|
7.1.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 3/14 |
Pubblikazzjoni tad-Dokument Uniku emendat wara l-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012
(2019/C 3/07)
Il-Kummissjoni Ewropea approvat din l-applikazzjoni għal emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1).
L-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ din l-emenda minuri se ssir pubblika fil-bażi ta’ data DOOR tal-Kummissjoni.
DOKUMENT UNIKU
“ANTEQUERA”
Nru tal-UE: PDO-ES-00327-AM02 — 19.3.2018
DOP ( X ) IĠP ( )
1. Isem/Ismijiet
“Antequera”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
Spanja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 1.5. Żjut u xaħmijiet (butir, marġerina, żejt, eċċ.)
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
Żejt taż-żebbuġa straverġni miksub mill-frott tas-siġra taż-żebbuġ (Olea europea L.), magħmul esklussivament permezz ta’ mezzi fiżiċi jew mekkaniċi, f’temperatura li ma tibdilx il-kompożizzjoni kimika naturali taż-żejt, u filwaqt li tinżamm it-togħma, ir-riħa u l-karatteristiċi tal-frott tagħha.
Mil-lat organolettiku, huma żjut li għandhom togħma ta’ frott taż-żebbuġ aħdar, frott misjur ieħor, lewż, banana u ħaxix aħdar f’intensitajiet li jvarjaw minn moderat sa għoli. Min-naħa l-oħra, l-attributi li jkunu morri u jaħarqu jirriżultaw f’intensitajiet li jvarjaw minn ħafif sa medju u jeżistu f’armonija perfetta b’togħmiet kemxejn ħelwin.
Iż-żjut protetti mid-Denominazzjoni tal-Oriġini “Antequera” għandhom ikunu neċessarjament żjut taż-żebbuġa straverġni li jkollhom l-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:
Parametri fiżikokimiċi:
|
Aċidità (%) |
Massimu ta’ 0,3 |
|
Valur ta’ perossidi (ossiġnu milliekwivalenti kull kg żejt) |
Massimu ta’ 10 |
|
K270 (Assorbenza 270 nm) |
Massimu ta’ 0,18 |
Karatteristiċi organolettiċi:
|
Il-medja tat-togħma tal-frott |
Akbar minn jew ugwali għal 4 |
|
Medjan tad-difetti |
Ugwali għal 0 |
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
Żejt taż-żebbuġa straverġni, miksub mill-frott tas-siġra taż-żebbuġ (Olea europea, L.), tal-varjetà Hojiblanca, u li jista’ jifforma parti minn varjetajiet minuri oħra bħal Picual jew Marteño, Arbequina, Picudo, Lechín de Sevilla jew Zorzaleño, Picudo, Gordal de Archidona, Verdial de Vélez Málaga u Verdial de Huévar.
Il-varjetà Hojiblanca hija l-varjetà prinċipali, l-iktar waħda abbondanti, peress li tieħu iktar minn 90 % tal-wiċċ totali tas-siġar taż-żebbuġ fiż-żona. Il-bqija huma kkunsidrati bħala varjetajiet sekondarji, u huma mqassma fiż-żona bħala minoranza. Il-varjetajiet li ġejjin huma kkunsidrati indiġeni, b’oriġini lokali: Hojiblanca u Gordal de Archidona.
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
Iż-żebbuġ użat biex isir il-prodott għandu jiġi minn imsaġar taż-żebbuġ irreġistrati li jinsabu fiż-żona tal-produzzjoni, u għandu jkun tal-varjetajiet approvati.
Iż-żejt għandu jkun miksub mill-imtieħen irreġistrati, li jinsabu fiż-żona tal-produzzjoni, u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti.
Il-fażijiet tal-produzzjoni għandhom ikunu: it-tindif, il-ħasil u l-użin taż-żebbuġ; it-tħin; is-separazzjoni tal-fażijiet solidi u likwidi permezz ta’ ċentrifugazzjoni kontinwa; is-separazzjoni tal-fażijiet likwidi permezz ta’ ċentrifugazzjoni kontinwa; id-dekantazzjoni u l-ħżin.
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.
L-ibbottiljar għandu jsir f’kontenituri tal-ħġieġ skur, tal-plastik skur, tal-metall miksi b’materjal adattat għal mal-ikel jew taċ-ċeramika adattata għal mal-ikel, f’konformità mar-regolamentazzjoni fis-seħħ, sabiex il-proprjetajiet fiżikokimiċi u organolettiċi taż-żejt jiġu ppreżervati għal perjodu ta’ żmien itwal, u sabiex ma jibdlux il-kwalità tal-kontenut billi ma jħallux id-dawl jgħaddi, inkella d-dawl jaċċellera l-proċess ta’ ossidazzjoni taż-żejt.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
Fir-rigward tal-użu tal-logo tad-Denominazzjoni, it-tikketti kummerċjali ta’ kull ditta reġistrata għandhom jiġu ssorveljati mill-Kunsill Regolatorju. Għandhom jidhru fuqhom b’mod obbligatorju: “Denominación de Origen Protegida Antequera” jew is-simbolu tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini, u s-simbolu tal-Unjoni.
Kwalunkwe tip ta’ ppakkjar li jinħareġ fih iż-żejt protett għall-konsum għandu jkollu siġill ta’ garanzija, tikketti jew tikketti sekondarji, numerati u maħruġa mill-Kunsill Regolatorju, jew sorveljati minn dan tal-aħħar rigward l-użu tal-logo tad-Denominazzjoni. Dawn it-tikketti sekondarji għandhom jitpoġġew esklussivament fl-impjant tal-ippakkjar irreġistrat, u dejjem b’mod li ma jippermettix li jintużaw mill-ġdid.
4. Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Iż-żona tal-produzzjoni hija magħmula mit-territorji li jinsabu fil-muniċipalitajiet li ġejjin fil-provinċja ta’ Málaga: Alameda, Almargen, Antequera, Archidona, Campillos, Cañete La Real, Cuevas Bajas, Cuevas de San Marcos, Fuente de Piedra, Humilladero, Mollina, Sierra de Yeguas, Teba, Villanueva de Algaidas, Villanueva del Rosario, Villanueva del Trabuco u Villanueva de Tapia, u fil-provinċja ta’ Córdoba, it-territorju muniċipali ta’ Palenciana.
5. Rabta maż-żona ġeografika
Speċifiċità taż-żona ġeografika
Iż-żona ta’ produzzjoni taqa’ taħt ir-reġjun naturali tal-Ħofra ta’ Antequera (“la Depresión de Antequera”) li tinsab fit-tarf tal-Punent tal-ħofor intrabetiċi ta’ Andalusija. Mit-Tramuntana tmiss mal-provinċji ta’ Córdoba u Sivilja, mill-Punent mal-provinċji ta’ Sivilja u Cádiz, u mill-Lvant ma’ Granada. Il-konfini tan-Nofsinhar huma fformati minn grupp ta’ firxiet ta’ muntanji Subbéticas li jisseparawha mill-Muntanji ta’ Málaga: il-Hoyas tal-wied ta’ Guadalhorce u r-reġjun ta’ Serranía de Ronda, reġjuni li huma kollha parti mill-provinċja ta’ Málaga.
Iż-żona ġeografika għandha karatteristiċi ġeomorfoloġiċi u klimatiċi partikolari. Ir-reġjun ikopri żona fil-baxx ta’ topografija ħafifa (altitudni ta’ 400-600 m), imdawra b’serje ta’ sistemi muntanjużi li jinsabu fit-Tramuntana (Sierras Subbéticas) u fin-Nofsinhar (Sistema Penibético), li jipprovdu kundizzjonijiet mikroklimatiċi u tal-ħamrija partikolari għall-kultivazzjoni taż-żebbuġ.
L-imsaġar taż-żebbuġ jinsabu f’altitudnijiet li jvarjaw bejn l-450 u s-600 metri, fuq ħamrija ta’ fond medju u kalkarja ħafna (20-70 % ta’ karbonati). Min-naħa l-oħra, minħabba li l-ilma taż-żonatal-madwar jinżel fid-depressjoni ta’ Antequera, sitwazzjoni li wasslet għal livelli differenti ta’ terrazzi ta’ xmajjar, il-ħamrija għandha kwantità kbira ta’ depożiti terzjarji, li jinkludu tafal aħmar Mijo-plijoċeniku, li jipprovdi livelli għolja ta’ potassju lill-masġar taż-żebbuġ u livell għoli ta’ żamma tal-umdità. Dan kollu jiffavorixxu l-kundizzjonijiet ta’ veġetazzjoni tal-masġar taż-żebbuġ, peress li aktar minn 90 % tal-wiċċ ta’ dan ir-raba’ mhuwiex irrigat. Ir-reġjun ta’ Antequera għandu klima Mediterranja moderata-sħuna, kemxejn kontinentalizzata minħabba li jinsab fid-depressjonijiet intrabetiċi ta’ Andalusija. Din is-sitwazzjoni tikkawża kuntrasti kbar fit-temperatura bejn is-sjuf u x-xtiewi, u bejn il-lejl u l-jum. It-temperaturi medji tax-xahar l-aktar kiesaħ (Jannar jew Diċembru) ivarjaw bejn 6 °C u 9 °C. Ix-xhur l-aktar sħan huma Lulju u Awwissu, b’temperaturi medji li jvarjaw minn 22 °C sa 27 °C.
Speċifiċità tal-prodott
Iż-żejt taż-żebbuġa straverġni DOP “Antequera” huwa kkaratterizzat, mil-lat organolettiku, bil-preżentazzjoni ta’ intensitajiet bejn moderati u għoljin tal-attribut tat-togħma tal-frott taż-żebbuġ aħdar, b’medjan ugwali jew ikbar minn 4, li huwa akkumpanjat b’firxa ta’ attributi pożittivi ta’ frott ieħor misjur, lewż, banana u ħaxix aħdar. Dawn huma żjut li jippreżentaw intensitajiet li jvarjaw bejn ħfief u medji tal-attributi li huma morri u ma jaħarqux, li jeżistu f’armonija perfetta b’togħmiet kemxejn ħelwin. F’dak li jirrigwarda l-karatteristiċi fiżikokimiċi tiegħu, il-prodott huwa kkaratterizzat minn aċidità baxxa (inqas minn 0,3 %), kontenut baxx ta’ perossidu (inqas minn 10), u assorbenza baxxa ta’ ultravjola (K270) (inqas minn 0,15).
Iż-żejt għandu kompożizzjoni ta’ aċidi grassi bbilanċjata tajjeb. Għandu livelli għoljin ta’ aċidu olejku (bejn 78 u 81 %), livelli medji ta’ aċidu linolejku (bejn 5 u 8 %), ir-relazzjoni bejn l-aċidi grassi monoinsaturati u saturati huwa għoli (bejn 11 u 15), u għandu proporzjon moderat bejn l-aċidi grassi olejċi u linolejċi (15 u 12), li jiddetermina li jkunu żjut ħfief fil-ħalq.
Huma żjut moderatament stabbli grazzi għall-konċentrazzjonijiet għolja ta’ tokoferols tagħhom. Dan għalhekk jiddetermina li ż-żjut ta’ Antequera jkun fihom ħafna vitamina E.
Għandu jiġi nnutat, f’dak li jirrigwarda l-frazzjoni mhux saponifikabbli taż-żjut ta’ Antequera, li din fiha livell għoli ta’ metilsteroli, peress li taqbeż 30 mg għal kull 100 g ta’ żejt.
Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott
It-tolleranza għall-ħamrija kalkarja taż-żona ġeografika tal-varjetà lokali Hojiblanca, bir-rekwiżit tas-siġra għall-estrazzjoni ta’ kalċju mill-ħamrija, flimkien mal-klima Mediterranja kontinentalizzata tar-reġjun naturali tad-depressjoni ta’ Antequera, bi xtiewi kesħin u nixfin, ippermettew li ż-żebbuġ tal-varjetà lokali Hojiblanca, miġbur mill-imsaġar taż-żebbuġ f’din iż-żona fix-xhur ta’ temperaturi baxxi, mil-lat organolettiku jwassal għal żjut b’togħma tal-frott taż-żebbuġ aħdar b’medjan ugwali jew ikbar minn 4, attributi pożittivi ta’ frott misjur ieħor, lewż, banana u ħaxix aħdar, u attributi li huma morri u ma jaħarqux ta’ intensitajiet ħfief sa medji; u mil-lat fiżikokimiku, iwassal għal aċidità baxxa (taħt 0,3), indiċi tal-perossidi inqas minn 10, u assorbenza tal-ultravjola inqas minn 0,15.
Barra minn hekk, it-temperaturi baxxi matul l-istaġun tax-xitwa, tipiċi taż-żona ġeografika, idewmu l-perjodu ta’ maturazzjoni tal-varjetà lokali Hojiblanca. Dan iwassal għal bidla tal-profili aċidużi taż-żjut, filwaqt li jiżdiedu l-livelli tal-aċidu olejku (bejn 78 u 81 %), għad-detriment tal-aċidi grassi saturati u mhux saturati.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott
(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)
It-test sħiħ tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott huwa disponibbli fl-indirizz li ġej:
http://www.juntadeandalucia.es/organismos/agriculturapescaydesarrollorural/areas/industrias-agroalimentarias/calidad-promocion/paginas/denominaciones-calidad-aceite-oliva.html, b’ħolqa għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott li tinsab taħt l-isem tad-denominazzjoni ta’ kwalità.
wieħed jista’ jaċċedi għalih ukoll billi jidħol fil-paġna ewlenija tas-sit elettroniku tal-Kunsill Reġjonali tal-Agrikoltura, is-Sajd u l-Ambjent (http://www.juntadeandalucia.es/agriculturaypesca/portal) u jikklikkja kif ġej: “Áreas de actividad”/“Industrias Agroalimentarias”/“Calidad y Promoción”/“Denominaciones de Calidad”/“Aceite de oliva virgen extra”, fejn ħolqa għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott tista’ tinstab taħt l-isem tad-denominazzjoni ta’ kwalità.