23.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 247/33


Informazzjoni ta’ qabel l-għeluq tal-ilment multiplu CHAP(2013)02466

(2019/C 247/12)

Fl-2013, fl-2014 u fl-2015 il-Kummissjoni Ewropea rċeviet għadd kbir ta’ lmenti dwar il-verifiki li saru mill-awtoritajiet Spanjoli mal-fruntiera ma’ Ġibiltà fuq persuni u oġġetti, li kienu eċċessivi u kkawżaw dewmien twil.

Il-Kummissjoni Ewropea rreġistrat dawn l-ilmenti taħt ir-referenza CHAP(2013)02466. Il-konferma tar-riċevuta ġiet inizjalment ippubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 246 tas-27 ta’ Awwissu 2013. L-aħħar informazzjoni dwar is-segwitu ta’ dan l-ilment tinsab f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 223 tas-27 ta’ Ġunju 2018.

Wara li ġew eżaminati dawn l-ilmenti kif ukoll l-iskambji mal-awtoritajiet rilevanti miż-żewġ naħat, il-Kummissjoni ddeċidiet li torganizza tliet żjarat tekniċi fil-punt ta’ qsim ta’ La Línea de la Concepción mal-fruntiera bejn Spanja u Ġibiltà, fil-25 ta’ Settembru 2013, fit-2 ta’ Lulju 2014 u fis-27 ta’ Ottubru 2015 rispettivament. Kull żjara ġiet segwita minn rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni kemm għal Spanja kif ukoll għar-Renju Unit biex itejbu s-sitwazzjoni mal-fruntiera, b’mod partikulari billi jottimizzaw l-infrastruttura fiżika, jottimizzaw it-tfassil ta’ profili abbażi tar-riskji sabiex jiġu mmirati aħjar il-verifiki, jiġu introdotti miżuri addizzjonali biex jiġi indirizzat il-kuntrabandu tas-sigaretti minn Ġibiltà u jiġi żviluppat l-iskambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni. Il-finanzjament li jgħin fl-implimentazzjoni tal-miżuri rakkomandati ngħata wkoll skont il-Fond għall-Fruntieri Esterni/Fond għas-Sigurtà Interna.

Minn dak iż-żmien, il-Kummissjoni kompliet tagħmel monitoraġġ tas-sitwazzjoni mal-punt ta’ qsim tal-fruntiera ta’ La Línea de la Concepción. Ikkonkludiet li kemm Spanja kif ukoll ir-Renju Unit implementaw ir-rakkomandazzjonijiet kollha li ġew indirizzati lilhom. Barra minn hekk, minn dak iż-żmien ma wasal l-ebda ilment ieħor dwar dewmien eċċessiv mal-fruntiera ta’ Ġibiltà u Spanja, u dan jindika li s-sitwazzjoni stabbilizzat ruħha.

Għaldaqstant, abbażi tal-osservazzjonijiet matul iż-żjarat tekniċi u l-informazzjoni li ngħatat miż-żewġ awtoritajiet wara r-rakkomandazzjonijiet li għamlet il-Kummissjoni wara kull żjara, il-Kummissjoni ma sabitx evidenza biex tikkonkludi li l-verifiki fuq il-persuni u l-oġġetti kif operati mill-awtoritajiet Spanjoli mal-punt ta’ qsim ta’ La Línea de la Concepción kisru d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, is-servizzi tal-Kummissjoni kkonkludew li dan il-każ jista’ jingħalaq.

Madankollu, jekk xi lmentatur f’dan il-każ ikollu xi informazzjoni ġdida li tista’ turi li seħħ ksur tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, huwa mistieden jibgħat din l-informazzjoni l-ġdida lill-Kummissjoni Ewropea fi żmien erba’ ġimgħat mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż. Wara li jkun għadda dan il-perjodu, il-Kummissjoni beħsiebha tagħlaq il-każ.