13.8.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/86


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2019/C 271/07)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

“ΚΡΙΤΣΑ” (KRITSA)

Nru tal-UE: PGI-GR-02317 — 6.7.2017

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Isem/Ismijiet

“Κριτσά” (Kritsa)

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Il-Greċja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.5. Żjut u xaħmijiet (butir, marġerina, żejt, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Iż-żejt taż-żebbuġa “Kritsa” jiġi prodott biss minn żebbuġ tal-varjetà ta’ Koroneiki. Dan għandu kulur aħdar għal aħdar dehbien.

Karatteristiċi fiżikokimiċi:

aċidità (% skont il-piż tal-aċidu olejku): ≤ 0,5

koeffiċjent ta’ estinzjoni K270: ≤ 0,15

koeffiċjent ta’ estinzjoni K232: ≤ 1,90

varjazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ estinzjoni Delta-Κ: ≤ 0

Evalwazzjoni sensorja:

it-togħma tal-frott: ≥ 2,5

medjan: 0,0

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Iż-żejt taż-żebbuġa “Kritsa” jiġi prodott miż-żebbuġ Koroneiki biss.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom isiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-kultivazzjoni taż-żebbuġ u l-istadji kollha fil-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa extra verġni “Kritsa” jridu isiru fiż-żona ġeografika ddefinita.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Iż-żejt taż-żebbuġa “Kritsa” huwa magħruf kemm fil-Greċja kif ukoll b’mod internazzjonali, u r-reputazzjoni tiegħu hija dovuta għall-kwalità eċċezzjonali tiegħu (aċidità baxxa, koeffiċjenti ta’ estinzjoni baxxi) u t-togħma tal-frott tiegħu. Dawn il-karatteristiċi jiġu affettwati b’mod ħażin mit-temperatura, mid-dawl u mill-ossiġnu, li ż-żejt għandu aktar probabbiltà li jiġi espost għalihom meta jkun qed jiġi trasferit minn tank tal-ħażna għal trakk bil-bawżer u vice versa, jew bejn trakkijiet bil-bawżer, jew meta jkun ġo trakk bil-bawżer. Barra minn hekk, it-temperaturi għoljin u l-preżenza tal-ossiġnu jikkawżaw deterjorazzjoni mgħaġġla tat-togħma karatteristika tal-frott taż-żejt. Għal dawn ir-raġunijiet, iż-żejt taż-żebbuġa “Kritsa” għandu jinħażen f’tankijiet tal-azzar inossidabbli fiż-żona ddefinita, sabiex jiġi żgurat li l-karatteristiċi li tiddependi fuqhom ir-reputazzjoni tiegħu ma jintmessux. Iż-żejt taż-żebbuġa “Kritsa” jiġi ppakkjat ukoll fiż-żona ddefinita, u b’mod aktar speċifiku fil-post fejn jiġi prodott. Dan jiżgura li l-karatteristiċi tal-kwalità taż-żejt ma jiġux affettwati jew jinbidlu, jiffaċilita l-kontrolli u jassigura t-traċċabbiltà.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żejt taż-żebbuġa “Kritsa” jiġi prodott biss fil-konfini tad-distrett muniċipali ta’ Kritsá u l-komunitajiet tal-viċinat ta’ Mesa u Exo Lakkonia u Kroustas, fil-muniċipalità ta’ Agios Nikolaos. Barra mill-villaġġ kbir ta’ Kritsá, id-distrett muniċipali msemmi jinkludi l-abitati li ġejjin: Ammoudara, Vathy, Theologos, Katharó, Kalyvos, Mardati, Rousa Limni u Tapes.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Il-“Kritsa” huwa wieħed mill-aktar żjut taż-żebbuġa famużi ta’ Kreta, li sar magħruf sew ukoll barra mill-Greċja. Ir-reputazzjoni tiegħu ġejja purament mill-kwalità, il-karatteristiċi organolettiċi u kimiċi tiegħu, li mbagħad jintrabtu maż-żona ġeografika, iżda wkoll mal-fattur uman li jikkontribwixxi konsiderevolment għall-kwalità taż-żejt li jiġi prodott.

Din ir-reputazzjoni estensiva ħafna hija l-bażi għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa “Kritsa” bħala Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP).

Iż-żejt taż-żebbuġa “Kritsa” jiġi prodott f’żona relattivament żgħira, fejn il-kundizzjonijiet tal-ħamrija u dawk klimatiċi huma bejn wieħed u ieħor l-istess fiha kollha, li jfisser li l-prodott finali għandu karatteristiċi uniformi. Barra minn hekk, iż-żebbuġ Koroneiki huwa l-unika varjetà li jikber f’din iż-żona.

Iż-żona għandha klima Mediterranja moderata, bl-ebda varjazzjoni kbira fit-temperatura. Hemm ħafna dawl tax-xemx, u dan minħabba l-esponiment u l-konfigurazzjoni tal-art, li jaqbeż 2 900 siegħa fis-sena. L-imsaġar taż-żebbuġ jinżergħu fuq ħamrija niexfa, tal-franka li kapaċi żżomm l-ilma. Il-kontenut tat-tafal tal-ħamrija jagħmilha xierqa għall-imsaġar taż-żebbuġ mhux saqwija. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet mhumiex speċjalment favorevoli għad-dubbien tal-frott taż-żebbuġ, għalhekk l-infestazzjonijiet normalment huma limitati.

Il-biċċa l-kbira taż-żebbuġ taż-żona jintaħan kollettivament, u t-tħin iseħħ fi żmien 48 siegħa mill-ħsad, li jnaqqas id-deterjorazzjoni wara l-ħsad. Bis-saħħa tal-għarfien espert tal-produtturi, mibni fuq bosta snin, il-frott jinħasad fl-istadju opportun tat-tisjir, meta jkun qed jibdel il-kulur minn aħdar fl-isfar għal vjola skur, fattur marbut mal-karatteristiċi organolettiċi taż-żejt li jiġi prodott.

B’hekk, kemm fatturi naturali kif ukoll umani għenu biex jiddeterminaw il-karatteristiċi speċifiċi taż-żejt taż-żebbuġa “Kritsa”, li huma aċidità baxxa, li ma taqbiżx 0,5, valuri ta’ koeffiċjent ta’ estinzjoni baxxi (K270: ≤ 0,15, K232: ≤ 1,90, Delta-K: ≤ 0) u togħma tal-frott akbar minn 2,5.

L-abbundanza tad-dawl, il-ħamrija tal-franka niexfa, u l-ħsad fil-ħin opportun jipproduċu żejt b’kostitwenti aromatiċi ħafna, li jagħtuh it-togħma tal-frott karatteristika tiegħu. Il-valuri ta’ koeffiċjent ta’ estinzjoni baxxi (Κ270, Κ232 u Delta-K), huma marbuta mal-altitudni, iżda wkoll mal-fatt li ż-żebbuġ jintaħan direttament wara li jinqata’.

Iż-żejt taż-żebbuġa “Kritsa” issemma estensivament f’rivisti Norveġiżi, Sloveni u Ġappuniżi, fejn ingħatat enfasi partikolari lill-karatteristiċi tal-kwalità tiegħu.

Iż-żejt taż-żebbuġa “Kritsa” jidher ukoll fuq siti web tal-ivvjaġġar u tal-agrituriżmu, fejn il-vjaġġaturi huma rakkomandati ma jħallux il-villaġġ ta’ Kritsá mingħajr ftit miż-żejt taż-żebbuġa lokali.

Minbarra fuq siti web tal-ivvjaġġar, iż-żejt taż-żebbuġa “Kritsa” jissemma fuq is-sit web ta’ ristorant magħruf sew f’Ateni, li juża dan iż-żejt biss fil-platti tiegħu. Iż-żejt taż-żebbuġa “Kritsa” huwa wkoll wieħed mill-ingredjenti bażiċi li jintużaw fl-iskola tal-patisserie ta’ Valrhona fi Franza.

Ir-reputazzjoni tal-prodott u r-rabta man-nies tal-lokal u l-ambjent tal-madwar tidher mill-fatt li dan jidher f’avvenimenti lokali, fuq ir-radju u t-televixin lokali u nazzjonali u fl-istampa.

Ir-rabta bejn iż-żejt taż-żebbuġa “Kritsa” u n-nies tal-lokal u l-istorja tagħhom hija spjegata mill-kittieb/ġurnalist Tom Mueller fil-ktieb tiegħu “Extra Virginity, the sublime and scandalous world of olive oil” (Virġinità Żejda, id-dinja sublimata u skandaluża taż-żejt taż-żebbuġa) (2014).

Iż-żejt taż-żebbuġa “Kritsa” deher ukoll fl-istampa internazzjonali, speċifikament fuq is-CNN u f'The Times, kif imsemmi f’Olive Oil Times online.

Barra minn hekk, ir-reputazzjoni tal-prodott u l-fatt li Kritsá ġie rikonoxxut bħala żona ta’ produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa importanti huwa mixhud f’rakkonti tal-ivvjaġġar mis-seklu 19.

Speċifikament, f’Bulletin de la Société de Géographie (1835) M.A. Fabreguettes isemmi “…Kritsá … villaġġ rikk fi kwalunkwe xorta ta’ ikel, żejt taż-żebbuġa, lewż, ħarrub, ġobon u l-bqija…”, u fi Kritika iti Topografia kai Odoiporika tis Nisou Kritis (1894) Ν. Kalomenopoulos jikteb “…Il-wied fertili ta’ Kritsá, pjanura żgħira li tinqasam minn xmajra żgħira u mimlija b’siġar taż-żebbuġ…” u “Il-wied ta’ Lakkonia…huwa mimli b’siġar taż-żebbuġ u taċ-ċirasa …”.

Mill-2006, iż-żejt taż-żebbuġ “Kritsa” rebaħ total ta’ 24 premju — 16 f’kompetizzjonijiet nazzjonali u tmienja f’kompetizzjonijiet internazzjonali, prinċipalment fil-kategoriji ta’ togħma tal-frott medja u intensa. L-aqwa kisba kienet il-premju tad-deheb fil-kategorija ta’ togħma tal-frott medja fil-kompetizzjoni internazzjonali “Mario Solinas” fl-2008, li ġiet organizzata mill-Kunsill taż-Żebbuġ Internazzjonali. Kisbiet oħra importanti kienu r-rebħa tat-tielet premju fl-istess kompetizzjoni fl-2006, premjijiet tad-deheb fil-Los Angeles Extra Virgin Olive Oil Competition (2010), u Great Taste, Londra (2012) u premjijiet tal-fidda f’Prodexpo, Moska (2012), Olive Japan (2013) u Cat Cora’s Kitchen (2013). Fil-Greċja, iż-żejt rebaħ il-premjijiet tad-deheb fil-kompetizzjonijiet li ġejjin: Panhellenic Extra Virgin Olive Oil Producers’ Competition (2007), L-Ewwel Kompetizzjoni Griega taż-Żejt taż-Żebbuġa Extra Verġni (2008) u Eleotechnia (2008 u 2011).

Barra mill-premjijiet ta’ hawn fuq, aktar riċentement, iż-żejt taż-żebbuġa “Kritsa” rebaħ il-premju tal-bronż għal żejt taż-żebbuġa extra verġni fil-London International Quality Olive Oil Competition (2017). Dik l-istess sena dan rebaħ ukoll premju tal-bronż għat-togħma fil-kategorija ta’ togħma tal-frott medja fil-Ħames kompetizzjoni Griega taż-żejt taż-żebbuġa extra verġni. Dawn iż-żewġ premjijiet ġew irrappurtati fl-istampa online Griega. Kemm fl-2016 kif ukoll fl-2017 il-mitħna taż-żebbuġ tal-Kooperattiva Agrikola ta’ Kritsá rċiviet żewġ premjijiet mill-Assoċjazzjoni tal-muniċipalitajiet Kreti tat-tkabbir taż-żebbuġ: il-Minoan Olive tal-fidda fil-kategorija “prattiki tal-kumerċjalizzazzjoni tajbin taż-żejt taż-żebbuġa” u l-Minoan Olive tad-deheb fil-kategorija “prattiki tat-tħin tajbin taż-żebbuġ”.

Finalment, ir-rabta storika taż-żona maż-żebbuġ u mal-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa tidher mill-pressi taż-żejt (tal-inqas tnejn) fiż-żona fil-belt antika ta’ Lato, li l-fdalijiet tagħha jmorru lura għall-perjodu Dorjan (il-5 u r-4 sekli Q.K.). Ġewwa l-belt, li hija madwar tliet kilometri mill-villaġġ ta’ Kritsá, instabet evidenza ta’ ħżin ta’ żejt taż-żebbuġa. Imtieħen taż-żejt antiki mifruxa madwar ir-reġjun usa’ wkoll jixhdu r-rabta b’saħħitha bejn it-tkabbir taż-żebbuġ u l-ħajjiet ta’ kuljum tan-nies tal-lokal, filwaqt li jeżistu referenzi tal-vjaġġaturi, li jidhru fil-kotba mis-seklu 19 ’il quddiem.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1), ta’ dan ir-Regolament)

http://www.minagric.gr/images/stories/docs/agrotis/POP-PGE/prod_ladi_kritsa070119.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.