6.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 47/5


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tas-17 ta’ Diċembru 2018

li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea

(Il-każ AT.40428 — Guess)

(notifikat bid-dokument C(2018) 8455)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(2019/C 47/04)

Fis-17 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea. B’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (1), il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, inkluża kull penali imposti, fid-dawl tal-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Guess?, Inc., Guess? Europe, B.V. u Guess Europe Sagl (kollettivament “Guess”). Guess? Inc. hija kumpanija bbażata fl-Istati Uniti tal-Amerka, inkorporata f’Delaware u kkwotata fil-Borża ta’ New York. Hija tiddisinja, tikkummerċjalizza, tiddistribwixxi u tilliċenzja lbies u aċċessorji kontemporanji. Guess? Inc. indirettament tippossjedi lil Guess? Europe B.V. (inkorporata fin-Netherlands fl-1996). Min-naħa tagħha, Guess? Europe, B.V. tikkontrolla lil Guess Europe Sagl inkorporata fl-Iżvizzera. Guess? Europe, B.V. hija 100 % l-kumpanija omm (direttament jew indirettament) tas-sussidjarji ta’ Guess fiż-Żona Ekonomika Ewropea (“ŻEE”).

(2)

Id-Deċiżjoni tirrigwarda ksur uniku u kontinwu skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“Ftehim ŻEE”). Bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, Guess implimentat prattiki bil-għan li trażżan il-kompetizzjoni fi ħdan il-marka minn distributuri awtorizzati fin-netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva tagħha.

2.   DESKRIZZJONI TAL-KAŻ

2.1.   Proċedura

(3)

L-investigazzjoni tal-Kummissjoni bdiet bħala segwitu għall-inkjesta settorjali dwar il-kummerċ elettroniku (2).

(4)

Id-Deċiżjoni tikkonċerna sensiela ta’ restrizzjonijiet vertikali applikati minn Guess vis-à-vis il-bejjiegħa bl-ingrossa u l-bejjiegħa bl-imnut awtorizzati tagħha fis-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva tagħha fir-rigward ta’ parti kbira mill-ilbies u l-prodotti aċċessorji mibjugħa fiż-ŻEE.

(5)

Fis-6 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni fetħet proċeduri formali bil-għan li tittieħed deċiżjoni skont il-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003.

(6)

Ftit wara l-bidu tal-proċeduri, Guess indikat l-interess tagħha li tikkoopera mal-Kummissjoni u ssottomettiet aktar evidenza dwar l-imġiba rilevanti.

(7)

Sussegwentement, Guess offriet formalment biex tikkoopera fid-dawl tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003.

(8)

Fit-12 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet indirizzata lil Guess. Fil-21 ta’ Novembru 2018, Guess ippreżentat it-tweġiba tagħha għad-Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet.

(9)

Il-Kumitat Konsultattiv fil-qasam tal-Prattiki Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ opinjoni favorevoli fl-10 ta’ Diċembru 2018.

(10)

Il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni fis-17 ta’ Diċembru 2018.

2.2.   Destinatarji u durata

(11)

L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw direttament, matul il-perjodi indikati hawn taħt, fi prattiki antikompetittivi:

Impriża

Durata

Guess?, Inc., Guess? Europe, B.V. u Guess Europe Sagl

Mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Ottubru 2017

2.3.   Sommarju tal-infrazzjonijiet

Id-dispożizzjonijiet u l-prattiki restrittivi implimentati minn Guess iffurmaw parti minn strateġija ġenerali ta’ kumpanija li kellha l-għan li tiddevja l-bejgħ online ta’ prodotti Guess lejn is-sit web ta’ Guess innifisha u tirrestrinġi l-kompetizzjoni fi ħdan il-marka fost distributuri awtorizzati. Guess irrestrinġiet lid-distributuri awtorizzati fis-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva tagħha milli jagħmlu dan li ġej:

(a)

jużaw il-marki kummerċjali u t-trademarks ta’ Guess għall-finijiet ta’ reklamar ta’ tiftix online;

(b)

ibigħu onlajn mingħajr ma l-ewwel jiksbu awtorizzazzjoni speċifika mingħand Guess li għaliha Guess kellha diskrezzjoni sħiħa li tagħti jew li tirrifjuta u fejn ma kien ġie speċifikat l-ebda kriterju ta’ kwalità biex tittieħed deċiżjoni dwar jekk għandhiex tingħata awtorizzazzjoni jew le;

(c)

ibigħu lil utenti finali lokalizzati barra mit-territorju allokat lid-distributuri awtorizzati;

(d)

ibigħu trasversalment fost bejjiegħa bl-ingrossa u bejjiegħa bl-imnut awtorizzati;

(e)

jiddeterminaw il-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid tagħhom b’mod indipendenti.

2.4.   Rimedji

(12)

Id-Deċiżjoni tapplika l-Linji Gwida tal-2006 dwar il-Multi (3).

2.4.1.   Ammont bażiku tal-multa

(13)

Meta stabbilixxiet il-multi, il-Kummissjoni qieset il-valur tal-bejgħ fis-sena finanzjarja 2017 (mill-31 ta’ Jannar 2016 sat-28 ta’ Jannar 2017), li kienet l-aħħar sena kontabilistika kompleta tal-parteċipazzjoni ta’ Guess fil-ksur.

(14)

Il-Kummissjoni kkunsidrat il-fatt li kull restrizzjoni differenti, min-natura tagħha stess, tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u li ftehimiet vertikali u prattiki miftiehma bħal dawk fil-kwistjoni, huma, min-natura tagħhom, ħafna drabi inqas ta’ ħsara għall-kompetizzjoni minn ftehimiet orizzontali. Meta jitqiesu dawn il-fatturi u fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, il-proporzjon tal-valuri tal-bejgħ ġie stabbilit għal 7 %.

(15)

Il-Kummissjoni kkunsidrat it-tul tal-ksur uniku u kontinwu, kif imsemmi hawn fuq.

2.4.2.   Aġġustamenti għall-ammont bażiku

(16)

Ma hemm l-ebda ċirkustanza aggravanti jew mitiganti f’dan il-każ.

2.4.3.   Applikazzjoni tal-limitu tal-fatturat ta’ 10 %

(17)

Il-multa kkalkulata ma taqbiżx l-10 % tal-fatturat dinji ta’ Guess.

2.4.4.   Tnaqqis tal-multa fid-dawl ta’ kooperazzjoni

(18)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li, sabiex ikun rifless li Guess ikkooperat effettivament mal-Kummissjoni lil hinn mill-obbligu legali tagħha li tagħmel dan, il-multa li altrimenti kienet tkun imposta għandha, skont il-punt 37 tal-Linji Gwida dwar il-Multi, titnaqqas b’50 %.

3.   KONKLUŻJONI

(19)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-ammont finali tal-multa imposta fuq Guess skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 għal ksur uniku u kontinwu hija ta’ EUR 39 821 000.

(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

(2)  http://ec.europa.eu/competition/antitrust/sector_inquiries_e_commerce.html

(3)  ĠU C 210, 1.9.2006, p. 2.