10.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 342/37


Pubblikazzjoni tad-dokument uniku emendat wara l-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

(2019/C 342/13)

Il-Kummissjoni Ewropea approvat din l-emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1).

L-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ din l-emenda minuri tista’ tiġi kkonsultata fil-bażi tad-data DOOR tal-Kummissjoni.

SPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ SPEĊJALITÀ TRADIZZJONALI GARANTITA

“BRATISLAVSKÝ ROŽO K”/“POZSONYI KIFL I”

Nru tal-UE: TSG-SK-0056-AM02– 12.2.2019

Is-Slovakkj a”

1.   Isem li għandu jiġi rreġistrat/ismijiet li għandhom jiġu rreġistrati

“Bratislavský rožok”/“Pozsonyi kifli”

2.   Tip ta’ prodott

Klassi 2.24. Prodotti ta’ ħobż, għaġina, kejkijiet, ħlewwiet, gallettini u prodotti oħra tal-furnara

3.   Raġunijiet għar-reġistrazzjoni

3.1.   Indika jekk il-prodott:

☒ jirriżultax minn metodu ta’ produzzjoni, ipproċessar jew kompożizzjoni li jikkorrispondi għal prattika tradizzjonali għal dak il-prodott jew oġġett tal-ikel

☐ huwiex manifatturat minn materja prima jew ingredjenti li kienu jintużaw tradizzjonalment.

L-isem Slovakk “Bratislavský rožok” beda jintuża madwar l-1920, wara li l-belt ta’ Pressburg, li dak iż-żmien kienet tagħmel parti miċ-Ċekoslovakkja, u l-belt kapitali tas-Slovakkja, bdiet tissejjaħ Bratislava. Minn dik is-sena, l-isem tal-għaġina ġie adattat sabiex ikun konformi mal-isem il-ġdid tal-belt, u għalhekk sar “Bratislavský rožok”. Wara li ġie adottat l-isem il-ġdid tal-belt, flimkien mal-isem l-antik tal-belt, fl-Awstrija bdiet tintuża l-kelma “Kipfel” minflok dik tas-soltu, “Beugel”. L-isem li kien jintuża oriġinarjament bl-Ungeriż kien “Pozsonyi patkó”, li jfisser “in-nagħla ta’ Bratislava”. Skont l-informazzjoni attwali minn bosta furnara u pastiċċiera Ungeriżi, b’mod partikolari f’Budapest, dan il-prodott huwa mmanifatturat u kkumerċjalizzat bl-isem ta’ “Pozsonyi kifli”, li bil-lingwa Slovakka jiġi tradott għal “Bratislavský rožok”. Pozsony huwa l-isem oriġinali tal-belt li kien jintuża sal-1918. Fid-dawl tad-drawwiet stabbiliti, nipproponu li jinżamm l-isem “Pozsonyi kifli”.

3.2.   Indika jekk l-isem:

☒ kienx jintuża tradizzjonalment sabiex jirreferi għall-prodott speċifiku

☐ jidentifikax il-karattru tradizzjonali jew il-karattru speċifiku tal-prodott

Il-prodott huwa speċifiku fir-rigward tal-kompożizzjoni tiegħu stabbilita storikament u l-metodu ta’ produzzjoni. It-terminu “Bratislavský rožok” huwa użat esklussivament biex jindika dan it-tip partikolari ta’ prodott fin tal-furnar jew għaġina.

Il-karattru speċifiku tal-prodott jinsab fil-wiċċ distint tiegħu, li huwa mraħħam, jiġifieri mżewwaq b’mod fin b’kulur iktar ċar mill-bqija tal-qoxra tal-wiċċ. L-uċuħ ta’ prodotti oħra tal-furnar jew tal-ħelu ma jitlestewx b’dan il-mod:

il-prodott huwa differenti mit-tipi simili ta’ prodotti fini tal-furnar jew ħelu fis-suq, mhux biss minħabba l-forma u l-piż tiegħu, iżda wkoll minħabba l-kwantità tal-mili. L-għaġina għandha iktar xaħam miżjud magħha minn prodotti oħrajn, u l-ebda tip ta’ għaġina fina oħra mhi mraħħma fil-wiċċ;

il-prodott għandu riħa u togħma speċifiċi, li ġejjin mill-mili taż-żerriegħa tal-peprin jew tal-ġewż użat;

il-prodott għandu dehra distinta u għandu għamla ta’ nagħla jew ta’ ittra Ċ.

Sabiex ikun ippreservat il-karattru tradizzjonali tal-prodott, jeħtieġ li meta jkun ippreparat, jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tar-riċetta li ġejjin:

l-għaġina għandu jkollha proporzjon ta’ xaħam u dqiq ta’ mill-inqas 30 %;

il-mili għandu jammonta għal mill-inqas 40 % tal-piż totali tal-prodott moħmi;

il-bajda sħiħa jew l-isfar tal-bajd għandhom jindilku fuq il-prodott qabel ma jinħema biex il-prodott moħmi jkollu wiċċ imraħħam.

4.   Deskrizzjoni

4.1.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem imsemmi fil-punt 1, inklużi l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi, mikrobijoloġiċi jew organolettiċi tiegħu li juru l-karattru speċifiku tal-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)

Prodott fin tal-furnar jew għaġina bil-mili taż-żerriegħa tal-peprin jew tal-ġewż u b’wiċċ imraħħam ileqq.

Karatteristiċi organolettiċi

Kulur: qoxra kannella għal kannella skur; fuq il-wiċċ maqtugħ, hemm mili biss ftit millimetri ’l ġewwa mill-kisi b’għaġina mhux raffinata — il-mili taż-żerriegħa tal-peprin huwa griż skur għal iswed, u l-mili tal-ġewż huwa kannella;

Dehra: fuq il-qoxra ta’ fuq, wiċċ uniformi kannella jleqq għal kannella skur b’tikek delikati bi sfumatura iktar ċara, li tixbah lill-irħam;

Konsistenza: kisi sod u delikat li jitfarrak meta jinqasam;

Riħa u togħma: togħma delikata, tipika tal-mili użat (jiġifieri togħma tipika tal-ġewż jew taż-żerriegħa tal-peprin), pjaċevolment ħelwa, b’aroma tal-ingredjenti użati.

Karatteristiċi fiżiċi

Għamla: għamla ta’ nagħla, għall-ponta fix-xfarijiet, għall-mili taż-żerriegħa tal-peprin, u għamla ta’ ittra Ċ għall-mili tal-ġewż;

Piż: normalment 40 sa 70 g.

4.2.   Deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem imsemmi fil-punt 1 li għandhom isegwu l-produtturi, inklużi, fejn xieraq, in-natura u l-karatteristiċi tal-materja prima jew tal-ingredjenti użati, kif ukoll il-metodu li permezz tiegħu jitħejja l-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)

Il-materja prima ewlenija użata biex issir l-għaġina hija: dqiq tal-qamħ, xaħam (marġerina, marġerina tal-għaġina sfiljurata, butir, grass, eċċ.), zokkor, melħ, ħmira, bajd, ħalib tat-trab, zokkor tal-vanilla jew tal-vanillin, qoxra tal-lumi jew qoxra tal-lumi mnixxfa, u ilma; jista’ jintuża wkoll iz-zokkor tal-kannella. L-għaġina għandu jkollha proporzjon ta’ xaħam u dqiq ta’ mill-inqas 30 % u l-mili għandu jammonta għal mill-inqas 40 % tal-piż tal-prodott lest.

Il-mili tal-ġewż normalment isir billi mal-ġewż imqatta’ jiġu miżjuda z-zokkor granulat (jew l-għasel), il-frak tal-ħobż ħelu, iz-zokkor tal-vanilla jew tal-vanillin u z-zokkor tal-kannella u jitħawdu flimkien mal-misħun jew mal-ħalib.

Il-mili taż-żerriegħa tal-peprin normalment isir billi maż-żerriegħa tal-peprin mitħuna jiġu miżjuda z-zokkor granulat (jew l-għasel), il-frak tal-ħobż ħelu u z-zokkor tal-vanilla jew tal-vanillin u jitħawdu flimkien mal-misħun jew mal-ħalib.

Il-ġamm (tal-għajnbaqar jew tal-berquq) jew iż-żbib jistgħu jiżdiedu mal-mili biex tittejjeb it-togħma tiegħu.

Metodu ta’ produzzjoni

L-għaġina titħejja billi d-dqiq jitħallat mal-ilma, jew mal-ilma li miegħu jkun żdied il-ħalib tat-trab, mal-ħmira, mal-melħ, maz-zokkor u max-xaħam li jittiekel. Ix-xaħam jistal-ewwel jitħallat mad-dqiq, u l-materja prima l-oħra tiżdied iktar tard. L-għaġina mħallta titħalla togħla għal 30 sa 40 minuta. Wara li l-għaġina tkun tidher li żdiedet fil-volum, tiġi magħġuna mill-ġdid għal ftit ħin, u wara tinqasam f’biċċiet li jiġu ffurmati fi blalen. Wara li jogħlew għal 15 sa 20 minuta, dawn jinfetħu fi strixxi ellittiċi ta’ 12 sa 15-il ċentimetru tul l-itwal assi tagħhom. Il-ħxuna tal-istrixxa tal-għaġina mrembla trid tkun ta’ żewġ sa tliet millimetri. Il-biċċiet ċilindriċi tal-mili taż-żerriegħa tal-peprin jew tal-ġewż jitpoġġew fuq l-istrixxi tal-għaġina mrembla u jitgeżwru fiha biex jiffurmaw ċilindri twal minn 12 sa 15-il ċentimetru, li gradwalment jiġu għall-ponta fix-xfarijiet. Meta l-mili jiġi mgeżwer, l-għaġina għandha tingħaqad bl-istess mod u l-punt fejn din tingħaqad għandu jkun fuq in-naħa ta’ taħt tal-prodott meta dan jiġi ffurmat f’forma ta’ nofs qamar fuq it-turtiera tal-ħami. Jekk ikollu l-mili taż-żerriegħa tal-peprin, il-prodott jingħata l-għamla ta’ nagħla, mentri jekk ikollu l-mili tal-ġewż, jingħata l-għamla ta’ ittra Ċ. L-għamliet għandhom ikunu differenti biżżejjed biex wieħed jinduna mill-ewwel x’mili jkollhom.

Il-mili taż-żerriegħa tal-peprin jitħejja billi ż-żerriegħa tal-peprin titgħalla jew tinstamat fil-misħun (bil-volum tal-likwidu jkun ekwivalenti għal 35 sa 40 % tal-ammont taż-żerriegħa tal-peprin). Iz-zokkor jiddewweb fi kwantità żgħira ta’ ilma u jitħalla jiftaħ jagħli (jista’ jintuża l-għasel minflok iz-zokkor). Iż-żerriegħa tal-peprin mitħuna u mħallta mal-ħalib tat-trab, mal-frak tal-ħobż ħelu u maż-żbib tiżdied gradwalment maz-zokkor imdewweb billi titħawwad b’mod kostanti u titgħalla biex jiġi prodott pejst magħqud mhux ħażin. Meta jiksaħ u jagħqad il-mili taż-żerriegħa tal-peprin, miegħu jiżdied il-qxur tal-lumi frisk maħkuk jew il-pejst tal-lumi, flimkien mal-kannella u ma’ ammont żgħir ta’ zokkor tal-vanilla, fejn meħtieġ, biex tittejjeb it-togħma tiegħu. Il-mili tal-ġewż ma jissajjarx, iżda l-ġewż mitħun sempliċiment jitħallat maz-zokkor (jew mal-għasel), maż-żbib, mal-ħalib tat-trab, mal-misħun, maz-zokkor tal-vanilla jew maz-zokkor tal-vanillin u mal-kannella mitħuna. Sa 10 % bil-piż tal-ġewż imqatta’ jew taż-żerriegħa tal-peprin mitħuna fil-mili jista’ jiġi sostitwit bil-frak tal-ħobż ħelu.

Wara li jibirdu, iż-żewġ tipi ta’ mili għandhom ikunu ħoxnin biżżejjed biex ikunu jistgħu jiġu ffurmati rombli żgħar bl-idejn.

Il-prodotti ffurmati jitpoġġew fuq turtiera tal-ħami u jindilku biss b’bajda sħiħa jew bl-isfar tal-bajd. Il-prodotti midluka bil-bajd fuq it-turtieri jitħallew f’post frisk b’ċirkulazzjoni tal-arja biex il-bajda fuq il-wiċċ tagħhom tinxef ftit. Ladarba l-wiċċ ikun nixef u jkunu għolew ftit, jerġgħu jindilku mill-ġdid bil-bajd, jitħallew jinxfu u wara jitpoġġew fil-forn. Meta jkunu għolew, jinħmew bħala prodotti tal-għaġina b’bażi ta’ ħmira. Waqt li jkunu qegħdin jogħlew, u b’mod partikolari waqt il-ħami, il-bajd imnixxef li jkun imdellek fil-wiċċ jinkiser ftit u joħloq l-istruttura mraħħma tipika tal-qoxra tal-wiċċ tal-prodott.

Il-prodotti jinħmew mingħajr fwar f’temperatura ta’ 170 sa 220 °C.

Il-ħin tal-ħami jiddependi mid-daqs tal-prodotti. Għall-prodotti li jiżnu 40 sa 50 gramma, dan huwa ta’ 10 minuti sa 12-il minuta, filwaqt li għal dawk li jiżnu 50 sa 70 gramma, dan huwa ta’ 15-il minuta sa 20 minuta.

Wara li jiksħu, il-prodotti moħmija jitħejjew għad-dispaċċ u għall-bejgħ.

It-telf tekniku minħabba l-ħami jammonta għal madwar 10 %, skont il-piż tal-prodott u l-konsistenza tal-mili.

Tikkettar: l-isem tal-prodott “Bratislavský rožok” enfasizzat jew l-ekwivalenti tiegħu bl-Ungeriż; il-logo tal-Komunità jew il-logo u l-iskrizzjoni “Zaručená tradičná špecialita” (speċjalità tradizzjonali garantita). It-taqsira “ZTŠ” (STG) tista’ tidher fuq l-imballaġġ. Id-daqs tat-tipa tal-logo ma għandux ikun inqas minn 15-il mm.

Metodu u post tal-bejgħ: Il-prodott “Bratislavský rožok” jinbiegħ bil-waħdiet fil-ħwienet speċjalizzati tal-produttur jew fil-ħwienet tal-ħelu, fil-kafetteriji u fil-ħwienet tal-“fast-food”. Għall-prodotti mhux ippakkjati minn qabel, il-logo “ZTŠ” (STG) jista’ jidher fuq l-indikatur tal-prezz viċin l-isem tal-prodott jew fuq il-pannell tal-informazzjoni viċin il-prodotti.

Ħżin: f’temperatura ambjentali.

Il-prodott iżomm bejn tlieta u għaxart ijiem, skont l-ammont ta’ ħmira użata.

Il-prodott huwa magħmul bl-idejn u mhux prodott bil-massa.

Ma jistax jiġi mmanifatturat bħala prodott iffriżat, nofsu lest u moħmi parzjalment li wara titneħħielu l-friża u jitlesta fil-forn; dejjem irid jinħema frisk.

4.3.   Deskrizzjoni tal-elementi ewlenin li jistabbilixxu l-karattru tradizzjonali tal-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)

Il-karattru tradizzjonali tal-prodott huwa bbażat fuq il-kompożizzjoni tradizzjonali tiegħu, jiġifieri l-mili jrid jammonta għal mill-inqas 40 % tal-piż totali tal-prodott lest.

Prodott bl-isem speċifiku ilu jsir għal aktar minn żewġ sekli fil-pajjiżi ġirien tal-Ungerija u l-Awstrija, li sa 90 sena ilu, is-Slovakkja kellha kostituzzjoni waħda magħhom.

Il-ktieb ta’ Vladimír Tomčík imsejjaħ “S vareškou dvoma tisícročiami” (“Elfejn sena ta’ storja tat-tisjir”), jikkwota entrati fil-kotba li jindikaw li fl-1590 il-prodott “Bratislavský rožok” kien qiegħed jisserva fit-taverni, għalkemm is-sigriet tal-produzzjoni tiegħu imur lura ħafna iktar żmien.

Fil-paġna 305 tal-pubblikazzjoni ta’ Tivadar Ortvay msejħa “Ulice a námestia mesta Bratislavy” (“It-toroq u l-pjazez ta’ Bratislava”), ippubblikata fi Bratislava fl-1905, jingħad li mhux ’il bogħod ħafna mill-ħanut tal-ħelu ta’Viktor Mayer, il-forn l-antik ta’ Scheuermann (issa Lauda) jaħmi n-nagħal taż-żerriegħa tal-peprin u tal-ġewż, speċjalitajiet li għalihom hija magħrufa Bratislava [“Ulice a námestia mesta Bratislavy” (“It-toroq u l-pjazez ta’ Bratislava”), it-test ikompli kif ġej: “L-istorja tal-belt skont l-ismijiet tat-toroq u tal-pjazez tagħha, ibbażata fuq riċerka oriġinali” — test miktub mid-Dott. Tivadar Ortvay fi Bratislava fl-1905 u stampat minn F.K. Wigand]. Il-paġni 304 u 305 tal-ktieb elenkat fl-Anness 1 bl-Ungeriż isemmu l-forn ta’ Scheuermann b’rabta mal-pjazza li issa għandha l-isem ta’ “Hviezdoslavovo námestie”. Il-parti rilevanti tat-test tgħid hekk: “Viċin hemm il-forn l-antik ta’ Scheuermann (issa Lauda) li jagħmel in-nagħal taż-żerriegħa tal-peprin u tal-ġewż u li wassal għall-fama ta’ Bratislava b’rabta ma’ din l-ispeċjalità. Il-qarmeċ ta’ Bratislava (“bratislavský suchár”) huwa speċjalità oħra minn dawn…”.

Fil-paġna 52 tal-ktieb ta’ V. Szemes u V. Karovič imsejjaħ “Chlieb náš každodenný” (“Ħobżna ta’ kuljum”), ippubblikat fi Bratislava fl-1992, jingħad dan li ġej: “Fl-1785, għal Jum San Nikola, il-furnar Schiermann poġġa tip ġdid ta’ għaġina mimlija fit-tieqa tal-ħanut tiegħu, li tniżżlet fl-istorja bħala l-“prešpurské beugle”.” Aħna nqisu d-differenza fl-ismijiet Scheuermann u Schiermann bħala żball tipografiku; l-ortografija korretta hija Scheuermann.

Il-“Bratislavský rožok” ġie magħmul sussegwentement minn bosta furnara fi Bratislava. Wieħed mill-aktar famużi kien Ágoston Schwappach, li l-forn tiegħu kien stabbilit fl-1834 u li kien ibigħ in-nagħal taż-żerriegħa tal-peprin u tal-ġewż. Tnejn mis-suċċessuri tal-produtturi tal-“Bratislavský rožok” Scheuermann u Lauda, kienu l-furnar prim Johann Korče (li għex bejn l-1851 u l-1919), li kien kavallier tal-Ordni ta’ Franz Josef, u ibnu, il-furnar prim Hans Korče. Il-familja Korče kellha bħala s-suċċessur tagħha lil Emil Kastner.

Il-forn ta’ Gustáv Wendler fi Štefánikova ulica fi Bratislava, li kien jibgħat il-“Bratislavský rožok” bil-posta wkoll, kien magħruf ukoll.

Fl-eks ġurnal ta’ Bratislava tal-1863 imsejjaħ “Pressburger Wegweiser”, fost affarijiet oħrajn, in-negozju tal-furnar u tal-ħelu ta’ Anton Pressberger jirreklama “l-“beugle” taż-żerriegħa tal-peprin u tal-ġewż”.

Il-gazzetta ta’ Vjenna msejħa “Neue Freie Presse” tas-16 ta’ April 1938 tinkludi riċetta għall-“Pressburger Kipfel — Bratislavské rožky”. Ir-riċetta u l-metodu ta’ produzzjoni deskritti fiha huma kważi identiċi għal dawk użati llum.

Fil-ktieb tagħhom tal-1870, Terézia Vansová u Ján Babilon ukoll iddeskrivew il-“Bratislavský rožok”.

Numru ta’ furnara u pastiċċiera għamlu l-“Bratislavský rožok” f’diversi bliet Ewropej, b’mod partikolari fl-Awstrija, fir-Repubblika Ċeka u fl-Ungerija. Skont informazzjoni miġbura minn esperti tal-forn f’diversi pajjiżi, prodott bl-isem ta’ “Bratislavský rožok” isir f’diversi bliet, jew tal-inqas l-għamla tiegħu, ir-riċetta tiegħu bejn wieħed u ieħor u l-metodu ta’ produzzjoni tiegħu huma magħrufa. Taħriġ prattiku dwar kif isir il-“Bratislavský rožok”, b’mod partikolari wara l-1950, ingħata f’kulleġġi vokazzjonali għall-furnara u għall-pastiċċiera fl-eks Ċekoslovakkja. L-isem “Bratislavský rožok” beda jintuża fl-1918, wara li ġiet stabbilita ċ-Ċekoslovakkja u nbidel l-isem tal-belt minn dak oriġinali ta’ Pressburg jew Pozsony għal Bratislava. L-isem tal-prodott inbidel ukoll. L-isem oriġinali “Beugel” bl-Ungeriż inbidel għal “patkó”, li jfisser “nagħla taż-żiemel”. Mid-dehra, it-terminu “rožok” beda jintuża flimkien mal-isem il-ġdid tal-belt. Fl-Ungerija, l-isem “Pozsonyi kifli” (“Bratislavský rožok”), jiġifieri l-isem l-antik tal-belt bl-isem il-ġdid għall-għamla, għadu jintuża sal-lum. L-istess fl-Awstrija, fejn l-isem “Pressburger Kipfel” jintuża iktar u t-terminu “Beugel” bilkemm jinstema’.

Bl-istorja tiegħu, il-prodott “Bratislavský rožok” għadu popolari sal-lum. Skont stimi li saru, dan isir b’mod regolari minn 20 forn u pastiċċerija u almenu darba f’ġimgħa minn għadd ieħor ta’ produtturi fis-Slovakkja.

Fl-1999 u fl-2005, il-koperattiva tal-furnara tas-Slovakkja msejħa “Slovenské družstvo pekárov” inkludiet il-“Bratislavský rožok” fost il-prodotti għall-kompetizzjoni ppreżentati fil-finali tat-Tazza Lesaffre f’Pariġi, u dan tfaħħar ħafna mill-ġurija.

Fil-bidu tal-2007, għall-ewwel darba fl-istorja saret kompetizzjoni internazzjonali għall-aqwa “Bratislavský rožok” bħala parti mill-wirja msejħa “Danubius Gastro” fi Bratislava, li attirat disa’ timijiet minn tliet pajjiżi (ara l-paġna ta’ quddiem tal-gazzetta “Bratislavské noviny” tal-25 ta’ Jannar 2007).

Il-gazzetti ta’ Bratislava u diversi perjodiċi nazzjonali ppubblikaw għadd ta’ artikli dwar din il-kompetizzjoni.

Fil-25 ta’ Lulju 2008, il-gazzetta ta’ kuljum “Nový čas” ippubblikat artiklu dwar il-“Bratislavský rožok”. L-artiklu fih ukoll riċetta tradizzjonali tal-1938, u d-deskrizzjoni tal-għamla tal-prodott tgħid li: “… meta l-prodott ikollu l-mili taż-żerriegħa tal-peprin, ikun f’għamla ta’ nagħla, u meta jkollu l-mili tal-ġewż, ikun f’għamla ta’ ittra Ċ.”.

Artiklu bl-isem ta’ “Bratislavský rožok – tradícia s dlhou históriou” (“Il-prodott “Bratislavský rožok” — tradizzjoni twila”) fil-paġna 52 tar-rivista “Epicure” jgħid li “meta jkollu l-mili taż-żerriegħa tal-peprin, il-prodott ikollu għamla ta’ nagħla, u meta jkollu l-mili tal-ġewż, ikollu għamla ta’ ittra Ċ”.


(1)  ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17.