27.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 216/7


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-25 ta' Marzu 2019

dwar il-proċeduri skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea

(Il-Każ AT.40436 — Merkanzija sportiva anċillari)

(notifikat bid-dokument Nru C(2019) 2172 final)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2019/C 216/05)

Fil-25 ta' Marzu 2019, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea. B'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (1) , il-Kummissjoni qiegħda tippubblika hawnhekk l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, fosthom kull penali imposti, fid-dawl tal-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lil Nike, Inc., u ċerti sussidjarji tagħha (minn hawn 'il quddiem imsejħa “Nike”) fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-“Trattat”) u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”).

(2)

Bejn l-1 ta' Lulju 2004 u s-27 ta' Ottubru 2017, Nike – fir-rwol tagħha bħala liċenzjatur għal ċerti marki tal-futbol – ħadet sehem fi ksur uniku u kontinwu li kien jinvolvi l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' sensiela ta' prattiki li jirrestrinġu l-bejgħ transfruntier attiv u passiv ta' merkanzija liċenzjata fiż-ŻEE.

2.   DESKRIZZJONI TAL-KAŻ

2.1.   Il-prodott ikkonċernat

(3)

Id-Deċiżjoni tikkonċerna l-attivitajiet ta' Nike bħala liċenzjatur għall-marki ta' ċerti klabbs u federazzjonijiet tal-futbol (imsejħa b'mod konġunt bħala “klabbs”). Tikkonċerna prodotti ta' natura varjata (mugs, lożor tas-sodda, kartolerija, ġugarelli, eċċ.) li kollha kemm huma jirriproduċu l-marki jew il-kuluri tal-klabbs, iżda mhux il-marki ta' Nike. Sikwit dawn il-prodotti huma magħrufa bħala prodotti ta' merkanzija liċenzjata.

(4)

Sabiex tippermetti l-manifattura u l-bejgħ tal-prodotti ta' merkanzija liċenzjata, Nike tagħti liċenzji għall-manifattura u d-distribuzzjoni għad-drittijiet intellettwali li tkun kisbet mill-klabbs.

(5)

L-għoti ta' dawn id-drittijiet ta' manifattura u liċenzjar minn Nike isir jew direttament lill-parti li tqassamhom (“id-detentur ta' liċenzja”) jew indirettament permezz ta' “detentur ta' liċenzja prinċipali” li, bi skambju għal ċertu kummissjoni, jagħti subliċenzjar ulterjuri tad-drittijiet lid-detenturi ta' liċenzja finali. Irrispettivament mis-sistema użata, il-kundizzjonijiet għal-liċenzja huma tipikament inklużi fi ftehim li jirregola wkoll id-distribuzzjoni tal-prodotti li fuqhom għandu jiġi applikat id-dritt tal-proprjetà intellettwali liċenzjata. Dawn il-ftehimiet ġeneralment huma:

(a)

L-għoti ta' liċenzja mhux esklużiva: kemm jekk iddikjarat b'mod espliċitu fil-ftehim jew implikat minħabba li Nike tirriżerva d-dritt li taħtar detenturi ta' liċenzja addizzjonali;

(b)

Għal territorju speċifiku, ħafna drabi għal grupp ta' pajjiżi;

(c)

Bi skambju ma' kumpens finanzjarju (royalties) bħala kumpens għal-liċenzja: l-ammont ta' royalties li jridu jiġu rrappurtati lil Nike u mħallsa huwa normalment ikkalkulat bħala perċentwal tal-bejgħ nett tal-prodotti matul ċertu perjodu.

(6)

Id-deċiżjoni tiffoka fuq dawn il-ftehimiet ta' liċenzjar u ta' liċenzjar prinċipali, u b'mod aktar wiesa', ir-relazzjonijiet li huma mibnija fuq il-bażi ta' dawk il-ftehimiet.

2.2.   Proċedura

(7)

F'Settembru 2016 il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet għal għarrieda fil-Kwartieri Ġenerali Ewropej ta' Nike, Inc. f'Hilversum, In-Netherlands.

(8)

Permezz ta' deċiżjoni tal-14 ta' Ġunju 2017, il-Kummissjoni bdiet proċedimenti kontra n-Nike, Inc. u l-entitajiet legali kollha kkontrollati minnha b'mod dirett jew indirett skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 (2). Il-fini tal-bidu tal-proċedimenti kien li jiġi investigat jekk Nike kellhiex fis-seħħ ftehimiet u/jew applikatx prattiki li jipprevjenu jew jirrestrinġu l-bejgħ ta' merkanzija liċenzjata fiż-ŻEE.

(9)

Sussegwentement, Nike ressqet offerta formali biex tikkoopera fid-dawl tal-adozzjoni ta' deċiżjoni skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (“sottomissjoni għal riżolviment”).

(10)

Fl-14 ta' Frar 2019, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet indirizzata lil Nike. Fit-28 ta' Frar 2019, Nike ippreżentat it-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet.

(11)

Il-Kumitat Konsultattiv fil-qasam tal-Prattiki Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ opinjoni favorevoli fl-20 ta' Marzu 2019.

(12)

Il-Kummissjoni adottat din id-Deċiżjoni fil-25 ta' Marzu 2019.

2.3.   Sommarju tal-ksur

(13)

Matul in-negozju ta' merchandising tal-futbol ta' Nike ġew stabbiliti sensiela ta' prattiki li jirrestrinġu l-bejgħ transfruntier attiv u passiv ta' merkanzija liċenzjata. Dawn il-prattiki kienu jikkonċernaw kemm il-bejgħ offline kif ukoll il-bejgħ online ta' prodotti ta' merkanzija liċenzjata fiż-ŻEE. Id-Deċiżjoni tkopri erba' tipi ewlenin ta' restrizzjonijiet:

(a)

Miżuri diretti li jirrestrinġu l-bejgħ mingħand id-detenturi tal-liċenzja barra mit-territorju, bħal (i) projbizzjonijiet ta' bejgħ passiv u attiv barra mit-territorju; (ii) obbligi li ordnijiet għal bejgħ jew mistoqsijiet barra mit-territorju jiġu riferiti lil Nike; (iii) klawsoli li jirkupraw royalties u dħul li jirriżultaw mill-bejgħ barra mit-territorju; u (iv) klawsoli li jimponu royalties doppji fuq il-bejgħ barra mit-territorju.

(b)

Miżuri indiretti li jirrestrinġu l-bejgħ barra mit-territorju min-naħa ta' detenturi ta' liċenzji bħal theddid li jintemmu l-ftehimiet fil-konfront tad-detenturi ta' liċenzji li jagħmlu bejgħ barra mit-territorji allokati tagħhom.

(c)

Prattiki restrittivi implimentati fil-konfront tad-detentur ewlieni tal-liċenzja biex iġegħluhom jibqgħu fit-territorji tagħhom u biex jinfurzaw restrizzjonijiet fil-konfront ta' subdetenturi ta' liċenzja f'isem Nike; kif ukoll

(d)

Obbligi li r-restrizzjonijiet fir-rigward bejgħ barra mit-territorju permezz ta' prattiki fosthom xi kultant il-projbizzjoni ta' bejgħ min-naħa ta' detenturi ta' liċenzji lil partijiet terzi li jbigħu il-merkanzija liċenzjata tal-klabbs ta' Nike barra mit-territorju.

(14)

Bis-saħħa ta' din is-sensiela ta' prattiki, Nike rrestrinġiet il-kapaċità tad-detenturi ta' liċenzja u detenturi ta' liċenzja prinċipali li jbigħu merkanzija liċenzjata b'mod transfruntier. Dan il-ksur uniku u kontinwu ikkontribwixxa biex jerġgħu jinġiebu d-diviżjonijiet bejn is-swieq nazzjonali u seta' wassal għal tnaqqis fl-għażla disponibbli għall-konsumaturi u għal prezzijiet ogħla marbuta direttament ma' livell ta' kompetizzjoni aktar baxx. Min-natura tagħha stess din l-imġiba tikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni bi skop skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat.

(15)

Id-Deċiżjoni ssib ukoll li l-imġiba ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għal eżenzjoni previsti fl-Artikolu 101(3) tat-Trattat.

2.4.   Destinatarji u durata

(16)

Id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Nike, Inc., il-kumpanija omm aħħarija tal-grupp ta' kumpaniji Nike, kif ukoll fir-rigward ta' ċerti sussidjarji tagħha li huma involuti fin-negozju tal-merchandising. Nike European Operations Netherlands B.V., F.C. Internazionale Merchandising S.r.l., French Football Merchandising SASU, Nike Barcelona Merchandising, S.L. (preċedentement magħrufa bħala Futbol Club Barcelona Merchandising, S.L.), u North West Merchandising Limited (preċedentement magħrufa bħala Manchester United Merchandising Limited).

(17)

Id-durata tal-ksur uniku u kontinwu jkopri l-perjodu li matulu r-restrizzjonijiet kienu preżenti fil-ftehimiet ta' Nike fiż-ŻEE, jiġifieri bejn l-1 ta' Lulju 2004 u s-27 ta' Ottubru 2017 (id-data sa meta Nike kienet infurmat id-detenturi ta' liċenzja u d-detetenturi ta' liċenżja prinċipali kollha tagħha dwar in-nuqqas ta' applikabbiltà ta' kwalunkwe restrizzjoni barra mit-territorju fil-ftehimiet tagħha).

2.5.   Rimedji u multi

(18)

Id-Deċiżjoni ssib li Nike temmet il-ksur fis-27 ta' Ottubru 2017 u tirrekjedi lil Nike milli żżomm lura minn kwalunkwe ftehim jew prattika miftiehma li jista' jkollhom l-istess skop jew effett jew skop jew effett simili. Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-ksur sar intenzjonalment, jekk mhux almenu b'negliġenza, u li jeħtieġ li tiġi imposta multa.

2.5.1.   L-ammont bażiku tal-multa

(19)

Fl-iffissar ta' multi, fil-prinċipju l-Kummissjoni tqis il-valur tal-bejgħ matul l-aħħar sena finanzjarja sħiħa tal-parteċipazzjoni tal-impriża fil-ksur. Għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur tal-bejgħ, id-Deċiżjoni tuża l-ammont ta' royalties miġbura min Nike matul l-aħħar sena finanzjarja sħiħa ta' kull wieħed mill-ftehimiet ta' sponsorizzazzjoni li jikkostitwixxi l-ksur.

(20)

Min-natura tagħhom stess ir-restrizzjonijiet barra mit-territorju jirristrinġu l-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Madankollu, ġeneralment ir-restrizzjonijiet vertikali jagħmlu anqas ħsara minn dawk orizzontali. B'kunsiderazzjoni ta' dawn il-fatturi u l-impatt mifrux maż-ŻEE tar-restrizzjonijiet, il-perċentwal tal-valur tal-bejgħ li se jintuża għall-kalkolu tal-multa huwa ffissat għal 8 %.

2.5.2.   Ċirkustanzi aggravanti u mitiganti

(21)

Ma hemm l-ebda ċirkustanza aggravanti jew mitiganti f'dan il-każ.

2.5.3.   Żieda speċifika bħala deterrent

(22)

Il-multa qiegħda tiżdied b'multiplikatur ta' 1.1 biex jiġi żgurat effett ta' deterrent fuq Nike, impriża li għandha fatturat partikolarment kbir madwar id-dinja lil hinn mill-bejgħ ta' prodotti ta' merkanzija liċenzjata, li huwa relatat mal-ksur.

2.5.4.   Applikazzjoni tal-limitu tal-fatturat ta' 10 %

(23)

Il-multa kkalkulata ma għandhiex taqbeż 10 % tal-fatturat dinji ta' Nike.

2.5.5.   Tnaqqis tal-multa fid-dawl ta' kooperazzjoni

(24)

Sabiex jiġi rifless il-livell effettiv u f'waqtu tal-kooperazzjoni pprovduta minn Nike, b'mod partikolari r-rikonoxximent tagħha tal-ksur u l-preżentazzjoni ta' evidenza addizzjonali li testendi l-każ lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni inizjali tiegħu, l-ammont tal-multa jitnaqqas b'40 % skont il-punt 37 tal-Linji Gwida dwar il-Multi.

3.   KONKLUŻJONI

(25)

Nike kisret l-Artikolu 101(1) tat-Trattat u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipat fi ksur uniku u kontinwu rigward il-merkanzija liċenzjata. Il-ksur kopra l-bqija taż-Żona Ekonomika Ewropea kollha, u kkonsista fl-implimentazzjoni u l-infurzar ta' sensiela ta' ftehimiet u prattiki bil-għan li jirrestrinġu l-bejgħ transfruntier ta' merkanzija liċenzjata. kemm offline kif ukoll online.

(26)

L-ammont finali tal-multa imposta fuq Nike skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 għal ksur uniku u kontinwu huwa ta' EUR 12 555 000.

(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 411/2004 (ĠU L 68, 6.3.2004, p. 1).

(2)  ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18.