9.8.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 267/4


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Linji gwida għall-qrati nazzjonali dwar kif jistmaw is-sehem tal-ispejjeż żejda ttrasferiti fuq ix-xerrej indirett

(2019/C 267/07)

WERREJ

1.

INTRODUZZJONI 7

1.1.

Skop, ambitu u struttura ta' dawn il-linji gwida 7

1.2.

X'inhu trasferiment tal-ispejjeż żejda? 8

2.

IL-KUNTEST ĠURIDIKU 9

2.1.

Trasferiment tal-ispejjeż żejda u d-dritt għal kumpens sħiħ 9

2.2.

Xenarji li fihom qrati nazzjonali jistgħu jiffaċċjaw kwistjonijiet ta' trasferiment 11

2.3.

Is-setgħa tal-qorti li tagħmel stima tat-trasferiment 13

2.4.

Ir-rwol tal-evidenza 14

3.

IT-TEORIJA EKONOMIKA TAT-TRASFERIMENT 16

3.1.

Ħarsa ġenerali 16

3.2.

Eżempji 19

4.

IL-KWANTIFIKAZZJONI TAL-EFFETTI TAT-TRASFERIMENT U TAL-VOLUM — ASPETTI ĠENERALI 21

4.1.

Id-data u l-informazzjoni meħtieġa meta jiġu kkwantifikati l-effetti tat-trasferiment 22

4.2.

L-użu ta' esperti ekonomiċi 23

5.

IL-KWANTIFIKAZZJONI U STIMA TAL-EFFETTI TAL-PREZZ RELATAT MAT-TRASFERIMENT 24

5.1.

Metodi bbażati fuq komparatur 24

5.1.1.

Approċċi 25

5.1.1.1.

L-approċċ qabel-matul-wara 25

5.1.1.2.

L-approċċ trasversali 26

5.1.1.3.

L-approċċ tad-differenza fid-differenzi 26

5.1.2.

Implimentazzjoni fil-prattika ta' approċċi bbażati fuq komparatur 28

5.1.3.

Sfidi 30

5.2.

Metodi oħra 31

5.2.1.

L-approċċ tar-rata tat-trasferiment 31

5.2.2.

L-implimentazzjoni tal-approċċ tar-rata tat-trasferiment fil-prattika 32

5.2.3.

L-approċċ ta' simulazzjoni 33

6.

KWANTIFIKAZZJONI U STIMA TAL-EFFETTI TAL-VOLUM 33

6.1.

Introduzzjoni 33

6.2.

L-approċċ ibbażat fuq komparatur 35

6.2.1.

Informazzjoni meħtieġa 35

6.2.2.

Metodi u sfidi 35

6.3.

Approċċ ta' elastiċità 35

6.3.1.

Il-metodi u l-informazzjoni meħtieġa 35

6.3.2.

Sfidi 36

7.

GĦAŻLA TAL-METODU 36

8.

ANNESS 1 — TEORIJA EKONOMIKA 37

8.1.

Introduzzjoni 37

8.2.

Spejjeż tal-input u l-effett tagħhom fuq id-deċiżjonijiet tal-ipprezzar 37

8.3.

Il-karatteristiċi tad-domanda u r-rabtiet mal-prezzijiet 38

8.4.

Id-deċiżjoni tal-ipprezzar ta' ditta 40

8.5.

L-intensità tal-kompetizzjoni u r-rabtiet mat-trasferiment 40

8.5.1.

Kontinwu tal-kompetittività tas-swieq 40

8.5.2.

Spiża żejda u trasferiment speċifiċi għad-ditta vs għall-industrija kollha 41

8.6.

Xi fatturi ulterjuri li jħallu impatt fuq it-trasferiment 41

9.

ANNESS 2 — GLOSSARJU 43

WERREJ TAL-KAXXI

Kaxxa 1:

Trasferiment ta' żieda fil-prezz għar-ram (eżempju ipotetiku) 8

Kaxxa 2:

Iż-żewġ xenarji tipiċi tat-trasferiment 11

Kaxxa 3:

Eżempju ta' każ li jinvolvi evidenza pprovduta minn esperti ekonomiċi 23

Kaxxa 4:

Eżempju ta' każ li fih il-qorti taħtar espert ekonomiku 23

Kaxxa 5:

Eżempju illustrat ta' approċċ qabel-matul-wara 25

Kaxxa 6:

Eżempju illustrat ta' approċċ trasversali 26

Kaxxa 7:

Dimostrazzjoni tal-approċċ tad-differenza fid-differenzi 27

Kaxxa 8:

Il-każ tal-ħġieġ tal-karozzi Ġermaniż 28

Kaxxa 9:

Stima tat-trasferiment fuq il-bażi ta' evidenza kwalitattiva — Cheminova (2015) 29

Kaxxa 10:

Stima tat-trasferiment fuq il-bażi ta' evidenza kwalitattiva — DOUX Aliments (2014) 29

Kaxxa 11:

L-effett tal-volum 34

Kaxxa 12:

Stima tal-effetti tal-volum — Cheminova (2015) 34

Kaxxa 13:

Eżempji ta' spejjeż fissi u marġinali 37

Kaxxa 14:

Il-kurva standard tad-domanda — l-effetti fuq il-prezz u l-volum 38

Kaxxa 15:

Kurvaturi oħra tad-domanda 39

Kaxxa 16:

Kompromess bejn iż-żieda fil-prezzijiet u l-bejgħ mitluf 40

1.   INTRODUZZJONI

1.1.   Skop, ambitu u struttura ta' dawn il-linji gwida

(1)

Dawn il-linji gwida għandhom l-intenzjoni li jipprovdu lill-qrati nazzjonali, lill-imħallfin u lil partijiet ikkonċernati oħrajn f'azzjonijiet għad-danni għal ksur tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) bi gwida prattika dwar kif jistmaw it-trasferiment tal-ispejjeż żejda. B'mod partikolari, jistabbilixxu l-prinċipji ekonomiċi, il-metodi u t-terminoloġija dwar it-trasferiment, fost affarijiet oħra, permezz ta' referenza għal għadd ta' eżempji. Barra minn hekk, dawn il-linji gwida huma maħsuba biex jgħinu jiddeterminaw is-sorsi ta' evidenza rilevanti, jekk talba għad-divulgazzjoni hijiex proporzjonata, kif ukoll biex jivvalutaw id-dikjarazzjonijiet tal-partijiet dwar it-trasferiment u kwalunkwe opinjoni ta' espert ekonomiku li tista' tiġi ppreżentata lill-qorti.

(2)

Il-bażi ġuridika għal-linji gwida hija l-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar id-Danni (1). Dawn mhumiex vinkolanti u ma jbiddlux ir-regoli eżistenti skont id-dritt tal-UE jew il-liġijiet tal-Istati Membri. Għaldaqstant, ma hemm ebda obbligu fuq qorti nazzjonali li ssegwihom. Il-linji gwida huma wkoll mingħajr preġudizzju għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“QĠUE”). Jirreferu għar-regoli armonizzati stabbiliti fid-Direttiva dwar id-Danni u jinnotaw li, fil-prattika, il-qrati nazzjonali japplikaw regoli nazzjonali, inklużi dawk li jittrasponu d-Direttiva dwar id-Danni.

(3)

Bħala sors ta' referenza għal prattiki tajbin, il-linji gwida jagħtu indikazzjonijiet dwar il-parametri rilevanti li jistgħu jitqiesu meta tiġi ttrattata l-evidenza ekonomika rilevanti għall-valutazzjoni tat-trasferiment tal-ispejjeż żejda. Jibnu fuq l-istudji ekonomiċi rilevanti miġbura mill-Kummissjoni u jikkomplementaw il-Gwida Prattika dwar il-kwantifikazzjoni tad-dannu f'azzjonijiet għad-danni bbażati fuq ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE (“Gwida Prattika”) (2) li takkumpanja l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-kwantifikazzjoni tad-dannu tal-antitrust f'azzjoni għad-danni (3). Filwaqt li l-Gwida Prattika tiffoka fuq l-ispejjeż żejda, dawn il-linji gwida jindirizzaw speċifikament f'aktar dettall it-trasferiment ta' dawn l-ispejjeż żejda (4). Jenħtieġ li l-Gwida Prattika u dawn il-linji gwida jinqraw flimkien (5).

(4)

Kif spjegat fil-paragrafi 17-19 ta' hawn taħt, dawn il-linji gwida jistgħu jkunu utli meta kontraventur jinvoka t-trasferiment fid-difiża tiegħu kontra pretensjoni għad-danni (“tarka”) jew meta xerrej indirett jitlob għad-danni mingħand il-kontraventur billi jallega t-trasferiment ta' spiża żejda (“xabla”). Madankollu, bħal fi kwalunkwe azzjoni għad-danni, il-livell sa fejn il-qorti għandha tikkunsidra l-fatti ta' każ se jiddependi fuq il-mod ta' kif titressaq l-azzjoni mir-rikorrent u n-natura tad-difiża mqajma mill-konvenut. Pereżempju, f'xi każijiet, rikorrent ma jistax jitlob għal telf ta' profitt bħala riżultat tal-effett tal-volum minħabba l-kumplessità addizzjonali li dan jista' jinvolvi (6). Madankollu, pretensjoni mingħand xerrej indirett kontra kontraventur ġeneralment tkun tinvolvi l-kunsiderazzjoni ta' trasferiment, minħabba li dak huwa essenzjali għall-pretensjoni.

(5)

Bl-istess mod, il-mod kif qorti nazzjonali tkun tixtieq tittratta l-valutazzjoni u l-istima tat-trasferiment x'aktarx li jkun influwenzat min-natura u mid-daqs tal-pretensjoni, mill-merti tal-preżentazzjoni u mid-disponibbiltà tad-data. Meta tivvaluta l-proporzjonalità ta' ordni biex tiġi żvelata l-informazzjoni, dik il-qorti tista' tqis l-għażla tal-metodu ekonomiku u l-approċċ minn fost l-għażliet differenti spjegati fil-linji gwida. Dak li jista' jkun xieraq f'termini tal-ambitu tad-data meħtieġa u l-ispiża tal-analiżi tal-esperti għal pretensjoni ta' EUR 20 miljun jista' ma jkunx proporzjonat għal pretensjoni ta' EUR 200 000.

(6)

B'referenza għall-prinċipji ġuridiċi, għall-ġurisprudenza stabbilita u għad-dispożizzjonijiet fid-Direttiva dwar id-Danni, dawn il-linji gwida jistabbilixxu l-kuntest ġuridiku tat-trasferiment. Taqsima ġuridika qasira tiġbor fil-qosor ir-regoli proċedurali u l-istrumenti li skonthom il-qrati jistgħu jqisu t-trasferiment ta' spejjeż żejda f'azzjonijiet għad-danni. Il-kuntest ġuridiku jirrigwarda d-dritt tal-UE, id-dritt nazzjonali u l-prattika rispettiva. F'dan il-kuntest, l-imħallfin iridu jagħtu attenzjoni partikolari għall-prinċipji tal-effettività u l-ekwivalenza (7). L-ewwel nett, dan ifisser li huma jridu japplikaw ir-regoli nazzjonali b'tali mod li l-applikazzjoni ma tagħmilx prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċitar tad-dritt għal kumpens sħiħ għad-dannu kkawżat minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE (il-prinċipju ta' effettività) (8). It-tieni nett, l-imħallfin iridu jżommu f'moħħhom li r-regoli u l-proċeduri nazzjonali li jirrigwardjaw l-azzjonijiet għad-danni li jirriżultaw minn ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE ma jridux ikunu inqas favorevoli għall-partijiet li allegatament ġarrbu d-dannu minn dawk li jirregolaw azzjonijiet simili għad-danni li jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni nazzjonali (il-prinċipju ta' ekwivalenza).

(7)

It-taqsima ewlenija ta' dawn il-linji gwida tirrigwarda l-ekonomiji tat-trasferiment, jiġifieri t-teorija ekonomika u l-metodi ta' kwantifikazzjoni rilevanti għall-iskop li jiġi stmat it-trasferiment. Il-parti dwar it-teorija ekonomika tiffoka fuq il-kunċetti teoretiċi sottostanti għat-trasferiment u tistabbilixxi fatturi li jista' jkollhom impatt fuqu. Fil-parti dwar il-kwantifikazzjoni ekonomika, jiġu ppreżentati approċċi u metodi differenti għall-kwantifikazzjoni tal-effetti tat-trasferiment.

1.2.   X'inhu trasferiment tal-ispejjeż żejda?

(8)

It-trasferiment tal-ispejjeż żejda jista' jseħħ f'livelli differenti tal-katina tal-provvista. Dan huwa spjegat fil-Kaxxa 1 hawn taħt permezz ta' referenza għal eżempju ipotetiku. Għall-finijiet ta' illustrazzjoni, u bħala punt ta' tluq għal varjazzjonijiet biex jiġi spjegat aktar it-trasferiment, l-eżempju fil-Kaxxa 1 jistabbilixxi każ relattivament sempliċi ta' prezzijiet fissi għar-ram u t-trasferiment taż-żieda rispettiva fil-prezz fl-industrija tal-karozzi. Fil-prattika, it-trasferiment jista' jseħħ f'katini tal-provvista aktar kumplessi, il-prodott jew is-servizz kartellizzat jista' jikkostitwixxi kontribut saħansitra iżgħar u l-prodott aħħari jista' jiġi affettwat minn aktar minn prattika antikompetittiva waħda.

Kaxxa 1

Trasferiment ta' żieda fil-prezz għar-ram (eżempju ipotetiku)

Image 1

L-intrapriża A hija manifattur tar-ram u fformat kartell billi qablet mal-kompetituri tagħha li tiffissa l-prezzijiet tal-bejgħ għar-ram bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE. Il-ftehim ippermetta li A titlob lill-klijenti tagħha, inkluża l-intrapriża B, prezzijiet ogħla għar-ram.

Id-differenza fil-prezz bejn il-prezz effettivament imħallas u l-prezz li altrimenti kien jipprevali fin-nuqqas tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE tissejjaħ l-ispiża żejda (9).

L-intrapriża B hija fornitur tal-partijiet tal-karozzi u użat ir-ram li xtrat mingħand A sabiex tipproduċi faxex ta' wajers li hija biegħet lill-manifattur tal-karozzi C. Wara ż-żieda fil-prezz relatata mal-kartell għar-ram, B żiedet ukoll il-prezz tal-bejgħ tagħha għall-faxex ta' wajers li forniet lil C. Din l-imġiba tikkostitwixxi t-trasferiment tal-ispejjeż żejda, f'dan il-każ minn B għal C. Fuq il-bażi tad-definizzjonijiet fid-Direttiva dwar id-Danni, A tista' tissejjaħ il-kontraventur, B tissejjaħ ix-xerrej dirett u C tissejjaħ ix-xerrej indirett (10).

(9)

Għal darb'oħra, hemm eżempji aktar ikkumplikati ta' trasferiment. Xi wħud minnhom issir referenza għalihom fil-kaxex addizzjonali ta' hawn taħt. L-iskop ta' dawn il-kaxex huwa li jenfasizzaw ċerti aspetti tat-trasferiment u kif fil-passat il-qrati nazzjonali indirizzaw l-istima tas-sehem tal-ispiża żejda li ġiet trasferita fuq ix-xerrej indirett.

(10)

Meta x-xerrej dirett, kompletament jew parzjalment, jittrasferixxi l-ispiża żejda fuq ix-xerrej indirett, dan tal-aħħar mhux biss jiffaċċja effett fuq il-prezz iżda f'ħafna każijiet inaqqas ukoll id-domanda tiegħu, b'tali mod li x-xerrej dirett ibigħ inqas. Il-valur tal-bejgħ mitluf jista' jissejjaħ l-effett tal-volum tat-trasferiment. L-implikazzjonijiet legali u ekonomiċi tiegħu huma diskussi f'aktar dettall hawn taħt.

(11)

Spiża żejda tista' tiġi ttrasferita fuq katina tal-provvista sħiħa u tista' tikkonċerna prodotti jew servizzi. Pereżempju, wara l-eżempju fil-Kaxxa 1 ta' hawn fuq, il-manifattur tal-karozzi C jista' jkun żied b'mod simili l-prezzijiet li talab lill-klijent tiegħu, il-bejjiegħ bl-imnut indipendenti tal-karozzi D. Sussegwentement, D tista' tkun żiedet ukoll il-prezz tagħha għall-konsumatur aħħari għall-karozza li fiha jista' jinstab ir-ram kartellizzat. C, D u l-konsumaturi aħħarin huma kollha xerrejja indiretti fis-sens tad-definizzjoni tad-Direttiva dwar id-Danni (11).

2.   IL-KUNTEST ĠURIDIKU

2.1.   Trasferiment tal-ispejjeż żejda u d-dritt għal kumpens sħiħ

(12)

Kemm il-ġurisprudenza tal-QĠUE kif ukoll id-Direttiva dwar id-Danni huma importanti għall-valutazzjoni tat-trasferiment. L-ewwel nett, huwa importanti li wieħed jiftakar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-QĠUE, “kull persuna” għandha d-dritt titlob kumpens għad-dannu mġarrab meta teżisti rabta kawżali bejn dak id-dannu u ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE (12). B'mod partikolari, l-Artikoli 1(1) u 3(1) u (2) tad-Direttiva dwar id-Danni jagħmluha ċara li kull persuna li ġġarrab dannu kkawżat minn ksur tal-Artikolu 101 jew 102 trid tkun tista' effettivament teżerċita d-dritt li titlob kumpens sħiħ (13). It-tieni nett, ir-regoli tad-Direttiva dwar id-Danni dwar it-trasferiment tal-ispejjeż żejda huma msejsa fuq il-prinċipju ta' kumpens, li huwa l-bażi tad-Direttiva dwar id-Danni fl-intier tagħha u trid tinftiehem li titlob li persuna intitolata li titlob kumpens għad-danni mġarrba titpoġġa fil-pożizzjoni li fiha dik il-persuna kienet tkun li kieku ma seħħx il-ksur.

(13)

Fil-kuntest tat-trasferiment tal-ispejjeż żejda, l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva dwar id-Danni jispeċifika li “kwalunkwe persuna” tinkludi xerrejja diretti u indiretti. Dan ifisser, fl-eżempju fil-Kaxxa 1 ta' hawn fuq, il-produttur tal-faxex ta' wajers B, bħala x-xerrej dirett, u l-manifattur tal-karozzi C, bħala x-xerrej indirett, jistgħu jitolbu kumpens mingħand il-manifattur tar-ram A, bħala l-kontraventur. Xerrejja indiretti oħrajn aktar 'l isfel fil-katina tal-provvista huma intitolati wkoll li jiksbu danni mingħand il-kontraventur. Kif issemma hawn fuq fil-paragrafu 11, dan ikun il-bejjiegħ bl-imnut indipendenti tal-karozzi D u l-konsumaturi aħħarin fl-eżempju fil-Kaxxa 1 ta' hawn fuq.

(14)

Ta' min jinnota li l-elementi tal-prinċipju ta' kumpens, jiġifieri d-dritt li persuna titlob kumpens sħiħ għal dannu marbut b'mod kawżali ma' ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE, japplikaw ukoll għall-fornituri diretti u indiretti ta' kontraventur. Id-Direttiva dwar id-Danni tirreferi għas-sitwazzjoni ta' kartell ta' xerrej bħala eżempju fejn id-dannu jista' jirriżulta minn prezz aktar baxx imħallas minn kontraventuri lill-fornituri tagħhom (14).

(15)

Kumpens sħiħ ikopri kumpens għal telf attwali (damnum emergens) u għal telf ta' profitt (lucrum cessans), flimkien mal-ħlas tal-imgħax (15). Ġeneralment, it-telf attwali jirreferi għal tnaqqis fl-assi ta' persuna u t-telf ta' profitt jirreferi għal żieda f'dawk l-assi li kien ikun hemm kieku ma seħħx l-att dannuż (16). Fil-kuntest tat-trasferiment, id-distinzjoni għandha rwol partikolari fir-rigward tal-effetti ekonomiċi karatteristiċi u l-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom. Ir-regola ġenerali hija stabbilita hawn taħt.

L-effett tal-prezz jirrigwardja l-ispiża żejda bħala żieda fil-prezz li kellu jħallas xerrej dirett jew indirett għal prodott jew servizzi minħabba l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE (17). Dan jinkludi prezzar umbrella (18). L-effett tal-prezz jista' jiġi rifless fi pretensjoni għal kumpens ta' telf attwali mingħand ix-xerrej dirett jew indirett. Dan huwa parti mid-dannu li jissejjaħ dannu ta' spiża żejda fid-Direttiva dwar id-Danni (19). Madankollu, ix-xerrej dirett jew indirett jista' jkun kapaċi jittrasferixxi l-ispiża żejda aktar “l isfel fil-katina tal-provvista, parzjalment jew kompletament. Għaldaqstant, meta l-qrati nazzjonali jieħdu stima tat-trasferiment parzjali jew sħiħ f'azzjoni għad-danni, dawn iridu jidentifikaw id-dannu tal-ispiża żejda fi kwalunkwe livell tal-katina tal-provvista. Skont is-sistema ġuridika, il-qorti nazzjonali tista” tqis dan it-trasferiment bħala tnaqqis tat-telf attwali jew b'referenza għal regoli jew prinċipji oħrajn, bħall-compensatio lucri cum damno (20).

L-effett tal-volum jista' jiġi deskritt, b'mod aktar ġenerali, bħala d-dannu li huwa kkawżat mill-fatt li jinxtraw inqas prodotti jew servizzi b'riżultat tal-ispiża żejda (21). Madankollu, l-enfasi ta' dawn il-linji gwida hija fuq l-effett tal-volum mifhum bħala t-telf ta' profitt minħabba tnaqqis fil-bejgħ li jirriżulta mit-trasferiment. Kif imsemmi fid-Direttiva dwar id-Danni, dawn jistgħu jkunu rekuperabbli bħala telf ta' profitt (22).

(16)

Filwaqt li, fuq il-bażi tad-Direttiva dwar id-Danni, wieħed jista' jiddistingwi bejn telf attwali minħabba l-ispiża żejda, fuq naħa waħda, u telf ta' profitt minħabba tnaqqis fil-bejgħ, fuq in-naħa l-oħra, hemm rabta inerenti bejn l-effett tal-prezz sottostanti u l-effett tal-volum (23). Għaldaqstant, jekk it-trasferiment isir rilevanti, jenħtieġ li jitqiesu kemm l-effetti kif ukoll l-interazzjoni tagħhom. Il-metodi ekonomiċi sabiex isir dan huma stabbiliti aktar 'l isfel.

2.2.   Xenarji li fihom qrati nazzjonali jistgħu jiffaċċjaw kwistjonijiet ta' trasferiment

(17)

F'azzjonijiet għad-danni bbażati fuq ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE, il-qrati nazzjonali ġeneralment jittrattaw it-trasferiment tal-ispejjeż żejda f'żewġ xenarji.

(18)

L-ewwel nett, kontraventur jista' jinvoka t-trasferiment ta' spejjeż żejda fid-difiża tiegħu kontra l-pretensjonijiet għal danni, jiġifieri jsostni li x-xerrej dirett jew indirett ittrasferixxa l-ispiża żejda, kompletament jew parzjalment, fuq ix-xerrejja tiegħu stess (24). Din is-sitwazzjoni, li fiha t-trasferiment jista' jiġi deskritt bħala tarka, hija deskritta fil-Kaxxa 2 ta' hawn taħt b'referenza għal pretensjoni ta' xerrej dirett. Ta' min jinnota li d-difiża tat-trasferiment tista' tiġi invokata wkoll kontra pretensjonijiet ta' xerrejja indiretti aktar 'l isfel fil-katina tal-provvista.

(19)

It-tieni nett, ix-xerrejja indiretti jistgħu jibbażaw l-azzjonijiet għad-danni tagħhom fuq l-argument li x-xerrejja diretti tal-kontraventuri ttrasferew (partijiet minn) l-ispiża żejda fuqhom u li, għaldaqstant, huma ġarrbu dannu. F'xenarju bħal dan, it-trasferiment jista' jiġi deskritt bħala xabla. Dan ix-xenarju huwa spjegat ukoll fil-Kaxxa 2 ta' hawn taħt.

Kaxxa 2

Iż-żewġ xenarji tipiċi tat-trasferiment

Image 2

(20)

Mill-bidu nett, ta' min jinnota li l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva dwar id-Danni tistabbilixxi s-suppożizzjoni ġenerali li l-ksur ta' kartell jikkawża dannu. Barra minn hekk, l-Artikoli 13 u 14 tad-Direttiva dwar id-Danni jinkludu regoli speċifiċi dwar l-oneru tal-provi fil-kuntest tat-trasferiment.

(21)

Fl-ewwel xenarju, jiġifieri meta t-trasferiment tal-ispejjeż żejda jintuża bħala difiża kontra azzjoni bbażata fuq ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE, il-konvenut irid juri bil-provi li r-rikorrent ittrasferixxa l-ispiża żejda (25). Dan l-oneru tal-provi jirrigwardja l-eżistenza u l-firxa tat-trasferiment tal-ispiża żejda. Jekk id-difiża tat-trasferiment ikollha suċċess parzjali jew sħiħ, l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva dwar id-Danni jirrikjedi li, skont id-dritt proċedurali nazzjonali, meta wieħed iqis il-prinċipju ta' effettività u ekwivalenza, ir-rikorrent xorta jista' jitlob għal kumpens għat-telf ta' profitt (26). F'dan il-każ, l-oneru tal-provi ta' dan l-effett ta' volum relatat mat-trasferiment huwa fuq ir-rikorrent.

(22)

Id-Direttiva dwar id-Danni tinkludi wkoll regoli applikabbli għat-tieni xenarju, jiġifieri meta xerrej indirett isostni li ġarrab dannu minħabba t-trasferiment ta' spejjeż żejda. F'dan ix-xenarju, l-oneru tal-provi tal-eżistenza u l-ambitu ta' dan it-trasferiment ikun tax-xerrej indirett li jkun qed ifittex danni mingħand il-kontraventur.

(23)

Madankollu, id-Direttiva dwar id-Danni tindirizza speċifikament id-diffikultajiet li jiffaċċjaw ix-xerrejja indiretti meta jfittxu kumpens għad-dannu li jirriżulta mit-trasferiment ta' spiża żejda (27). L-ewwel nett, l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar id-Danni u l-Premessa 41 tad-Direttiva dwar id-Danni tirreferi għall-fatt li tista' tkun prattika kummerċjali li ż-żidiet fil-prezzijiet jiġu trasferiti “l isfel fil-katina tal-provvista. Jekk tkun ġiet identifikata din il-prattika kummerċjali, il-qrati nazzjonali jistgħu jiddependu fuq evidenza prima facie tat-trasferiment. L-Artikolu 14(2) tad-Direttiva dwar id-Danni, li jibni fuq din ir-referenza, tistipula suppożizzjoni konfutabbli li skontha rikorrent (jiġifieri x-xerrej indirett) jitqies li jkun ta prova li sar trasferiment mix-xerrej dirett fuq ix-xerrej indirett, dment li r-rikorrent ikun jista” juri li jkunu ġew issodisfati dawn il-kundizzjonijiet:

(a)

il-konvenut ikun wettaq ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE (28);

(b)

il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE jkun irriżulta fi spiża żejda għax-xerrej dirett tal-konvenut; u

(c)

ix-xerrej indirett ikun xtara l-oġġetti jew is-servizzi li kienu l-oġġett tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE, jew xtara oġġetti jew servizzi mnisslin minnhom jew inkorporati fihom.

(24)

Din is-suppożizzjoni ma tapplikax jekk il-kontraventur ikun jista' juri b'mod kredibbli għas-sodisfazzjon tal-qorti li l-ispiża żejda ma kenitx trasferita, jew mhux kompletament trasferita, lix-xerrej indirett (29).

(25)

Bħala riżultat ta' (i) il-prinċipju ta' kumpens, (ii) il-prattika tat-trasferiment tal-ispejjeż żejda u (iii) is-suppożizzjonijiet, imsemmija hawn fuq, huwa possibbli li jkun hemm pretensjonijiet paralleli mix-xerrejja f'livelli differenti fil-katina tal-provvista. F'sitwazzjonijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-qrati nazzjonali jfittxu li jevitaw kemm il-kumpens żejjed kif ukoll il-kumpens nieqes (30). Dan jista' jinkiseb, fost affarijiet oħra, billi titqies kif dovut, sa fejn possibbli, kull azzjoni għad-danni li tkun relatata mal-istess ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE, is-sentenzi li jirriżultaw minn dawn l-azzjonijiet għad-danni u informazzjoni rilevanti fid-dominju pubbliku li tirriżulta mill-infurzar pubbliku tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE fil-każ inkwistjoni (31). Huwa fl-interess tal-partijiet f'azzjoni għad-danni li jagħmlu l-qorti nazzjonali konxja ta' dawn l-azzjonijiet, sentenzi jew informazzjoni u jispjegaw għaliex huma rilevanti fil-każ inkwistjoni.

(26)

Barra minn hekk, fejn ikun hemm azzjonijiet relatati pendenti fil-qrati ta' Stati Membri differenti, il-qrati nazzjonali jistgħu japplikaw l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32) li għalih tagħmel referenza d-Direttiva dwar id-Danni (33). Dan l-Artikolu jistipula li l-qrati nazzjonali, minbarra dik invokata l-ewwel, jistgħu jissospendu l-proċedimenti jew, f'ċerti ċirkostanzi, jirrifjutaw il-ġuriżdizzjoni. Il-qorti ta' Stat Membru tista' tuża wkoll regoli nazzjonali dwar is-sospensjonijiet, jekk dawn ikunu disponibbli skont id-dritt nazzjonali.

(27)

Fl-interess tal-konsistenza bejn is-sentenzi li jirriżultaw minn proċedimenti relatati, jenħtieġ ukoll li l-qrati nazzjonali jqisu u jippermettu l-użu tal-mezzi proċedurali xierqa li jkunu għad-dispożizzjoni tagħhom skont id-dritt nazzjonali. Pereżempju d-Direttiva dwar id-Danni tirreferi għall-konsolidazzjoni tal-pretensjonijiet (34). Tirreferi wkoll għall-possibbiltà li persuna tista' takkwista l-pretensjoni ta' persuna oħra (35). L-għan ta' dan l-akkwist huwa li tressaq azzjoni konġunta li tista' tikkontribwixxi biex tiżgura l-konsistenza bejn l-azzjonijiet għad-danni li huma relatati mal-istess ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (36).

(28)

Skont l-ordinament ġuridiku nazzjonali, jistgħu jiġu applikati strumenti oħrajn, bħal mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv, notifiki lil terzi persuni jew interventi u regoli dwar sospensjonijiet. Pereżempju xerrej dirett jista' jintervjeni fl-azzjoni għad-danni ta' xerrej indirett kontra l-kontraventur. F'dak il-każ, kemm ix-xerrej dirett (il-parti intervjenenti) kif ukoll il-kontraventur (il-konvenut) jistgħu jargumentaw li l-ispiża żejda ma kinitx trasferita, jew mhux trasferita kompletament, fuq ix-xerrej indirett (ir-rikorrent).

(29)

Id-disponibbiltà ta' dawn il-mezzi proċedurali tista' ssir rilevanti wkoll meta qorti nazzjonali tiddeċiedi fuq il-proporzjonalità ta' talba għal divulgazzjoni. Pereżempju l-konsolidazzjoni ta' għadd ta' pretensjonijiet iżgħar tista' żżid il-valur totali tal-pretensjonijiet pendenti quddiem qorti sa tali punt li din il-qorti tqis li l-ammont tad-data mitlub għal analiżi esperta aktar għalja jkun proporzjonat.

2.3.   Is-setgħa tal-qorti li tagħmel stima tat-trasferiment

(30)

L-Artikolu 12(5) tad-Direttiva dwar id-Danni jirrikjedi speċifikament li l-Istati Membri jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkollhom is-setgħa li jagħmlu stima, skont il-proċeduri nazzjonali, tas-sehem minn kwalunkwe spiża żejda li tkun ġiet trasferita. Din is-setgħa trid tkopri l-effetti kollha tat-trasferiment, jiġifieri l-effett tal-prezz u tal-volum. Dan jirriżulta wkoll mill-Artikolu 17(1) tad-Direttiva dwar id-Danni li tapplika b'mod aktar ġenerali għall-kwantifikazzjoni tad-dannu.

(31)

Meta l-qrati nazzjonali jagħmlu użu minn din is-setgħa biex jagħmlu stima, dawn iridu jqisu r-regoli u l-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva dwar id-Danni u l-ġurisprudenza sottostanti tal-QĠUE. Dan ifisser li anki meta l-qrati jagħmlu stima li d-dannu li għandu rabta kawżali ma' ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE, dan irid isir abbażi tal-prinċipju ta' kumpens. Fi kliem ieħor, l-għoti rispettiv tad-danni xorta waħda jrid ikollu l-għan li jpoġġi l-vittma fil-pożizzjoni li fiha kienet tkun mingħajr il-ksur (ara l-paragrafu 12 ta' hawn fuq). Għal dan il-għan, il-qrati nazzjonali jridu jużaw ukoll l-istrumenti proċedurali tagħhom skont dan. B'mod partikolari, iridu japplikaw ir-regoli applikabbli dwar l-oneru u l-istandard tal-provi sabiex l-effettività sħiħa tal-Artikolu 101 TFUE ma titqigħedx f'riskju.

(32)

Pereżempju, il-QĠUE ddeċidiet f'Kone li l-vittmi tal-ipprezzar umbrella jistgħu jiksbu kumpens għat-telf ikkawżat minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE, fejn qalet li l-effettività sħiħa tal-Artikolu 101 TFUE titqiegħed f'riskju jekk id-dritt nazzjonali, b'mod kategoriku u irrispettivament miċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, teskludi d-dritt tagħhom li jitolbu kumpens għad-dannu mġarrab. Barra minn hekk, Kone tenfasizza li f'azzjonijiet għad-danni għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE jistgħu jitqajmu kwistjonijiet fattwali u legali ta' kawżalità. Dawn il-kwistjonijiet jitqajmu wkoll fil-kuntest tat-trasferiment (37).

(33)

Bl-istess mod, meta l-qrati nazzjonali jagħmlu stima, skont il-proċeduri nazzjonali, tal-ammont ta' dannu u tas-sehem ta' kwalunkwe spiża żejda li ġiet trasferita, kif previst fid-Direttiva dwar id-Danni, huma jridu josservaw il-prinċipji ta' ekwivalenza u effettività msemmija hawn fuq. Fir-rigward tas-setgħa ta' stima, dan ifisser li l-qrati nazzjonali ma jistgħux jirrifjutaw sottomissjonijiet dwar it-trasferiment sempliċiment minħabba li parti ma tkunx tista' tikkwantifika b'mod preċiż l-effetti tat-trasferiment.

(34)

Barra minn hekk, is-setgħa ta' stima, kif stipulat fl-Artikolu 12(5) tad-Direttiva dwar id-Danni u fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva dwar id-Danni, tirrikjedi li l-qrati nazzjonali, l-ewwel nett, jibbażaw il-valutazzjoni tagħhom fuq l-informazzjoni disponibbli b'mod raġonevoli u, it-tieni nett, jagħmlu ħilithom sabiex jiksbu approssimazzjoni tal-ammont jew tas-sehem tat-trasferiment li tkun plawżibbli. Dan jirriżulta mid-Direttiva dwar id-Danni, li tenfasizza l-eżistenza ta' assimetriji ta' informazzjoni u tirrikonoxxi li d-dannu ma tantx jista' jiġi kkwantifikat bi preċiżjoni perfetta (38). L-eżerċizzju tal-istima huwa soġġett għad-dritt nazzjonali. Għadd ta' Stati Membri diġà kellhom regoli fis-seħħ li jikkorrispondu għas-setgħa tal-istima, kif previst fid-Direttiva dwar id-Danni (39).

(35)

Fil-prattika, il-qrati nazzjonali ta' spiss se jkollhom jiddependu fuq suppożizzjonijiet, pereżempju fir-rigward ta' prezzijiet ipotetiċi, volumi ta' bejgħ jew profitt. Jista' jkollhom diskrezzjoni wiesgħa kemm fir-rigward taċ-ċifri kif ukoll tad-data statistika li trid tintgħażel u, fuq kollox, fir-rigward tal-mod li bih iridu jintużaw għall-kalkolu u l-valutazzjoni tad-danni (40). Barra minn hekk, is-suppożizzjonijiet huma tipikament importanti meta jinbena xenarju kontrafattwali għall-iskop ta' kwantifikazzjoni tat-trasferiment u effetti tal-volum, kif deskritt fit-Taqsima 4 ta' hawn taħt. Minħabba din l-importanza, jista' jkun rakkomandat li jintalab li fi kwalunkwe tip ta' sottomissjoni lill-qorti s-suppożizzjonijiet jiġu stipulati b'attenzjoni u s-sensittività tal-previżjonijiet għall-bidliet fis-suppożizzjonijiet tkun espliċita, kif jitlob id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni fl-“Aħjar Prattiki għas-sottomissjoni ta' evidenza ekonomika u ġbir ta' data f'każijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 u 102 TFUE u f'każijiet ta' fużjoni” tiegħu (“l-Aħjar Prattiki”) (41).

2.4.   Ir-rwol tal-evidenza

(36)

Il-valutazzjoni ġuridika tat-trasferiment ġeneralment tkun tirrikjedi analiżi fattwali u ekonomika kumplessa. Filwaqt li l-ġbir tal-evidenza meħtieġa ġeneralment jifforma element importanti f'kull azzjoni għad-danni li tirriżulta minn ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE, ir-rwol tal-evidenza dwar it-trasferiment ivarja skont iż-żewġ xenarji msemmija hawn fuq u skont il-punt sa fejn tapplika suppożizzjoni (42). Fi kwalunkwe każ, il-fatti li huma attwalment rilevanti u disponibbli jistgħu jiddeterminaw il-kumpilazzjoni ta' evidenza u, fl-aħħar mill-aħħar, il-valutazzjoni tat-trasferiment.

(37)

It-tip ta' evidenza meħtieġa biex jintwera u jiġi kkwantifikat it-trasferiment se jkun jiddependi fuq liema mill-metodi ekonomiċi, deskritti fit-Taqsimiet 5 u 6 ta' hawn taħt, jintużaw. L-evidenza tista' tiġi kategorizzata b'modi differenti iżda hija tipikament maqsuma f'evidenza kwalitattiva u kwantitattiva. Id-Direttiva dwar id-Danni nnifisha tagħmilha ċara li “evidenza” tfisser it-tipi kollha ta' mezzi ta' prova ammissibbli quddiem il-qorti nazzjonali (43). Dan jista' jinkludi dan li ġej:

evidenza kwalitattiva biex wieħed jifhem l-imġiba kummerċjali jew l-istrateġiji tal-ipprezzar ta' kumpanija, li tinkludi, pereżempju, (i) kuntratti, (ii) dokumenti interni, (iii) rapporti finanzjarji u kontabilistiċi, (iv) dikjarazzjonijiet ta' xhieda, (v) opinjonijiet ta' esperti, kif ukoll (vi) rapporti tal-industrija u studji tas-suq; jew

evidenza kwantitattiva li tirrigwarda, b'mod partikolari, data dwar l-użu ta' tekniki ekonometriċi (44), bħal (i) il-prezzijiet tal-bejgħ, il-prezzijiet bl-imnut u għall-konsumaturi finali tal-prodott jew tas-servizz inkwistjoni, u ta' prodotti jew servizzi komparabbli, (ii) rapporti finanzjarji, (iii) opinjonijiet ta' esperti, (iv) il-prezzijiet stabbiliti b'regolament, (v) il-bejgħ b'volum, (vi) ir-ribassi, kif ukoll (vii) spejjeż tal-input u elementi ta' spejjeż oħrajn.

Kif wieħed jista' jifhem mil-listi mhux eżawrjenti li jinsabu eżatt hawn fuq, ċerti tipi ta' evidenza jistgħu jikkwalifikaw bħala evidenza kemm kwalitattiva kif ukoll kwantitattiva, pereżempju rapporti finanzjarji u opinjonijiet ta' esperti.

(38)

Kif spjegat b'mod aktar ġenerali fil-Gwida Prattika, normalment l-ispeċifiċitajiet tal-każ inkwistjoni u l-evidenza pprovduta huma l-punt ta' tluq biex jiġi stabbilit jekk il-ksur għamilx ħsara lir-rikorrent, u, jekk dan ikun il-każ, biex jiġi determinat il-kwantum ta' dak id-dannu (45). L-evidenza rilevanti tista' tinkludi evidenza diretta li, għallinqas fil-kuntest tat-trasferiment, tista' tinftiehem li tkopri dokumenti prodotti mix-xerrej dirett jew indirett kif ukoll dikjarazzjonijiet ta' xhieda dwar jekk l-ispiża żejda ġietx trasferita. Id-disponibbiltà ta din l-evidenza jista' jkollha rwol importanti meta qorti tiddeċiedi jekk xi metodi minn dawk deskritti hawn taħt, u, f'dak il-każ, liema minnhom, jistgħux jintużaw minn parti biex jissodisfaw l-istandard rikjest tal-prova skont id-dritt applikabbli.

(39)

Barra minn hekk, fil-każ tal-valutazzjoni tat-trasferiment, il-qrati nazzjonali ta' spiss iħabbtu wiċċhom ma' opinjonijiet ta' esperti ekonomiċi. Skont il-mezzi disponibbli fid-dritt nazzjonali, dawn l-opinjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati minn esperti maħtura mill-partijiet, minn espert li qorti stess tkun ħatret għall-iskop ta' assistenza, jew minn esperti maħtura kemm mill-partijiet kif ukoll mill-qorti. Sa fejn possibbli, il-qorti nazzjonali tista' turi x-xewqa li tiggwida kwalunkwe wieħed minn dawn l-esperti, potenzjalment fi stadju bikri tal-proċedimenti meta l-partijiet jitolbu d-divulgazzjoni tal-evidenza, u ssaqsi mistoqsijiet aktar konkreti fir-rigward tal-metodu ta' kwantifikazzjoni li jrid jintuża u d-data meħtieġa. Din il-gwida u l-mistoqsijiet jistgħu jkunu rilevanti għall-finijiet tal-ġestjoni tal-każ iżda wkoll għall-valutazzjoni sostantiva. B'mod partikolari, kif imsemmi hawn fuq, meta l-qrati nazzjonali jagħtu stima tal-effetti tat-trasferiment, dawn jistgħu jqisu jekk opinjoni tal-esperti ekonomiċi tkunx konformi mal-aħjar prattiki, pereżempju jekk tistipulax b'attenzjoni s-suppożizzjonijiet rilevanti u s-sensittività tal-previżjonijiet għal bidliet f'dawn is-suppożizzjonijiet. Bl-istess mod u għal darb'oħra soġġetti għad-dritt nazzjonali, il-qrati nazzjonali jistgħu jsaqsu lill-esperti ekonomiċi biex jindirizzaw spjegazzjonijiet alternattivi għas-sejbiet tagħhom, jiżguraw ir-replikabbiltà u jħallu lill-partijiet jikkummentaw.

(40)

Id-Direttiva dwar id-Danni għandha l-għan li tiżgura l-eżerċitar effettiv tad-drittijiet u l-opportunitajiet ugwali għall-partijiet billi tistipula regoli li jitolbu d-divulgazzjoni tal-evidenza. Dawn ir-regoli japplikaw fiż-żewġ xenarji tat-trasferiment imsemmija fuq. Fir-rigward tax-xenarju fejn it-trasferiment jintuża bħala difiża, l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar id-Danni jsemmi speċifikament li l-konvenut jista' b'mod raġonevoli jitlob id-divulgazzjoni mill-pretendent jew minn terzi persuni. Fix-xenarju fejn xerrej indirett ifittex kumpens, l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar id-Danni jistipula li dan ix-xerrej indirett jista' b'mod raġonevoli jitlob id-divulgazzjoni mill-konvenut jew minn terzi persuni.

(41)

Dawn ir-regoli tad-Direttiva dwar id-Danni jillimitaw id-divulgazzjoni tal-evidenza fis-sens li l-parti li jkollha l-oneru tal-prova tal-eżistenza u tal-ambitu tat-trasferiment tkun tista' titlob id-divulgazzjoni b'mod raġonevoli biss. Skont ir-regoli ġenerali dwar id-divulgazzjoni stipulati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar id-Danni, il-qorti nazzjonali tista' titlob li l-parti rikjedenti tkun għamlet dikjarazzjoni plawżibbli li d-dannu tal-ispiża żejda kien ittrasferit mix-xerrej dirett għal fuq ix-xerrej indirett. Il-parti rikjedenti trid tuża wkoll il-fatti li diġà huma disponibbli b'mod raġonevoli għaliha. Fil-kuntest tat-trasferiment, dan jista' jinkludi l-informazzjoni miġbura matul in-negozju mal-parti l-oħra jew l-informazzjoni disponibbli b'mod raġonevoli minn terzi persuni, bħall-fornituri tal-intelliġenza tas-suq.

(42)

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva dwar id-Danni tistipula prinċipju ġenerali ta' proporzjonalità fis-sens li titlob lill-qrati nazzjonali “jillimitaw id-divulgazzjoni tal-evidenza għal dak li huwa proporzjonat”. Dan il-prinċipju huwa importanti għall-ġestjoni ta' każijiet f'azzjonijiet għad-danni li jirriżultaw minn ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE. Kif imsemmi hawn fuq, l-imħallfin japplikaw ir-regoli proċedurali nazzjonali u jridu jagħtu attenzjoni partikolari għall-prinċipji tal-effettività u tal-ekwivalenza. Madankollu, fl-ambitu ta' dawn ir-regoli legali, il-qrati nazzjonali jistgħu jqisu l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-ordni tad-divulgazzjoni mitluba. Pereżempju, dan ifisser li l-qrati nazzjonali jistgħu jaslu għall-konklużjoni li l-evidenza ppreżentata mill-partijiet diġà tippermettilhom jagħtu stima tas-sehem tal-ispiża żejda li ġiet trasferita minflok ma jiġbru aktar data.

(43)

L-evidenza tista' tintalab mill-parti l-oħra jew minn terzi persuni permezz tal-qorti nazzjonali u fil-kontroll strett tagħha. It-talba trid tikkonċerna punti jew kategoriji speċifiċi ta' evidenza (46). Dment li l-qorti nazzjonali tqis il-prinċipji ġenerali ta' proporzjonalità u l-protezzjoni tal-interessi leġittimi, hija tista' saħansitra tordna lill-parti li ġġarrab l-oneru li tipprova l-effetti tat-trasferiment li tiddivulga evidenza li tinkludi informazzjoni kunfidenzjali. Pereżempju, din l-informazzjoni tista' tinkludi dokumenti jew data dwar id-dħul, il-prezzijiet jew il-marġini. Madankollu, meta tordna d-divulgazzjoni ta' din l-evidenza, huwa kruċjali li l-qorti nazzjonali jkollha miżuri fis-seħħ sabiex tipproteġi l-informazzjoni kunfidenzjali (47). Pereżempju, id-Direttiva dwar id-Danni tirreferi għal ftit miżuri, bħall-possibbiltà li tħalli barra siltiet sensittivi fid-dokumenti, twettaq seduti ta' smigħ bil-magħluq, tillimita l-persuni li huma permessi jaraw l-evidenza, u tavża lill-esperti biex jipproduċu sommarji tal-informazzjoni f'forma aggregata jew f'forma oħra mhux kunfidenzjali (48). Skont id-dritt nazzjonali, il-qrati nazzjonali jistgħu wkoll iqisu l-miżuri msemmija fl-Aħjar Prattiki, bħall-proċedura tal-kamra tad-data (49), u fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva dwar is-Sigrieti Kummerċjali (50).

(44)

Id-divulgazzjoni tal-evidenza inkluża fil-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni tista' potenzjalment tkun rilevanti għall-kwantifikazzjoni tal-ispiża żejda, iżda ġeneralment tkun inqas rilevanti fil-kuntest ta' trasferiment (b'mod partikolari minħabba li t-trasferiment tal-ispejjeż żejda għandu x'jaqsam mal-imġiba tal-prezzijiet tax-xerrejja li dwarha l-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni ġeneralment ma jkun jinkludi l-ebda informazzjoni). Barra minn hekk, il-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni dwar ksur tista' tinkludi informazzjoni aktar ġenerali li tista' tkun rilevanti, bħal informazzjoni dwar liema prodotti jew servizzi kienu soġġetti għal imġiba antikompetittiva. Kif jistabbilixxi l-Artikolu 6(10) tad-Direttiva dwar id-Danni, id-divulgazzjoni tal-evidenza minn awtorità tal-kompetizzjoni hija biss miżura tal-aħħar rimedju.

(45)

Fl-aħħar nett, kif indikat fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar id-Danni, l-azzjonijiet għad-danni relatati mal-istess ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE u s-sentenzi relatati jistgħu jifformaw ukoll sors ta' informazzjoni rilevanti għall-kwantifikazzjoni tat-trasferiment.

3.   IT-TEORIJA EKONOMIKA TAT-TRASFERIMENT

3.1.   Ħarsa ġenerali

(46)

It-trasferiment tal-ispejjeż żejda u l-effetti assoċjati mal-prezz u mal-volum jinħolqu minħabba l-inċentivi ta' ditta sabiex tirrispondi għaż-żidiet fl-ispejjeż tagħha billi tgħolli l-prezzijiet (51). L-ispiża żejda inizjali tista' tinftiehem bħala żieda fl-ispejjeż tal-input għax-xerrej dirett. Sabiex tagħmel stima tal-effetti tat-trasferiment, il-qorti tipikament ikollha bżonn tqis kif din iż-żieda fl-ispiża taffettwa (1) il-prezzijiet stabbiliti mix-xerrej dirett fis-suq downstream u (2) il-valur tal-bejgħ mitluf fornut mix-xerrej dirett.

(47)

Il-qrati nazzjonali jagħmlu stima tat-trasferiment fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi tal-każ speċifiku. Madankollu, fehim ġenerali tat-teorija ekonomika tat-trasferiment u l-effetti assoċjati jistgħu jkunu importanti għall-qorti għal diversi raġunijiet. L-ewwel nett, il-previżjonijiet mit-teorija ekonomika jistgħu jservu bħala wieħed minn diversi fatturi rilevanti biex jiġi vvalutat jekk ġiex issodisfat l-istandard meħtieġ ta' prova f'każ speċifiku. Pereżempju, it-teorija ekonomika tipprovdi lill-qorti b'qafas li minnu tista' tiġi evalwata l-evidenza kwantitattiva u kwalitattiva (52). It-tieni nett, b'mod partikolari fi stadju bikri tal-litigazzjoni, it-teorija ekonomika tista' tgħin lill-imħallfin meta jiġu biex jieħdu deċiżjonijiet fir-rigward tad-divulgazzjoni tad-data jew tal-informazzjoni billi jivvalutaw ir-rilevanza tagħha. Fl-aħħar nett, kunsiderazzjonijiet teoretiċi jew kunċettwali jistgħu wkoll jifformaw bażi għad-dixxerniment tal-kredibbiltà u l-affidabbiltà ta' spjegazzjonijiet ekonomiċi differenti sottostanti għar-rabta bejn l-ispejjeż żejda u t-trasferiment li jagħmlu l-partijiet.

(48)

Id-Direttiva dwar id-Danni ma tagħmilx distinzjoni bejn dannu li jirriżulta minn 1) żieda fil-prezzijiet (effetti fuq il-prezzijiet) u t-trasferiment ta' spejjeż żejda inkluż l-effett tal-volum u 2) effetti oħra li jistgħu jirriżultaw, bħal tnaqqis fil-kwalità tal-prodotti jew tfixkil fl-innovazzjoni (effetti mhux marbuta mal-prezzijiet). Dawn il-linji gwida jiffukaw fuq it-trasferiment taż-żidiet fil-prezzijiet u l-effetti tal-volum relatati (53).

(49)

Skont it-teorija ekonomika, l-eżistenza u d-daqs tal-effetti tat-trasferiment, jiġifieri l-effetti assoċjati tal-prezz u tal-volum, jiġu ddeterminati minn firxa ta' fatturi (54). Dawn il-fatturi jaffettwaw l-eżitu ta' xenarju ta' trasferiment b'mod simultanju, u l-interdipendenza tagħhom jenħtieġ li tiġi kkunsidrata.

(50)

Barra minn hekk, l-importanza relattiva ta' kull fattur tista' tvarja bejn każ u ieħor. Għaldaqstant, jista' jkun rilevanti li l-imħallef jifhem liema fatturi x'aktarx jaffettwaw il-grad ta' trasferiment f'każ partikolari. Skont il-liġi nazzjonali, biex jagħmel dan l-imħallef jista' jirreferi għal spjegazzjonijiet tal-esperti ekonomiċi tal-partijiet jew tal-espert ekonomiku li jaħtar hu nnifsu. Barra minn hekk, fil-prattika, kumpanija mhux dejjem tista' tieħu deċiżjonijiet dwar l-ipprezzar li jkunu totalment konsistenti mal-previżjonijiet fuq il-bażi tat-teorija ekonomika. Għaldaqstant huwa importanti li l-perspettivi mit-teorija ekonomika jiġu vvalutati wkoll fid-dawl tal-evidenza fattwali disponibbli f'dan il-każ. Tali evidenza tista' tkun kemm kwalitattiva kif ukoll kwantitattiva, bħal dokumenti interni li jiddeskrivu l-grad ta' trasferiment u l-metodi kwantitattivi spjegati fit-Taqsima 4 ta' hawn taħt.

(51)

Kif stipulat f'aktar dettall fl-Anness 1, skont it-teorija ekonomika, l-aktar fatturi importanti li jaffettwaw l-eżistenza u d-daqs tal-effetti tat-trasferiment jinkludu:

(i)

in-natura tal-ispejjeż tal-input (55) soġġetti għal spejjeż żejda (kemm jekk dawn l-ispejjeż ikunu fissi jew inkella varjabbli, kemm jekk il-ksur iwassal għal żidiet f'dawn l-ispejjeż għal klijent wieħed biss jew għall-maġġoranza l-kbira tal-klijenti kollha f'suq partikolari)

(ii)

in-natura tad-domanda għall-prodott li jiffaċċjaw il-klijenti diretti jew indiretti (b'mod partikolari, ir-rabta bejn id-domanda u l-livell tal-prezz);

(iii)

is-saħħa u l-intensità tal-kompetizzjoni fis-swieq fejn huma attivi l-klijenti diretti jew indiretti; u

(iv)

elementi oħrajn bħall-ispejjeż tal-aġġustament tal-prezz, il-proporzjon tal-ispejjeż ta' ditta affettwati mill-ispiża żejda, is-saħħa tax-xerrej, l-integrazzjoni vertikali tal-klijenti diretti u indiretti, ir-regolamentazzjoni dwar il-prezzijiet jew iż-żmien li fih ikunu ttieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-ipprezzar fid-diversi livelli tal-katina tal-provvista.

(52)

L-ewwel nett, in-natura tal-ispejjeż tal-input soġġetta għall-effetti ta' spiża żejda u jekk u sa fejn din l-ispiża żejda jkollha impatt fuq l-ispejjeż tax-xerrej dirett li ma jvarjawx skont il-kwantità tal-input (jiġifieri spejjeż fissi), ikun inqas probabbli li din ma tiġix ittrasferita minħabba li, ġeneralment, tali spejjeż ma jaffettwawx l-iffissar tal-prezzijiet tax-xerrej dirett, għall-inqas mhux fuq medda qasira ta' żmien. Madankollu, fuq medda twila ta' żmien, l-ispejjeż fissi wkoll jistgħu jaffettwaw l-analiżi ta' deċiżjoni strateġika ta' ditta, il-kapaċità tal-produzzjoni tagħha li, min-naħa tagħha, jista' jkollha impatt fuq il-mekkaniżmu ta' formazzjoni tal-prezzijiet sussegwenti (fuq medda qasira ta' żmien). F'tali xenarju, l-ispejjeż fissi jistgħu jiġu ttrasferiti wkoll. Min-naħa l-oħra, meta l-ispiża żejda tħalli impatt fuq l-ispejjeż tax-xerrej dirett li jvarjaw skont il-kwantità tal-input (jiġifieri l-ispejjeż varjabbli), ġeneralment ikun aktar probabbli li din tiġi ttrasferita, għall-inqas sa ċertu punt. Dan għaliex l-ispejjeż marġinali (sottokategorija tal-ispejjeż varjabbli li jistgħu jiġu definiti bħala ż-żieda fl-ispejjeż imġarrba fix-xiri ta' input addizzjonali wieħed) (56) tipikament jaffettwaw id-deċiżjonijiet dwar l-issettjar tal-prezzijiet tax-xerrej dirett (57).

(53)

It-tieni nett, id-domanda għall-prodott li tiġi ffaċċjata mill-konsumatur dirett taffettwa l-livell tat-trasferiment. Mekkaniżmu ta' formazzjoni tal-prezz standard jibni fuq il-fatt li d-domanda li tiffaċċja ditta (jiġifieri l-kwantità li tbigħ) tonqos meta hija tgħolli l-prezz tagħha. Il-punt sa fejn xerrej dirett jgħolli l-prezz tiegħu meta jiffaċċja spiża żejda jiddependi fuq jekk id-domanda tirreaġixxix b'mod qawwi jew le għal bidla fil-prezz bħal din. Pereżempju, jekk ix-xerrej dirett ikun monopolista u d-domanda li jiffaċċja tkun ugwalment sensittiva għal bidla fil-prezzijiet fil-livelli tal-prezzijiet kollha u x-xerrek dirett ikun qed iħabbat wiċċu ma' spejjeż marġinali kostanti, it-teorija ekonomika tissuġġerixxi li nofs l-ispiża żejda tiġi ttrasferita. Jekk id-domanda li tiġi ffaċċjata mill-monopolista tibda tonqos “aktar u aktar” (jiġifieri b'rata dejjem tonqos) meta jiżdied il-prezz, ikun inqas probabbli li l-ispiża żejda tiġi ttrasferita meta dan jitqabbel ma' sitwazzjoni fejn id-domanda ffaċċjata minn monopolista tibda tonqos “inqas u inqas” (jiġifieri b'rata dejjem tonqos) hekk kif il-prezz jiżdied, b'kull ħaġa oħra tkun indaqs (58).

(54)

It-tielet nett, in-natura u l-intensità tal-interazzjoni kompetittiva bejn id-ditti fis-suq fejn ikunu attivi x-xerrejja wkoll jaffettwaw il-livell tat-trasferiment. Huwa importanti li jiġi kkunsidrat li l-effett ta' kompetizzjoni akbar fuq il-grad ta' trasferiment jiddependi fuq jekk l-ispiża żejda inizjali taffettwax biss lill-klijent dirett (jiġifieri spiża żejda speċifika għad-ditta) jew inkella jekk taffettwax ukoll lill-kompetituri tal-klijent dirett (jiġifieri spiża żejda għall-industrija kollha). Jekk l-ispiża żejda taffettwa lil xerrej dirett wieħed biss, li jikkompeti bis-saħħa ma' xerrejja diretti oħrajn, it-trasferiment ikun inqas probabbli meta mqabbel ma' sitwazzjoni fejn l-uniku xerrej dirett affettwat jiffaċċja kompetizzjoni dgħajfa. Madankollu, jekk ikun hemm spiża żejda għall-industrija kollha, għadd kbir ta' xerrejja diretti kompetituri ġeneralment jiffavorixxu trasferiment ogħla ta' dik l-ispiża żejda meta mqabbla ma' sitwazzjoni fejn ikun hemm kompetizzjoni aktar dgħajfa fost ix-xerrejja diretti (59).

(55)

Għadd ta' sentenzi mill-qrati nazzjonali f'azzjonijiet għad-danni enfasizzaw l-importanza li jitqies kif id-domanda tirreaġixxi għal bidliet fil-prezzijiet, l-intensità tal-kompetizzjoni u jekk il-kompetituri tax-xerrej dirett jiġux affettwati jew le mill-ispiża żejda (60).

(56)

Ir-raba' nett, kif imsemmi fil-paragrafu 51 u fl-Anness 1, elementi oħrajn jistgħu, f'ċerti ċirkostanzi, ikollhom rwol kruċjali fil-mekkaniżmu tal-iffissar tal-prezzijiet tax-xerrej dirett u, b'hekk, għat-trasferiment tal-ispiża żejda mix-xerrej dirett. Pereżempju, element wieħed li jista' jkun importanti sabiex jiġi kkwantifikat it-trasferiment huwa jekk l-input affettwat mill-ispiża żejda jirrappreżentax sehem kbir jew żgħir mill-ispejjeż varjabbli tax-xerrej dirett. Xerrej dirett jista' jiffaċċja spejjeż meta jbiddel il-prezzijiet tiegħu, l-hekk imsejħa “spejjeż ta' aġġustament tal-prezz”. Jekk l-ispiża żejda tirrapreżenta biss sehem żgħir mill-ispejjeż varjabbli, ix-xerrej dirett jista' jsib li jkun jaqbillu jgħaddi tali spiża żejda dovuta fuq l-ispejjeż tal-aġġustament tal-prezz. Barra minn hekk, aspetti oħrajn li jistgħu jaffettwaw il-grad tat-trasferiment huma, pereżempju, l-grad tas-saħħa tax-xerrej jew meta jittieħdu d-deċiżjonijiet tal-ipprezzar fid-diversi livelli tal-katina tal-provvista. Uħud mill-fatturi msemmija fil-paragrafu 51 ġew ikkunsidrati wkoll mill-qrati nazzjonali f'kawżi li jinvolvu trasferiment (61).

(57)

L-eżistenza u l-firxa tat-trasferiment huma marbuta mat-telf tal-bejgħ li ġeneralment jakkumpanja kwalunkwe żieda fil-prezzijiet. Kif inhu deskritt hawn fuq, dan it-telf ta' bejgħ jista' jiġi kkaratterizzat bħala l-effett tal-volum, li xerrej jista' jitlob għat-telf ta' qligħ. L-effett tal-volum jirriżulta minħabba li x-xerrej ġeneralment jiffaċċja kurva tad-domanda li tinżel 'l isfel. Jekk l-ispiża żejda inizjali tiġi ttrasferita “l isfel fil-katina tal-provvista, jinħoloq effett tal-volum fil-livelli kollha tal-katina vertikali. B'hekk, meta l-pretensjoni tinkludi danni għall-effetti tal-volum, jista” jkun li l-qrati jkollhom ukoll jagħmlu stima ta' dawn l-effetti.

(58)

Kif imsemmi hawn fuq, kwalunkwe vittma ta' ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE għandha d-dritt titlob kumpens sħiħ għad-dannu mġarrab marbut b'mod kawżali mal-ksur. Meta jiġi invokat it-trasferiment, jaf ikun importanti li ssir valutazzjoni tal-effett tal-volum biex jiġi kkwantifikat id-dannu tal-ispiża żejda f'azzjoni għad-danni. Madankollu, f'każ bħal dan wieħed jenħtieġ li jinnota li, jekk l-effett tal-volum ma jiġix ikkunsidrat, l-stima tad-dannu totali permezz ta' sempliċi tnaqqis tal-effett tal-prezz relatat mat-trasferiment mill-effett tal-ispiża żejda twassal għal sottovalutazzjoni tad-dannu mġarrab mill-klijent dirett jew indirett.

(59)

Il-volum mitluf li jirriżulta minn spiża żejda jiġi influwenzat mis-sensittività tad-domanda li jiffaċċja x-xerrej u mill-mod kif il-kompetituri tax-xerrej jirreaġixxu għall-ispiża żejda. Pereżempju, jekk ix-xerrej jiffaċċja domanda inelastika, jiġifieri l-klijenti ma tantx ikunu sensittivi għaż-żidiet fil-prezz, iż-żieda fil-prezz twassal għal tnaqqis relattivament żgħir fil-volum mibjugħ. B'kull ħaġa oħra tkun ugwali, dan iwassal għal effett tal-volum iżgħar milli fil-każ ta' domanda aktar elastika. Fl-istess ħin, jekk il-kompetituri tax-xerrej iżidu wkoll il-prezzijiet tagħhom wara l-ispiża żejda, dan jista' jnaqqas ukoll l-impatt taż-żieda tal-prezz tax-xerrej fuq il-bejgħ tiegħu (62).

3.2.   Eżempji

(60)

L-eżempji ipotetiċi ta' hawn taħt għandhom l-intenzjoni li juru r-rilevanza tal-perspettivi mit-teorija ekonomika spjegata f'din it-taqsima u fl-Anness 1.

(61)

L-Eżempju 1 jiddeskrivi l-ispejjeż żejda speċifiċi għad-ditti f'suq b'kompetizzjoni qawwija.

Eżempju 1

Sitwazzjoni: Hemm 10 produtturi tal-meraq tat-tuffieħ fl-istess suq rilevanti. Wieħed mill-produtturi jixtri t-tuffieħ mingħand fornitur involut f'kartell li jiffissa l-prezzijiet. Dan il-produttur tal-meraq tat-tuffieħ jitlob danni bħala kumpens għal spiża żejda. Madankollu, il-konvenut (il-fornitur tat-tuffieħ) jinvoka d-difiża tat-trasferiment u jsostni li l-produttur tal-meraq tat-tuffieħ ittrasferixxa l-ispiża żejda kollha lix-xerrejja indiretti.

Analiżi: Il-produttur tal-meraq tat-tuffieħ li jiffaċċja l-ispiża żejda huwa f'kompetizzjoni qawwija ma' disa' kumpaniji oħrajn għall-produzzjoni u l-provvista tal-meraq tat-tuffieħ. Il-prodotti kollha mibjugħa mill-10 kumpaniji huma pjuttost omoġenji għall-konsumaturi. Sakemm il-produtturi l-oħrajn ma jiksbux it-tuffieħ mingħand il-membri tal-kartell, iżda jkunu jistgħu jixtruhom bi prezz aktar baxx minn xi mkien ieħor, il-produttur li jkollu jixtri mingħand il-kartell jitqiegħed fi żvantaġġ kompetittiv fil-konfront tal-kompetituri tiegħu. B'hekk, il-kapaċità tal-produttur tal-meraq tat-tuffieħ li jittrasferixxi ż-żieda fl-ispiża tkun limitata minħabba li huwa jispiċċa jirreġistra telf fil-bejgħ (u fil-profitt) meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu jekk ikun ittrasferixxa l-ispiża żejda, anki jekk parzjalment biss. Aktar ma l-kompetizzjoni bejn l-10 produtturi tal-meraq tat-tuffieħ tkun qawwija, aktar tikber il-limitazzjoni fuq il-kapaċità li ż-żieda fl-ispiża tiġi ttrasferita. B'hekk, f'dan ix-xenarju, il-klijent dirett normalment ma jkunx jista' jittrasferixxi ż-żieda fl-ispiża (l-ispiża żejda).

(62)

L-Eżempju 2 jistabbilixxi sitwazzjoni ta' spejjeż żejda għall-industrija kollha u l-intensità tal-kompetizzjoni.

Eżempju 2

Sitwazzjoni: L-10 produtturi kollha tal-meraq tat-tuffieħ fl-Eżempju 1 jixtru t-tuffieħ mingħand fornituri involuti f'kartell li jiffissa l-prezzijiet. Il-membri tal-kartell isostnu li kwalunkwe spiża żejda tiġi ttrasferita lix-xerrejja indiretti.

Analiżi: Il-produtturi tal-meraq tat-tuffieħ huma esposti bl-istess mod għall-ispiża żejda u s-suq huwa kkaratterizzat bħala kompetittiv. Minħabba li l-produtturi kollha jiffaċċjaw l-ispiża żejda, ditta waħda mhux se jkollha żvantaġġ kompetittiv meta mqabbla mad-ditti l-oħrajn. Għalhekk, x'aktarx li kull produttur tal-meraq tat-tuffieħ fil-biċċa l-kbira jittrasferixxi l-ispejjeż żejda, b'kuntrast mal-każ spjegat fid-dettall fl-Eżempju 1 (fejn l-ispiża żejda tkun speċifika għad-ditta). Bħala eżempju, f'suq perfettament kompetittiv, il-prezz huwa ugwali għall-ispejjeż marġinali u, għalhekk, żieda fl-ispiża ta' input twassal direttament għal żieda ugwali fil-prezz.

(63)

L-eżempju 3 jiddeskrivi l-kwistjoni tar-rata ta' trasferiment tal-monopolisti li jkunu qed jiffaċċjaw domanda differenti.

Eżempju 3

Sitwazzjoni: Il-produttur tal-meraq tat-tuffieħ A huwa monopolista fis-suq tal-produzzjoni tal-meraq tat-tuffieħ fl-Istat Membru 1, filwaqt li l-produttur tal-meraq tat-tuffieħ B huwa monopolista fl-istess suq tal-prodott fl-Istat Membru 2. L-ispiża tal-produzzjoni ta' lott wieħed addizzjonali ta' meraq tat-tuffieħ hija kostanti u simili għal A u B.

Iż-żewġ produtturi tal-meraq tat-tuffieħ jixtru t-tuffieħ mingħand C, fornitur involut f'kartell li jiffissa l-prezzijiet. B'konsegwenza ta' dan, kemm A kif ukoll B ffaċċjaw spiża żejda ta' EUR 6 għal kull Kaxxa tuffieħ għaliex ikunu xtraw it-tuffieħ mingħand C.

A u B ffaċċjaw domandi differenti mill-ktajjen tal-ħwienet tal-merċa li jbigħu bl-imnut f'kull Stat Membru. Fl-Istat Membru 1, id-domanda kienet ugwalment sensittiva għal bidla fil-prezzijiet fil-livelli kollha tal-prezzijiet (id-domanda kienet lineari, ara l-Kaxxa 15). Fl-Istat Membru 2, dan ma kienx il-każ. Hemmhekk, id-domanda naqset “inqas u inqas” (b'rata dejjem tonqos) meta l-prezz żdied (id-domanda kienet konvessa, ara wkoll l-Kaxxa 15).

A u B jitolbu kumpens mingħand C (il-membru tal-kartell) għad-dannu li jkun irriżulta mill-ispiża żejda. C jinvoka d-difiża tat-trasferiment, fejn isostni li A u B ttrasferixxew nofs l-ispiża żejda.

Analiżi: Il-monopolisti fl-Istat Membru 1 u fl-Istat Membru 2 ffaċċjaw domanda differenti mill-ktajjen ta' ħwienet tal-merċa bl-imnut f'kull Stat Membru. L-ispejjeż tagħhom waqt il-produzzjoni ta' lott wieħed addizzjonali ta' meraq tat-tuffieħ kienu kostanti. L-ispiża żejda ta' EUR 6 għal kull Kaxxa tuffieħ titqies bħala żieda fl-ispiża marġinali għal kull wieħed minnhom. Wara din iż-żieda fl-ispiża, l-ambitu għall-aġġustament tal-prezzijiet 'il fuq ikun iddependa fuq kemm l-output kull wieħed kellu jissagrifika sabiex jittrasferixxi ċertu ammont tal-bidla fl-ispiża, jiġifieri jżid il-prezzijiet.

Dan għaliex jekk il-volum mitluf meta jiżdiedu l-prezzijiet ikun relattivament baxx, iż-żieda fil-prezz tkun aktar attraenti meta mqabbla mas-sitwazzjoni fejn it-telf tal-volum ikun għoli. It-telf tal-volum meta jiżdiedu l-prezzijiet huwa relatat mal-kurvatura tad-domanda li jiffaċċja l-monopolista, jiġifieri jekk id-domanda tkunx lineari, konvessa jew konkava. Dan huwa wkoll spjegat aktar fil-Kaxxa 15 hawn taħt.

Rigward il-monopolista A fl-Istat Membru 1, fuq il-bażi tat-teorija ekonomika jista' jkun possibbli li wieħed jargumenta li l-monopolista jkun għadda nofs l-ispiża żejda, jiġifieri EUR 3. Madankollu, billi l-monopolista B jkun iffaċċja domanda konvessa, id-domanda li jifdal tkun saret inqas sensittiva hekk kif il-prezz żdied. Imqabbel ma' A, li jiffaċċja domanda lineari, B ikun tilef inqas volum meta jkun żied il-prezzijiet bi EUR 3. Dan jimplika li B kellu inċentiv biex jittrasferixxi aktar minn EUR 3.

(64)

L-eżempju 4 jiddeskrivi l-kwistjoni tal-ispejjeż ta' aġġustament tal-prezzijiet u l-ispejjeż varjabbli kontra l-ispejjeż fissi fi żmien qasir u fit-tul.

Eżempju 4

Sitwazzjoni: Id-ditti A u B huma l-uniċi żewġ ditti li jikru tower cranes fi Stat Membru 1. Bejn l-2005 u l-2015 id-ditti A u B ikunu pparteċipaw f'kartell u ftiehmu li jżidu l-prezz tal-kiri tat-tower cranes bi 80 fil-mija. Id-ditta C hija ditta tal-kostruzzjoni fi bliet fl-Istat Membru 1. Il-kumpanija tiddiżinja, tibni u tbigħ appartamenti residenzjali fi skyscrapers lil konsumaturi finali. Il-prezzijiet tal-appartamenti huma rreklamati f'firxa ta' midja u postijiet differenti, inkluż fuq l-internet, fil-gazzetti u fuq posters fit-toroq. L-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fl-Istat Membru 1 sabet li l-ftehim dwar il-prezzijiet fis-settur tal-kostruzzjoni huwa ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, u d-deċiżjoni tagħhom li jimponu multi fuq il-membri tal-kartell ma ġietx appellata minn ditta A jew B.

Id-ditta C hija klijent dirett tal-kartell. Hija titlob id-danni mill-membri tal-kartell A u B. Madankollu, id-ditti A u B żiedu d-difiża tat-trasferiment, u sostnew li kumpanija C għaddiet l-ispiża żejda kollha lix-xerrejja indiretti, jiġifieri l-klijenti finali li jixtru l-appartamenti fi skyscrapers.

Analiżi: Il-kiri ta' tower cranes hija waħda minn ħafna spejjeż tal-input li d-ditta C tiffaċċja meta tiddiżinja u tibni skyscrapers. Eżempji ta' spejjeż tal-input oħrajn huma l-materja prima bħall-azzar u l-konkrit, l-ispejjeż tax-xogħol u l-ispejjeż finanzjarji. Għalhekk, huwa probabbli li l-kiri tat-tower cranes jikkostitwixxi biss parti żgħira mill-ispejjeż totali. Billi l-prezzijiet tal-appartamenti huma rreklamati ħafna, id-ditta C tista' ġġarrab spejjeż sinifikanti ta' aġġustament tal-prezzijiet. Madankollu, billi l-kartell kellu durata ta' 10 snin, l-ispejjeż tal-aġġustament tal-prezz jistgħu jkunu negliġibbli meta mqabbla mal-ispiża żejda wara ċertu perjodu, u eventwalment jagħtu inċentiv lid-ditta C biex tqis l-ispiża żejda meta tiffissa l-prezzijiet tal-appartamenti. Għaldaqstant, jista' jagħti l-każ li, minħabba l-ispejjeż tal-aġġustament tal-prezzijiet, id-ditta C jista' jkollha inċentiv li tittrasferixxi l-ispiża żejda fuq perjodu qasir. Madankollu, l-inċentiv tat-trasferiment tal-ispiża żejda jista' jinbidel matul il-perjodu tal-ksur. Għaldaqstant, sabiex it-trasferiment kurrenti jiġi vvalutat matul il-perjodu rilevanti, il-qorti jenħtieġ li tistma l-effett tat-trasferiment fuq il-bażi tal-evidenza li tkun disponibbli, pereżempju billi tuża wieħed mill-metodi stabbiliti f'din it-Taqsima 4.

4.   IL-KWANTIFIKAZZJONI TAL-EFFETTI TAT-TRASFERIMENT U TAL-VOLUM — ASPETTI ĠENERALI

(65)

Il-kumpens għad-dannu mġarrab għandu l-għan li jqiegħed lill-parti li tkun ġarrbet dannu fil-pożizzjoni li kienet tkun fiha kieku ma seħħx il-ksur. Sabiex ikun jista' jivvaluta din il-pożizzjoni, jeħtieġ li wieħed iqabbel is-sitwazzjoni osservata, jiġifieri s-sitwazzjoni fejn ikun seħħ il-ksur, ma' sitwazzjoni ipotetika, jiġifieri s-sitwazzjoni fejn ma jkunx seħħ il-ksur. Din is-sitwazzjoni ipotetika tissejjaħ “ix-xenarju kontrofattwali”.

(66)

L-iskop tal-bini ta' xenarju kontrofattwali huwa li l-effett tal-ksur jiġi iżolat minn fatturi oħrajn li jaffettwaw il-prezzijiet ta' prodott jew servizz, li kienu jinfluwenzaw dan il-prezzijiet anki kieku l-ksur ma kienx seħħ (63). Pereżempju, żieda fid-domanda ġeneralment twassal għal żieda fil-prezz anki jekk ma jkunx hemm kartell. Ix-xerrejja diretti jew indiretti ma għandhomx jiġu kkumpensati għal dan l-effett. B'hekk, fil-ħolqien ta' xenarju kontrofattwali, huwa meħtieġ kontroll għal fatturi li mhumiex relatati mal-ksur (64).

(67)

Billi x-xenarju kontrofattwali huwa ipotetiku, ma jistax jiġi osservat direttament. Kif deskritt hawn taħt, ġew żviluppati metodi u tekniki differenti fl-ekonomija u l-prattika ġuridika sabiex jiġi stabbilit ix-xenarju kontrofattwali. Dawn ivarjaw f'termini tas-suppożizzjonijiet sottostanti u l-varjetà tad-data meħtieġa.

(68)

Filwaqt li dawn il-metodi jippruvaw jipprevedu l-evoluzzjoni tas-suq li kieku ma kienx seħħ il-ksur, l-evidenza disponibbli lill-partijiet u lill-qrati (pereż. dokumenti interni li jiddeskrivu kif ix-xerrej dirett ikun ittrasferixxa l-ispiża żejda inizjali f'sitwazzjoni speċifika) tista' tipprovdi wkoll, f'konformità mar-regoli legali nazzjonali applikabbli, informazzjoni importanti għall-valutazzjoni tad-danni f'każ speċifiku (65).

(69)

Fil-kunsiderazzjoni tat-trasferiment f'azzjoni għal danni fir-rigward ta' ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, il-qrati nazzjonali jistgħu jqisu tliet komponenti li jirrelataw mad-dannu li fir-rigward tiegħu x-xerrej dirett jew indirett jista' jfittex kumpens, jiġifieri l-ispiża żejda, l-effett tal-prezz relatat mat-trasferiment u l-effett tal-volum relatat mat-trasferiment (66). L-esperti tal-qrati nazzjonali u l-esperti ekonomiċi jistgħu jagħżlu li jistmaw dawn it-tliet komponenti b'mod sekwenzjali, jiġifieri skont il-proċedura bi tliet fażijiet li hija spjegata aktar 'l isfel.

(70)

Fl-ewwel fażi, l-ispiża żejda tista' tiġi kwantifikata jew stmata. Dan jista' jinvolvi għadd ta' metodi differenti. Madankollu, l-aktar metodi użati mill-partijiet u mill-qrati biex jistmaw l-ispiża żejda inizjali huma l-hekk imsejħa metodi bbażati fuq komparatur. Il-metodi differenti biex tiġi stmata l-ispiża żejda huma kkunsidrati fid-dettall fil-Gwida Prattika.

(71)

It-tieni fażi tinvolvi l-istima tad-daqs tal-effett li t-trasferiment iħalli fuq il-prezz. Id-daqs ta' dan l-effett jista' jiġi stmat direttament permezz ta' metodi bbażati fuq komparatur, jiġifieri metodi simili għal dawk tal-kwantifikazzjoni tal-ispiża żejda. Jekk jiġu ssodisfati ċerti suppożizzjonijiet, id-daqs ta' dan l-effett jista' wkoll jiġi stmat indirettament billi tinkiseb stima tar-rata li biha suppost kellha tiġi ttrasferita ż-żieda fl-ispiża tal-input effettwata u billi din l-istima tiġi kkombinata mal-informazzjoni dwar l-ispiża żejda u l-bejgħ. It-Taqsimiet minn 5.1 sa 5.2 jipprovdu ħarsa ġenerali lejn l-approċċi differenti għall-kwantifikazzjoni ta' dawn l-effetti.

(72)

Fit-tielet fażi jiġi stmat l-effett tal-volum relatat mat-trasferiment. B'mod simili għall-istima tal-effett tal-prezz relatat mat-trasferiment, l-effett tal-volum jista' jiġi stmat direttament jew indirettament. L-approċċi differenti għall-kwantifikazzjoni ta' dawn l-effetti huma meqjusa fit-Taqsimiet 6.2 u 6.3.

(73)

Jistgħu jintużaw ukoll approċċi oħrajn, bħall-approċċ ta' simulazzjoni, li jgħoddu simultanjament għat-trasferiment tal-effetti relatati tal-prezz u tal-volum, sabiex jikkwantifikaw id-dannu f'azzjonijiet għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali għall-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE. L-approċċ ta' simulazzjoni huwa spjegat fil-qosor fit-Taqsima 5.2.

4.1.   Id-data u l-informazzjoni meħtieġa meta jiġu kkwantifikati l-effetti tat-trasferiment

(74)

Kif inhu spjegat fit-Taqsima 2.2, id-Direttiva dwar id-Danni tinkludi r-regoli li jirregolaw l-iżvelar ta' evidenza. Id-data u l-informazzjoni f'idejn il-partijiet jew terzi persuni huma fatturi importanti sabiex titwettaq analiżi ekonomika tajba tal-effetti tat-trasferiment. B'hekk, l-ewwel pass utli meta jiġi kkwantifikat l-effett tal-prezz relatat mat-trasferiment jista' jkun li tiġi identifikata l-ħtieġa u d-disponibbiltà tad-data biex jiġi żviluppat ix-xenarju kontrofattwali.

(75)

Meta jiġi deċiż liema tip ta' data u informazzjoni huwa rilevanti f'każ speċifiku, jista' jkun utli jekk l-imħallef iqis il-perspettivi ġenerali mit-teorija ekonomika spjegata fit-Taqsima 3. Dawn il-perspettivi jistgħu jkunu rilevanti wkoll jekk l-imħallef ikollu bżonn jivvaluta l-fehmiet kunfliġġenti ta' esperti ekonomiċi (67). Barra minn hekk, it-tip ta' data meħtieġa għall-istima tat-trasferiment ġeneralment tkun teħtieġ għarfien tajjeb tal-industrija inkwistjoni u l-karatteristiċi tas-suq prevalenti f'dan il-każ. Għalhekk, jista' jkun utli li fil-bidu jiġu kkunsidrati dokumenti li jindikaw il-plawżibbiltà ta' trasferiment fl-ewwel lok, bħal deċiżjonijiet eżistenti tal-qorti, proċedimenti ċivili paralleli fl-istess livell jew f'livell differenti tal-katina tal-provvista fl-istess suq, studji tas-suq jew deċiżjonijiet minn awtoritajiet tal-kompetizzjoni li jiddeskrivu d-dinamika tas-suq rilevanti (68).

(76)

Il-qorti jista' jkollha tqis l-evidenza ta' natura kemm kwalitattiva kif ukoll kwantitattiva (69). L-evidenza kwalitattiva, bħal dokumenti interni dwar l-ipprezzar, l-istrateġija, il-kuntratti u r-rapportar finanzjarju, tista' tiġi analizzata fil-kuntest tat-teorija ekonomika. Huma jistgħu wkoll jagħtu informazzjoni dwar jekk hemmx evidenza ta' rabta bejn il-prezzijiet downstream u l-ispiża żejda upstream li jirriżulta mill-ksur.

(77)

Madankollu, sabiex jinbena xenarju kontrafattwali u l-kontroll għal fatturi differenti li jaffettwaw it-trasferiment, l-evidenza kwantitattiva tista' wkoll tkun utli f'ħafna każijiet. Tali evidenza tista' tinkludi data dwar il-prezzijiet, l-ispejjeż jew il-marġnijiet attwali, kif ukoll indikaturi esterni li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tad-ditti dwar l-ipprezzar, pereż. miżuri aggregati ta' attività ekonomika (bħat-tkabbir tal-PDG, l-inflazzjoni u r-rati tal-impjiegi). F'xi każijiet, il-varjabbli reġjonali tal-attività ekonomika jistgħu jkunu utli sabiex iservu ta' kontroll għat-tendenzi reġjonali differenti li ma jkunux relatati mal-ksur.

(78)

Il-qorti tista' tikkunsidra wkoll aktar fatturi speċifiċi għad-ditta jew l-industrija li jinfluwenzaw il-formazzjoni tal-prezz. Pereżempju, fl-eżempju l-Kaxxa 1 hawn fuq, jekk il-plastik kien ukoll input essenzjali għall-produzzjoni tal-faxx ta' wajers matul il-perjodu ta' ksur meta l-manifattur tar-ram A kien qabel mal-kompetituri tiegħu li jiffissa l-prezzijiet tar-ram bħala l-input essenzjali l-ieħor għall-fornitur tal-faxx ta' wajers B, x'aktarx li B kien jittrasferixxi wkoll lill-klijent tiegħu żieda fil-prezzijiet għall-plastik li ma kinitx tkun soġġetta għal ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE. F'dan il-każ, stima tat-trasferiment li tonqos milli tqis l-effetti relatati maż-żieda fil-prezzijiet għall-plastik tista' materjalment tivvaluta żżejjed it-trasferiment tal-ispiża żejda billi tattribwixxi b'mod żbaljat iż-żieda sħiħa fil-prezzijiet għall-ksur. Raġunament simili japplika għat-tnaqqis potenzjali fi spejjeż tal-input oħrajn li, jekk ma jiġux ikkunsidrati u ttrasferiti 'l isfel tul il-katina tal-provvista, inaqqsu b'mod artifiċjali t-trasferiment stmat tal-ispiża żejda tal-kartell.

(79)

Fl-eżempji li jsegwu, l-applikazzjoni tal-metodi tiffoka fuq il-prezz. Skont id-disponibbiltà tad-data u ċ-ċirkostanzi ta' każ partikolari, il-qorti tista' tqis ukoll l-istess metodi sabiex tistma varjabbli ekonomiċi oħrajn, bħall-marġini ta' profitt jew il-livell tal-ispejjeż ta' intrapriża. Id-data użata sabiex is-suq affettwat jitqabbel max-xenarju kontrofattwali tista' tkun relatata mas-suq kollu (pereż. il-medja tal-prezz tal-faxx ta' wajers għall-klijenti kollha fi swieq ġeografiċi jew swieq ta' prodotti oħrajn) jew ma' ċerti klijenti jew gruppi ta' klijenti.

4.2.   L-użu ta' esperti ekonomiċi

(80)

F'ħafna każijiet fejn jiġi vvalutat it-trasferiment tal-ispejjeż żejda, l-esperti ekonomiċi jistgħu jkunu involuti f'azzjonijiet għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali. Ir-regoli dwar l-evidenza esperta jvarjaw b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri (70). Fi kwalunkwe każ, il-qrati nazzjonali jistgħu jsibuha utli li jkollhom gwida dwar prinċipji ġenerali u għodod rilevanti għall-involviment ta' esperti ekonomiċi.

(81)

Sa minn kmieni fil-proċedimenti, jekk ikun permess mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-qorti tista' tiffaċilita diskussjoni bejn l-esperti li jirrappreżentaw lill-partijiet involuti. Dawn id-diskussjonijiet jistgħu jimmiraw sabiex inaqqsu l-oqsma ta' qbil u nuqqas ta' qbil dwar kwistjonijiet rilevanti għall-każ, inklużi kwistjonijiet relatati mar-rekwiżiti tad-divulgazzjoni. Eżempju ta' approċċ bħal dan huwa pprovdut fil-Kaxxa 3 aktar 'l isfel.

Kaxxa 3

Eżempju ta' każ li jinvolvi evidenza pprovduta minn esperti ekonomiċi (71)

F'kawża mressqa quddiem qorti tar-Renju Unit, l-esperti ekonomiċi jirrappreżentaw kull parti (il-kontraventur u r-rikorrent) kienu pproponew il-metodu distint tagħhom biex jistmaw it-trasferiment. L-imħallef esprima t-tħassib tiegħu dwar il-kumplessità potenzjali tal-evidenza tal-espert u talab lill-esperti tal-partijiet biex jilħqu ftehim dwar l-approċċ propost fir-rigward tal-evidenza ekonomika dwar it-trasferiment qabel ma ġiet ordnata kwalunkwe divulgazzjoni. Jekk l-esperti ma jirnexxilhomx jilħqu qbil fuq l-approċċ, l-imħallef jisma' s-sottomissjonijiet dwar l-approċċi rispettivi, inkluża spjegazzjoni ta' dak li ppropona kull espert, l-informazzjoni meħtieġa u l-ispiża tal-eżerċizzju, u mbagħad jiddeċiedi liema metodu għandu jiġi applikat.

(82)

F'xi ġurisdizzjonijiet, il-qrati nazzjonali jistgħu jaħtru esperti ekonomiċi li jassistu lill-imħallef fl-istima tat-trasferiment u, tradizzjonalment, huma adottaw dan l-approċċ għall-istima tal-ispiża żejda inizjali. Il-qorti tista' tuża approċċ simili meta tagħmel stima tat-trasferiment, pereż. billi tuża l-hekk imsejħa metodi bbażati fuq komparatur. Għaldaqstant l-esperjenza mill-użu ta' esperti maħtura mill-qorti fl-istimar tal-ispiża żejda tista' wkoll tkun rilevanti għall-istimar tat-trasferiment, Eżempju ta' approċċ fejn il-qorti ħatret espert ekonomiku jinsab aktar fil-Kaxxa 4 'l isfel.

Kaxxa 4

Eżempju ta' każ li fih il-qorti taħtar espert ekonomiku (72)

F'kawża quddiem qorti Ġermaniża, inħatar espert ekonomiku mill-qorti. Il-kompitu tal-espert kien li jipproponi metodoloġija u sussegwentement jikkwantifika l-ispiża żejda. Bħala l-ewwel pass, l-espert ippropona metodu empiriku għall-istima tal-ispejjeż żejda. L-approċċ issuġġerit mill-espert ġie diskuss f'format bil-miktub u f'seduti orali qabel ma l-qorti ddeċidiet dwar liema approċċ għandu jittieħed.

Fil-fażi li jmiss, ġie applikat il-metodu magħżul u ġew ikkalkolati l-ispejjeż żejda. Id-data sottostanti użata għall-kalkoli ġiet sottomessa lill-qorti u lill-partijiet.

It-tielet fażi kienet verifika tar-robustezza li skontha l-partijiet ingħataw l-opportunità li jipprovdu fehmithom u jsaqsu mistoqsijiet. Dawn il-kummenti ttieħdu f'kunsiderazzjoni f'valutazzjoni finali ppreżentata lill-qorti. Il-valutazzjoni finali kkunsidrat ukoll il-plawżibbiltà tar-riżultati stmati, ir-robustezza tal-effetti stmati u l-kwalità tad-data sottostanti.

(83)

F'każ fejn l-esperti ekonomiċi li jirrappreżentaw lill-partijiet ikollhom fehmiet konfliġġenti dwar liema approċċ għandhom jadottaw sabiex jagħmlu l-istima tat-trasferiment, il-qorti nazzjonali tista' tfittex ukoll pariri mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni dwar liema metodu għandu jintuża (73). Barra minn hekk, sabiex tivvaluta l-grad tat-trasferiment, qorti nazzjonali tista', fil-prinċipju, tistrieħ ukoll fuq l-informazzjoni inkluża f'deċiżjoni maħruġa minn awtorità tal-kompetizzjoni, pereżempju, fir-rigward tal-ispiża żejda inizjali (74).

5.   IL-KWANTIFIKAZZJONI U STIMA TAL-EFFETTI TAL-PREZZ RELATAT MAT-TRASFERIMENT

(84)

Meta jagħmlu stima tal-effett tal-prezz relatat mat-trasferiment, il-qrati nazzjonali jistgħu jistrieħu fuq tipi differenti ta' approċċi ekonomiċi għall-kwantifikazzjoni, b'mod partikolari l-approċċi bbażati fuq il-komparatur, iżda wkoll fuq l-approċċ tar-rata tat-trasferiment (75) jew l-approċċ ta' simulazzjoni. Dawn l-approċċi, kif deskritti f'dan il-kapitolu, jibnu fuq data kwantitattiva biex jiġi stmat l-effett tat-trasferiment. F'ħafna każijiet, il-qorti tista' ssibha utli li tivvaluta wkoll l-evidenza kwalitattiva, bħal dokumenti interni jew evidenza orali mix-xhieda, meta jiġi stmat l-effett tat-trasferiment. Id-disponibbiltà ta' evidenza kwalitattiva jista' jkollha rwol importanti meta qorti tiddeċiedi jekk kwalunkwe, u jekk inhu hekk liema, mit-tekniki jistgħux jintużaw minn parti biex tilħaq l-istandard meħtieġ ta' prova taħt il-liġi applikabbli (76).

5.1.   Metodi bbażati fuq komparatur

(85)

L-effett tal-prezz relatat mat-trasferiment f'diversi stadji fil-katina tal-provvista jista' jinħadem billi tiġi stmata direttament iż-żieda fil-prezzijiet jew il-bidla fil-marġni li rriżultat mill-impatt tal-ispiża żejda inizjali. Meta jiġi vvalutat jekk spiża żejda tiġix trasferita mingħand ix-xerrej dirett, dan il-metodu jqabbel il-prezz stabbilit mix-xerrej dirett matul il-perjodu tal-ksur mal-prezz stabbilit fis-suq/swieq tal-komparatur.

(86)

Meta jiġi stmat l-effett tal-prezz relatat mat-trasferiment, il-qorti tista' tagħmel stima tad-differenzi bejn il-prezzijiet jew il-marġnijiet osservati u dawk kontrafattwali (77) li jużaw l-istess metodi bbażati fuq komparatur kif użati biex jikkalkolaw l-ispiża żejda inizjali. Filwaqt li l-kunċett sottostanti ta' dawn il-metodi huwa deskritt fid-dettall fil-Gwida Prattika, aktar gwida dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-metodi fil-kuntest tat-trasferiment hija pprovduta fit-taqsimiet hawn taħt.

(87)

Il-metodi bbażati fuq komparaturi għandhom il-vantaġġ li jużaw data mill-ħajja reali osservata fl-istess suq jew f'suq simili (78). Huma jistrieħu fuq il-fatt li x-xenarju komparatur jista' jitqies bħala rappreżentattiv tax-xenarju ta' nuqqas ta' ksur. Dawn il-metodi ġew rikonoxxuti u użati wkoll mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fl-Ewropa sabiex iwettqu analiżi ta' natura simili bħall-istima tat-trasferiment, pereż. fit-twettiq ta' evalwazzjoni ex post tal-politika tal-kompetizzjoni (79).

(88)

Meta wieħed juża metodu bbażat fuq komparatur, idealment wieħed iqabbel il-prezz jew il-marġni matul il-perjodu tal-ksur mal-istess suq mingħajr il-ksur. Madankollu, naturalment mhuwiex possibbli li tkun taf eżattament kif kien jevolvi suq kieku ma kienx hemm ksur. Pereżempju, jista' jkun il-każ li fatturi importanti li jaffettwaw il-prezzijiet stabbiliti mix-xerrej dirett, bħal bidliet fid-domanda jew il-prezzijiet ta' inputs oħra, ma jkollhomx impatt simili fuq il-prezzijiet matul il-perjodu tal-ksur u fix-xenarju kontrofattwali.

(89)

Dawn il-fatturi huma kruċjali biex wieħed iżomm f'moħħu meta jiġi kkunsidrat jekk suq komparatur partikolari huwiex adattat bħala x-xenarju kontrofattwali. Kif inhu spjegat f'aktar dettall fit-Taqsima 5.1.1, hemm diversi tekniki disponibbli li jqisu d-differenzi bejn is-suq affettwat mill-ksur u s-swieq komparaturi. Jekk il-livell ta' similarità bejn is-suq fejn seħħ il-ksur u s-swieq komparaturi jitqisx li huwa suffiċjenti sabiex ir-riżultati ta' tali tqabbil jintużaw għall-istimar tat-trasferiment jiddependi fuq is-sistemi ġuridiċi nazzjonali (80).

5.1.1.   Approċċi

(90)

Meta l-effett tat-trasferiment jiġi stmat fuq il-bażi ta' komparatur, il-prezz stabbilit mix-xerrej dirett jew indirett matul il-perjodu tal-ksur jitqabbel max-xenarju ta' nuqqas ta' ksur, jew max-xenarju kontrofattwali. Ix-xenarju kontrofattwali jista' jiġi stabbilit fuq il-bażi ta' (81):

id-data dwar il-prezz jew il-marġini li tikkonċerna dan is-suq qabel u / jew wara l-ksur, li normalment hija magħrufa bħala l-approċċ qabel-matul-wara;

id-data dwar l-istess suq (tal-prodotti) iżda f'żona ġeografika differenti, jew suq tal-prodotti ieħor li huwa meqjus li jevolvi bħas-suq fejn jopera x-xerrej dirett jew indirett, normalment magħrufa bħala l-approċċ trasversali; jew

taħlita ta' paraguni fuq perjodu ta' żmien u paraguni bejn suq u ieħor, normalment magħrufa bħala l-approċċ tad-differenza fid-differenzi

5.1.1.1.   L-approċċ qabel-matul-wara

(91)

Approċċ li jintuża ta' spiss għall-istimar tal-ispejjeż żejda inizjali huwa l-paragun bejn il-prezzijiet fuq perjodu ta' żmien fl-istess suq, jiġifieri l-paragun qabel-matul-wara (spjegat fil-Kaxxa 5 aktar “l isfel) (82). Meta l-istimar tat-trasferiment isir permezz dan l-approċċ, is-suq komparatur ikun l-istess suq tal-prodotti bl-eżatt fejn ix-xerrej dirett jew indirett kien attiv meta jkun seħħ il-ksur, iżda jiġi analizzat fi stadji ta' żmien differenti. Għaldaqstant, is-suppożizzjoni sottostanti hija li s-suq tal-prodotti inkwistjoni fil-perjodu mingħajr ksur jipprovdi approssimizzazzjoni tajba tax-xenarju kontrofattwali, jiġifieri s-sitwazzjoni li tipprevali fis-suq tal-prodotti li kieku ma kien seħħ ebda ksur waqt il-perjodu tal-ksur. Din is-suppożizzjoni tista” tkun żbaljata għaliex, f'sens prattiku, ma hemm l-ebda suq komparatur irrispettivament mill-ġeografija jew mill-prodott għal element addizzjonali ta' iżolament fir-rigward tal-effett li jirriżulta mill-ksur.

Kaxxa 5

Eżempju illustrat ta' approċċ qabel-matul-wara (83)

Prezz tal-faxex ta'wajers

Image 3

(92)

Fl-eżempju illustrat tal-Kaxxa 5 hawn fuq, huwa preżunt li l-iffissar illegali tal-prezzijiet fl-industrija tar-ram dam ħames snin mill-2005 sal-2010. F'dan il-perjodu (84) l-ispiża żejda inizjali ġiet ttrasferita lill-manifattur tal-karozzi C. Meta jiġi applikat dan il-metodu, il-prezz imħallas mill-manifattur tal-karozzi matul il-perjodu tal-ksur jitqabbel mal-prezz imħallas mill-manifattur tal-karozzi f'perjodu mhux affettwat mill-ksur u mit-trasferiment, pereż. fl-2003 u fl-2004. Eżempju ta' każ fejn rikorrent applika dan l-approċċ huwa mogħti fil-Kaxxa 8 aktar 'l isfel.

5.1.1.2.   L-approċċ trasversali

(93)

F'ċerti każi, jista' jkun diffiċli li jiġu osservati l-iżviluppi fil-prezzijiet matul iż-żmien fis-swieq komparaturi jew fis-swieq fejn iseħħ il-ksur. F'każ bħal dan, jista' jintuża metodu ieħor ibbażat fuq komparatur, jiġifieri metodu li jqabbel swieq ġeografiċi differenti. Is-suppożizzjoni sottostanti ta' dan l-approċċ hija li s-suq ġeografiku l-ieħor huwa simili għas-suq fejn iseħħ il-ksur fl-aspetti kollha ħlief fil-każ tal-ksur. Għal darb'oħra, din is-suppożizzjoni jaf tmur wisq oltre.

(94)

Pereżempju, kif muri fil-Kaxxa 6 hawn taħt, qorti nazzjonali tista' tikkunsidra t-tqabbil tal-prezzijiet imħallsa mill-manifattur tal-karozzi C1 matul il-perjodu tal-ksur fl-Istat Membru 1 (p1) mal-prezz medju mħallas minn manifatturi tal-karozzi simili fl-Istat Membru 2, jiġifieri f'suq ġeografiku separat li mhuwiex affettwat mill-ksur (p2). Dan il-metodu jissejjaħ tqabbil bejn is-swieq (85).

Kaxxa 6

Eżempju illustrat ta' approċċ trasversali

Image 4

Jekk p1 jinstab li huwa ogħla minn p2, dan jindika effett fuq il-prezz relatat mat-trasferiment mill-fornitur tal-faxex ta' wajers B1 lill-Manifattur tal-Karozzi C1 fl-Istat Membru 1. L-istess tip ta' tqabbil jista' jitwettaq fir-rigward ta' kwalunkwe varjabbli ekonomiku ieħor, pereżempju l-marġnijiet jew il-volumi mibjugħa.

5.1.1.3.   L-approċċ tad-differenza fid-differenzi

(95)

Minn perspettiva ekonomika, l-aktar metodu preċiż mill-metodi bbażati fuq komparatur huwa dak li jikkombina l-approċċ qabel-matul-wara u l-approċċ trasversali. Dan il-metodu huwa l-approċċ tad-differenza fid-differenzi (86). Huwa jiffoka fuq l-iżvilupp tal-varjabbli ekonomiku rilevanti fis-suq affettwat mit-trasferiment matul perjodu partikolari (differenza matul iż-żmien fis-suq tat-trasferiment) u jqabblu mal-iżvilupp tal-istess varjabbli matul l-istess perjodu ta' żmien f'suq komparatur mhux affettwat (pereżempju f'suq ġeografiku ieħor).

(96)

Il-Kaxxa 7 tagħti dimostrazzjoni tal-approċċ tad-differenza fid-differenzi

Kaxxa 7

Dimostrazzjoni tal-approċċ tad-differenza fid-differenzi

Image 5

(97)

Nassumu, f'każ li fuqu huma bbażati l-Kaxxa 5 u l-Kaxxa 6, li l-manifattur tal-karozzi C1 fl-Istat Membru 1 (ix-xerrej indirett) jitlob kumpens għad-danni mingħand il-manifattur A1 (il-kontraventur). Kif ġie spjegat fil-paragrafu 8, kwalunkwe ħsara li C1 ġarrab ġejja mit-trasferiment tal-ispiża żejda mingħand il-fornitur ta' faxex ta' wajers B1. L-użu tal-approċċ tad-differenza fid-differenzi jinvolvi valutazzjoni tal-iżvilupp tal-prezz imħallas mill-manifattur tal-karozzi C1 fl-Istat Membru 1 (is-suq b'effett tal-prezz relatat mat-trasferiment) matul perjodu partikolari u t-tqabbil tiegħu mal-iżvilupp tal-prezz imħallas mill-manifattur tal-karozzi C2 fl-Istat Membru 2 (mhux affettwat mill-ksur u b'hekk mingħajr ebda effett tal-prezz relatat mat-trasferiment) fl-istess perjodu ta' żmien. It-tqabbil juri d-differenza bejn dawn iż-żewġ differenzi matul iż-żmien. Dan jipprovdi stima tal-bidla fil-prezz imħallas mill-manifattur tal-karozzi, bl-esklużjoni ta' dawk il-fatturi kollha li affettwaw is-swieq kemm fl-Istat Membru 1 kif ukoll fl-Istat Membru 2 bl-istess mod. B'hekk, il-metodu jiżola l-effett tal-prezz relatat mat-trasferiment minn influwenzi oħrajn fuq il-prezz tal-faxex ta' wajers li huma komuni għaż-żewġ swieq.

(98)

Varjazzjoni oħra tal-każ, li l-Kaxxa 6 u l-Kaxxa 7 huma bbażata fuqha, tista' tagħti dimostrazzjoni tal-metodu. Nassumu li tqabbil qabel-matul-wara juri żieda fil-prezz għal kull unità tal-faxex ta' wajers ta' EUR 100 fl-Istat Membru 1 (fejn seħħew il-ksur u t-trasferiment) bejn l-2005 u l-2010. Analiżi tas-suq mhux affettwat fl-Istat Membru 2 matul l-istess perjodu tista' turi li l-prezz unitarju tal-faxex ta' wajers żdied b'EUR 10 biss, minħabba żieda fl-ispiża ta' input ieħor, pereżempju l-plastik. Jekk wieħed jassumi li l-ispiża ogħla tal-input (tal-plastik) kienet tikkonċerna wkoll l-Istat Membru 1, u sakemm il-kundizzjonijiet l-oħra kollha huma l-istess, tqabbil tal-iżvilupp differenti tal-prezzijiet fuq il-faxex ta' wajers fl-Istati Membri 1 u 2 jindika ż-żieda fil-prezz ikkawżata mill-effett tat-trasferiment. Fl-eżempju, din tkun EUR 90.

(99)

Għalhekk, vantaġġ sinifikanti tal-metodu tad-differenza fid-differenzi huwa li jista' jiffiltra l-bidliet mhux relatati mal-effett tal-prezz relatat mat-trasferiment li seħħew matul l-istess perjodu tat-trasferiment. Madankollu, huwa jistrieħ fuq is-suppożizzjoni li fatturi oħrajn, jiġifieri l-prezz tal-plastik skont l-eżempju ta' hawn fuq, jaffettwaw is-swieq bl-istess mod. Jekk dan ma jkunx il-każ, tista' tkun meħtieġa implimentazzjoni ekonometrika tat-teknika tad-differenza fid-differenzi. L-implimentazzjonijiet ta' tekniki bħal dawn huma deskritti f'aktar dettall fit-Taqsima 5.1.2. hawn taħt.

5.1.2.   Implimentazzjoni fil-prattika ta' approċċi bbażati fuq komparatur

(100)

Hemm diversi tekniki disponibbli għall-istima tal-effetti tal-prezz relatati mat-trasferiment fuq il-bażi tal-approċċ ibbażat fuq komparatur. Ċerti fatturi, bħal żieda fl-ispejjeż tal-materja prima fl-eżempju ta' hawn fuq, jistgħu jinfluwenzaw is-suq komparatur biss jew is-suq affettwat mit-trasferiment biss. Kif ġie spjegat hawn fuq, jenħtieġ li jsiru aġġustamenti fid-data osservata sabiex jitqiesu dawn l-influwenzi. Dawn jistgħu jkunu aġġustamenti sempliċi fid-data f'każijiet fejn il-fattur li jinfluwenza u d-daqs tal-effetti tiegħu jistgħu jiġu ġġustifikati b'mod relattivament faċli.

(101)

F'ċerti każijiet, meta d-disponibbiltà u l-kwalità tad-data jippermettu, jistgħu jsiru aġġustamenti tad-data tal-komparatur fuq il-bażi ta' tekniki ekonometriċi, b'mod partikolari permezz tal-użu ta' analiżi ta' rigressjoni. Analiżi ta' rigressjoni hija teknika statistika li tgħin sabiex jiġu analizzati xejriet fir-relazzjoni bejn varjabbli ekonomiċi.

(102)

F'analiżi ta' rigressjoni, jiġu eżaminati għadd ta' osservazzjonijiet tad-data għall-varjabbli li qed tiġi kkunsidrata u l-varjabbli li x'aktarx ikollhom influwenza. Ir-relazzjoni identifikata ġeneralment tiġi espressa fil-forma ta' ekwazzjoni. Din l-ekwazzjoni tagħmilha possibbli li jiġu stmati l-effetti tal-varjabbli li għandhom influwenza fuq il-varjabbli li qed tiġi kkunsidrata u li dawn jiġu iżolati mill-effetti tal-ksur. Fuq il-bażi ta' analiżi ta' rigressjoni, huwa possibbli li ssir stima ta' kemm il-varjabbli rilevanti huma korrelatati mill-qrib ma' xulxin, li f'xi każijiet jista' jissuġġerixxi influwenza kawżali ta' varjabbli waħda fuq l-oħra (87).

(103)

It-tekniki differenti disponibbli għall-aġġustamenti tad-data ta' komparatur huma deskritti f'aktar dettall fil-Gwida Prattika (88). B'referenza għall-eżempji u illustrazzjonijiet, il-Gwida Prattika tipprovdi gwida dwar il-kunċetti, l-approċċi u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tat-tekniki differenti. Għandha sservi bħala bażi biex jiġu indirizzati kwistjonijiet rigward l-approċċi disponibbli biex jiġu implimentati l-metodi bbażati fuq komparatur.

(104)

Il-Qorti jenħtieġ li tkun konxja li l-użu ta' analiżijiet ta' rigressjoni jista' jżid il-grad ta' preċiżjoni ta' stima ta' danni u għalhekk jista' jgħin biex jintlaħaq l-istandard meħtieġ ta' prova (89). Il-qrati nazzjonali ttrattaw il-valur probatorju tal-evidenza statistika, bħall-analiżijiet tar-rigressjoni, f'każijiet fejn ingħataw danni (90).

(105)

B'mod ġenerali, il-valur probatorju tal-evidenza statistika jiddependi fuq il-kapaċità tagħha li tevita r-riskju tal-hekk imsejħa żbalji tat-tip 1, jiġifieri li jinstab effett tat-trasferiment meta dan ma jkunx jeżisti u l-hekk imsejħa żbalji tat-tip 2, jiġifieri li wieħed jonqos milli jsib effett tat-trasferiment fejn dan ikun jeżisti. Sabiex jindirizza dawn ir-riskji, mudell statistiku jista' japplika l-kunċetti tas-sinifikat statistiku u dak tas-saħħa statistika. Il-kunċett tas-sinifikat statistiku jinvolvi l-iffissar ta' limitu minimu għoli sabiex jitqies li jeżisti effett ta' trasferiment. Approċċ użat b'mod wiesa' huwa li jiġi stabbilit riskju ta' ħamsa fil-mija għal żball tat-tip 1, bl-użu tal-hekk imsejjaħ intervall ta' kunfidenza ta' 95 % (91). Madankollu, il-mudelli ta' rigressjoni jistgħu jnaqqsu wkoll ir-riskju ta' żbalji tat-tip 2 (92). F'każ speċifiku fejn issir stima tat-trasferiment, huwa l-kompitu tal-qorti li tiddeċiedi jekk mudell ta' rigressjoni li jkun ġie ppreżentat lilha jkunx jevita r-riskji ta' żbalji tat-tip 1 u tat-tip 2 b'tali mod li l-mudell ikollu valur probatorju.

(106)

L-importanza potenzjali tal-aġġustament tad-data tal-komparatur bl-użu ta' tekniki kwantitattivi bħal analiżijiet tar-rigressjoni tista' tintwera permezz ta' referenza għal sentenza minn qorti Ġermaniża, murija fil-Kaxxa 8.

Kaxxa 8

Il-każ tal-ħġieġ tal-karozzi Ġermaniż (93)

Il-pretendent f'din l-azzjoni għad-danni kien xerrej indirett mingħand il-membri ta' kartell tal-ħġieġ tal-karozzi. Il-membri tal-kartell kisru l-Artikolu 101 TFUE u ġew immultati mill-Kummissjoni Ewropea fl-2008.

L-esperti tal-pretendenti wettqu analiżi tal-iżviluppi fil-prezzijiet qabel, matul u wara l-perjodu tal-kartell. Ma saret ebda analiżi ta' rigressjoni jew korrelazzjoni. Minflok, l-esperti mmiraw li jistabbilixxu rabta bejn il-prezz tal-ħġieġ tal-karozzi (il-prodott kartellizzat) u l-ħġieġ tal-karozzi ta' sostituzzjoni purament billi osservaw ix-xejriet tal-prezzijiet.

Madankollu, il-qorti kienet tal-fehma li din l-analiżi naqset milli turi kwalunkwe rabta kawżali diretta biżżejjed bejn l-ipprezzar taż-żewġ prodotti msemmija hawn fuq. Dan kien partikolarment minħabba d-data użata fl-analiżi tal-esperti tar-rikorrenti u li hija ma kkunsidratx b'mod xieraq effetti oħra fuq il-prezzijiet kif ukoll ix-xejriet tas-suq. Il-Qorti qieset ukoll il-kundizzjonijiet tas-suq fil-każ inkwistjoni sabiex tirrifjuta l-argumenti ta' trasferiment.

(107)

Madankollu, it-tekniki bbażati fuq l-analiżijiet ekonometriċi jistgħu, f'ċerti każijiet, jinvolvu spejjeż konsiderevoli. F'każijiet bħal dawn, il-qorti tista' ssib li huwa biżżejjed li tagħmel stima tat-trasferiment billi tivvaluta simultanjament id-data kwantitattiva mingħajr l-użu ta' analiżi ta' rigressjoni u billi tqis l-evidenza kwalitattiva. Barra minn hekk, il-qorti tista', f'ħafna każijiet, issib ukoll li huwa utli li tivvaluta l-evidenza kwalitattiva, bħall-evidenza diretta dwar it-trasferiment, anki meta tuża l-metodi kwantitattivi deskritti f'din it-taqsima.

(108)

Meta jkun qed jiġi stamat it-trasferiment fuq il-bażi ta' evidenza kwalitattiva, dokumenti interni li jiddeskrivu l-politika dwar l-ipprezzar ta' ditta jistgħu jkunu ta' rilevanza partikolari. Meta tivvaluta d-dokumenti interni, il-qorti jenħtieġ li tagħraf li ditti f'industriji differenti, jew saħansitra fl-istess industrija, jistgħu jadottaw politiki dwar l-ipprezzar differenti. F'xi każijiet, ditta jista' jkollha politika ċara jew prattika stabbilita li tidentifika l-aġġustamenti tal-prezz li jirriżultaw minn bidliet speċifiċi fl-ispiża. Pereżempju, f'xi każijiet ix-xerrejja jistgħu jorbtu l-aġġustamenti fil-prezz ma' bidliet f'ċerti indiċijiet li jistgħu ma jiġux affettwati mill-kondotta antikompetittiva tal-kontraventuri, pereżempju l-indiċijiet tal-prezzijiet għall-konsumatur. F'każijiet oħra, ix-xerrejja jistgħu jippruvaw jilħqu ċerti objettivi ta' prestazzjoni, pereżempju japplikaw marġni speċifiku għall-ipprezzar tal-prodotti li jfornu. Fil-prinċipju, l-ewwel waħda minn dawn il-politiki tista' sservi ta' argument kontra s-sejba ta' trasferiment filwaqt li t-tieni waħda tissuġġerixxi li x-xerrej jittrasferixxi l-bidliet fl-ispejjeż.

(109)

Barra minn hekk, meta tivvaluta l-politiki dwar l-ipprezzar, il-qorti jenħtieġ li tqis ukoll jekk il-politika dwar l-ipprezzar tad-ditta rilevanti kinitx implimentata, pereżempju, billi tikkunsidra d-data tal-prezzijiet sabiex tiddetermina jekk din tikkorrispondix mal-politika dwar l-ipprezzar inkwistjoni.

(110)

Eżempji ta' każijiet li fihom il-qrati nazzjonali kkunsidraw evidenza kwalitattiva huma mogħtija hawn taħt.

Kaxxa 9

Stima tat-trasferiment fuq il-bażi ta' evidenza kwalitattiva — Cheminova (2015) (94)

F'din is-sentenza, il-qorti sabet li produttur tal-pestiċidi ttrasferixxa 50 % tal-ispiża żejda inizjali lill-klijenti indiretti. Din is-sejba kienet ibbażata fuq it-teorija ekonomika. F'dan il-każ, il-qorti setgħet tistrieħ fuq studji tas-suq disponibbli għall-pubbliku li jikkaratterizzaw is-suq li fih il-klijent dirett kien attiv bħala suq ta' monopolju. F'rapport ipprovdut mill-klijent dirett, kien sostnut li s-suq għandu jkun ikkaratterizzat bħala kompetittiv u mhux bħala monopolju. Il-klijent dirett fost l-oħrajn ippreżenta li għadd kbir ta' prodotti kienu qegħdin jikkompetu fis-suq u li ishma tas-suq moderati kienu jindikaw suq kompetittiv. Madankollu, minħabba l-fatti tal-każ speċifiku, il-qorti ma qablitx ma' dan l-approċċ.

Kaxxa 10

Stima tat-trasferiment fuq il-bażi ta' evidenza kwalitattiva — DOUX Aliments (2014) (95)

F'din is-sentenza, il-qorti sabet li l-pretendent wera li ma kienx hemm trasferiment. F'din il-kawża, l-ispiża żejda kienet tikkonċerna l-liżina, input fil-produzzjoni tat-tiġieġ. Il-Qorti sabet li l-liżina kienet tirrappreżenta biss wieħed fil-mija mill-ispejjeż tal-produzzjoni tat-tiġieġ. Żieda żgħira bħal din fl-ispejjeż ma kinitx evidenza biżżejjed biex tikkonvinċi lill-qorti li twassal ukoll għal żieda fil-prezzijiet tat-tiġieġ. Il-qorti sabet li l-prezzijiet irrispondew għal fatturi oħrajn, bħal kompetizzjoni ma' prodotti tal-laħam oħrajn u s-saħħa tax-xerrej. Meta kkonkludiet li l-ispiża żejda ma kinitx ittrasferita fuq il-bejjiegħa bl-imnut indiretti, il-qorti rreferiet għall-fatt li t-tiġieġ inbiegħu f'suq internazzjonali u kompetittiv u li l-ktajjen tal-ħwienet tal-merċa bl-imnut kellhom saħħa tax-xerrej qawwija.

(111)

Meta kienu qed japplikaw metodi bbażati fuq komparatur għall-istima tal-ispiża żejda, il-qrati xi drabi applikaw l-hekk imsejjaħ skont tas-sikurezza. Dan ifisser li huma aġġustaw ammont li jqis biżżejjed l-inċertezzi fl-istima mid-data osservata (96). Jekk l-implimentazzjoni ta' analiżi ekonometrika ma tkunx fattibbli, jista' jiġi applikat approċċ bħal dan fl-istima tat-trasferiment. L-objettiv ta' approċċ bħal dan ikun li jeskludi l-effetti ta' fatturi possibbli oħra fuq il-varjabbli li tkun qed tiġi kkunsidrata, pereżempju, il-prezz offrut mill-klijent indirett.

5.1.3.   Sfidi

(112)

Meta tagħmel stima tal-effett tal-prezz relatat mat-trasferiment, il-qorti tista' tikkunsidra b'mod partikolari tekniki li, sa fejn hu possibbli, jikkontrollaw għal fatturi oħrajn minbarra dak li jirriżulta mill-ksur. Teknika bħal din hija l-metodu tad-differenza fid-differenzi. Hija teħtieġ informazzjoni jew data minn suq komparatur (pereżempju suq ġeografiku ieħor) u data ta' serje ta' żmien mis-suq affettwat mit-trasferiment. Madankollu, jenħtieġ li l-qorti tkun konxja li hemm sfidi potenzjali li jistgħu jaffettwaw kemm jistgħu jkunu validi l-metodi bbażati fuq komparatur.

(113)

Idealment, is-suq komparatur għandu jkunu simili għas-suq tal-ksur, iżda huwa stess ma jkunx affettwat mill-ksur. Madankollu, ix-xerrejja f'kull wieħed mis-swieq ta' spiss jużaw l-istess input. F'każ bħal dan, jista' jkun diffiċli li jinstab komparatur mhux affettwat. B'mod partikolari, jekk l-ambitu tal-ksur ikopri żona ġeografika wiesgħa, x'aktarx li l-prodotti, simili għall-prodott inkwistjoni u li jinkorporaw l-istess input, potenzjalment ikunu ġew affettwati wkoll. Dan jista' jagħmilha diffiċli sabiex jinstab suq komparatur xieraq.

(114)

F'ċirkostanzi oħrajn, is-suq komparatur jista' jiġi affettwat indirettament mill-ispiża żejda inizjali. Fl-eżempju stilizzat tal-kartell tar-ram fil-Kaxxa 6, il-fornitur tal-faxex ta' wajers B1 jixtri r-ram mingħand il-kontraventur A1. Anki jekk il-fornitur tal-faxex ta' wajers B2 fis-suq komparatur ma jixtrix mingħand il-kontraventur A1, il-fornituri tal-faxex ta' wajers B2 u B1 jistgħu jkunu kompetituri fl-istess swieq ġeografiċi downstream. Dan jimplika li jekk il-fornitur tal-faxex ta' wajers B1 iżid il-prezzijiet tiegħu b'reazzjoni għall-ksur inizjali, il-kompetituri tiegħu jistgħu jgħollu l-prezzijiet tagħhom ukoll. F'dan il-każ, il-prezz li joffri l-fornitur tal-faxex ta' wajers B2 seta' kien affettwat indirettament mill-ksur u, bħala riżultat, jista' ma jkunx komparatur xieraq (97).

(115)

Fir-rigward tat-tqabbil matul iż-żmien, jista' jkun diffiċli li jiġi identifikat bi preċiżjoni suffiċjenti l-perjodu meta s-suq kien affettwat minn ċertu ksur. Il-partijiet jistgħu jippreżentaw deċiżjoni maħruġa minn awtorità tal-kompetizzjoni li ssemmi perjodu ta' ksur, jiġifieri tistabbilixxi d-dati li fihom beda u ntemm il-ksur. Madankollu, dan il-perjodu jista' ma jikkorrespondix għall-perjodu li fih suq kien effettivament affettwat mill-ksur. Huwa importanti wkoll li wieħed jinnota li d-determinazzjoni tad-dati tal-perjodu tal-ksur jew tal-perjodu li fih kien affettwat is-suq jista' jkollha impatt qawwi fuq l-eżitu tal-analiżi. Fir-realtà, l-effett tal-ksur jista' ma jkunx limitat għall-perjodu pprovdut f'deċiżjoni bħal din (98). Minn naħa waħda, id-data tal-bidu identifikata mill-awtorità tal-kompetizzjoni tista' tmexxi “l quddiem id-data tal-bidu attwali tal-ksur, pereżempju minħabba nuqqas ta' evidenza ta' min jorbot fuqha (99). Min-naħa l-oħra, id-data tat-tmiem ipprovduta f'deċiżjoni ta' ksur tista” tmexxi lura d-data tat-tmiem tal-ksur effettiva.

(116)

L-effetti ta' ksur jistgħu wkoll ma jkunux limitati għat-tul ta' żmien tal-ksur. Huwa possibbli li l-ksur jaffettwa s-suq ikkonċernat anki wara li tkun waqfet l-imġiba pprojbita skont il-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE. B'mod partikolari, dan jista' jkun il-każ fi swieq oligopolistiċi, jekk l-informazzjoni miġbura matul il-ksur tippermetti li l-fornituri ta' prodott partikolari jadottaw, fuq bażi sostenibbli wara li jkun intemm il-ksur, azzjoni mmirata sabiex ikunu jistgħu jbigħu bi prezz ogħla mill-prezz kompetittiv, jiġifieri l-prezz li kien jintalab fin-nuqqas tal-ksur, mingħajr ma jinvolvu ruħhom fi prattiki pprojbiti mil-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE (100).

(117)

Il-possibbiltà li x-xerrejja f'livelli differenti tal-katina tal-provvista jistgħu jdewmu t-trasferiment ta' spiża żejda tista' taffettwa wkoll it-tqabbil b'mod sinifikanti (101). L-eżempju fil-Kaxxa 1 hawn fuq jista' juri dan. Ejjew nissoponu li l-manifattur tal-karozzi C jinnegozja l-prezzijiet mal-fornitur tal-faxex ta' wajers B fuq bażi annwali. Il-fornitur tal-faxex ta' wajers B jaġġusta l-prezzijiet darba fis-sena biss wara li jkunu ġew iffinalizzati n-negozjati mal-manifattur tal-karozzi C. Jekk kartell li jiffissa l-prezzijiet fis-suq tar-ram jiġi stabbilit eżatt wara li jintemmu n-negozjati bejn il-fornitur tal-faxex ta' wajers u l-manifattur tal-karozzi, huwa biss meta jseħħu n-negozjati annwali tas-sena li jkun imiss li l-fornitur tal-faxex ta' wajers jista' jkollu opportunità li jittrasferixxi ż-żieda fil-prezz tar-ram fil-prezz tiegħu.

(118)

B'hekk, id-dewmien tat-trasferiment “l isfel tul il-katina tal-provvista jista” jirriżulta f'diffikultajiet meta jiġi deċiż il-perjodu rilevanti għat-tqabbil tal-prezzijiet matul u qabel jew matul u wara l-ksur (jew it-tnejn). Il-qorti tista' taġġusta l-analiżi billi tikkunsidra n-natura ta' kull każ, pereżempju billi tanalizza l-politika dwar l-ipprezzar tal-partijiet u, fuq il-bażi ta' dan, tintroduċi ċertu intervall latenti meta tanalizza x-xejriet tal-ipprezzar f'livelli differenti tal-katina tal-provvista.

(119)

L-użu ta' analiżijiet ta' rigressjoni meta jintuża approċċ ibbażat fuq komparatur jista' jżid il-preċiżjoni tal-effett tat-trasferiment stmat. Imħallef jenħtieġ li jkun konxju li, filwaqt li dawn it-tipi ta' mudelli ta' rigressjoni joffru stima diretta tal-effett tat-trasferiment, huma ma jikkwantifikawx sa fejn kull fattur teoretiku li jaffettwa t-trasferiment, diskuss fit-Taqsima 3 hawn fuq (pereżempju n-natura tal-kostijiet tal-input u n-natura tad-domanda għall-prodott), ikun ikkontribwixxa għall-effett. Vantaġġ mill-użu tal-analiżijiet tar-rigress huwa li huwa inqas probabbli li jsiru suppożizzjonijiet relatati mat-teorija ekonomika li huma ħżiena. Filwaqt li tali analiżi kwantitattiva ta' fattur b'fattur tal-effetti ta' trasferiment stmati normalment ma tkunx meħtieġa għall-istima tal-effett tat-trasferiment, jista' jiġi nnutat li t-tekniki deskritti fit-Taqsima 5.2.3 hawn taħt jistgħu jipprovdu analiżi kwantitattiva tal-fatturi.

5.2.   Metodi oħra

5.2.1.   L-approċċ tar-rata tat-trasferiment

(120)

It-taqsima ta' hawn fuq tiddeskrivi l-metodi u t-tekniki għall-approċċi bbażati fuq komparatur biex jiġi stmat l-effett tal-prezz relatat mat-trasferiment. B'mod ġenerali, il-metodu bbażat fuq il-komparatur huwa preferibbli meta jkun fattibbli u proporzjonat li jiġi implimentat. Dan huwa dovut għall-vantaġġ ċar tal-metodu li jippermetti li ssir stima tat-trasferiment fuq il-bażi tal-prezzijiet reali stabbiliti minn xerrej dirett jew indirett matul il-perjodu ta' ksur. Madankollu, jiddependi fost l-oħrajn fuq id-disponibbiltà ta' data fuq dawn il-prezzijiet, minbarra l-prezzijiet f'suq komparatur wieħed jew aktar. Din l-informazzjoni tista' tkun disponibbli f'ħafna każijiet. Madankollu, jekk l-informazzjoni dwar il-prezzijiet reali fis-suq tal-ksur u s-suq (swieq) komparatur(i) ma tkunx tista' tiġi ppreżentata quddiem il-qorti, pereżempju jekk il-qorti ssib li d-divulgazzjoni ta' din l-informazzjoni tkun sproporzjonata meta mqabbla mal-valur tat-talba fil-każ inkwistjoni, it-trasferiment jista' jiġi stmat fuq il-bażi ta' metodi oħra, bħall-approċċ ibbażat fuq ir-rata tat-trasferiment.

(121)

Dan l-approċċ tar-rata tat-trasferiment jista' jiġi implimentat billi jiġi analizzat kif il-bidliet preċedenti fl-ispejjeż ta' ditta affettwaw il-prezzijiet tagħha qabel jew wara l-perjodu ta' ksur. Pereżempju, fl-eżempju tal-Kaxxa 1 hawn fuq, ir-rata tat-trasferiment tista' tiġi stmata billi jiġi analizzat kif il-bidliet storiċi fl-ispiża tar-ram affettwaw il-prezz tal-faxex ta' wajers. Fi kliem sempliċi, jekk żieda fl-ispiża tar-ram b'EUR 10 tiġi segwita minn żieda fil-prezz tal-faxex ta' wajers b'EUR 5, ir-rata tat-trasferiment tiġi stmata li hija ta' 50 %. Sabiex tagħmel stima tat-trasferiment matul il-perjodu ta' ksur, il-qorti tista' mbagħad tikkombina din ir-rata tat-trasferiment stmata mal-informazzjoni dwar l-ispiża żejda u l-bejgħ.

(122)

Madankollu, il-metodu tar-rata tat-trasferiment mhuwiex mingħajr riskji u jista' saħansitra jagħti riżultati li jiżgwidaw f'xi każijiet. Dan minħabba li meta tuża dan l-approċċ sabiex tagħmel stima tat-trasferiment, il-qorti la tista' tistabbilixxi jekk l-ispiża żejda kinitx effettivament trasferita u lanqas ma tista' tosserva jekk il-bidliet fl-ispiża tal-input affettwat humiex riflessi fil-prezzijiet fis-swieq downstream. Għalhekk, huwa kruċjali li l-qorti tkun konxja li l-approċċ tar-rata tat-trasferiment jistrieħ fuq is-suppożizzjoni li, matul il-perjodu tal-ksur, il-bidliet fl-ispejjeż tal-input ikunu riflessi fil-prezzijiet downstream. Jekk din is-suppożizzjoni hija skorretta, dan l-approċċ jista' jipproduċi stimi li jiżgwidaw minħabba li jsibu trasferiment ta' spejjeż żejda fejn ma kienx hemm.

(123)

Meta tuża l-approċċ tar-rata tat-trasferiment, il-qorti tipikament tagħmel ħilitha sabiex tagħmel stima tat-trasferiment fuq il-bażi ta' kif il-bidliet fl-ispiża tal-input affettwat kienu preċedentement riflessi fil-prezzijiet downstream. Madankollu, jekk din l-informazzjoni ma tkunx disponibbli, il-qorti tista' tħares lejn l-iżvilupp ta' komponenti oħrajn tal-ispiża marġinali tax-xerrej u tanalizza kif dawn il-bidliet fl-ispejjeż jaffettwaw il-prezzijiet downstream. Fil-każ ipotetiku stabbilit fil-paragrafu 8 u mmodifikat u spjegat aktar fil-paragrafi 78 u 98 hawn fuq, dan ifisser li qorti tista' tikkunsidra analiżi tar-relazzjoni bejn il-prezz tal-faxex ta' wajers u l-ispiża tal-plastik (mhux affettwata mill-ksur) u tagħmel stima tar-rata tat-trasferiment fuq il-bażi ta' din l-aħħar relazzjoni.

(124)

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-ksur inkwistjoni jikkonċerna l-ispiża ta' input li jikkostitwixxi komponent wieħed biss tal-ispiża marġinali tax-xerrej. Jekk l-input affettwat mill-ksur jikkostitwixxi biss frazzjoni żgħira ħafna tal-ispiża marġinali, anki żieda sinifikanti fl-ispiża ta' dak l-input tkun diffiċli li tiġi osservata fid-data dwar il-prezzijiet tax-xerrej, anki jekk tiġi ttrasferita kompletament. Għalkemm approċċ alternattiv jista' jkun li l-istima tar-rata tat-trasferiment issir fuq il-bażi tal-bidliet fl-ispejjeż ta' inputs aktar sinifikanti u mhux biss l-ispiża tal-input inqas sinifikanti affettwat dan l-approċċ iġib miegħu bħala prezz suppożizzjoni li tista' tmur ‘il bogħod wisq, jiġifieri li ż-żidiet fl-ispejjeż marġinali jkunu qed jiġu ttrasferiti b'rata identika, irrispettivament mis-sors, għaż-żieda fl-ispejjeż. Barra minn hekk, jekk metodu bbażat fuq il-komparatur, jiġifieri stima bbażata fuq il-prezz attwali, ma jsib ebda trasferiment statistikament sinifikanti, dan jista' jitqies bħala evidenza li ssostni l-ipoteżi li ma seħħ ebda trasferiment. Fi kliem ieħor, is-sejba li ma kien hemm l-ebda trasferiment fuq il-bażi tal-metodu bbażat fuq il-komparatur mhijiex argument validu u lanqas suffiċjenti, bħala tali, sabiex jiġi adottat metodu ta' rata tat-trasferiment.

(125)

Kif spjegat fl-Anness 1, hemm ukoll raġunijiet tajbin għaliex jista' jkun li d-ditti mhux dejjem jittrasferixxu l-bidliet żgħar fl-ispejjeż marġinali tagħhom, għall-inqas mhux fuq medda qasira ta' żmien, anki jekk jittrasferixxu bidliet akbar fl-ispejjeż. Għalhekk, jista' ma jkunx leġittimu li wieħed jassumi li r-rata tat-trasferiment tkun simili għal bidliet differenti fl-ispiża tal-input. Spjegazzjoni waħda tista' tkun li d-ditta tista' ġġarrab l-hekk imsejħa spejjeż tal-aġġustament tal-prezz u, b'hekk, tippreferi li tistenna sakemm iż-żidiet fl-ispiża marġinali jakkumulaw lil hinn minn ċertu limitu minimu qabel tibdel il-prezzijiet tagħha.

(126)

Meta tiġi vvalutata l-evidenza indiretta ta' żviluppi bbażati fuq it-trasferiment ta' komponenti tal-kost li mhumiex affettwati mill-ispiża żejda, huwa rakkomandabbli li titqies ukoll evidenza kwalitattiva li tista' turi li t-trasferiment ta' żidiet fl-ispejjeż żgħar ikun fil-każ speċifiku konformi mal-prattika kummerċjali tax-xerrej dirett jew indirett.

(127)

F'ċerti każijiet, tista' tkun disponibbli informazzjoni dwar il-prezzijiet stabbiliti mix-xerrej dirett waqt il-perjodu tal-ksur, u għal dan il-perjodu biss. L-approċċ ibbażat fuq ir-rati ta' trasferiment jista' jagħti riżultati li jiżgwidaw f'xenarji bħal dawn ukoll. Dan għaliex jidentifika l-effetti fuq il-prezz relatati mat-trasferiment fuq il-bażi ta' bidliet fl-ispejjeż tal-input li kien suġġett għal ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni. F'ħafna każijiet, mhuwiex improbabbli li, matul il-perjodu tal-ksur, il-bidliet fl-ispejjeż tal-input li kien suġġett għal ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni jkunu sostanzjalment iżgħar miż-żieda fil-kost li tirriżulta mill-ksur. Kif spjegat hawn fuq, żidiet żgħar fl-ispejjeż jistgħu ma jiġux trasferiti bl-istess mod bħal żidiet akbar fl-ispejjeż, u għalhekk li jitqiesu l-ispejjeż relattivament żgħar u l-bidliet fil-prezzijiet matul il-perjodu tal-ksur jista' jwassal għal stima mhux preċiża tal-effett tat-trasferiment.

5.2.2.   L-implimentazzjoni tal-approċċ tar-rata tat-trasferiment fil-prattika

(128)

L-approċċ tar-rata tat-trasferiment jeħtieġ informazzjoni dwar l-ispiża żejda inizjali u r-rata tat-trasferiment rilevanti. Jekk ma tkun disponibbli ebda stima minn qabel tal-ispiża żejda, il-qorti tista' tikkunsidra t-tekniki msemmija fil-Gwida Prattika (102).

(129)

Vantaġġ tal-metodu bbażat fuq il-komparatur huwa li dan jippermetti li jinbena xenarju kontrofattwali. Kif imsemmi fil-paragrafu 66 hawn fuq, l-iskop ta' dan l-eżerċizzju huwa li jiżola l-effett tal-ksur minn fatturi oħrajn li wkoll jaffettwaw il-prezzijiet. Filwaqt li l-metodu tar-rata tat-trasferiment ma jippermettix tali approċċ, xorta huwa importanti li jsir kontroll għal fatturi li mhumiex relatati mal-ksur. Approċċ wieħed jista' jkun li jintużaw tekniki kwantitattivi, pereżempju analiżi ta' rigressjoni (103). Pereżempju, fl-eżempju fil-Kaxxa 1 aktar 'il fuq, qorti tista' tqis analiżi tar-relazzjoni bejn il-prezzijiet mitluba mill-fornitur tal-faxex ta' wajers u l-bidliet fl-ispejjeż tal-input għall-faxex ta' wajers. Madankollu, fatturi oħra setgħu affettwaw ukoll il-prezz fil-livell aktar 'l isfel fil-katina ta' attivitajiet, pereżempju l-varjazzjonijiet fid-domanda tal-manifatturi tal-karozzi. Jekk il-qorti tonqos milli tqis fatturi addizzjonali bħal dawn, ir-rata tat-trasferiment stmata x'aktarx li tkun ippreġudikata.

(130)

Analiżi ta' rigressjoni ġeneralment tkun teħtieġ ammont kbir ta' data dwar l-ispejjeż u l-prezzijiet. B'hekk, għall-fini tal-istima tar-rata tat-trasferiment, b'mod alternattiv, il-qorti tista' tikkunsidra jekk stimi minn sorsi oħrajn jistgħux jipprovdu stima raġonevoli għar-rata tat-trasferiment. Eżempji ta' sorsi oħrajn bħal dawn jistgħu jinkludu rati ta' trasferiment li jinsabu f'każijiet oħrajn li jikkonċernaw l-istess industrija jew f'industriji oħrajn, studji akkademiċi rilevanti għall-industrija f'dan il-każ jew evidenza pprovduta f'dikjarazzjonijiet tax-xhieda. Din hija alternattiva partikolarment vijabbli meta d-data meħtieġa ma tkunx disponibbli jew meta l-metodi kwantitattivi jonqsu milli jinkludu l-fatturi ta' kontroll rilevanti.

(131)

Madankollu, huwa kruċjali li jitqies li stimi bbażati fuq sorsi oħrajn iġorru r-riskju li ma jqisux il-fatturi rilevanti għar-rata tat-trasferiment fil-każ inkwistjoni. B'mod partikolari, jista' jkun importanti li tiġi kkunsidrata l-metodoloġija li tintuża bħala l-bażi għall-istima misjuba f'sorsi oħrajn u s-sensittività ta' kwalunkwe riżultat għad-differenzi potenzjali bejn din l-istima u r-rata tat-trasferiment. Sabiex tagħmel dan, il-qorti tista' tqis l-għarfien rilevanti mit-teorija ekonomika, kif spjegat fit-Taqsima 2.3 ta' hawn fuq u fl-Anness 1, bħall-grad ta' kompetizzjoni. Jekk ikun hemm biss informazzjoni limitata, pereżempju, dwar il-kundizzjonijiet differenti tas-suq jew il-mod kif ġiet iddeterminata r-rata tat-trasferiment, l-approċċ tar-rata tat-trasferiment jista' ma jkunx xieraq.

5.2.3.   L-approċċ ta' simulazzjoni

(132)

Il-Gwida Prattika tintroduċi wkoll l-hekk imsejjaħ approċċ ta' simulazzjoni bħala mod ieħor kif jiġi kkwantifikat d-dannu ta' ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni (104). Dan l-approċċ jista' jintuża wkoll biex jiġi stmat l-effett tal-prezz u tal-volum relatat mat-trasferiment. Dan iqis b'mod simultanju l-effetti tal-prezz u tal-volum relatati mat-trasferiment. Sabiex jintuża dan il-metodu, espert ekonomiku jrid jiżviluppa mudell ta' kompetizzjoni fl-istadju tal-katina tad-distribuzzjoni fejn l-attur ikun attiv, u jissimula l-effett tal-ispiża żejda rilevanti fuq il-profitt tar-rikorrent matul il-perjodu tal-ksur. Pereżempju, l-espert ekonomiku jista' jittestja kif kurvaturi differenti tal-kurva tad-domanda jistgħu jaffettwaw il-grad tat-trasferiment. Fuq il-bażi tal-ispeċifikazzjonijiet tan-naħa tad-domanda u tan-naħa tal-provvista, jistgħu jiġu kkalkulati l-prezzijiet tal-ekwilibriju fis-suq rilevanti. Barra minn hekk, fil-pass li jmiss, huwa possibbli li jiġi evalwat kif dawn il-prezzijiet jiġu affettwati minn spiża żejda.

(133)

Huwa importanti li mħallef ikun konxju li dan l-approċċ jirrikjedi data estensiva dwar il-prezzijiet u l-kwantità fis-suq ikkonċernat. Barra minn hekk, huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet dwar l-imġiba tad-ditti u tal-konsumaturi, li jistgħu jmorru “l bogħod wisq u jista” jkun diffiċli li jiġu vvalidati. Għalhekk, f'ħafna każijiet jista' jkun diffiċli li jiġi ssodisfat l-istandard meħtieġ ta' prova skont il-liġi applikabbli meta jiġi applikat dan il-metodu.

6.   KWANTIFIKAZZJONI U STIMA TAL-EFFETTI TAL-VOLUM

6.1.   Introduzzjoni

(134)

Meta jkun hemm effett tal-prezz relatat mat-trasferiment, dan neċessarjament jimplika, tal-inqas fit-teorija, effett tal-volum (105). Għalhekk, jekk l-effett tal-prezz jittieħed f'kunsiderazzjoni mingħajr l-effett tal-volum, dan jista' jissottovaluta d-dannu veru. Għaldaqstant, sabiex jiġi evitat kumpens żejjed jew nieqes, l-istima tal-effett tal-volum hija essenzjali daqs l-istima tal-effett tal-prezz relatat mat-trasferiment, sakemm ix-xerrej jitlob danni għat-telf ta' profitt minħabba l-effett tal-volum (106).

(135)

Kif muri fil-Kaxxa 11 hawn taħt, l-effett tal-volum jirreferi għat-telf ta' profitt minħabba tnaqqis fil-bejgħ li jirriżulta mit-trasferiment, jiġifieri volum aktar baxx ta' bejgħ minħabba l-prezzijiet ogħla. Fl-approċċ sekwenzjali msemmi hawn fuq fil-paragrafu 69, it-tielet pass fil-kwantifikazzjoni tad-danni b'riżultat ta' spiża żejda huwa li ssir stima tad-daqs tal-effett tal-volum.

Kaxxa 11

L-effett tal-volum

Image 6

(136)

L-effett tal-volum jikkorrispondi għad-differenza bejn q 1 u q 2. Iż-żona C tirrappreżenta l-profitt mitluf li jirriżulta mit-telf fil-bejgħ. Tista' tiġi kkwantifikata billi l-volum mitluf jiġi mmultiplikat bil-marġni tal-profitt (p 1-c 1) li x-xerrej kien jikseb fin-nuqqas tal-ksur mingħajr ebda trasferiment.

(137)

L-istima tal-effett tal-volum teħtieġ valutazzjoni ta' żewġ fatturi, jiġifieri (i) il-bidla fil-kwantità minħabba ż-żieda fil-prezzijiet u (ii) il-marġni kontrofattwali. Sabiex dawn il-fatturi jiġu stmati, huwa meħtieġ li jkun hemm data dwar parametri oħrajn minbarra dawk meħtieġa għall-istima tal-effett tal-prezz relatat mat-trasferiment. Skont id-data disponibbli, jistgħu jintużaw metodi differenti. Fir-rigward tal-istima tal-effett tal-prezz relatat mat-trasferiment, il-qorti tista' tqis evidenza kwalitattiva ta' natura diretta meta tistma l-effett tal-volum (107). L-eżistenza ta' evidenza bħal din jista' jkollha rwol importanti meta qorti tiddeċiedi liema, mill-metodi differenti deskritti f'aktar dettall hawn taħt, għandu jintuża f'każ speċifiku jew jekk ma għandu jintuża l-ebda wieħed minnhom.

(138)

L-effett tal-volum, sa issa, ġie stmat biss mill-qrati nazzjonali f'għadd limitat ta' każijiet. Jingħata eżempju wieħed fil-Kaxxa 12 hawn taħt. F'dan il-każ, espert ekonomiku maħtur mill-qorti uża data kemm kwalitattiva kif ukoll kwantitattiva biex jistma l-effett tal-volum.

Kaxxa 12

Stima tal-effetti tal-volum — Cheminova (2015) (108)

Kif spjegat fil-Kaxxa 9 hawn fuq, din il-kawża tikkonċerna l-bejgħ ta' pestiċidi fid-Danimarka. Il-qorti kkonkludiet li nofs l-ispiża żejda tal-bidu kienet ġiet trasferita mix-xerrej dirett. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni ta' espert maħtur mill-qorti, l-effett tal-volum ġie stmat ukoll. L-espert stima l-effett tal-volum bħala l-marġni kontrofattwali mmultiplikat bl-għadd ta' bejgħ li ma sarx minħabba t-trasferiment.

Sabiex jiġi stmat l-għadd ta' bejgħ li ma sarx matul il-perjodu tal-ksur, l-espert uża verżjoni emendata tal-approċċ tal-elastiċità li huwa spjegat aktar fit-Taqsima 6.3 hawn taħt. Billi d-data kwantitattiva dwar il-prezzijiet u l-volum ma kinitx disponibbli, l-espert kiseb miżura ta' elastiċità billi ħa medja tal-elastiċitajiet li nstabu fi 23 studju tas-suq għall-pestiċidi. Barra minn hekk, l-espert stima l-marġni kontrofattwali billi aġġusta l-marġni realizzat matul il-perjodu tal-ksur. Fuq il-bażi ta' dan, il-qorti kkonkludiet li d-danni li jirriżultaw mill-effett tal-volum kienu ugwali għal 20 fil-mija tal-ammont tal-ispiża żejda.

6.2.   L-approċċ ibbażat fuq komparatur

6.2.1.   Informazzjoni meħtieġa

(139)

L-approċċ ibbażat fuq komparatur għall-fini tal-istima tal-effett tal-volum jeħtieġ informazzjoni dwar (i) il-kwantità osservata mibjugħa mid-ditta affettwata mill-ispiża żejda, (ii) il-volum kontrofattwali mibjugħ u (iii) il-marġni tal-prezz u l-ispiża li kien jinkiseb mix-xerrej fin-nuqqas tal-ksur. Madankollu, huwa importanti li jiġi nnotat li l-marġni tal-prezz u l-ispiża osservat mhuwiex il-marġni rilevanti meħtieġ għall-istima tal-effett tal-volum. Pereżempju, jekk ix-xerrej jittrasferixxi nofs l-ispiża żejda, dan inaqqas il-marġni tiegħu, li jimplika li l-marġni osservat ikun iżgħar milli fil-kontrofattwali. F'dan il-każ, l-użu tal-marġni osservat inaqqas id-daqs tal-effett tal-volum.

(140)

Barra minn hekk, il-qorti jenħtieġ li tkun konxja li l-marġni rilevanti għall-istima tal-effett tal-volum mhux bilfors ikun jikkorrispondi għal miżuri standard tal-marġni ta' kontabbiltà ta' ditta, bħal “qligħ qabel l-imgħax u t-taxxi” (earnings before interest and taxes, EBIT) jew l-introjtu nett tad-ditta.

(141)

Il-marġnijiet rilevanti għall-valutazzjoni tal-effetti tal-volum huma definiti mill-prezzijiet tal-prodotti rilevanti mnaqqsin bl-ispejjeż evitati, jiġifieri spejjeż li ġew iffrankati bħala riżultat tat-tnaqqis fil-produzzjoni. B'hekk, minbarra valutazzjoni ta' liema spejjeż huma meqjusa bħala evitabbli, il-qorti tista' tordna d-divulgazzjoni tal-prezzijiet tal-prodotti rilevanti. F'dan il-kuntest, hija tista' tordna wkoll id-divulgazzjoni ta' dokumenti interni li jipprovdu informazzjoni dwar il-marġnijiet ta' kontribuzzjoni li juża x-xerrej għad-deċiżjonijiet tiegħu dwar l-ipprezzar.

6.2.2.   Metodi u sfidi

(142)

Il-profitt mitluf assoċjat mal-effett tal-volum jista' jiġi stmat fuq il-bażi tal-komparatur direttament billi l-marġini kontrofattwali jiġi mmultiplikat bit-tnaqqis fil-volumi tal-bejgħ li jirriżultaw mit-trasferiment tal-ispejjeż żejda.

(143)

Bl-użu tad-data rilevanti mix-xerrej, il-qorti tista' tqis it-tekniki bbażati fuq komparatur deskritti hawn fuq għall-istima tal-marġini kontrofattwali u l-kwantità kontrofattwali. Billi l-marġini u l-kwantità ta' profitt osservati jistgħu jiġu affettwati minn fatturi oħrajn mhux relatati mal-ksur, f'ħafna każijiet ikun meħtieġ li jsir kontroll għal fatturi addizzjonali bħal dawn. B'hekk, normalment ikun neċessarju li jkun adottat wieħed mill-approċċi deskritti hawn fuq sabiex isir kontroll għal fatturi mhux relatati mal-ksur, pereżempju analiżi ta' rigressjoni.

(144)

Jekk id-data meħtieġa għall-approċċ tad-differenza fid-differenzi ma tkunx disponibbli, jistgħu jkunu kkunsidrati tekniki oħrajn deskritti hawn fuq, jiġifieri tqabbil bejn is-swieq jew tqabbil matul iż-żmien. Madankollu, jekk jintużaw tekniki bħal dawn, huwa importanti wkoll li jinbena xenarju kontrofattwali tajjeb, filwaqt li jitqiesu fatturi li jvarjaw bejn swieq jew perjodi ta' żmien differenti.

(145)

Il-metodi bbażati fuq komparatur jistrieħu fuq is-suppożizzjoni li l-perjodu jew is-suq ta' referenza huma simili biżżejjed, b'mod partikolari fir-rigward ta' karatteristiċi tas-suq li huma rilevanti għal marġnijiet ta' profitt bħal-livell ta' kompetizzjoni fis-suq jew l-istruttura tal-ispejjeż tal-fornituri. Din is-suppożizzjoni mhix ivverifikati faċilment, minħabba li għadd kbir ta' fatturi u deċiżjonijiet strateġiċi x'aktarx jiddeterminaw il-marġini ta' ditta.

6.3.   Approċċ ta' elastiċità

(146)

L-effett tal-volum jista' jiġi stmat ukoll billi ż-żieda fil-prezz osservata bħala riżultat tat-trasferiment tal-effett tal-prezz relatat tkun ikkumbinata mal-istima tas-sensittività tal-prezz tad-domanda rilevanti. Kif imsemmi hawn fuq, is-sensittività tal-prezz tad-domanda tiddetermina s-saħħa tar-relazzjoni bejn il-prezz u d-domanda. Pereżempju, jekk żieda fil-prezz ta' EUR 1 tkun assoċjata ma' tnaqqis sinifikanti fil-kwantità mixtrija, id-domanda titqies li hija aktar sensittiva għall-prezz milli kieku t-tnaqqis fil-kwantità tax-xiri jkun inqas importanti għall-istess żieda fil-prezz ta' EUR 1. L-hekk imsejħa elastiċità tal-prezz tad-domanda turi l-bidla perċentwali fil-kwantità mitluba assoċjata ma' żieda fil-prezz b'żieda ta' wieħed fil-mija (109).

6.3.1.   Il-metodi u l-informazzjoni meħtieġa

(147)

B'mod ġenerali, it-tnaqqis fil-volum, muri bit-tnaqqis fil-bejgħ minn q1 għal q2 fil-Kaxxa 11 hawn fuq, se tkun affettwata minn żieda fil-prezzijiet ta' ditta, kif ukoll minn bidliet fil-prezzijiet tal-kompetituri, fid-dawl li d-ditti jikkompetu fuq il-prezzijiet. B'hekk, id-daqs tat-telf fil-volum se jkun jeħtieġ valutazzjoni ta' kif it-trasferiment affettwa l-prezzijiet tal-kompetituri kollha fis-suq, kif ukoll is-sensittività tad-domanda għal dawk il-bidliet fil-prezzijiet. Meta jkun ivvalutat dan il-metodu, l-effett tal-volum (110) jiġi stmat billi t-telf tal-volum jiġi mmultiplikat bil-marġini kontrofattwali.

(148)

Ir-rekwiżiti tad-data meta jiġi stmat l-effett tal-volum b'referenza għall-approċċ ta' elastiċità jiddependu fuq jekk id-ditti rilevanti humiex affettwati bl-istess mod mill-ispiża żejda, jiġifieri jekk hijiex spiża żejda għall-industrija kollha. L-effetti tal-volum kemm tal-prezz proprju kif ukoll tal-elastiċità bejn il-prezzijiet jistgħu jinqabdu mill-elastiċità tal-prezz tas-suq. F'ċirkostanzi bħal dawn, l-effett tal-volum jista' jiġi stmat abbażi tal-marġini kontrofattwali, l-elastiċità tad-domanda tas-suq u l-prezzijiet (p 1) u l-kwantitajiet (q 2) osservati.

(149)

Il-marġni kontrofattwali jista' jiġi stmat billi jintuża wkoll l-approċċ ibbażat fuq komparatur. Stima kwantitattiva tal-elastiċità tad-domanda tas-suq tista' tkun teħtieġ ammont kbir ta' data dwar il-prezzijiet u l-kwantitajiet, li jista' jkun li ma tkunx disponibbli jew proporzjonata f'każ speċifiku. F'ċirkostanzi bħal dawn, il-qorti tista' ssib li huwa biżżejjed li jintużaw sorsi oħrajn ta' evidenza, pereżempju informazzjoni fi studji preċedenti tas-suq rilevanti jew dokumenti interni li jipprovdu informazzjoni dwar l-elastiċità rilevanti (111).

(150)

Approċċ simplifikat ieħor jista' jkun li jintuża għarfien mit-teorija ekonomika biex jiġi stmat l-effett tal-volum. Tali approċċ jista' jkun ibbażat fuq il-prezz stabbilit mix-xerrej dirett matul il-perjodu tal-ksur (l-effett tal-prezz relatat mat-trasferiment) u l-volum kontrafattwali. Minħabba li l-kapaċità ta' impriża li tgħolli l-prezzijiet tiddependi fuq kemm hija sensittiva għall-prezz id-domanda għall-prodott tagħha, hija normalment prevista relazzjoni inversa bejn il-marġni ta' kumpanija u l-elastiċità tal-prezz proprju tad-domanda. Fuq il-bażi ta' dan, l-elastiċità tal-prezz proprju u l-marġni kontrofattwali jistgħu jiġu “kkanċellati”. Billi l-informazzjoni dwar il-prezz stabbilit mix-xerrej dirett (l-effett tal-prezz relatat mat-trasferiment) se tkun diġà disponibbli f'dan l-istadju tal-każ, l-uniku input addizzjonali meħtieġ sabiex jiġi stmat l-effett tal-volum huwa l-volum kontrafattwali.

6.3.2.   Sfidi

(151)

Meta tuża l-approċċ ta' elastiċità, il-qorti tista' tistma l-parametri tal-elastiċità rilevanti. Mod wieħed ta' kif isir dan huwa li jiġi żviluppat mudell ta' domanda u li tintuża l-ekonometrija. Madankollu, kif imsemmi hawn fuq, approċċ bħal dan huwa esiġenti f'termini ta' suppożizzjonijiet u rekwiżiti tad-data. Jekk id-data ma tkunx disponibbli u jintużaw sorsi oħrajn, pereżempju studji tas-suq jew informazzjoni minn kawżi preċedenti, huwa importanti li jiġi nnotat li tali sorsi jistgħu ma jkunux xierqa jekk is-suq fil-kawża inkwistjoni jkun differenti mis-suq deskritt fl-istudji f'termini tal-istruttura tas-suq. F'dawn iċ-ċirkostanzi, l-approċċ tal-elastiċità jista' ma jipprovdix stima preċiża tal-effett tal-volum.

(152)

Kif imsemmi fl-introduzzjoni ta' din it-taqsima dwar il-kwantifikazzjoni, it-tliet komponenti potenzjali tad-dannu f'kawża għad-danni joriġinaw mill-ispiża żejda inizjali, mill-effett tal-prezz relatat mat-trasferiment u mill-effett tal-volum (112). Il-qorti tista' tagħżel li tagħmel stima tat-tliet komponenti b'mod sekwenzjali, fejn il-kwantifikazzjoni tal-ispiża żejda tikkostitwixxi l-ewwel pass, l-istima tal-effett tal-prezz relatat mat-trasferiment tikkostitwixxi t-tieni pass u l-istima tal-effett tal-volum relatat mat-trasferiment tikkostitwixxi t-tielet pass.

7.   GĦAŻLA TAL-METODU

(153)

L-għażla ta' metodu biex jiġu stmati l-effetti tal-prezz u tal-volum relatati miegħu normalment tiddependi fuq firxa ta' aspetti. Pereżempju, jekk il-pretendent u l-konvenut jiddependu fuq metodi differenti u l-applikazzjoni ta' dawn il-metodi twassal għal riżultati kontradittorji, normalment ma jkunx xieraq li t-trasferiment stmat jitqies bħala l-medja taż-żewġ riżultati u lanqas ma jkun xieraq li jitqies li r-riżultati kontradittorji jikkanċellaw lil xulxin, fis-sens li jenħtieġ li ż-żewġ metodi jiġu injorati. Kif imsemmi fil-Gwida Prattika, f'xenarju bħal dan ikun xieraq li jiġu eżaminati r-raġunijiet għar-riżultati diverġenti u li jitqiesu l-punti ta' saħħa u d-dgħufijiet ta' kull metodu u l-implimentazzjoni tiegħu (113).

(154)

It-tekniki differenti għall-istima tat-trasferiment tal-effetti relatati tal-prezz u tal-volum ipprovduti f'taqsimiet 5 u 6 ivarjaw f'kumplessità u f'rekwiżiti tad-data, minn analiżijiet ibbażati fuq evidenza kwalitattiva minn naħa waħda għal tekniki ekonometriċi (114) bbażati fuq data kwantitattiva min-naħa l-oħra. Tekniki differenti jimplikaw ukoll preċiżjonijiet differenti fl-istima tal-effetti varji.

(155)

F'dan il-kuntest, ma hemm ebda teknika li tista' tiġi identifikata bħala dik li fil-każijiet kollha tkun aktar xierqa minn oħrajn. L-użu ta' tekniki ekonometriċi huwa eżempju ta' dan. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-implimentazzjoni ta' tali tekniki tista' żżid il-grad ta' preċiżjoni ta' stima. Madankollu, tali tekniki ġeneralment ikunu jirrikjedu ammont sinifikanti ta' data li jista' jkun li mhux dejjem tkun disponibbli. Għalhekk, il-ġbir ta' data u l-analiżi ekonomika tagħha jistgħu jinvolvu spejjeż konsiderevoli għall-partijiet, għat-terzi persuni u għall-qorti. Dawn l-ispejjeż jafu jkunu sproporzjonati mal-ammont ta' danni inkwistjoni.

(156)

Meta jagħmlu stima tal-effetti tat-trasferiment, il-qrati nazzjonali jistgħu jużaw biċċiet ta' evidenza diretta rilevanti għall-każ. Pereżempju, dokumenti interni jew dokumenti oħrajn ta' natura kwalitattiva prodotti mix-xerrej dirett jew indirett rigward ir-relazzjoni bejn l-ispiża żejda u l-bidliet fil-prezzijiet proprji. Jekk tkun disponibbli evidenza ta' dan it-tip, il-qorti tista' ssib li huwa biżżejjed li tagħmel stima tal-effetti relatati tat-trasferiment (effetti tal-prezz u tal-volum) billi tqis evidenza kwalitattiva jew tagħmel aġġustamenti fid-data kwantitattiva mingħajr l-użu ta' analiżi ta' rigressjoni. Għalhekk, id-disponibbiltà ta' evidenza kwalitattiva jista' jkollha rwol importanti meta qorti tiddeċiedi jekk parti tistax tuża xi waħda mit-tekniki kwantitattivi stabbiliti fit-taqsimiet ta' hawn fuq u, jekk iva, liema waħda, sabiex tissodisfa l-istandard ta' prova meħtieġ skont il-liġi applikabbli (115).

8.   ANNESS 1 — TEORIJA EKONOMIKA

8.1.   Introduzzjoni

(157)

Dan l-anness jispjega f'aktar dettall l-għarfien mit-teorija ekonomika rilevanti fil-kuntest tal-istima tat-trasferiment. Kif deskritt fil-paragrafu (49) et seq. hawn fuq, fatturi differenti jistgħu jaffettwaw il-grad ta' trasferiment, bħalma huma n-natura tal-ispejjeż tal-input soġġetti għal spiża żejda, in-natura tad-domanda tal-prodott li jiffaċċja l-klijent dirett jew indirett, in-natura u l-intensità ta' interazzjoni kompetittiva bejn id-ditti fis-suq fejn huma attivi l-klijenti diretti jew indiretti u elementi oħrajn bħas-sehem tad-diversi inputs ta' ditta affettwati mill-ispiża żejda jew il-medda ta' żmien tal-ksur.

8.2.   Spejjeż tal-input u l-effett tagħhom fuq id-deċiżjonijiet tal-ipprezzar

(158)

Kif ġie spjegat fil-paragrafu 46 hawn fuq, l-ispiża żejda inizjali tirriżulta f'żieda fl-ispiża tal-input għax-xerrejja tal-prodotti jew tas-servizzi. Jekk dawn ix-xerrejja jistgħux u jridux jittrasferixxu l-ispiża żejda lill-klijenti tagħhom stess — u, jekk iva, sa liema punt — jiddependi, fost fatturi oħrajn, fuq l-istruttura tal-ispejjeż tax-xerrejja.

(159)

Sabiex jiġu identifikati l-effetti tat-trasferiment, huwa importanti li jiġi ddeterminat jekk l-ispiża tal-input imġarrba minn xerrej li jiffaċċja spiża żejda tvarjax bil-kwantità tal-input li huwa jordna (jiġifieri spiża tal-input varjabbli) jew le (jiġifieri spiża tal-input fissa). It-teorija ekonomika tindika li l-kategorija rilevanti tal-ispejjeż għall-formazzjoni ta' prezz fuq żmien qasir hija l-ispiża varjabbli jew aktar preċiżament, l-ispiża marġinali, jiġifieri ż-żieda fil-ispejjeż imġarrba fix-xiri ta' input addizzjonali wieħed (ara l-Kaxxa 13 hawn taħt). L-oppost ta' dawn l-ispejjeż huma l-ispejjeż fissi li, min-naħa tagħhom, ġeneralment jaffettwaw id-deċiżjonijiet strateġiċi fit-tul tad-ditti, bħall-parteċipazzjoni fis-suq, l-introduzzjoni tal-prodott u l-livell ta' investiment.

Kaxxa 13

Eżempji ta' spejjeż fissi u marġinali

Sabiex jiġu spjegati l-kunċetti tal-ispejjeż marġinali (varjabbli) u dawk fissi, huwa utli li jiġi kkunsidrat l-eżempju fil-Kaxxa 1 hawn fuq.

Hemm, l-ispejjeż varjabbli tal-fornitur tal-faxx ta' wajers ikunu l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni ta' faxx ta' wajers wieħed addizzjonali. Dawn l-ispejjeż jistgħu jinkludu l-inputs meħtieġa għall-produzzjoni tal-faxx ta' wajers addizzjonali, inklużi ram u plastik, l-elettriku u l-ispejjeż lavorattivi assoċjati mal-produzzjoni addizzjonali.

Madankollu, il-fornitur tal-faxx ta' wajers iġarrab ukoll spejjeż fissi fil-produzzjoni tiegħu, bħall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tiegħu u investiment f'makkinarju ġdid. Dawn l-ispejjeż mhumiex affettwati mill-produzzjoni ta' faxx ta' wajers wieħed addizzjonali u, b'hekk, huma meqjusa bħala fissi.

(160)

Tipikament, il-punt tat-tluq rilevanti għall-valutazzjoni tal-effetti tat-trasferiment ikun l-impatt tal-ispiża żejda fuq l-ispejjeż marġinali jew varjabbli tax-xerrej.

(161)

Il-kuntratti bejn id-ditti f'livelli differenti tal-katina tal-provvista, li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li fihom id-ditti jfornu l-prodotti jew is-servizzi tagħhom lix-xerrejja, jistgħu jikkonċernaw komponenti meqjusa bħala spejjeż varjabbli jew fissi. Pereżempju, xi komponenti tal-prezz imħallas minn xerrej ta' spiss ma jkunux jiddependi mill-volum mixtri, filwaqt li xi komponenti oħrajn ikunu. Jirriżulta li f'azzjoni għad-danni li tinvolvi kwalunkwe argument dwar it-trasferiment, huwa importanti li jiġi ddeterminat jekk il-komponenti tal-prezz affettwati mill-ksur humiex spejjeż fissi jew le mill-perspettiva tax-xerrej.

(162)

Il-perjodu ta' żmien li matulu jiġi kkunsidrat l-ipprezzar jaffettwa jekk l-ispejjeż humiex kategorizzati bħala varjabbli jew fissi. Ġeneralment, it-teorija ekonomika tissuġġerixxi li aktar ma jkun twil il-perjodu ta' żmien rilevanti, aktar ikun kbir il-proporzjon tal-ispejjeż totali li għandhom jitqiesu bħala varjabbli. Fi kliem ieħor, kategorija tal-ispejjeż partikolari li titqies bħala fissa fuq medda qasira ta' żmien tista' titqies mid-ditta bħala varjabbli meta jiġi kkunsidrat perjodu ta' żmien itwal. Meta tivvaluta l-perjodu ta' żmien rilevanti f'każ speċifiku, il-qorti tista' tkun trid tqis l-informazzjoni mid-dokumenti interni tal-parti, pereżempju informazzjoni dwar l-ispejjeż li d-ditti jikkunsidraw fid-deċiżjonijiet tal-ipprezzar tagħhom stess.

(163)

Il-kunsiderazzjonijiet tal-ispejjeż fissi u varjabbli huma ta' importanza partikolari meta jiġi stmat l-effett tal-volum, minħabba li l-istima ta' dan l-effett teħtieġ valutazzjoni tal-marġini tad-ditti involuti fil-każ inkwistjoni.

8.3.   Il-karatteristiċi tad-domanda u r-rabtiet mal-prezzijiet

(164)

Fattur ieħor kruċjali għall-istima tal-effetti tat-trasferiment huwa n-natura tad-domanda li jiffaċċjaw ix-xerrejja diretti fis-suq fejn huma attivi. Fl-ekonomija, ir-relazzjoni bejn id-domanda u l-livell tal-prezz hija fattur importanti fid-deskrizzjoni ta' kif jaħdem is-suq. Fi kwalunkwe suq, id-domanda ssir referenza għaliha bħala l-kwantità tal-prodott jew tas-servizz inkwistjoni li x-xerrejja f'dan is-suq jixtru f'livell ta' prezz partikolari.

(165)

Tipikament, aktar ma l-livell tal-prezz ikun għoli, aktar tkun baxxa l-kwantità aggregata tal-prodotti li huma lesti li jixtru x-xerrejja fis-suq. Is-sensittività tal-prezz tad-domanda tiddetermina s-saħħa tar-relazzjoni bejn il-prezz u d-domanda. Jekk, pereżempju, żieda fil-prezz ta' EUR 1 tkun assoċjata ma' tnaqqis sinifikanti fil-kwantità mixtrija, id-domanda titqies li hija aktar sensittiva għall-prezz milli kieku t-tnaqqis fil-kwantità tax-xiri jkun inqas importanti għall-istess żieda fil-prezz ta' EUR 1.

(166)

Il-kurva standard tad-domanda inversa li tinżel 'l isfel hija murija fil-Kaxxa 14 hawn taħt (116). F'din il-Kaxxa, iż-żona A tikkorrispondi għal spiża żejda mill-ksur. Iż-żieda fil-prezz li tagħmel ħsara lix-xerrej dirett titqies bħala żieda fl-ispejjeż tal-input tax-xerrejja. Tiġi determinata permezz ta' c 2 -c 1. L-effett tal-prezz relatat mat-trasferiment huwa illustrat miż-żona B, filwaqt li l-effett tal-volum tiegħu huwa illustrat miż-żona C. Kif muri, livell ta' prezz relattivament għoli (p 2) jikkorrispondi għal kwantità relattivament baxxa fornuta (q 2).

Kaxxa 14

Il-kurva standard tad-domanda — l-effetti fuq il-prezz u l-volum

Image 7

(167)

Sommarju tas-sensittività ta' dan il-prezz li jintuża b'mod komuni huwa l-hekk imsejjaħ elastiċità tal-prezz tad-domanda. Hija turi l-bidla perċentwali fil-kwantità mitluba assoċjata ma' żieda fil-prezz ta' wieħed fil-mija. Pereżempju, l-elastiċità tal-prezz tad-domanda ta' ditta ta' – 0,5 tfisser li żieda fil-prezz ta' wieħed fil-mija hija assoċjata ma' tnaqqis ta' 0,5 fil-mija fid-domanda. Min-naħa l-oħra, elastiċità ta' – 0,2 timplika biss tnaqqis ta' 0,2 fil-mija fid-domanda għal żieda fil-prezz ta' wieħed fil-mija. Fil-każ tal-aħħar, id-domanda titqies li hija inqas elastika minn dik tal-ewwel każ, jiġifieri, inqas sensittiva għall-prezz minħabba li l-kwantità tax-xiri tirreaġixxi b'mod inqas qawwi għaż-żieda fil-prezz.

(168)

Meta tivvaluta t-trasferiment ta' spejjeż żejda minn xerrej dirett lil xerrej indirett, id-domanda li x-xerrej dirett jiffaċċa hija waħda ta' interess. Ix-xerrej indirett jista jnaqqas id-domanda tiegħu b'reazzjoni għal żieda fil-prezz mix-xerrej dirett.

(169)

Il-firxa tal-effett tal-volum hija affettwata direttament mis-sensittività tal-prezz tad-domanda. Dan minħabba li s-sensittività tal-prezz tiddetermina t-tnaqqis tad-domanda wara żieda fil-prezz. Għal żieda fil-prezz partikolari, it-tnaqqis tal-produzzjoni jkun akbar aktar ma d-domanda tkun sensittiva għall-prezz. Għalhekk, l-effett tal-volum, jiġifieri l-profitt mitluf mill-klijent tal-kontraventur minħabba t-tnaqqis tal-produzzjoni (domanda), huwa marbut mill-qrib mas-sensittività tad-domanda għall-prezz.

(170)

Il-firxa tat-trasferiment u, b'hekk, id-daqs tal-effetti ta' trasferiment, hija relatata wkoll mar-relazzjoni bejn id-domanda u l-livell tal-prezz. F'dan il-każ, madankollu, mhijiex is-sensittività tal-prezz tad-domanda li hija direttament rilevanti, hija pjuttost il-bidla fis-sensittività tal-prezz tad-domanda hekk kif jinbidel il-livell tal-prezz. Din il-bidla tas-sensittività għall-prezz fir-rigward tal-livell tal-prezz tissejjaħ il-kurvatura tad-domanda.

(171)

Il-kurvatura tad-domanda hija r-rata li biha r-rispons tad-domanda għall-bidliet fil-prezzijiet ivarja skont il-bidliet fil-prezz jew fil-produzzjoni. Meta l-kurva tad-domanda tkun lineari, hija ma jkollha l-ebda kurvatura u l-inklinazzjoni tkun kostanti. Fil-każ ta' domanda konvessa, id-domanda ssir inqas sensittiva għall-bidliet fil-prezzijiet hekk kif jiżdied il-prezz. Dan jista' jkun il-każ jekk il-prodotti jew is-servizzi affettwati mill-ispiża żejda ikunu kkaratterizzati bħala oġġetti essenzjali. Eżempju ipotetiku jista' jkun id-domanda għall-ilma tax-xorb fid-deżert, minħabba li klijent medju jista' jkun dejjem inqas sensittiv għal żieda fil-prezz hekk kif il-kwantità disponibbli tonqos. Bil-maqlub, tali klijent jista' jkun dejjem aktar sensittiv għal żieda fil-prezz hekk kif il-kwantità disponibbli tiżdied.

(172)

Jekk il-kurva tad-domanda tkun konkava, kif muri fiċ-ċentru tal-Kaxxa 15, id-domanda ssir aktar sensittiva għall-bidliet fil-prezzijiet hekk kif il-prezz jiżdied. Pereżempju, dan jista' jkun il-każ jekk sostitut tal-prodott affettwat mill-ispiża żejda ikun disponibbli għall-klijent. Eżempju ta' dan jista' jkun id-domanda għall-petrol. F'ċertu livell ta' prezz, il-klijenti jistgħu jbiddlu l-konsum tagħhom billi jaqilbu għal karozzi elettriċi minflok karozzi li jużaw il-petrol. Dan jimplika li d-domanda għall-petrol ser issir aktar sensittiva għall-bidliet fil-prezzijiet, minħabba li aktar klijenti jbiddlu l-provvista tagħhom jekk jiżdied il-prezz tal-petrol.

(173)

Il-kurvatura tal-kurva tad-domanda jista' jkollha impatt sinifikanti fuq it-trasferiment tal-ispejjeż żejda. Għal livell partikolari ta' kompetizzjoni, it-trasferiment ta'spiża żejda għall-industrija kollha jiżdied aktar ma l-kurva tad-domanda tkun konvessa. Jekk id-domanda tkun konvessa biżżejjed, ir-rata ta' trasferiment tista' taqbeż il-100 fil-mija.

Kaxxa 15

Kurvaturi oħra tad-domanda

Skont il-karatteristiċi tas-suq, il-kurva tad-domanda tista' tkun lineari, konvessa jew konkava kif spjegat hawn taħt. L-għamla ta' kurva tad-domanda 'l isfel tindika li, hekk kif il-prezz jonqos, il-klijenti jitolbu aktar prodott. L-inklinazzjoni grafika tal-kurva tad-domanda turi kif il-kwantità tad-domanda tinbidel mal-prezz. Kurva tad-domanda aktar wieqfa timplika li d-domanda hija inqas sensittiva għaż-żidiet fil-prezzijiet.

Image 8

8.4.   Id-deċiżjoni tal-ipprezzar ta' ditta

(174)

Kif spjegat hawn fuq fil-paragrafi 52 u 53, l-inċentiv ta' ditta li tittrasferixxi spiża żejda fuq ix-xerrejja tagħha huwa ddeterminat mit-tip ta' domanda u mill-ispejjeż ikkonċernati (117). Skont it-teorija ekonomika, ditta taġġusta l-prezzijiet biss meta dan iwassal għal żieda fil-profitti. Madankollu, sabiex tirċievi prezz ogħla, ġeneralment ditta jkollha taċċetta tnaqqis fil-bejgħ. Il-valutazzjoni tal-kompromess bejn iż-żieda fil-profitt minn prezzijiet ogħla u t-tnaqqis fil-profitt minn tnaqqis fil-bejgħ hija importanti sabiex tinftiehem il-firxa tal-effetti ta' trasferiment f'azzjonijiet għad-danni.

(175)

Dan il-kompromess huwa spjegat ukoll fil-Kaxxa 16 ta' hawn taħt. Jekk ditta, pereżempju klijent dirett ta' produttur ta' materja prima, iżżid il-prezzijiet, l-effett fuq il-profitt minn prezzijiet ogħla jista' jiġi spjegat mill-erja A fit-taqsima tax-xellug tal-Kaxxa 16. Il-profitt mitluf korrispondenti li jirriżulta minn inqas bejgħ huwa ugwali għall-erja B. Meta l-effett ta' żieda żgħira oħra fil-prezz ikun tali li l-erja A tkun ugwali għall-erja B, ma jkun hemm ebda skop li jinkiseb profitt addizzjonali permezz ta' aktar aġġustamenti fil-prezzijiet. Jekk il-prezzijiet jiżdiedu lil hinn minn dan il-punt, il-marġini tal-profitt mitluf permezz tat-tnaqqis li jirriżulta fil-volumi tal-bejgħ jissupera l-marġnijiet miżjuda miksuba fuq il-bqija tal-bejgħ.

(176)

Jekk ix-xerrej dirett jiffaċċja spejjeż ogħla għall-materja prima, pereżempju, jekk il-fornituri tal-materja prima jżidu l-prezzijiet bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE, dan jista' jbiddel it-termini tal-kompromess kif deskritt fil-paragrafu 175 hawn fuq. Żieda fl-ispejjeż tax-xerrej dirett tnaqqas il-marġnijiet miksuba fuq il-bejgħ bil-prezz prevalenti. F'termini ta' profitt, dan jagħmilha inqas għalja li jiżdied il-prezz minkejja li jintilef xi bejgħ. Il-profitt mitluf minħabba bejgħ aktar baxx meta żdiedu l-ispejjeż huwa rappreżentat mill-erja D fit-taqsima fuq il-lemin tal-Kaxxa 16 hawn taħt. Billi l-erja D hija iżgħar mill-erja B, il-klijent dirett għandu inċentiv sabiex iżid il-prezz tiegħu b'reazzjoni għaż-żieda fl-ispejjeż, jiġifieri jittrasferixxi l-bidla fl-ispejjeż, għall-inqas sa ċertu punt.

Kaxxa 16

Kompromess bejn iż-żieda fil-prezzijiet u l-bejgħ mitluf

Image 9

8.5.   L-intensità tal-kompetizzjoni u r-rabtiet mat-trasferiment

8.5.1.   Kontinwu tal-kompetittività tas-swieq

(177)

F'livell partikolari tal-katina tal-provvista, il-kompetizzjoni bejn id-ditti tista' tkun aktar jew inqas intensa. F'estrem wieħed, meta ditta tkun monopolista fil-livell tagħha tal-katina tal-provvista, ma jkun hemm ebda kompetizzjoni. Fl-estrem l-ieħor, il-kompetizzjoni bejn id-ditti tista' tkun intensa ħafna (pereżempju meta ħafna ditti jbigħu prodotti pjuttost omoġenji f'suq b'ostakli baxxi għad-dħul), b'tali mod li kull ditta toqgħod għall-prezzijiet u ma tinfluwenzax il-prezzijiet tas-suq li jkunu fl-ispejjeż marġinali tal-produzzjoni jew qrib tagħhom. Dan il-każ tal-aħħar jissejjaħ kompetizzjoni perfetta. Bejn dawn iż-żewġ każijiet estremi hemm firxa wiesgħa ta' xenarji intermedjarji, fejn il-kompetizzjoni tista' tkun aktar jew inqas intensa, skont, pereżempju, l-għadd ta' ditti fl-industrija jew jekk il-prodotti mibjugħa minn ditti differenti humiex sostituti viċini jew le.

(178)

Tali kompetittività tas-suq tħalli impatt dirett fuq it-trasferiment. Fil-każ ta' riferiment ta' kompetizzjoni perfetta, ix-xokkijiet tal-ispejjeż fuq l-industrija kollha jiġu ttrasferiti 100 fil-mija lill-klijenti diretti. Tali struttura stilizzata tas-suq ta' kompetizzjoni perfetta tista' tiffunzjona bħala punt ta' riferiment għall-qorti meta tevalwa l-effetti ta' trasferiment (anki jekk fi swieq tad-dinja reali din tiġi osservata inqas ta' spiss). B'kuntrast, f'xenarji ta' monopolju jew ta'diversi intermedjarji, it-trasferiment tal-ispejjeż żejda ma jistax jammonta għal rata ta' 100 %, iżda minflok jista' jkun fuq jew taħt dan il-limitu, inkluża rata ta' trasferiment ta' żero fil-mija.

(179)

Eżempju wieħed ta' strutturi tas-suq ikkaratterizzati minn kompetizzjoni imperfetta huwa suq bi prodotti differenzjati. Id-differenzjazzjoni tista' tinħoloq f'termini tal-karatteristiċi tal-prodott jew tal-ġeografija. Pereżempju, ix-xerrejja diretti jistgħu joffru prodotti li jvarjaw minn xulxin fil-kwalità attwali tagħhom, jew bil-kwalità kif perċepita mill-klijenti tal-prodott. B'mod alternattiv, minħabba l-postijiet differenti fejn jinsabu x-xerrejja diretti, l-ispiża tat-trasportazzjoni tal-prodotti offruti tista' tvarja għal klijenti differenti (li l-post fejn ikunu jinsabu jista' jkun differenti wkoll). Id-differenzjazzjoni tista' trendi il-prodotti mhux sostituti perfetti ta' xulxin. Il-klijenti jistgħu ma jarawx il-prodotti kollha bħala perfettament interkambjabbli.

(180)

Din is-sostitwibbiltà inqas minn perfetta tista' tirriżulta fi pressjoni kompetittiva mnaqqsa fuq fornituri li jistgħu ma jkunux qed jiffaċċjaw kompetituri li joffru prodotti interkambjabbli sew. Fi kliem ieħor, skont it-teorija ekonomika, l-intensità tal-kompetizzjoni titnaqqas meta tiżdied id-differenzjazzjoni tal-prodott. Kif ġie spjegat fil-paragrafi 177 et seq. hawn fuq, kompetizzjoni aktar dgħajfa tnaqqas ir-rata ta' trasferiment ta'spiża żejda għall-industrija kollha, jiġifieri hekk kif id-differenzjazzjoni tal-prodotti tax-xerrejja diretti tiżdied, ir-rata tat-trasferiment tal-ispiża żejda għall-industrija kollha li x-xerrejja kienu suġġetti għaliha tavviċina r-rata fejn kull xerrej dirett ikun monopolista. Bil-maqlub, meta d-differenzjazzjoni tal-prodott tkun limitata, ir-rata tat-trasferiment tal-ispiża żejda għall-industrija kollha tkun akbar.

8.5.2.   Spiża żejda u trasferiment speċifiċi għad-ditta vs għall-industrija kollha

(181)

It-trasferiment tal-ispejjeż żejda minn xerrej partikolari vis-à-vis il-klijenti tiegħu ġeneralment ivarja, skont jekk il-kompetituri tax-xerrej ikunux affettwati wkoll mill-ispiża żejda jew le. Meta xerrej wieħed jiġi affettwat mill-ispiża żejda, it-trasferiment neċessarjament ikun speċifiku għad-ditta. B'kuntrast, jekk ix-xerrejja kollha f'livell partikolari tal-katina tal-provvista jiġu affettwati mill-ispiża żejda, wieħed jista' jikkunsidra r-rati ta' trasferiment għal kull ditta, iżda wkoll it-trasferiment għall-industrija kollha.

(182)

Jekk jiġi affettwat xerrej wieħed biss, jiġifieri l-ispiża żejda tkun speċifika għad-ditta, l-effetti tat-trasferiment jistgħu jkunu pjuttost limitati, b'mod partikolari meta dan ix-xerrej ma jkunx jista' jaffettwa l-prezzijiet tal-bejgħ fis-suq tiegħu minħabba pressjoni qawwija mill-kompetituri tiegħu.

(183)

Bil-maqlub, meta l-intrapriżi kollha f'suq ikunu affettwati minn spiża żejda, jiġifieri l-ispiża żejda tkun mifruxa mal-industrija kollha, l-intrapriżi kollha jiffaċċjaw spejjeż tal-input ogħla, u dan jimplika li jkunu jistgħu jittrasferixxu mill-inqas parti mill-ispiża żejda fuq il-klijenti tagħhom stess. Madankollu, spiża żejda għall-industrija kollha xorta tista' taffettwa lil kompetituri b'mod differenti.

8.6.   Xi fatturi ulterjuri li jħallu impatt fuq it-trasferiment

(184)

F'xi swieq, id-ditti jbigħu diversi prodotti, pereżempju fis-swieq tal-bejgħ bl-imnut tal-ħwienet tal-merċa. Fi swieq bħal dawn, il-prodotti jistgħu jkunu interrelatati permezz tad-domanda tagħhom, pereżempju, jekk bejjiegħ bl-imnut ibigħ marki kompetituri ta' ħafna kategoriji ta' prodotti. Jekk il-prodotti jkunu sostituti, xokk tal-ispiża fuq prodott wieħed jista' jaffettwa wkoll il-prezzijiet ta' prodotti oħrajn mibjugħa mill-bejjiegħ bl-imnut. Bidla fil-prezz ta' prodotti oħrajn tista' tbiddel ukoll il-prezz tal-prodott affettwat direttament mix-xokk tal-ispiża. B'hekk, dawn l-effetti ta' rispons minn prodotti oħrajn jistgħu jżidu t-trasferiment tal-ispiża inizjali fi swieq fejn id-ditti jbigħu prodotti multipli.

(185)

Sa liema punt jiġi osservat effett ta' trasferiment jista' jiddependi wkoll fuq il-medda ta' żmien ikkunsidrata meta jiġi stmat tali effett. B'mod partikolari, it-trasferiment ta'spiża żejda “l isfel tul il-katina tal-provvista jista” jiġi ttardjat għal numru ta' raġunijiet. L-ewwel nett, l-ispiża żejda inizjali tista' taffettwa biss l-ispejjeż fissi tad-ditti li jiffaċċjaw l-ispiża żejda. Anki jekk il-punt tat-tluq rilevanti għall-valutazzjoni tal-effetti tat-trasferiment ikun l-impatt tal-ispiża żejda fuq l-ispejjeż marġinali jew varjabbli tax-xerrej, żieda fl-ispejjeż fissi tista' taffettwa d-deċiżjonijiet strateġiċi ta' ditta u b'hekk ukoll l-effetti tat-trasferiment.

(186)

Barra minn hekk, kif imsemmi fil-paragrafu 56, id-ditti jistgħu jġarrbu l-hekk imsejħa spejjeż għall-aġġustament tal-prezzijiet, jiġifieri spejjeż assoċjati mal-proċess tal-aġġustament tal-prezzijiet. Jekk dan ikun il-każ, ditta tippreferi tillimita n-numru ta' bidliet fil-prezzijiet li tagħmel u tista' tittrasferixxi spiża żejda biss wara ċertu żmien. Pereżempju, tali ditta tistenna sakemm iż-żieda fl-ispejjeż marġinali takkumula lil hinn minn ċertu limitu u taġġusta l-prezz biss meta jintlaħaq dan il-limitu. F'ċerti każijiet, l-ispiża żejda tista' tikkostitwixxi żieda tant żgħira fl-ispiża marġinali li x-xerrej affettwat jista' jsib li ma jkunx profittabbli li jittrasferixxi l-ispiża żejda. Min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta' spejjeż ta' aġġustament tal-prezzijiet tista' twassal ukoll għal trasferiment li jkun akbar mill-ispiża żejda tal-bidu (118). Dan jista' jkun il-każ jekk ix-xerrej dirett ikun f'riskju li jibdel il-prezzijiet tiegħu fin-nuqqas ta' spejjeż żejda. Għalhekk, spiża żejda żgħira fiha innifisha tista' twassal għal żieda kbira fil-prezz li tirrifletti mhux biss l-ispiża żejda iżda ż-żidiet l-oħra kollha tal-ispejjeż akkumulati wara l-aħħar aġġustament fil-prezz. Billi żidiet oħra bħal dawn jistgħu ma jkunux attribwibbli għall-kontraventur, jista' jkun li qorti nazzjonali tkun tixtieq li tkun konxja tal-fatt li, f'xenarju bħal dan, anki spejjeż żejda li jkunu relattivament żgħar jistgħu jwasslu għal żieda sinifikanti fil-prezz.

(187)

Eżempju ieħor ta' kif l-ispejjeż ta' aġġustament tal-prezzijiet jistgħu jaffettwaw il-grad ta' trasferiment huwa relatat mal-eżistenza tal-hekk imsejjaħ “ipprezzar psikoloġiku”. F'ħafna swieq, tipikament is-swieq tal-bejgħ bl-imnut, il-prezzijiet ftit inqas minn numru arrotondat huma komuni, pereż. EUR 99 jew EUR 19 900. Il-konsumaturi jistgħu jipperċepixxu prezzijiet bħal dawn aktar baxxi milli jkunu. L-użu ta' tali strateġija tal-ipprezzar jista' jagħmilha aktar probabbli li xerrej dirett jagħżel li ma jittrasferixxix spiża żejda, peress li l-bidla fil-prezz, pereżempju minn EUR 19 900 għal EUR 20 000, twassal għal tnaqqis sinifikanti fid-domanda tax-xerrej dirett. L-impatt possibbli fuq l-istima tal-effetti ta' trasferiment mill-eżistenza tal-ispejjeż ta' aġġustament tal-prezzijiet huwa diskuss aktar fit-Taqsima 5.2.1.

(188)

Barra minn hekk, f'ċerti ċirkostanzi, xerrej indirett jista' jkun kapaċi juża s-saħħa tan-negozjar tiegħu sabiex jillimita l-kapaċità ta' xerrej dirett li jittrasferixxi spiża żejda. Is-saħħa tan-negozjar tax-xerrej indirett tista' tissejjaħ is-saħħa kumpensatorja tax-xerrej (119). Is-saħħa tax-xerrej mhijiex limitata biss għall-kapaċità li jaqleb għal fornituri oħrajn, iżda wkoll, pereżempju, għall-integrazzjoni upstream.

(189)

B'mod ġenerali, is-saħħa tax-xerrej ma tipprojbixxix it-trasferiment jekk ikun hemm spiża żejda għall-industrija kollha, iżda taffettwa l-grad ta' trasferiment. Fuq naħa waħda, wieħed jista' jaħseb f'xenarju fejn is-saħħa qawwija tax-xerrej iġġiegħel lix-xerrejja diretti jaċċettaw l-ispiża żejda u b'hekk tillimita t-trasferiment. Min-naħa l-oħra, wieħed jista' jaħseb ukoll f'xenarju fejn is-saħħa qawwija tan-negozjar tax-xerrej indirett iġġiegħel lix-xerrejja diretti jagħmlu valwazzjoni pożittiva ta' żero u jbigħu bi prezz li jkopri biss l-ispejjeż marġinali tagħhom u, b'hekk, jirriżultaw f'rata ta' trasferiment ta' 100 % f'każ ta'spiża żejda.

(190)

Billi l-grad tas-saħħa tax-xerrej u l-implikazzjonijiet ta' dan fuq l-effetti tat-trasferiment jiddependu min-natura tan-negozjati individwali u mill-kuntest speċifiku li fih iseħħu, il-qorti tista' tivvaluta dan is-suġġett fuq bażi ta' każ b'każ.

(191)

Barra minn hekk, jekk ix-xerrej dirett li jiffaċċja spiża żejda ikun integrat b'mod vertikali f'suq tal-bejgħ bl-imnut downstream, jiġifieri jkun attiv ukoll fis-suq fejn joperaw ix-xerrejja indiretti, dan jista' jaffettwa l-inċentiv tax-xerrej dirett sabiex jittrasferixxi l-ispiża żejda inizjali. Barra minn hekk, f'xenarju bħal dan, ix-xerrej dirett li jiffaċċja spiża żejda jista' jkollu inċentiv li jittrasferixxi l-ispiża żejda kollha fid-ditta integrata. Madankollu, ir-rata tat-trasferiment lix-xerrejja indiretti mhux integrati ġeneralment tvarja minn din, pereżempju skont il-livell tal-ispejjeż jew il-marġini tal-profitt tax-xerrejja indiretti differenti.

(192)

F'ċerti industriji, il-prezz offrut mix-xerrej dirett jew indirett jista' jkun soġġett għal regolamentazzjoni, pereżempju regolamentazzjoni tal-prezzijiet minn aġenziji governattivi. Ir-regolamentazzjoni tal-prezzijiet tista' taffettwa l-firxa tat-trasferiment. Pereżempju, jekk il-prezz irregolat jiġi ffissat b'mod indipendenti mill-ispejjeż speċifiċi tal-prodott soġġett għal spiża żejda meta jiġi ffissat il-prezz, l-effett tal-prezz relatat mat-trasferiment jista' jkun limitat jew xejn. Madankollu, kif imsemmi wkoll fil-paragrafu 48, id-dannu li jirriżulta minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE jista' jaffettwa wkoll fatturi mhux relatati mal-prezz. Bil-maqlub, jekk ir-regolatur jikkunsidra b'mod sħiħ l-ispiża tal-prodott soġġett għal spiża żejda meta jiffissa l-prezz irregolat, il-grad ta' trasferiment jista' jkun sostanzjali wkoll fi swieq irregolati.

9.   ANNESS 2 — GLOSSARJU

(193)

Dan l-anness jagħti ħarsa ġenerali lejn it-termini ekonomiċi użati matul il-linji gwida.

Kurvatura tad-domanda: Il-bidla tal-elastiċità tad-domanda hekk kif jinbidel il-livell tal-prezz.

Domanda: Il-kwantità ta' prodott jew servizz li x-xerrejja f'suq jixtru f'livell ta' prezz partikolari.

Kurva tad-domanda: Illustrazzjoni tar-relazzjoni bejn il-kwantità mitluba u l-prezz ta' prodott.

Teknika ekonometrika: Din it-teknika, li tissejjaħ ukoll analiżi ta' rigressjoni, hija statistika fin-natura tagħha u tgħin sabiex jiġu analizzati x-xejriet fir-relazzjoni bejn varjabbli ekonomiċi, pereżempju, kif l-iżvilupp tal-ispejjeż jaffettwa l-iżvilupp tal-prezzijiet f'suq partikolari.

Elastiċità tad-domanda: Il-bidla perċentwali fil-kwantità mitluba b'reazzjoni għal żieda fil-prezz ta' wieħed fil-mija.

Spiża żejda speċifika għad-ditta: Xerrej wieħed biss huwa affettwat mill-ispiża żejda.

Spejjeż fissi: L-ispejjeż ma jvarjawx skont il-kwantità tal-produzzjoni prodotta.

Spiża żejda għall-industrija kollha: Ix-xerrejja kollha f'livell partikolari tal-katina tal-provvista huma affettwati mill-ispiża żejda.

Spiża marġinali: Iż-żieda fl-ispejjeż totali li tirriżulta minn unità addizzjonali ta' produzzjoni.

L-analiżi ta' rigressjoni: Ara t-teknika ekonometrika.

Inklinazzjoni grafika tad-domanda: Il-proporzjon ta' bidla fil-kwantità għall-bidla fil-prezzijiet bejn żewġ punti tal-kurva tad-domanda magħżula b'mod arbitrarju qrib xulxin.

Spejjeż varjabbli: L-ispejjeż li jvarjaw skont il-kwantità tal-produzzjoni prodotta.


(1)  Id-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 349, 05.12.2014, p. 1).

(2)  Il-Kummissjoni, id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal — Gwida Prattika dwar il-Kwantifikazzjoni tad-Dannu f'Kawżi għad-danni bbażati fuq ksur tal-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, 11.6.2013, SWD(2013) 205.

(3)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-kwantifikazzjoni tad-dannu f'kawżi għad-danni bbażati fuq ksur tal-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 167, 13.6.2013, p. 19).

(4)  Il-Gwida Prattika tittratta t-trasferiment fil-qosor biss, jiġifieri fil-paragrafi 161-171 tagħha.

(5)  Dawn il-linji gwida jiffukaw fuq it-trasferiment tal-ispejjeż żejda fil-kuntest ta' ksur tal-Artikolu 101 TFUE, b'mod partikolari kartelli fis-sens tal-Artikolu 2(14) tad-Direttiva dwar id-Danni u restrizzjonijiet orizzontali oħra. Madankollu, jistgħu jkunu wkoll sors ta' referenza għal prattiki tajbin quddiem il-qrati nazzjonali għal restrizzjonijiet vertikali, pereżempju żamma tal-prezz għall-bejgħ mill-ġdid, u ksur tal-Artikolu 102 TFUE, jiġifieri abbuż ta' dominanza, bħal prezzar eċċessiv, dment li l-ispeċifiċitajiet tar-regoli applikabbli tal-UE jkunu tqiesu b'mod suffiċjenti.

(6)  L-effett tal-volum huwa spjegat fil-qosor fil-paragrafu 10 hawn taħt. Il-Kapitolu 6 jiddeskrivi metodi għall-kwantifikazzjoni u l-istima ta' dan l-effett.

(7)  Ara l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar id-Danni.

(8)  Għad-dritt għal kumpens sħiħ, ara l-paragrafi 12 et seq. ta' hawn taħt.

(9)  Ara l-Artikolu 2(20) tad-Direttiva dwar id-Danni.

(10)  Ara l-Artikolu 2(2), (23) u (24) tad-Direttiva dwar id-Danni.

(11)  Skont l-Artikolu 2(24) tad-Direttiva dwar id-Danni, “‘xerrej indirett’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li xtrat, mhux direttament mingħand kontraventur, imma mingħand xerrej dirett jew xerrej sussegwenti, prodotti jew servizzi li kienu l-oġġett ta' ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, jew prodotti jew servizzi li jkun fihom it-tali oġġetti jew imnisslin minnhom.”

(12)  Il-QĠUE, is-sentenza tal-14 ta' Marzu 2019, il-Kawża C-724/17 (Skanska) ECLI:EU:C:2019:204, il-paragrafu 26 u l-QĠUE, is-sentenza tat-28 ta' Marzu 2019, il-Kawża C-637/17 (Cogeco) ECLI:EU:C:2019:263, il-paragrafu 40, it-tnejn li huma b'referenzi għall-QĠUE, is-sentenza tal-5 ta' Ġunju 2014, il-Kawża C-557/12 (Kone) ECLI:EU:C:2014:1317, il-paragrafu 22 u l-ġurisprudenza msemmija fiha, jiġifieri s-sentenza tal-QĠUE tat-13 ta' Lulju 2006, il-Kawża C-295/04 (Manfredi) ECLI:EU:C:2006:461, il-paragrafu 61 u l-QĠUE, is-sentenza tas-6 ta' Novembru 2012, il-Kawża C 199/11 (Otis and Others) ECLI: EU:C:2012:684, il-paragrafu 43.

(13)  Fin-nuqqas ta' regoli tal-UE li jirregolaw il-kwistjoni, huwa l-ordinament ġuridiku domestiku ta' kull Stat Membru li jistabbilixxi r-regoli dettaljati li jirregolaw l-eżerċitar tad-dritt li jintalab kumpens għad-dannu li jirriżulta minn ftehim jew prassi projbita skont l-Artikolu 101 TFUE, inkluż dawk dwar l-applikazzjoni tal-kunċett ta' “relazzjoni kawżali”, sakemm ikunu osservati l-prinċipji ta'ekwivalenza u effettività (QĠUE, is-sentenza tal-5 ta' Ġunju 2014, il-Kawża C-557/12 (Kone) ECLI:EU:C:2014:1317, il-paragrafu 24; QĠUE, is-sentenza tat-13 ta' Lulju 2006, il-Kawża C-295/04 (Manfredi) ECLI:EU:C:2006:461, il-paragrafu 64).

(14)  Ara l-Premessa 43 tad-Direttiva dwar id-Danni. F'sitwazzjoni ta' kartell tax-xerrejja, il-prezz aktar baxx imħallas mill-kontraventuri jista' jissejjaħ “sottodebitu” u jista' jkun hemm ukoll effetti ta' volum upstream relatati. Madankollu, ta' min jinnota li l-fornituri jistgħu jiġu affettwati ħażin ukoll f'sitwazzjoni ta' kartell tal-bejjiegħa. Dan jista' jkun il-każ jekk ifornu inqas lill-kontraventuri minħabba l-effett tal-volum, jiġifieri telf ta' profitt minħabba t-tnaqqis fid-domanda fil-livell dirett jew anki indirett tax-xerrejja “l isfel fil-katina tal-provvista. It-tnaqqis fid-domanda fir-rigward tal-kontribut kartellizzat jista” jikkawża wkoll tnaqqis fid-domanda ta' kontributi oħrajn. Il-fornituri ta' dawn il-kontributi l-oħrajn jistgħu wkoll jitolbu għal danni, dment li jkunu jistgħu juru rabta kawżali bejn id-dannu tagħhom u l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE.

(15)  Ara t-tieni sentenza tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar id-Danni.

(16)  L-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Capotorti tat-12 ta' Settembru 1979 dwar il-Kawża 238/78 (Ireks-Arkady v Council and Commission) ECLI:EU:C:1979:203, il-paragrafu 9.

(17)  Il-Premessa 39 tad-Direttiva dwar id-Danni.

(18)  L-ipprezzar umbrella jirreferi għal sitwazzjoni li fiha “impriżi li ma jkunux huma stess parteċipanti f'akkordju (l-impriżi hekk imsejħa l-grupp barra miċ-ċirku tal-akkordju), jistabbilixxu, deliberatament jew le, bħala konsegwenza tal-aġir ta' dan l-akkordju, il-prezzijiet tagħhom stess f'livell ogħla minn dak li kien ikun possibbli f'kundizzjonijiet kompetittivi”, l-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Kokott ippreżentata fit-30 ta' Jannar 2014 fil-Kawża C-557/12 (Kone) ECLI:EU:C:2014:45, il-paragrafu 2.

(19)  L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva dwar id-Danni.

(20)  Fi kliem ieħor, dawn il-linji gwida huma mingħajr preġudizzju għall-kunsiderazzjoni tat-trasferiment skont id-dritt nazzjonali, dment li dan id-dritt jikkonforma mal-prinċipju tal-ekwivalenza u l-effettività, ara l-paragrafu 6 ta' hawn fuq. Meta jirreferu għal trasferiment tat-telf attwali, dan jinkludi kunsiderazzjoni ta' trasferiment b'referenza għal regoli u prinċipji oħrajn, bħall-compensatio lucri cum damno.

(21)  Gwida Prattika, il-paragrafu 128.

(22)  Ara l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva dwar id-Danni.

(23)  Ir-rabta intuwittiva bejn l-effett tal-prezz u l-effett tal-volum huwa spjegat f'aktar dettall fl-Anness 1.

(24)  Ara l-Premessa 39 tad-Direttiva dwar id-Danni.

(25)  Ara t-tieni sentenza tal-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar id-Danni.

(26)  L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva dwar id-Danni jistipula li r-regoli dwar it-trasferiment għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' parti dannuża li titlob u tikseb kumpens għal telf ta' profitti minħabba trasferiment sħiħ jew parzjali tal-ispiża żejda.

(27)  Il-Premessa 41 tad-Direttiva dwar id-Danni.

(28)  B'mod partikolari, ix-xerrej indirett jista' juri li din l-ewwel kundizzjoni hija ssodisfata b'referenza għall-effetti vinkolanti li għandha deċiżjoni tal-Kummissjoni awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni. Rigward id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, l-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1) jistipula li l-qrati nazzjonali, meta jiddeċiedu fuq ftehimiet, deċiżjonijiet jew prattiki skont l-Artikolu 101 TFUE li huma diġà soġġetti għal deċiżjoni tal-Kummissjoni, ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra d-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni. Rigward id-deċiżjonijiet finali ta' ksur tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, ix-xerrejja jistgħu jibbenefikaw mill-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar id-Danni. Dan l-Artikolu jiddistingwi skont liema awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tkun ħarġet id-deċiżjoni ta' ksur rilevanti. Skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar id-Danni, deċiżjoni finali tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ta' Stat Membru titqies li tistabbilixxi b'mod inkontestabbli ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni quddiem il-qrati ta' dak l-Istat Membru partikolari filwaqt li l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva dwar id-Danni tistipula li l-qrati nazzjonali huma meħtieġa jqisu deċiżjoni finali ta' awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ta' Stat Membru ieħor mill-inqas bħala evidenza prima facie tal-eżistenza ta' ksur.

(29)  Ara l-aħħar sentenza tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva dwar id-Danni.

(30)  Ara l-Artikoli 12(1), 12(2) u 15 tad-Direttiva dwar id-Danni.

(31)  Ara l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar id-Danni.

(32)  Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).

(33)  Ara l-Premessa 44 u l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva dwar id-Danni.

(34)  Il-Premessa 44 tad-Direttiva dwar id-Danni.

(35)  Ara l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva dwar id-Danni.

(36)  Ara d-DOKUMENT TA' ĦIDMA TAL-KUMMISSJONI li jakkumpanja l-WHITE PAPER dwar azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust, COM(2008) 165 final, il-paragrafi 223-224.

(37)  It-tensjonijiet potenzjali bejn il-kawżalità ekonomika u legali fil-kuntest tat-trasferiment kienu evidenti f'sentenzi tal-qrati nazzjonali li jillimitaw l-użu tat-trasferiment bħala tarka b'referenza għad-dritt nazzjonali, b'mod partikolari fir-Renju Unit (ara Competition Appeal Tribunal, is-sentenza tal-14 ta' Lulju 2016, [2016] CAT 23 (Sainsbury's Supermarkets Ltd v MasterCard Inc), b'mod partikolari l-paragrafu 484, u l-Court of Appeal, is-sentenza tal-4 ta' Lulju 2018, [2018] EWCA 1536 (Civ) (Sainsbury's Supermarkets Ltd v Mastercard Inc), b'mod partikolari fil-paragrafi 332 u 340) u fin-Netherlands (Hoge Raad (il-Qorti Suprema, in-Netherlands), is-sentenza tat-8 ta' Lulju 2016, il-Kawża 15/00167 (TenneT v ABB), il-paragrafi 4.4.1-4.4.5).

(38)  Ara l-Premessa 46 tad-Direttiva dwar id-Danni. Sabiex tindirizza kwistjonijiet bħal dawn, id-Direttiva dwar id-Danni tinkludi, fost affarijiet oħra, regoli dwar id-divulgazzjoni (ara l-paragrafi 40 et seq. ta' hawn taħt), il-possibbiltà li tintalab assistenza mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni skont l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva dwar id-Danni u l-obbligu li jitqiesu proċedimenti oħrajn li jirrigwardjaw l-istess ksur (ara l-paragrafu 25 ta' hawn taħt).

(39)  Pereżempju, fir-Renju Unit il-qrati nazzjonali jistgħu jikkwantifikaw id-dannu “bl-eżerċizzju ta' immaġinazzjoni tajba u bil-prattika tal-mannara wiesgħa” (stabbilit fil-Watson Laidlaw & Co. Ltd v Pott Cassels & Williamson [1914] S.C. (H.L.) 18 fil-paragrafi 29-30 u aktar tard applikat ukoll fil-kuntest ta' kawżi għad-danni għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, ara pereżempju Court of Appeal, is-sentenza tal-14 ta' Ottubru 2008, [2008] EWCA Civ 1086 (Devenish Nutrition Ltd v Sanofi-Aventis SA) fil-paragrafu 110), fin-Netherlands il-qorti nazzjonali li tagħti d-danni tista' tikkwantifika l-ammont tad-dannu sa fejn dan huwa possibbli (ara l-Artikolu 612 Wetboek van Burgerlijke Rechtsvordering) u tagħti stima tiegħu bil-mod li jkun l-aktar adatt għall-karatteristiki tad-dannu (ara l-Artikolu 6:97 Burgerlijk Wetboek).

(40)  Il-Gwida Prattika, il-paragrafu 16 u n-nota 15 ta' qiegħ il-paġna b'referenza għas-sentenza tal-QĠUE tas-27 ta' Jannar 2000, il-Kawżi Magħquda C-104/89 u C-37/90 (Mulder and others v Council and Commission) ECLI:EU:C:2000:38, il-paragrafu 79. L-approċċ ġenerali għall-kwantifikazzjoni tad-dannu f'każijiet ta' kompetizzjoni huwa stabbilit ukoll fil-paragrafi 11-20 tal-Gwida Prattika.

(41)  Jinsabu fuq http://ec.europa.eu/competition/antitrust/legislation/best_practices_submission_en.pdf

(42)  Ara l-paragrafi 17 et seq. ta' hawn fuq.

(43)  Ara l-Artikolu 2(13) tad-Direttiva dwar id-Danni li jiċċara espliċitament li “evidenza” tinkludi d-dokumenti u l-oġġetti l-oħrajn kollha li fihom informazzjoni, irrispettivament mill-mezz li fuqu tinħażen l-informazzjoni.

(44)  It-tekniki ekonometriċi huma spjegati fit-Taqsima 5 ta' hawn taħt u fl-Anness 2.

(45)  Ara wkoll il-paragrafi 13 et seq. tal-Gwida Prattika.

(46)  Il-Premessa 16 tad-Direttiva dwar id-Danni tiċċara li jenħtieġ li tiġi identifikata kategorija ta' evidenza b'referenza għall-karatteristiċi komuni tal-elementi kostituttivi tagħha bħan-natura, l-oġġett jew il-kontenut tad-dokumenti li tintalab id-divulgazzjoni tagħhom, il-ħi li fih tfasslu, jew kriterji oħra.

(47)  Ara l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva dwar id-Danni.

(48)  Il-Premessa 18 tad-Direttiva dwar id-Danni.

(49)  Ara l-Aħjar Prattiki, il-paragrafu 45.

(50)  Id-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta' konoxxenza u ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1).

(51)  Dawn l-inċentivi huma spjegati f'aktar dettall fl-Anness 1.

(52)  Din l-evidenza hija spjegata aktar fit-Taqsima 4.1.

(53)  Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li l-metodi u t-tekniki deskritti f'dawn il-linji gwida jistgħu jiġu applikati f'azzjonijiet għad-danni li jikkonċernaw tipi oħra ta' dannu, jiġifieri effetti mhux marbuta mal-prezzijiet.

(54)  Ir-raġunijiet għaliex il-fatturi elenkati fil-paragrafu 51 jistgħu jkunu importanti fid-determinazzjoni tal-eżistenza u l-grad tal-effett tal-prezz relatat mat-trasferiment u tal-effett tal-volum relatat mat-trasferiment huma spjegati f'din it-taqsima. Spjegazzjoni aktar dettaljata tal-impatt ta' kull fattur hija pprovduta fl-Anness 1, flimkien ma' spjegazzjoni tal-mekkaniżmu tal-formazzjoni tal-prezz standard.

(55)  Dan huwa spjegat aktar fl-Anness 1.

(56)  Ara l-paragrafu 159 hawn taħt.

(57)  Ara wkoll il-Linji Gwida dwar il-valutazzjoni ta' fużjonijiet orizzontali skont ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-intrapriżi (ĠU C 31, 5.2.2004, p. 5, il-paragrafu 80). Madankollu, huwa possibbli li f'ċerti każijiet, l-ispejjeż fissi jistgħu jitqiesu wkoll minn impriża meta jiġu ddeterminati l-prezzijiet tagħha. Jekk dan ikun il-każ, jenħtieġ li jintwera mill-parti li tappoġġa din il-fehma, pereżempju bl-użu tal-metodi għall-istima spjegati fit-Taqsima 4.

(58)  L-importanza tal-forma tad-domanda tal-prodott hija spjegata f'aktar dettall fl-Eżempju 3 fil-Kapitolu 3.2 u fl-Anness 1.

(59)  Dawn il-previżjonijiet mit-teorija ekonomika huma deskritti u spjegati aktar fl-Eżempju 2 fil-kapitolu 3.2.

(60)  Għal eżempji ta' sentenzi li jittrattaw l-importanza tad-dinamika tas-suq u kif id-domanda tirreaġixxi għal bidliet fil-prezzijiet, ara, pereżempju, id-deċiżjoni tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tat-28 ta' Ġunju 2011 fil-Kawża KZR 75/10 (ORWI) il-paragrafi 59 u 69 u d-deċiżjoni tal-Landgericht Düsseldorf (Qorti Reġjonali, Düsseldorf), tad-19 ta' Novembru 2015 fil-Kawża 14d O 4/14 (German Car Glass), il-paragrafu 221. L-importanza u l-livell tal-kompetizzjoni u jekk l-ispiża żejda inizjali tkunx speċifika għal ditta jew mifruxa mal-industrija huma indirizzati wkoll f'għadd ta' sentenzi ta' qrati nazzjonali, ara pereżempju s-sentenza Daniża, Sø- og Handelsretten (il-Qorti Suprema Marittima u Kummerċjali, id-Danimarka) is-sentenza tat-3 ta' Ottubru 2002, il-Kawża V 15/01 (UfR2004.2600S) (EKKO v Brandt Group Norden et al), u s-sentenza Spanjola, Tribunal Supremo de España (il-Qorti Suprema, Spanja), is-sentenza tas-7 ta' Novembru 2013, il-Kawża 5819/2013 (Nestle et al v Ebro Puleva).

(61)  Għal eżempju ta' każ li jikkunsidra jekk it-trasferiment jkunx probabbli meta l-input affettwat mill-ispiża żejda jkun jirrappreżenta sehem żgħir mill-ispejjeż varjabbli tax-xerrej dirett, ara pereżempju s-sentenza Franċiża, Cour d'Appel de Paris (il-Qorti tal-Appell, Pariġi), is-sentenza tas-27 ta' Frar 2014, il-Kawża 10/18285 (SNC Doux Aliments Bretagne et al vs Société Ajinomoto Eurolysine). Din is-sentenza hija spjegata f'aktar dettall fil-Kaxxa 10 hawn taħt.

(62)  Jekk ikun biss ix-xerrej li jżid il-prezz tiegħu, il-klijenti tiegħu jkunu jistgħu jixtru mingħand il-kompetituri. Madankollu, jekk il-kompetituri jgħollu wkoll il-prezzijiet tagħhom sa ċertu punt, il-bidla tista' tkun inqas attraenti għall-klijenti, sabiex b'hekk il-bejgħ globali tal-ewwel xerrej ikun jista' jitnaqqas aktar. Madankollu, jenħtieġ li jiġi nnotat li jekk il-klijenti kollha, jew uħud minnhom, jirrispondu għal żieda fil-prezz għas-suq kollu billi jieqfu jixtru l-prodott għalkollox, l-effett tal-volum jista' jkun saħansitra akbar milli fil-każ taż-żieda fil-prezz tax-xerrej waħdieni.

(63)  Jenħtieġ li jiġi nnotat li l-ħtieġa tal-ħolqien ta' xenarju kontrofattwali matul il-valutazzjoni tat-trasferiment huwa konformi mal-ġurisprudenza tal-QtĠ-UE dwar it-trasferiment fil-kuntest tar-rimborż tal-imposti u d-dazji doganali mitluba b'mod illegali mill-Istati Membri, ara QĠUE, is-sentenza tal-4 ta' Ottubru 1979, il-Kawża C-238/78 (Ireks-Arkady vs. Il-Kunsill u l-Kummissjoni) ECLI:EU:C:1979:226, il-paragrafu 14; QĠUE, is-sentenza tal-21 ta' Diċembru 2000, il-Kawża C-441/98 (Michailidis) ECLI:EU:C:2000:479, il-paragrafu 33 et seq.; QĠUE, is-sentenza tas-6 ta' Settembru 2011, il-Kawża C-398/09 (Lady & Kid u Oħrajn) ECLI:EU:C:2011:540. Barra minn hekk, fl-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Geelhoed mogħtija fit-3 ta' Ġunju 2003 fil-Kawża C-129/00 (Il-Kummissjoni vs ir-Repubblika Taljana), ECLI:EU:C:2003:319, il-paragrafu 78, l-Avukat Ġenerali indika li xenarju kontrofattwali huwa meħtieġ sabiex jintwera x'kien iseħħ fil-prezzijiet fis-suq downstream li kieku ma kienx hemm l-ispiża żejda inizjali.

(64)  Ara d-diskussjoni relatata fil-paragrafu 77.

(65)  Ara wkoll il-Gwida Prattika, il-paragrafi 14 u 30.

(66)  Ara l-Kaxxa 16 fl-Anness 1.

(67)  Ara l-paragrafu 39 hawn fuq.

(68)  Ara l-paragrafu 25 hawn fuq.

(69)  Ara l-paragrafu 37 aktar 'il fuq u l-eżempji fil-Kaxxa 9 u l-Kaxxa 10 aktar 'l isfel.

(70)  Pereżempju, il-qrati fi Franza, in-Netherlands u r-Renju Unit fil-biċċa l-kbira tagħhom jittrattaw direttament mal-esperti ekonomiċi maħtura mill-partijiet. Fi Stati Membri oħrajn, bħall-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Ungerija u l-Italja, f'ħafna każijiet il-qrati fittxew li jitolbu pariri minn esperti maħtura mill-qorti. Hemm ukoll varjazzjonijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li fir-rigward tagħhom huwa obbligat l-espert. F'xi Stati Membri, bħar-Renju Unit u l-Irlanda, l-espert huwa obbligat lejn il-qorti, anki jekk id-drittijiet tagħhom jitħallsu mill-partijiet. Fi Spanja, l-esperti maħtura mill-partijiet għandhom dmir ta' oġġettività u indipendenza, filwaqt li f'xi Stati Membri, bħall-Ġermanja u l-Italja, ma hemm ebda rekwiżit espliċitu bħal dan.

(71)  High Court of Justice of England and Wales, is-sentenza tal-4 ta' Ottubru 2017, [2017] EWHC 2420 (Ch) (Emerald Supplies v British Airways Plc).

(72)  Oberlandesgericht Düsseldorf (Qorti Reġjonali Superjuri, Düsseldorf), is-sentenza tas-26 ta' Ġunju 2009, il-Kawża VI-2a Kart 2 — 06/08 (Zement).

(73)  Jirriżulta mill-Artikolu 17(3) tad-Direttiva dwar id-Danni li awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tista', b'talba ta' qorti nazzjonali, tassisti lil dik il-qorti nazzjonali fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kwantum tad-danni meta dik l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tqis din l-assistenza bħala xierqa.

(74)  Ara pereż. Oberlandesgericht Düsseldorf (Qorti Reġjonali Superjuri, Düsseldorf), is-sentenza tal-15 ta' April 2013, il-Kawża VI-4 Kart 2 — 6/10 (OWi), u sussegwentement il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), is-sentenza tad-9 ta' Ottubru 2018, il-Kawża KRB 51/16 (Flüssiggas I) dwar Bundeskartellamt (l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Ġermanja), id-deċiżjonijiet tal-14 ta' Diċembru 2007, tas-26 ta' Frar 2008, tat-12 ta' Frar 2009 u tad-9 ta' April 2009, il-Kawża B11-20/50 (Flüssiggas) fejn il-Bundeskartellamt qieset ir-riżorsi addizzjonali li nkisbu mill-ksur (kartellbedingter Mehrerlös) u d-diskussjonijiet dwar il-metodi differenti għall-ikkalkolar tal-ispiża żejda.

(75)  L-approċċ ta' trasferiment jistrieħ, fost l-oħrajn, fuq is-suppożizzjoni li l-bidliet fl-ispejjeż tal-input jiġu ttrasferiti b'rata identika, irrispettivament mir-rilevanza tal-ispejjeż tal-input u l-firxa tal-bidla f'dawn l-ispejjeż tal-input. Din is-suppożizzjoni jaf tmur wisq oltre. Kif inhu spjegat aktar 'l isfel fil-paragrafi 120 et seq., l-approċċ tar-rata ta' trasferiment normalment jenħtieġ li jiġi kkunsidrat biss jekk is-suppożizzjoni tkun plawżibbli fuq il-bażi tal-fatti tal-każ.

(76)  Ara wkoll il-Gwida Prattika, il-paragrafu 14.

(77)  L-approċċ li juża d-data tal-marġini huwa spjegat f'aktar dettall fit-Taqsima 6.3 dwar l-istima tal-effett tal-volum hawn taħt.

(78)  Dan huwa enfasizzat fil-Gwida Prattika, il-paragrafu 37 u l-ġurisprudenza dwar l-istima tal-ispejjeż żejda ċitati hemmhekk. Anki f'dak li għandu x'jaqsam mal-istima tal-ispejjeż żejda, Qorti Ġermaniża hija tal-fehma li metodi komparabbli jistgħu jiġu ppreferuti meta mqabbla ma' approċċi oħrajn, ara l-Oberlandesgericht Düsseldorf (Qorti Reġjonali Superjuri, Düsseldorf, is-sentenza tas-26 ta' Ġunju 2009, il-Kawża VI-2a Kart 2 — 06/08 (Zement), il-paragrafi 469 et seq.

(79)  Ara pereżempju, “Reference guide on ex post evaluation of competition agencies' enforcement decisions”, OECD 2016.

(80)  Il-Gwida Prattika tittratta din il-kwistjoni fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-ispejjeż żejda, ara pereżempju l-paragrafi 37 u 59-95.

(81)  Jekk għal xenarju kontrofattwali jittieħdu inkunsiderazzjoni s-swieq komparaturi f'pajjiżi barranin, jenħtieġ li l-qorti nazzjonali żżomm f'moħħha wkoll id-differenzi possibbli fil-leġiżlazzjoni. Dan huwa partikolarment importanti meta jiġu ttrattati swieq irregolati, pereż. il-farmaċewtika jew l-enerġija.

(82)  Ara l-Gwida Prattika, il-paragrafi 38-48.

(83)  Għall-fini ta' sempliċità, din il-graff turi biss l-effett fuq il-prezz li jirriżulta mill-ksur. F'xenarju tad-dinja reali, il-prezzijiet se jiġu affettwati wkoll minn fatturi oħrajn minbarra r-rata tat-trasferiment, bħall-inflazzjoni u xokkijiet tal-ispejjeż oħrajn.

(84)  Madankollu, innota li l-kwistjoni tat-trasferiment imdewwem, imsemmi fl-Anness 1, tista' tkun ta' importanza meta l-prezzijiet matul il-ksur jitqabblu mal-prezz qabel u wara.

(85)  This method has been employed frequently to assess the initial overcharge in actions for damages, see for instance the cases cited in footnote 45 of the Practical Guide.

(86)  Ara wkoll il-paragrafu 112 aktar 'l isfel.

(87)  L-analiżijiet ta' rigressjoni huma spjegati fid-dettall fil-Gwida Prattika, il-paragrafu 69 et seq.

(88)  Ibid., il-Kapitolu II B.

(89)  Ara wkoll il-Gwida Prattika, il-paragrafu 92.

(90)  Ara, pereżempju, il-każ mir-Renju Unit: High Court of Justice of England and Wales, is-sentenza tad-9 ta' Ottubru 2018, [2018] EWHC 2616 (Ch) (Britned v ABB), permess mogħti biex isir appell.

(91)  L-użu ta' intervalli ta' kunfidenza fl-istima tad-danni huwa spjegat ukoll fil-Gwida Prattika, il-paragrafi 86 et seq.

(92)  Hemm ċertu kompromess bejn iż-żewġ tipi ta' żball fis-sens li ġej; għal daqs partikolari ta' kampjun tad-data, it-tnaqqis ulterjuri tar-riskju ta' żbalji tat-tip 1 (pereż. bl-użu ta' intervall ta' kunfidenza ta' 99 fil-mija minflok l-intervall ta' 95 fil-mija) ġeneralment iżid ir-riskju ta' żbalji tat-tip 2. B'mod ġenerali, il-limitar taż-żewġ tipi ta' żbalji huwa possibbli biss permezz ta' żieda fid-daqs tal-kampjun. Għalhekk, fil-prattika, huwa importanti li jiġi vvalutat jekk il-metodi humiex applikati fuq sett ta' data kbir biżżejjed.

(93)  Landgericht Düsseldorf (Il-Qorti Reġjonali ta' Düsseldorf), sentenza tad-19 ta' Novembru 2015, il-Kawża nru 14d O 4/14 (Ħġieġ tal-Karozzi Ġermaniż).

(94)  Sø- og Handelsretten (il-Qorti Superjuri Marittima u Kummerċjali, id-Danimarka), is-sentenza tal-15 ta' Jannar 2015, il-Kawża SH2015.U-0004–07 (Cheminova A/S vs Akzo Nobel Functional Chemicals BV et al).

(95)  Cour d'Appel de Paris (il-Qorti tal-Appell, Pariġi), sentenza tas-27 ta' Frar 2014, il-Kawża 10/18285 (SNC Doux Aliments Bretagne et al vs Société Ajinomoto Eurolysine).

(96)  Ara wkoll il-Gwida Prattika, il-paragrafu 95.

(97)  Dan l-effett huwa simili għall-effetti tal-umbrella pricing imsemmi fil-paragrafu 32 hawn fuq.

(98)  Ara wkoll il-Gwida Prattika, il-paragrafu 43.

(99)  Fi kliem ieħor, il-qrati nazzjonali jistgħu jqisu li l-oneru tal-provi relattivament għoli li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jridu jissodisfaw fil-proċeduri ta' ksur tagħhom mhuwiex de facto użat għad-detriment tal-vittma ta' ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni meta dawn il-qrati jistmaw il-ħsara f'azzjoni għad-danni ta' tali vittma.

(100)  Ara wkoll il-Gwida Prattika, il-paragrafu 153. Pereżempju, każ fejn qorti nazzjonali ddeċidiet li l-prezzijiet mitluba fil-ħames xhur wara li ntemm il-ksur kienu għadhom influwenzati mill-kartell, ara Oberlandesgericht Karlsruhe (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta' Karlsruhe), sentenza tal-11 ta' Ġunju 2010, il-Kawża 6 U 118/05, iċċitata wkoll fil-Gwida Prattika, il-paragrafu 44.

(101)  Barra minn hekk, l-impriżi jistgħu jkunu konxji li hemm riskju li jiffaċċjaw pretensjonijiet għad-danni, u li l-ambitu ta' pretensjoni bħal din jista' jiġi stmat fuq il-bażi tal-prezzijiet wara l-ksur. B'hekk, huma jista' jkollhom l-inċentivi sabiex iżommu l-livell tal-prezz wara li jkun intemm il-ksur.

(102)  Ara l-Gwida Prattika, il-paragrafi 26 et seq.

(103)  Ara l-paragrafi 101 et seq. ta' hawn fuq. Il-kunċett ta' analiżi ta' rigressjoni huwa spjegat fid-dettall fil-Gwida Prattika, il-Kapitolu II(2).

(104)  Ara l-Gwida Prattika, il-paragrafi 96 et seq.

(105)  Billi x-xerrej ġeneralment jiffaċċja kurva tad-domanda li tinżel 'l isfel. L-intuwizzjoni ekonomika wara dan hija spjegata aktar fl-Anness 1.

(106)  F'diversi każijiet, il-qrati nazzjonali fl-Istati Membri tal-UE kkonfermaw l-importanza li jiġi stmat l-effett tal-volum. Pereżempju, qorti Ġermaniża, Oberlandesgericht Karlsruhe (il-Qorti Reġjonali Superjuri, Karlsruhe), sentenza tad-9 ta' Novembru 2016, il-Kawża 6 U 204/15 Kart (2) (Grauzementkartell), sabet li t-trasferiment ta' spiża żejda jista' sussegwentement iwassal għal tnaqqis fil-kwantità mibjugħa mix-xerrej dirett.

(107)  Pereżempju dokumenti interni mill-klijent dirett jew indirett li jispjegaw kif żieda fil-prezz fuq il-prodott ikkonċernat mill-ksur matul il-ksur tkun affettwat il-volum fornut.

(108)  Sø-og Handelsretten (il-Qorti Superjuri Marittima u Kummerċjali, id-Danimarka), is-sentenza tal-15 ta' Jannar 2015, il-Kawża SH2015.U-0004-07 (Cheminova A/S vs Akzo Nobel Functional Chemicals BV et al).

(109)  Ara wkoll l-Anness 1, il-paragrafu 167.

(110)  L-effett tal-volum huwa illustrat mill-erja C fil-Kaxxa 11 aktar 'il fuq u l-Kaxxa 14 aktar 'l isfel.

(111)  Ara pereżempju Sø-og Handelsretten (il-Qorti Superjuri Marittima u Kummerċjali, id-Danimarka), is-sentenza tal-15 ta' Jannar 2015, il-Kawża SH2015.U-0004-07 (Cheminova A/S vs Akzo Nobel Functional Chemicals BV et al).

(112)  Ara l-paragrafu (69).

(113)  Ara wkoll il-Gwida Prattika, il-paragrafu 125.

(114)  Il-kunċett ta' tekniki ekonometriċi huwa spjegat aktar fit-Taqsima 5 hawn fuq u fl-Anness 2.

(115)  Dan huwa indikat ukoll fil-Gwida Prattika, il-paragrafu 14.

(116)  Il-figura turi l-prezzijiet (assi vertikali) bħala funzjoni tal-kwantità mitluba (assi orizzontali). Din il-kurva tad-domanda ta' spiss issir referenza għaliha bħala “kurva tad-domanda inversa”, filwaqt li kurva li turi domanda fuq l-assi vertikali bħala funzjoni tal-prezzijiet fuq l-assi orizzontali sempliċiment issir referenza għaliha bħala “kurva tad-domanda”. Fl-eżempji grafiċi sussegwenti jintwerew kurvi tad-domanda inversa. Madankollu, għall-iffaċilitar tal-lingwa, huma jissejħu “kurvi tad-domanda”.

(117)  Ara wkoll il-“Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat” (2004/C 101/08), il-paragrafu 98.

(118)  Ta' min jinnota li t-teorija ekonomika turi wkoll li anki fin-nuqqas ta' kwalunkwe aġġustament fil-prezz, trasferiment jista' jkun akbar mill-ispiża żejda tal-bidu. Dan huwa l-każ, pereżempju, meta l-kurva tad-domanda tkun biżżejjed konvessa (ara d-diskussjoni fit-Taqsima 8.3 aktar 'il fuq).

(119)  Il-valutazzjoni tas-saħħa kumpensatorja tax-xerrej hija fattur importanti fil-qasam tal-kontroll tal-fużjonijiet tal-UE. Fil-paragrafu 64 tal-linji gwida tal-Kummissjoni għall-fużjonijiet orizzontali, is-saħħa kumpensatorja tan-negozjar hija definita bħala s-saħħa tan-negozjar li għandu x-xerrej vis-à-vis il-bejjiegħ fin-negozjati kummerċjali minħabba d-daqs tiegħu, is-sinifikat kummerċjali tiegħu għall-bejjiegħ u l-kapaċità tiegħu li jaqleb għal fornituri alternattivi.