħrufa mad-dinja kollha; ir-reġjun ġeografiku fejn jiġi prodott ma jaffettwax il-kwalità u l-karatteristiċi tiegħu.

4.   DESKRIZZJONI

4.1.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem imsemmi fil-punt 1, inklużi l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi, mikrobijoloġiċi jew organolettiċi ewlenin tiegħu, li juru l-karattru speċifiku tal-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)

L-“Amatriciana Tradizionale” hija preparazzjoni tal-ikel li, meta tiġi rilaxxata għall-konsum, tiġi fit-tipi li ġejjin:

zalza sabiex tisserva minnufih

zalza sabiex tisserva f’data aktar tard

Meta tiġi rilaxxata għall-konsum, hija jkollha l-karatteristiċi organolettiċi li ġejjin:

kulur: aħmar b’intensità li tvarja;

dehra tal-prodott: kremuża u omoġenja, b’“passata” tat-tadam ramlija u/jew polpa densa b’biċċiet tat-tadam distintivi.

togħma: tipika ta’ tadam misjur, flimkien ma’ noti mielħa u pikkanti minħabba l-preżenza tax-xedaq tal-majjal immaturat b’mod tradizzjonali [“guanciale”] u felfel u/jew bżar imnixxef jew frisk.

aroma: karatteristika ta’ tadam misjur, tipika tal-prodott frisk.

Kontenut ta’ xaħam: mhux inqas minn 15 g għal kull 100 g (għaz-zalza maħsuba sabiex tisserva f’data aktar tard biss).

4.2.   Deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem imsemmi fil-punt 1 li jridu jsegwu l-produtturi, inklużi, fejn xieraq, in-natura u l-karatteristiċi tal-materja prima jew tal-ingredjenti li jintużaw, kif ukoll il-metodu li permezz tiegħu jitħejja l-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)

INGREDJENTI OBBLIGATORJI

L-ingredjenti tradizzjonalment użati għall-produzzjoni tal-“Amatriciana Tradizionale”, bħala sehem mit-total tal-prodott lest, huma:

18–30 % xedaq tal-majjal minn Amatrice: Ix-xedaq tal-majjal li jintuża sabiex issir l-“Amatriciana Tradizionale” jinkiseb mix-xedaq tal-majjal frisk minn majjali tqal, mirqum fi triangolu li jibda mill-gerżuma. Huwa għandu l-karatteristiċi li ġejjin:

forma: triangulari, b’bażi li ġejja għat-tond;

kulur: abjad, imtebba’ bl-aħmar fuq ġewwa, bil-parti xaħmija tkun akbar mill-parti tad-dgħif;

maturazzjoni: mill-inqas 30 jum mill-preservazzjoni.

Żejt taż-żebbuġa extra verġni: 0,5–1 %.

69–81 % “passata” tat-tadam u/jew tadam imqaxxar u mqatta’ (polpa):

Il-“passata” tat-tadam li tintuża għall-preparazzjoni tal-“Amatriciana Tradizionale” għandha l-karatteristiċi organolettiċi li ġejjin:

kulur: aħmar tipiku tat-tadam misjur, metodu Gardner a/b > 2,00;

togħma: tipika tat-tadam misjur, aċiduża b’mod pjaċevoli, ma tħallix togħmiet wara u/jew togħmiet barranin;

aroma: karatteristika tat-tadam misjur, tipika tal-prodott frisk, mingħajr irwejjaħ barranin;

dehra: omoġenja b’konsistenza ramlija dipendenti fuq it-tip ta’ passatur użat;

raffinar: qoxra u żerriegħa preżenti fi kwantitajiet naturali;

Brix > 8,0 f’temperatura ta’ 20 °C, zokkor invertit > 50. Mhumiex permessi aġenti aċidifikanti.

It-tadam imqaxxar u mqatta’ (polpa) li jintuża għall-preparazzjoni tal-“Amatriciana Tradizionale” għandu l-karatteristiċi organolettiċi li ġejjin:

kulur: aħmar tipiku tat-tadam misjur, metodu Gardner a/b > 1,90;

togħma: tipika tat-tadam misjur, aċiduża b’mod pjaċevoli, ma tħallix togħmiet wara u/jew togħmiet barranin;

aroma: karatteristika tat-tadam misjur, tipika tal-prodott frisk, mingħajr irwejjaħ barranin;

dehra: polpa densa b’biċċiet distintivi;

Brix > 7,0 f’temperatura ta’ 20 °C, zokkor invertit > 48. Mhumiex permessi aġenti aċidifikanti.

Melħ għat-togħma;

Inbid abjad għat-togħma;

Felfel u/jew bżar imnixxef jew frisk: għat-togħma.

INGREDJENTI RAKKOMANDATI

Amatrice pecorino jew Pecorino Romano DOP minn Lazio.

L-Amatrice pecorino, magħmul minn ħalib tan-nagħaġ frisk, għandu l-karatteristiċi li ġejjin:

forma: ċilindrika bil-ġnub ċatti;

kulur tal-qalba tal-ġobon: abjad li jagħti fl-isfar lewn it-tiben;

maturazzjoni: mhux inqas minn 6 xhur.

Għall-kuntrarju ta’ zlazi simili oħrajn, l-“Amatriciana Tradizionale” ma tipprevedix l-użu ta’ ingredjenti bħal tewm, basal jew żaqq tal-majjal, li jintużaw fil-biċċa l-kbira tal-kondimenti u z-zlazi għal mal-għaġin.

METODU TAL-PREPARAZZJONI TAL-PRODOTT

Huma biss l-ingredjenti elenkati fil-punt 4.2, fil-kwantitajiet iddikjarati, li jistgħu jintużaw għall-preparazzjoni tal-“Amatriciana Tradizionale”. Skont it-tipi deskritti fil-punt 4.1, hemm żewġ metodi differenti ta’ produzzjoni.

Zalza maħsuba sabiex tisserva minnufih

Wara li tneħħi l-ġilda u tqattal-laħam tax-xedaq tal-majjal fi strixxi, aqlihom fiż-żejt taż-żebbuġa extra verġni, f’kazzola jew taġen fuq nar baxx.

Ibqa’ aqlih sakemm tinxef ir-“ragħwa” li tiġi prodotta mix-xedaq tal-majjal, imbagħad żid l-inbid abjad.

Meta l-istrixxi tax-xedaq tal-majjal jieħdu lewn dehbi, neħħihom mit-taġen u poġġihom fil-ġenb. Ferra’ l-“passata” u/jew il-polpa tat-tadam fl-istess taġen, żid il-melħ, il-felfel u/jew il-bżar frisk jew imnixxef. Ħalli z-zalza fuq in-nar sakemm tagħli u sajjarha għal bejn 10 minuti u 20 minuta sakemm ikollha konsistenza kremuża. Imbagħad żid l-istrixxi tax-xedaq tal-majjal u kompli sajjar għal 5-10 minuti oħrajn.

Zalza maħsuba sabiex tisserva f’data aktar tard

Wara li tneħħi l-ġilda u tqattal-laħam tax-xedaq tal-majjal fi strixxi, aqlihom fiż-żejt taż-żebbuġa extra verġni, f’taġen addattat.

Ibqa’ aqlih sakemm tinxef ir-“ragħwa” li tiġi prodotta mix-xedaq tal-majjal, imbagħad żid l-inbid abjad.

Meta l-istrixxi tax-xedaq tal-majjal jieħdu lewn dehbi, ferra’ l-“passata” u/jew il-polpa tat-tadam fl-istess taġen, u żid il-melħ, il-felfel u/jew il-bżar frisk jew imnixxef. Sajjar iz-zalza sakemm ikollha konsistenza kremuża. Imbagħad ferra’ z-zalza f’kontenituri addattati għall-ikel, issiġillati b’mod ermetiku u ttrattati bis-sħana, u fl-aħħar nett immarkahom b’tikketti.

Iz-zalza maħsuba sabiex tiġi kkonsmata f’data aktar tard tista’ tiġi ffriżata f’temperatura baxxa ħafna wara li tiġi ppreparata.

L-“Amatriciana Tradizionale” TSG maħsuba sabiex tiġi kkonsmata f’data aktar tard trid tiġi ppakkjata u ttikkettjata f’kontenituri addattati għall-ikel sa massimu ta’ 5 kg.

Għaż-żewġ tipi, huwa rrakkomandat li, wara li tiżdied l-“Amatriciana Tradizionale” mal-għaġin, jinħakk l-Amatrice pecorino jew il-Pecorino Romano DOP mir-Reġjun ta’ Lazio fuq l-ikel servut.

In-natura u l-karatteristiċi tal-ingredjenti użati, kif ukoll il-proċess tal-produzzjoni tradizzjonali, jagħtu lill-“Amatriciana Tradizionale” l-karatteristiċi uniċi tagħha, li jenfasizzaw is-sapidità tax-xedaq tal-majjal immaturat u l-ġobon pecorino; l-għeruq tar-riċetta jinsabu fl-istorja soċjali u ekonomika tar-reġjun ta’ Amatrice li minnu toriġina.

4.3.   Deskrizzjoni tal-elementi ewlenin li jistabbilixxu l-karattru tradizzjonali tal-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)

L-“Amatriciana Tradizionale” għandha tradizzjoni b’saħħitha u karattru speċifiku fir-rigward tal-ingredjenti użati, il-metodu speċifiku ta’ preparazzjoni, kif ukoll il-karatteristiċi soċjoekonomiċi taż-żona tal-produzzjoni ta’ Monti della Laga, minn fejn toriġina z-zalza.

B’mod partikolari, l-użu tax-xedaq tal-majjal immaturat huwa prova li l-“Amatriciana Tradizionale” tirrappreżenta l-konnessjoni li għal sekli sħaħ ikkaratterizzat ir-relazzjoni tal-bniedem ma’ terren diffiċli. Fl-imgħoddi, ir-rgħajja lokali, matul it-transumanza (li kienet iġġiegħlhom jgħixu ’l bogħod minn djarhom għal bejn 4 u 5 xhur fis-sena, ġeneralment bejn Mejju u Settembru) ħadu magħhom xi oġġetti tal-ikel li setgħu jinżammu faċilment għal perjodi twal, pereżempju x-xedaq tal-majjal ippreservat u d-dqiq.

B’dawn l-ingredjenti sempliċi, ir-rgħajja setgħu jsajru f’taġen bil-manku twil ir-riċetta tal-għaġin modesta iżda bnina tagħhom.

Il-poplu ta’ Amatrice, billi reġa’ ħoloq u arrikkixxa din ir-riċetta rurali bażika ħafna, b’mod partikolari biż-żieda tat-tadam fil-bidu tas-seklu 19, ta l-ħajja lil waħda mill-aktar riċetti popolari tat-tradizzjoni Taljana.

Lejn tmiem is-seklu 18, in-Naplitani kienu fost l-ewwel fl-Ewropa li għarfu l-kwalitajiet organolettiċi ewlenin tat-tadam. Il-poplu ta’ Amatrice, li kien jappartjeni għar-Renju ta’ Napli sa mis-seklu tlettax, kellu ċ-ċans li jduqu u b’mod għaqli żiedu mal-laħam tax-xedaq tal-majjal immaturat li għamel din iz-zalza għal mal-għaġin tant sukkulenti li r-reputazzjoni tagħha qasmet il-fruntieri nazzjonali sabiex affermat ruħha fil-kċina internazzjonali.

Matul is-seklu 19, ħafna nies minn Amatrice iċċaqilqu lejn Ruma, u magħhom ħadu r-riċetta taz-zalza tagħhom; il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-migranti sabu xogħol fl-industrija tal-forniment tal-ikel u fil-bejgħ bl-imnut ta’ prodotti tal-ikel mir-reġjun tagħhom. Mit-tmiem tas-seklu 18 sal-bidu tas-seklu 19, il-komunità ta’ Amatrice f’Ruma kienet partikolarment famuża għar-riċetti rħas u popolari tagħha.

Fi kwalunkwe post fid-dinja, l-għaġin biz-zalza “Amatriciana Tradizionale” (tradizzjonalment spagetti jew bucatini, iżda anki għaġin qasir) huwa l-platt għaġin per eċċellenza tal-kċina Taljana. Din iz-zalza dejjem saret bil-laħam tax-xedaq tal-majjal, qatt bil-bejken jew biż-żaqq tal-majjal [panċetta], u huwa x-xedaq tal-majjal li, minħabba l-kontenut akbar ta’ xaħam tiegħu, jagħti liz-zalza t-togħma distintiva, intensa u sapida karatteristika tagħha.

Ir-riċetta ddaħħlet fil-lista ta’ prodotti agro-alimentari tradizzjonali tar-Reġjun ta’ Lazio.

Sfond storiku

Fil-paġna 175 tal-ktieb “Strenna dei Romanisti – Natale di Roma” [Rigal tar-Rumani - is-Sisien ta’ Ruma], li ġie ppubblikat fl-1983 mid-dar tal-pubblikazzjoni Roma Amor, hemm paragrafu ddedikat għall-“Amatriciana Tradizionale”: “... l-isem ta’ din ir-riċetta delizzjuża, marbut mal-meravilji tal-kċina Rumana ... koka tajba minn Amatrice li kienet tgħix f’Ruma kkonċepiet zalza magħmula, fost affarijiet oħra, mix-xedaq tal-majjal (li kif jaf kulħadd huwa ‘magħdi aktar’ miż-żaqq tal-majjal, u li jagħti liz-zalza l-konsistenza karatteristika tagħha) u mit-tadam ... li għandu togħma pjaċevoli ta’ ħlewwa u qrusa fl-istess ħin li tippersisti anki wara li jissajjar. Flimkien maż-żieda tal-Pecorino Romano, dawn huma l-ingredjenti ewlenin...”.

Fl-1980, fl-artikolu tagħhom “Il ciclo del maiale in Sabina” [Iċ-Ċiklu tal-Ħanżir f’Sabina], fi: Brads, silta Nru 9, pp. 40 u 41, ippubblikat f’Cagliari, R. Lorenzetti u R. Marinelli kitbu li x-xedaq tal-majjal, li ġej mill-għonq tal-ħanżir, u li jista’ jiġi ppreservat u miżmum frisk bħal-lardu, huwa s-sigriet taz-zalza li biha n-nies minn Amatrice u ż-żona tal-madwar iservu l-ispagetti tagħhom, platt li sar famuż mad-dinja kollha.

Carlo Baccari, fil-poeżija tiegħu “La pasta amatriciana”, li ġiet ippubblikata fir-rivista “Abbruzzo oggi”, Nru 40, Settembru/Ottubru 1984, ifaħħar l-ingredjenti tradizzjonali taz-zalza, bħax-xedaq tal-majjal u z-zalza tat-tadam, kif ukoll ifaħħar il-ħnieżer li mix-xedaq tagħhom jiġi prodott il-laħam, flimkien maz-zalza li t-togħma tagħha tissorprendi lil dawk li jipprovawha; din li ġejja hija silta minnha (tradotta għall-Malti): “... u fost il-merħliet, bħal li kieku b’mod maġiku, tfaċċaw b’ferħ kbir u bl-aktar mod stramb in-nagħġa ġentili u l-ħanżir twajjeb ... flimkien tawna l-ġobon u l-laħam tax-xedaq. Minn ġot-taġen goff, tagħli u ttektek fuq in-nar, iz-zalza li tissorprendi lil dawn in-nies. Ir-ragħaj iridek, bit-togħma bnina tiegħek, u inti l-favorita madwar id-dinja kollha.”

Fix-xogħol tiegħu tal-1998 “La cucina romana e del Lazio” [Il-kċina Rumana u ta’ Lazio], Livio Jannattoni jelenka x-xedaq tal-majjal u t-tadam fost l-ingredjenti f’din ir-riċetta għall-ispagetti all’Amatriciana pprovduta mill-Uffiċċju Turistiku ta’ Amatrice: ‘“Ingredjenti għal 5/6 persuni: 500 g spagetti, 125 g laħam tax-xedaq tal-majjal ippreservat, mgħarfa żejt taż-żebbuġa extra verġni, ftit inbid abjad xott, 6-7 tadamiet San Marzano (jew 400 g tadam imqaxxar tal-bott), biċċa felfel żgħira, 100 g ġobon pecorino maħkuk, melħ. F’taġen (preferibbilment tal-ħadid) itfa’ ż-żejt, il-felfel u l-laħam tax-xedaq tal-majjal imqatta’ f’biċċiet żgħar...”.

L-ingredjenti tar-riċetta taz-zalza Amatriciana tradizzjonali jidhru wkoll fuq il-bolla maħruġa f’Awwissu 2008 mir-Repubblika tal-Italja bħala parti mis-serje “Made in Italy” u ddedikata għall-Festival tal-Ispagetti all’Amatriciana. Huma elenkati wkoll fir-riċetta rikonoxxuta bħala Prodott Tradizzjonali fl-2005 mill-Ministeru tal-Politika Agrikola, tal-Ikel, il-Forestrija u t-Turiżmu (Gazzetta Uffiċjali Nru 174 tat-28 ta’ Lulju 2005).


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.