|
L-iskop tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (l-EIT) huwa li jindirizza l-isfidi ewlenin tas-soċjetà billi jtejjeb il-prestazzjoni tal-innovazzjoni tal-UE permezz tal-integrazzjoni tat-trianglu tar-riċerka, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni.
L-EIT ġie stabbilit fl-2008 permezz tar-Regolament (KE) Nru 294/2008 (“ir-Regolament tal-EIT”)
. Ir-Regolament tal-EIT jistabbilixxi l-missjoni, l-objettivi u l-baġit allokat lill-EIT, u għalhekk jeħtieġ li jkun konformi mal-Programm Qafas applikabbli għar-Riċerka u l-Innovazzjoni.
Il-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Orizzont Ewropa, il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għall-perjodu 2021–2027, tistabbilixxi l-baġit propost għall-EIT għall-perjodu li jmiss kif ukoll ir-raġunament warajh, il-valur miżjud, l-oqsma ta’ intervent, il-linji ġenerali tal-attività u l-indikaturi tal-prestazzjoni tiegħu. Fil-proposta, l-EIT huwa wieħed mill-komponenti ewlenin tal-pilastru “Ewropa Innovattiva”.
Il-proposta ta’ Orizzont Ewropa nnifisha ma tipprovdix il-bażi ġuridika għat-tkomplija tal-operazzjonijiet tal-EIT lil hinn mill-2020. Għalhekk, jeħtieġ li r-Regolament tal-EIT jiġi emendat.
Barra minn hekk, l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-EIT jirrikjedi li kull seba’ snin il-Kummissjoni tippreżenta proposta għal Aġenda Strateġika tal-Innovazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li tistabbilixxi l-prijoritajiet strateġiċi u fit-tul u l-ħtiġijiet finanzjarji tal-EIT li jeħtieġ ikunu konformi mal-Programm Qafas applikabbli għar-Riċerka u l-Innovazzjoni. L-Innovazzjoni Strateġika attwali tkopri l-perjodu 2014–2020
. Għalhekk, flimkien mal-proposta biex jiġi rivedut ir-Regolament tal-EIT, jeħtieġ tiġi ppreżentata proposta għal Aġenda Strateġika tal-Innovazzjoni ġdida tal-EIT għall-2021–2027.
Din l-inizjattiva għandha l-għan li temenda r-Regolament tal-EIT permezz ta’ riformulazzjoni, u tallinja l-ASI ma’ Orizzont Ewropa. Tkopri l-oqsma prijoritarji ġodda tal-EIT kif ukoll il-ħtiġijiet finanzjarji tiegħu. Għandha l-għan ukoll li ttejjeb il-funzjonament tal-EIT filwaqt li tqis it-tagħlimiet miksuba tul dawn l-aħħar snin.
B’mod partikolari, l-inizjattiva tieħu ħsieb tindirizza kwistjonijiet li jaqgħu fi tliet oqsma ewlenin. L-ewwel nett, se tindirizza sfidi relatati mal-mudell ta’ finanzjament tal-EIT. It-tieni nett, se tipproponi soluzzjonijiet biex iżżid l-impatt tal-attivitajiet edukattivi tal-EIT, jiġifieri ttejjeb l-għarfien tal-marka edukattiva tal-EIT u tappoġġa l-kapaċitajiet u l-ħiliet intraprenditorjali u ta’ innovazzjoni fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla. Fl-aħħar nett, l-inizjattiva se tgħin biex tikber is-sensibilizzazzjoni reġjonali tal-EIT permezz ta’ integrazzjoni aħjar tal-KICs fl-ekosistemi lokali tal-innovazzjoni. L-inizjattiva se tiddeskrivi wkoll l-oqsma prijoritarji futuri għall-KICs.
Barra minn hekk, l-inizjattiva se tindirizza għadd ta’ kwistjonijiet tekniċi sabiex tiżdied l-effikaċja, l-effiċjenza u l-koerenza tal-operazzjonijiet tal-EIT. Dan jinkludi s-sens ta’ ftuħ u t-trasparenza tal-KICs, il-governanza tal-EIT u d-dispożizzjonijiet kuntrattwali tal-persunal tal-EIT.
Il-kwistjonijiet identifikati se jiġu indirizzati permezz ta’ emenda fir-Regolament tal-EIT u permezz tal-adozzjoni tal-Aġenda Strateġika tal-Innovazzjoni tal-EIT għall-2021–2027. Il-Valutazzjoni tal-Impatt attwali hija msejsa fuq il-Valutazzjoni tal-Impatt li saret għal Orizzont Ewropa.
|