Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt dwar ir-Regolamenti li jistabbilixxu rekwiżiti tal-ekodisinn u tat-tikkettar tal-enerġija għal tagħmir refriġeranti u li jħassru r-Regolamenti (KE) Nru 643/2009 1 u (UE) Nru 1060/2010 2  

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

Għaliex? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?

It-tagħmir refriġeranti għadu wieħed mill-akbar konsumaturi ta' enerġija fid-djar (wara l-ħiters tal-ilma elettriċi u d-dawl, iżda qabel it-televixins, il-fran elettriċi, il-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, il-magni tal-ħasil tal-platti, eċċ.).

Kien previst li l-konsum tal-elettriku ta' tagħmir refriġeranti tad-dar kellu jonqos għal dak ta' xenarju ta' żamma tal-istatus quo għal 57 TWh/a fl-2030, meta mqabbel ma' 86 TWh/a fl-2015.

Madankollu, dan l-iffrankar jista' ma jinkisibx minħabba:

(1)rekwiżiti skaduti dwar it-tikketta tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika.

Kwistjonijiet oħra relatati mar-regolamenti attwali huma:

(2)in-nuqqas ta' rekwiżiti dwar l-ekonomija ċirkolari;

(3)lakuni u rekwiżiti inqas xierqa għal uħud mit-teknoloġiji.

X'mistennija tikseb din l-inizjattiva?

Rekwiżiti aġġornati dwar l-effiċjenza enerġetika u tikkettar tal-enerġija aġġornat itejbu l-kompetittività tal-industrija tal-UE u jtejbu l-komunikazzjoni mal-konsumaturi dwar prodotti effiċjenti.

Il-kontribut lejn l-għanijiet tal-ekonomija ċirkolari jiffranka l-flus lill-konsumaturi u jiffaċilita r-riċiklabbiltà.

Definizzjoni mill-ġdid tal-kamp ta' applikazzjoni timla lakuni potenzjali u tadotta approċċ newtrali fir-rigward tat-teknoloġija biex b'hekk jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-industrija u jiġu ffaċilitati l-konformità u l-infurzar.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE? 

Hemm valur miżjud ċar f'li jiġu rikjesti livelli minimi ta' effiċjenza enerġetika u tikketta tal-enerġija fil-livell tal-UE.

Mingħajr rekwiżiti armonizzati fil-livell tal-UE, l-Istati Membri jistgħu jiġu inċentivati jistabbilixxu rekwiżiti nazzjonali minimi tal-effiċjenza enerġetika speċifiċi għall-prodotti fil-qafas tal-politiki nazzjonali tagħhom relatati mal-ambjent u l-enerġija. Dan joħloq ostakli għall-moviment liberu tal-prodotti. Qabel ma ġew implimentati l-miżuri tal-ekodisinn u t-tikketta tal-enerġija fil-livell tal-UE, dan fil-fatt kien il-każ għal ħafna prodotti.

Ir-rekwiżiti attwali dwar l-ekodisinn għat-tagħmir refriġeranti tad-dar ma għadhomx ikopru l-iffrankar tal-enerġija kosteffiċjenti, u t-tikketta tal-enerġija attwali ma għadhiex tippermetti lill-konsumaturi jiddifferenzjaw b’mod effettiv bejn it-tagħmir fis-suq. Rekwiżiti tal-ekodisinn u tikketti tal-enerġija aġġornati fil-livell tal-UE jagħtu lill-utenti aħħarin il-garanzija li huma jkunu qed jixtru prodott effiċjenti fl-enerġija u jipprovdu lill-utenti aħħarin tagħrif armonizzat irrispettivament minn liema Stat Membru jixtru l-prodott tagħhom. Dan qed isir dejjem aktar rilevanti hekk kif qed ikompli jiżdied il-kummerċ elettroniku. Bl-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija fil-livell tal-UE, il-prodotti effiċjenti fl-enerġija jiġu promossi fl-Istati Membri kollha, u dan joħloq suq akbar u għaldaqstant inċentivi akbar biex l-industrija tiżviluppahom.



B. Soluzzjonijiet

X’għażliet ta’ politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm għażla ppreferuta jew le? Għaliex? 

Ġew ikkunsidrati erba’ għażliet ta' politika:

1.Xenarju bażi: ir-Regolamenti attwali dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija u l-politiki u l-miżuri rilevanti l-oħra kollha fil-livell tal-UE huma preżunti li jibqgħu japplikaw

2.L-inqas kost taċ-ċiklu tal-ħajja (LLCC): Din hija l-għażla ppreferuta.

·Limiti tal-effiċjenza enerġetika fil-livell tal-LLCC;

·It-tikketta tal-enerġija riklassifikata f'tikketta bi skala minn A sa G;

·Il-metodu u r-rekwiżiti tal-kejl ibbażati fuq l-aktar standard tal-ittestjar reċenti;

·Il-metodu u r-rekwiżiti tal-kalkolu bbażati fuq metrika aġġornata;

·Rekwiżiti biex titjieb il-kapaċità ta' tiswija tat-tagħmir;

·Rekwiżiti biex titjieb ir-riċiklabbiltà tat-tagħmir;

·Miżuri biex tiġi evitata l-ħela tal-ikel. 

3.Ambizzjuża: L-istess bħall-għażla 2, b'limiti tal-effiċjenza enerġetika 25 % iktar mil-livell tal-LLCC.

4.Permissiva: L-istess bħall-għażla 2, b'limiti tal-effiċjenza enerġetika 20 % inqas mil-livell tal-LLCC.

Liema għażla u min jappoġġaha? 

Id-dokument ta' ħidma li ġie ċċirkolat lill-Forum Konsultattiv kien jinkludi l-għażla tal-LLCC bi żmien għat-twettiq iktar ambizzjuż. Mill-kummenti li waslu, deher ċar li din l-għażla kienet wisq ambizzjuża, u għalhekk din l-għażla ġiet imwarrba. Il-partijiet ikkonċernati kkummentaw fuq din l-għażla mwarrba u l-għażliet ippreżentati fil-valutazzjoni tal-impatt.

Xi Stati Membri u l-assoċjazzjoni tal-industriji ewlenija għal dan il-grupp ta' prodotti kienu tal-fehma li l-kombinament tar-rekwiżiti minimi tal-effiċjenza enerġetika u ż-żmien tat-twettiq tal-għażla mwarrba kien wisq ambizzjuż. Il-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati talbu li jipposponu l-applikazzjoni pjuttost milli jbaxxu l-livell ta' ambizzjoni tar-rekwiżiti tal-effiċjenza enerġetika.

L-industrija argumentat favur ix-xenarju permissiv, iżda kienet lesta taqbel mal-għażla tal-LLCC.

L-NGOs ambjentali talbu livelli ta' effiċjenza aktar ambizzjużi. Dwar iż-żmien tat-twettiq, il-biċċa l-kbira qablu li għandu jkun suffiċjenti li l-manifatturi jitħallew jittestjaw mill-ġdid it-tagħmir skont l-istandard u l-metrika l-ġdida. Barra minn hekk, huma talbu aktar rekwiżiti tal-ekonomija ċirkolari.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

Sal-2030, l-għażla 2 – LLCC ikollha r-riżultati li ġejjin:

·Iffrankar tal-enerġija ta' 9.6 TWh/sena u ffrankar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ta' 3.1 MtCO2eq./a, jiġifieri 0.66 % tal-mira għall-2030 tal-UE għall-iffrankar tal-konsum finali tal-enerġija u 0.25 % tal-mira għall-2030 tal-Unjoni għall-iffrankar tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra;

·Iffrankar fuq in-nefqa annwali tal-utent aħħari ta' EUR 2.8 biljun u dħul kummerċjali addizzjonali ta' EUR 0.44 biljun kull sena;

·Allinjament mal-progress teknoloġiku u mar-rekwiżiti minimi globali tal-effiċjenza enerġetika f'ekonomiji oħra;

·Kontribut għall-kompetittività tal-industrija tal-UE u rwol ewlieni bħala manifatturi ta' kwalità għolja;

·Ħarsien tal-SMEs li joperaw fi swieq niċċa. 

X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x'inhuma dawk ewlenin)? 

Il-piż amministrattiv huwa stmat kif ġej:

·Il-fornituri: ammont ta' EUR 3 300 000 ta' darba; EUR 90 000 fis-sena;

·In-negozjanti: ammont ta' EUR 600 000 ta' darba;

·UE: ammont ta' EUR 90 000 ta' darba; EUR 42 000 fis-sena;

·L-Istati Membri: EUR 330 000 fis-sena.

Dan il-kost huwa konsegwenza tal-applikazzjoni tar-Regolament Qafas dwar it-Tikkettar tal-Enerġija l-ġdid; mhumiex mistennija kostijiet addizzjonali għall-ekodisinn.

Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

SMEs li jimmanifatturaw tagħmir refriġeranti fil-kamp ta' applikazzjoni jinsabu biss fi swieq niċċa bħalma huma l-minibars (tagħmir b'livell baxx ta' ħsejjes) jew tagħmir tal-ħżin tal-inbid personalizzat prodott darba biss jew f'serje żgħar għal ristoranti, bars jew connoisseurs, normalment b'bibien tal-ħġieġ. Is-sehem tagħhom f'dawn is-swieq huwa stmat li hu ta' 30-40 %.

Biex jiġu mħarsa l-impjiegi tal-SMEs u jiġi limitat l-impatt fuq l-SMEs, l-għażliet kollha japplikaw rekwiżiti aktar permissivi għat-tagħmir tal-ħżin tal-inbid u għat-tagħmir b'livell baxx ta' ħsejjes. Għat-tagħmir tal-ħżin tal-inbid u t-tagħmir b'livell baxx ta' ħsejjes b'bibien tal-ħġieġ, huma proposti rekwiżiti anki inqas stretti.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

M'hemmx impatti oħra fuq il-baġits/l-amministrazzjonijiet nazzjonali ħlief dawk murija hawn fuq.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?

Iva, huwa mistenni li l-għażla ppreferuta jkollha impatt pożittiv fuq il-kompetittività u l-innovazzjoni fl-UE.

Ir-reviżjoni tar-regolament dwar it-tikkettar tat-tagħmir refriġeranti tad-dar huwa mistenni jappoġġa l-innovazzjoni u jwassal għal trasformazzjoni tas-suq, kif ġie osservat fil-passat. Huwa konformi mat-tendenzi attwali fis-suq lejn effiċjenza enerġetika akbar, fejn il-klassifikazzjoni ta' tikketta li turi livell għoli ta' effiċjenza enerġetika hija motivatur kummerċjali qawwi.

L-iżvilupp ta' teknoloġiji b'effiċjenza enerġetika innovattivi bi prezzijiet kompetittivi se jtejjeb il-kompetittività tal-manifatturi Ewropej. Dan huwa importanti minħabba li l-manifatturi Asjatiċi qed jespandu rapidament is-sehem tagħhom fis-suq globali. Għal dawn il-manifatturi, il-prezz tal-prodott, iktar milli l-kwalità, huwa wieħed mill-punti ta' bejgħ ewlenin.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Tiġi inkluża klawsola għal rieżami 5 snin wara l-adozzjoni.

(1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 643/2009 tat-22 ta' Lulju 2009 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għal tagħmir refriġeranti tad-dar , ĠU L 191, 23.7.2009, p. 53-68. (Ir-Regolament dwar l-Ekodisinn)

(2)

    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1060/2010 tat-28 ta' Settembru 2010 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' tikkettar tal-enerġija tat-tagħmir refriġeranti domestiku , ĠU L 314, 30.11.2010, p. 17-46. (Ir-Regolament dwar it-Tikkettar tal-Enerġija)