Brussell, 27.11.2019

COM(2019) 606 final

2019/0268(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, f’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni li taġġorna l-Anness XV tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova.

2.Il-kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), jistabbilixxi Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (Deep and Comprehensive Free Trade Area - “DCFTA”) li għandha l-għan li tistabbilixxi kundizzjonijiet għal relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali msaħħa. Dan jinkludi t-tnaqqis gradwali jew l-eliminazzjoni tad-dazji doganali fuq prodotti kkummerċjati bejn iż-żewġ Partijiet. Il-Ftehim daħal fis-seħħ għal kollox fl-1 ta' Lulju 2016.

2.2.Il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ

Il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ kien stabbilit fl-Artikolu 438(4) tal-Ftehim u jwettaq il-kompiti mogħtija lilu taħt it-Titolu V tal-Ftehim, jiġifieri l-Kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-Kummerċ. Permezz tad-deċiżjoni 3/2014 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova, tas-16 ta’ Diċembru 2014, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ddelega s-setgħa li jaġġorna jew jemenda l-Annessi tal-Ftehim li jirrigwardaw il-Kapitoli 1, 3, 5, 6 u 8 tat-Titolu V (Kummerċ u Kwistjonijiet relatati mal-Kummerċ) tal-Ftehim lill-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ.

2.3.L-att previst tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ

L-Artikolu 147 tal-Ftehim jipprovdi li l-partijiet jeżaminaw, fil-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, fuq bażi reċiproka xierqa, l-opportunitajiet biex jagħtu lil xulxin konċessjonijiet ulterjuri bil-ħsieb li titjieb il-liberalizzazzjoni fil-kummerċ ta’ prodotti agrikoli, b’mod partikolari dawk soġġetti għall-kwoti tariffarji (tariff-rate quotas - TRQs). B’mod aktar konkret, l-Artikolu 147(5) jipprevedi tali rieżami matul it-tielet sena wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim. Barra minn hekk, l-Artikolu 148(5) jipprevedi l-possibbiltà li l-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ jemenda, b’kunsens reċiproku, il-volumi ta’ skattar tal-prodotti soġġetti għall-mekkaniżmu kontra ċ-ċirkomvenzjoni (l-Anness XV-C).

“Id-Deċiżjoni Nru.../... tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ ta’... 20... li taġġorna l-Anness XV tal-Ftehim” (“l-att previst”), hija mistennija li tiġi adottata mill-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ bi proċedura bil-miktub, kif stipulat fl-Artikolu 11 tal-Anness II tad-Deċiżjoni Nru 1/2014 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova, tas-16 ta’ Diċembru 2014, li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu u ta’ dawk tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni u tas-sottokumitati.

L-għan tal-att previst huwa li jemenda l-Anness XV tal-Ftehim (“Eliminazzjoni tad-dazji doganali”) f’konformità mar-riżultati tan-negozjati bejn il-Kummissjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova, li kienu nbdew fuq talba tar-Repubblika tal-Moldova fil-qafas tar-rieżami msemmi hawn fuq.

3.Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni għandha l-għan li timmodifika l-Anness XV tal-Ftehim, f’konformità mar-riżultati tan-negozjati bejn il-Kummissjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova.

F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 147(4) u 148 (5) tal-Ftehim, ir-riżultati tan-negozjati se jiġu fformalizzati permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ. Skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), il-Kummissjoni se tippreżenta proposta lill-Kunsill, li għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-kumitat imsemmi hawn fuq.

It-tabelli li ġejjin jiġbru fil-qosor l-emendi proposti:

Tabella 1 – Emendi għall-Anness XV-A (TRQs għal esportazzjonijiet mill-Moldova lejn l-UE)

Prodott (Il-kodiċi NM)

Bħalissa (tunnellati)

Ġodda (tunnellati)

Għeneb tal-mejda, frisk (08061010)

10 000

20 000

Għanbaqar, frisk (08094005)

10 000

15 000

Ċirasa (minbarra ċ-ċirasa qarsa), friska (08092900) *

Mhux eżistenti

1 500

* Fl-Anness XV-B, fil-lista ta’ prodotti soġġetti għal prezz ta’ dħul, il-linja bil-kodiċi NM 2012 0809 29 00 u d-deskrizzjoni tal-prodott “Ċirasa (minbarra ċ-ċirasa qarsa), friska” għandha titħassar.

Tabella 2 – Emendi għall-Anness XV-C (volumi ta’ skattar tal-mekkaniżmu ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni għal esportazzjonijiet mill-Moldova lejn l-UE)

Kategorija tal-prodott

Bħalissa (tunnellati)

Ġodda (tunnellati)

6. Qamħ, dqiq u gerbub

75 000

150 000

7. Barli, dqiq u gerbub

70 000

100 000

8. Qamħirrum, dqiq u gerbub

130 000

250 000

10. Pproċessati taċ-ċereali

2 500

5 000

Tabella 3 – Emendi għall-Anness XV-D (TRQs għal esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Moldova – introduzzjoni gradwali)

TRQ (kategorija tal-prodott)

Bħalissa

Ġodda

TRQ 1 (Majjal)

4 000

5 500 (4 500/5 000/5 500)

TRQ 2 (Tjur)

4 000

6 000 (5 000/5 500/6 000)

TRQ 3 (Prodotti tal-ħalib)

1 000

2 000 (1 500/2 000)

TRQ 5 (Zokkor)

5 400

9 000 (7 000/8 000/9 000)

Jenħtieġ li dan il-ftehim jitqies fil-kuntest usa’ tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta’ Ġunju 2019, li permezz tagħhom il-Kummissjoni Ewropea ġiet mistiedna taħdem fuq sett ta’ miżuri konkreti b’sostenn għar-Repubblika tal-Moldova, abbażi tal-implimentazzjoni sostnuta tagħha tar-riformi skont il-Ftehim / DCFTA.

Il-Kummissjoni ppreżentat ir-riżultat tan-negozjati fil-Kumitat tal-Politika tal-Kummerċ fid-19 ta’ Lulju 2019 u fis-6 ta’ Settembru 2019.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-TFUE jipprovdi għal deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 1 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ huwa korp stabbilit mill-Ftehim. L-att, li l-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ huwa msejjaħ li jadotta, jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst ikun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 438(3) tal-Ftehim. L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ miri jew żewġ komponenti, u jekk waħda minn dawk il-miri jew wieħed minn dawk il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-mira jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni. Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207 tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 207(4) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Billi l-att tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ se jemenda l-Anness XV tal-Ftehim, huwa xieraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.

2019/0268 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/839 tat-23 ta’ Mejju 2016 2 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2016.

(2)Skont l-Artikolu 438(3) tal-Ftehim, il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ jista’ jadotta deċiżjonijiet fl-oqsma li fihom il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jkun iddelegalu setgħat. Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, bid-Deċiżjoni Nru 3/2014 tal-16 ta’ Diċembru 2014, iddelega lill-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ is-setgħat li għandu li jaġġorna jew jemenda ċerti annessi relatati mal-kummerċ 3 .

(3)Wara konsultazzjonijiet, skont l-Artikolu 147 tal-Ftehim, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Unjoni Ewropea qablu, fuq bażi reċiproka, li jżidu l-volum ta’ xi prodotti soġġetti għal kwoti tariffarji annwali mingħajr dazju.

(4)L-Unjoni Ewropea aċċettat li żżid il-volum tal-kwoti tariffarji (“TRQ”) għal prodotti li joriġinaw fir-Repubblika tal-Moldova fil-każ tal-għeneb tal-mejda u l-għajnbaqar, u biex tintroduċi kwota tariffarja ġdida għaċ-ċiras. Ir-Repubblika tal-Moldova aċċettat li żżid gradwalment il-volum tal-kwoti tariffarji għall-prodotti li joriġinaw fl-Unjoni Ewropea fil-każ tal-prodotti li ġejjin inklużi fl-Iskeda ta’ Konċessjonijiet (ir-Repubblika tal-Moldova): il-majjal (“TRQ 1”), it-tjur (“TRQ 2”), il-prodotti tal-ħalib (“TRQ 3”) u z-zokkor (“TRQ 5”).

(5)Ir-Repubblika tal-Moldova talbet lill-Unjoni Ewropea biex temenda l-Anness XV-C sabiex jiżdied il-volum ta’ qamħ (dqiq u gerbub), xgħir (dqiq u gerbub), qamħirrum (dqiq u gerbub) u ċereali pproċessati biex jiskatta l-mekkaniżmu kontra ċ-ċirkomvenzjoni kif previst fl-Artikolu 148 ta’ dan il-Ftehim.

(6)Il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ għandu jadotta permezz ta’ proċedura bil-miktub deċiżjoni li taġġorna l-Anness XV tal-Ftehim.

(7)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, peress li d-deċiżjoni li taġġorna l-Anness XV tal-Ftehim se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ rigward l-aġġornament tal-Anness XV għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ dak il-Kumitat mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, kif adottata, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(2)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/839 tat-23 ta' Mejju 2016 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra ĠU L 141, 28.5.2016, p. 28.
(3)    ĠU L 110, 29.4.2015, p. 40.

Brussell, 27.11.2019

COM(2019) 606 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ


DOKUMENT MEHMUŻ

ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru ../… TAL-KUMITAT TA’ ASSOĊJAZZJONI BEJN L-UE U L-MOLDOVA FIL-KONFIGURAZZJONI TAL-KUMMERĊ

ta’... 20...

li taġġorna l-Anness XV tal-Ftehim

IL-KUMITAT TA’ ASSOĊJAZZJONI FIL-KONFIGURAZZJONI TAL-KUMMERĊ,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fis-27 ta’ Ġunju 2014, u b’mod partikolari l-Artikolu 147(4) u (5), l-Artikolu 148(5) u l-Artikolu 438(3) tiegħu,

Billi:

(1)Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2016.

(2)Wara li saru konsultazzjonijiet, f’konformità mal-Artikolu 147 tal-Ftehim, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Unjoni Ewropea qablu, fuq bażi reċiproka, li jżidu l-volum ta’ xi prodotti soġġetti għal kwoti tariffarji annwali mingħajr dazju.

(3)L-Unjoni Ewropea aċċettat li żżid il-volum tal-kwoti tariffarji (“TRQ”) għal oġġetti li joriġinaw fir-Repubblika tal-Moldova fejn jidħlu l-għeneb tal-mejda u l-għajnbaqar, u li tintroduċi kwota tariffarja ġdida għaċ-ċiras. Ir-Repubblika tal-Moldova aċċettat li żżid gradwalment il-volum tal-kwoti tariffarji għall-prodotti li joriġinaw fl-Unjoni Ewropea fil-każ tal-prodotti li ġejjin inklużi fl-Iskeda ta’ Konċessjonijiet (ir-Repubblika tal-Moldova): il-majjal (“TRQ 1”), it-tjur (“TRQ 2”), il-prodotti tal-ħalib (“TRQ 3”) u z-zokkor (“TRQ 5”).

(4)Wara talba li saret mir-Repubblika tal-Moldova skont l-Artikolu 148 ta’ dan il-Ftehim, l-Unjoni Ewropea aċċettat li żżid il-volum ta’ limitu fil-każ tal-qamħ (dqiq u gerbub), xgħir (dqiq u gerbub), qamħirrum (dqiq u gerbub) u ċereali pproċessati.

(5)Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, bid-Deċiżjoni Nru 3/2014 tal-16 ta’ Diċembru 2014, iddelega lill-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ is-setgħat tiegħu li jaġġorna jew jemenda ċerti annessi relatati mal-kummerċ.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1.L-Anness XV-A tal-Ftehim għandu jiġi sostitwit bl-Anness 1 ta’ din id-Deċiżjoni.

2.Fl-Anness XV-B, fil-lista ta’ prodotti soġġetti għal prezz ta’ dħul, il-linja bil-kodiċi NM 2012 0809 29 00 u d-deskrizzjoni tal-prodott “Ċirasa (minbarra ċirasa qarsa), friska” għandha titħassar.

3.Fl-Anness XV-C, il-volumi ta’ skattar għall-kategoriji ta’ prodotti li ġejjin għandhom jiġu emendati kif ġej:

(a)Għall-kategorija tal-prodott 6. Qamħ, dqiq u gerbub, fil-kolonna bit-titlu “Volum ta’ skattar (f’tunnellati)”, l-ammont ta’ “75 000” għandu jiġi sostitwit bl-ammont “150 000”;

(b)Għall-kategorija tal-prodott 7. Barli, dqiq u gerbub, fil-kolonna bit-titlu “Volum ta’ skattatur (f’tunnellati)”, l-ammont ta’ “70 000” għandu jiġi sostitwit bl-ammont “100 000”;

(c)Għall-kategorija tal-prodott 8. Qamħirrum, dqiq u gerbub, fil-kolonna bit-titlu “Volum ta’ skattar (f’tunnellati)”, l-ammont ta’ “130 000” għandu jiġi sostitwit bl-ammont “250 000”; kif ukoll

(d)Għall-kategorija tal-prodott 10. Ċereali pproċessati, fil-kolonna bit-titlu “Volum ta’ skattar (f’tunnellati)”, l-ammont ta’ “2 500” għandu jiġi sostitwit bl-ammont “5 000”.

4.Fl-Anness XV-D, l-Iskeda ta’ Konċessjonijiet (ir-Repubblika tal-Moldova), ir-raba’ kolonna bit-Titolu “Kategorija” għandha tiġi emendata kif ġej:

(a)Ir-referenzi kollha għal “TRQ 1 (4 000 t)” għandhom jiġu sostitwiti b’ “TRQ 1 (4 500 t; għas-sena 2021: 5 000 t; u mis-sena 2022: 5 500 t)”;

(b)Ir-referenzi kollha għal “TRQ 2 (4 000 t)” għandhom jiġu sostitwiti b’ “TRQ 2 (5 000 t; għas-sena 2021: 5 500 t; u mis-sena 2022: 6 000 t)”;

(c)Ir-referenzi kollha għal “TRQ 3 (1 000 t)” għandhom jiġu sostitwiti b’ “TRQ 3 (1 500 t; u mis-sena 2021: 2 000 t)”;

(d)Ir-referenzi kollha għal “TRQ 5 (5 400 t)” għandhom jiġu sostitwiti b’ “TRQ 5 (7 000 t; għas-sena 2021: 8 000 t; u mis-sena 2022: 9 000 t)”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi..., ....

Għall-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ

Il-Presidenza

Anness 1

AĠĠORNAMENT tal-Anness XV-A tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

It-test tal-Anness XV-A għandu jiġi sostitwit biit-test li ġej:

Anness XV-A

PRODOTTI SUĠĠETTI GĦAL KWOTI ANNWALI TA’ KWOTI TARIFFARJI MINGĦAJR DAZJU (L-UNJONI)

Ordni Nru

Kodiċi NM

2012

Deskrizzjoni tal-Prodott

Volum (tunnellati)

Rata ta’ dazju

1

07020000

Tadam, frisk jew imkessaħ

2 000

b’xejn

2

07032000

Tewm, frisk jew imkessaħ

220

b’xejn

3

08061010

Għeneb tal-mejda, frisk

20 000

b’xejn

4

08081080

Tuffieħ, frisk (ħlief it-tuffieħ tas-sidru, fi kwantità, mis-16 ta’ Settembru sal-15 ta’ Diċembru)

40 000

b’xejn

5

08092900

Ċirasa (imbarra ċ-ċirasa qarsa), friska

1 500

b’xejn

6

08094005

Għanbaqar, frisk

15 000

b’xejn

7

20096110

Meraq tal-għeneb, inkluż għeneb magħsur qabel jeħmer, mhux iffermentat, b’valur Brix <= 30 f’temperatura ta’ 20 °C, b’valur ta’ > EUR 18 għal kull 100 kg, kemm jekk fih zokkor jew materjal ieħor li jagħti togħma ħelwa kif ukoll jekk le (ħlief jekk fih l-ispirtu)

500

b’xejn



Ordni Nru

Kodiċi NM

2012

Deskrizzjoni tal-Prodott

Volum (tunnellati)

Rata ta’ dazju

20096919

Meraq tal-għeneb, inkluż għeneb magħsur qabel jeħmer, mhux iffermentat, b’valur Brix > 67 f’temperatura ta’ 20 °C, b’valur ta’ > EUR 22 għal kull 100 kg, kemm jekk fih zokkor jew materjal ieħor li jagħti togħma ħelwa kif ukoll jekk le (ħlief jekk fih l-ispirtu)

20096951

Meraq tal-għeneb, inkluż għeneb magħsur qabel jeħmer, mhux iffermentat, b’valur Brix > 30 iżda <= 67 f’temperatura ta’ 20 °C, b’valur ta’ > EUR 18 għal kull 100 kg, kemm jekk fih zokkor jew materjal ieħor li jagħti togħma ħelwa kif ukoll jekk le (ħlief jekk fih l-ispirtu)

20096959

Meraq tal-għeneb, inkluż għeneb magħsur qabel jeħmer, mhux iffermentat, b’valur > 30 iżda <= 67 f’temperatura ta’ 20 °C, b’valur ta’ > EUR 18 għal kull 100 kg, kemm jekk fih zokkor jew materjal ieħor li jagħti togħma ħelwa kif ukoll jekk le (ħlief jekk ikkonċentrat jew fih l-ispirtu)