Brussell, 31.10.2019

COM(2019) 564 final

2019/0246(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1139 fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ limiti tal-kapaċità għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant, il-ġbir ta’ FMT:Italicdata u l-miżuri ta’ kontroll fil-Baħar Baltiku, u r-Regolament (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ waqfien permanenti għal flotot li jistadu għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

L-ekosistema fil-Baħar Baltiku ilha fi stat fraġli għal għexieren ta’ snin. Madankollu, kien biss fl-2019 li x-xjenzjati wissew li l-kundizzjonijiet ambjentali iħallu impatt ħafna aktar importanti fuq il-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant milli kien stmat qabel. Is-sitwazzjoni issa qed tikkawża tnaqqis qawwi tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni hija mingħajr preċedent għax l-istokk tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant huwa l-uniku stokk fl-ilmijiet Ewropej li għalih il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (l-ICES) jivvaluta li l-mortalità naturali mill-pressjonijiet ambjentali hija tliet darbiet ogħla mill-mortalità mis-sajd. L-ebda stokk ta’ ħut ieħor fl-ilmijiet Ewropej ma jinsab f’sitwazzjoni bħal din. L-istokk tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant mhuwiex mistenni li jirkupra qabel l-2024, anki jekk ma jsir l-ebda sajd.

Għalhekk, minħabba s-sitwazzjoni msemmija hawn fuq, din is-sena, fuq l-aħjar parir xjentifiku disponibbli u f’konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd u l-Pjan Pluriennali għall-Baħar Baltiku (minn hawn ’il quddiem il-“MAP Baltiku”), f’Lulju 2019 il-Kummissjoni adottat l-ewwel miżuri ta’ emerġenza li jipprojbixxu s-sajd tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant sal-aħħar tas-sena; u t-tieni nett, f’Ottubru 2019 il-Kunsill iddeċieda dwar restrizzjonijiet meħtieġa u mingħajr preċedent dwar is-sajd għall-2020. Madankollu, mhux mistenni rkupru għal numru ta’ snin. Għalhekk, dawn il-miżuri eċċezzjonali se jwasslu għal kapaċitajiet żejda tal-flotta kif ukoll għal konsegwenzi soċjoekonomiċi negattivi serji għall-komunitajiet kostali u n-negozji tas-sajd relatati. Is-settur tas-sajd huwa komponent ewlieni tal-ħajja ekonomika ta’ ħafna reġjuni kostali fil-Baħar Baltiku. Madankollu, l-adozzjoni tal-kwota għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant ilha relattivament baxxa (taħt is-60 %) għal ħafna snin; fl-2018 l-adozzjoni kienet biss ta’ 40 % u saħansitra inqas fl-2019 sa nofs Lulju meta bdew il-miżuri ta’ emerġenza tal-Kummissjoni (19 %). L-adozzjoni tal-kwota relattivament baxxa sa mill-2018 setgħet kienet l-ewwel sinjal tas-sitwazzjoni ambjentali ħażina u tal-impatt kbir li għandha fuq il-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant.

L-analiżi tal-Kummissjoni turi li s-segmenti tal-flotta bl-ogħla dipendenza fuq il-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant jinkludu aktar minn 300 bastiment, prinċipalment bastimenti tat-tkarkir u tax-xbieki fil-Litwanja, fil-Latvja u fil-Polonja, u sa ċertu punt fid-Danimarka. Minn dawn, minoranza minnhom biss tidher reżiljenti biżżejjed biex tkampa fil-każ ta' għeluq fuq tul ta’ żmien qasir — iżda mhux fuq perjodu ta’ żmien medju jew twil. Il-bqija diġà jbatu minn sitwazzjoni batuta li se tiggrava minħabba l-għeluq jew li se jaraw il-profittabbiltà tagħhom tixxejjen. Dawn is-segmenti tal-flotta huma ta’ importanza soċjoekonomika sinifikanti, għax jirrappreżentaw bejn wieħed u ieħor 20 % u 50 % tal-flotta nazzjonali rispettivament fil-Litwanja, fil-Latvja u fil-Polonja, espressi f’ekwivalenti ta’ ingaġġ full-time. Minħabba l-għeluq totali ta’ kwalunkwe sajd dirett għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant u t-tnaqqis qawwi maqbul għal stokkijiet Baltiċi oħra mill-Kunsill fl-14–15 ta’ Ottubru 2019, il-bastimenti u s-segmenti tal-flotta li ntlaqtu l-aktar mill-għeluq tas-sajd fil-mira tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant mhux ser ikunu kollha kapaċi jidderieġu mill-ġdid l-attivitajiet tas-sajd tagħhom għal speċijiet oħra. L-għeluq se jħalli impatt sostanzjali fuq il-flotot tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant, b’impatt negattiv qawwi f’ċerti reġjuni u komunitajiet kostali. Abbażi ta’ dan u b’kont meħud tal-kuntatti kontinwi mal-Istati Membri dwar l-impatt negattiv sinifikanti ta’ din is-sitwazzjoni fuq is-settur tas-sajd u l-fatt li l-partijiet interessati ma jistgħux huma stess jimmitigaw il-konsegwenzi negattivi, il-Kummissjoni kkonkludiet li huma meħtieġa miżuri ta’ kontinġenza għas-settur tas-sajd. Fost il-miżuri ta’ kontinġenza hemm l-introduzzjoni ta’ limitu massimu għall-kapaċità tal-Istati Membri fil-Baħar Baltiku li l-flotot tagħhom huma affettwati mis-sitwazzjoni avversa għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant u reġim ta’ ħruġ ta’ kapaċità għal flotot li qabel kienu jistadu għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant.

Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (minn hawn ’il quddiem “il-FEMS”) stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill huwa l-fond għall-politiki marittimi u tas-sajd tal-UE għall-2014 sal-2020. Dan huwa wieħed minn ħames Fondi Strutturali u tal-Investiment Ewropej (l-ESI), li jikkomplementaw lil xulxin u jfittxu li jippromwovu rkupru bbażat fuq it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa. Il-Fond jgħin lis-sajjieda fit-tranżizzjoni għal sajd sostenibbli; jappoġġja l-komunitajiet kostali fid-diversifikazzjoni tal-ekonomiji tagħhom u jiffinanzja proġetti li joħolqu impjiegi ġodda u jtejbu l-kwalità tal-ħajja mal-kosta Ewropea.

Għaldaqstant, dan il-fond jenħtieġ li jipprovdi l-possibbiltà lill-Istati Membri affettwati mis-sitwazzjoni ta’ eċċezzjoni tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant li jipprovdu appoġġ finanzjarju biex jinkiseb u jinżamm bilanċ bejn il-kapaċità tal-flotta u l-opportunitajiet tas-sajd billi l-appoġġ finanzjarju għall-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd permezz tal-iskrappjar isir eliġibbli taħt il-FEMS 2014–2020. Dan l-appoġġ ingħata sa tmiem l-2017 (u ġie introdott reċentement għall-pjan pluriennali fil-Punent tal-Baħar Mediterran). L-introduzzjoni mill-ġdid tad-dekummissjonar fil-forma tal-iskrappjar hija miżura mhux prevista b’rispons għas-sitwazzjoni ta’ eċċezzjoni tal-bakkaljaw Baltiku tal-Lvant. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-fond jipprovdi flessibbiltà addizzjonali f’din is-sitwazzjoni ta’ eċċezzjoni billi jippermetti lill-istess Stati Membri jidderieġu mill-ġdid l-approprjazzjonijiet disponibbli tal-għajnuna għall-ħażna u l-Politika Marittima Integrata fi ħdan il-pakkett finanzjarju ta’ kull Stat Membru għall-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd bil-ħsieb li jissaħħaħ il-bżonn li jiġu skrappjati l-bastimenti, u fl-istess ħin jiġi evitat impatt negattiv fuq il-kisbiet tal-objettivi CFP l-oħra u l-implimentazzjoni tal-FEMS. Din il-proposta għalhekk timmira għall-ġestjoni sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut tal-Baħar Baltiku billi tnaqqas il-kapaċitajiet żejda tal-flotta fis-sajd tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant.

Barra minn hekk, l-Istati Membri u l-Kummissjoni huma tal-opinjoni li hija meħtieġa azzjoni urġenti biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali ta’ dik is-sitwazzjoni ambjentali u soċjali kritika. Dan ifisser li l-pressjonijiet ambjentali ewlenin fiż-żona tal-Baħar Baltiku li qed jipprevjenu l-irkupru tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant iridu jiġu indirizzati b’determinazzjoni ikbar, u li jrid jitnaqqas l-iżbilanċ strutturali fil-kapaċità tal-flotta tal-flotot li qabel kienu jistadu għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant. Din il-proposta għalhekk tintroduċi l-possibbiltà li jingħata appoġġ pubbliku għall-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd permezz tal-iskrappjar għas-sajjieda u l-operaturi li għandhom dipendenza sinifikanti fuq il-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant u li huma affettwati mill-għeluq tas-sajd għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant.

Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tal-adattament strutturali tal-flotta fil-Baħar Baltiku mal-objettivi ta’ konservazzjoni stabbiliti fil-Pjan ta’ Ġestjoni Pluriennali, l-appoġġ għall-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd permezz tal-iskrappjar ta’ bastimenti tas-sajd li għandhom dipendenza sinifikanti fuq il-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant jenħtieġ li jkun strettament kundizzjonali u marbut mal-kisba tal-miri u l-għodod ta’ aġġustament definiti fil-pjanijiet ta’ azzjoni għal segmenti żbilanċjati.

Fl-aħħar nett, jenħtieġ li jiġu introdotti miżuri ta’ kontroll addizzjonali u li jittejjeb il-ġbir ta’ data rilevanti.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta hija konsistenti mal-proposta tal-Kummissjoni għall-FEMS li jmiss u mal-aħħar pjan pluriennali.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

L-appoġġ għall-iskrappjar ta’ bastimenti fil-Baħar Baltiku bħalissa mhuwiex eliġibbli għall-kofinanzjament taħt ir-Regolament tal-FEMS attwali, madankollu, huwa meħtieġ għall-implimentazzjoni effiċjenti tal-aħħar pjan pluriennali.

Barra minn hekk, l-appoġġ għall-waqfien permanenti ta’ attivitajiet għall-iskrappjar ta’ bastimenti ngħata sa tmiem l-2017 taħt il-FEMS. Dan l-aħħar ġie introdott appoġġ għall-Punent tal-Baħar Mediterran (ir-Regolament 2019/1022). Barra minn hekk, il-proposta tal-Kummissjoni għall-FEMS li jmiss għall-perjodu 2021–2027 tinkludi għal darb’oħra l-appoġġ għal waqfien permanenti permezz tal-iskrappjar.

Fl-aħħar nett, l-appoġġ għal waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd fil-Baħar Baltiku diġà ngħata skont ir-Regolament attwali permezz tal-programmi operattivi tal-FEMS (COM C(2019) 6496).

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE).

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta tidħol fl-ambitu tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(d) tat-TFUE. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin.

Il-Politika Komuni tas-Sajd hija politika komuni. Wieħed mill-objettivi tagħha huwa li tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd ikunu ambjentalment sostenibbli fit-tul, iżda wkoll li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi. Abbażi tal-aħjar parir xjentifiku disponibbli l-Unjoni ddeċidiet dwar restrizzjonijiet tas-sajd meħtieġa iżda mingħajr preċedent. Dawn se jwasslu għal kapaċitajiet żejda tal-flotta kif ukoll għal konsegwenzi soċjoekonomiċi negattivi serji għall-komunitajiet kostali u n-negozji tas-sajd kkonċernati. Il-ftuħ tal-possibbiltà li wieħed japplika għal appoġġ finanzjarju għal waqfien permanenti permezz tal-iskrappjar se jikkontribwixxi biex itaffi dawn il-konsegwenzi soċjoekonomiċi negattivi filwaqt li fl-istess ħin inaqqas il-kapaċità tal-flotta u l-pressjoni tas-sajd relatata fuq l-istokk tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant.

Għażla tal-istrument

L-istrument propost: emenda ta’ Regolament.

Din hija proposta għall-ġestjoni tas-sajd abbażi tal-Artikolu 43(2) tat-TFUE.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Dan mhuwiex applikabbli minħabba n-natura eċċezzjonali tal-avveniment li din il-proposta teħtieġ.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

L-Istati Membri u l-partijiet interessati rilevanti, b’mod partikolari l-Kunsill Konsultattiv għall-Baħar Baltiku, ġew ikkonsultati dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-Baħar Baltiku għall-2020 fil-kuntest tat-tħejjija u n-negozjar tar-regolament rilevanti. L-isfidi li jirriżultaw mill-kapaċitajiet tal-flotta żejda u l-konsegwenzi soċjoekonomiċi negattivi serji għall-komunitajiet kostali u għan-negozji tas-sajd relatati tqajmu minn diversi partijiet ikkonċernati tas-sajd u mill-Istati Membri. L-operaturi kollha, il-partijiet u l-Istati Membri kkonċernati enfasizzaw il-ħtieġa li tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta’ flotot żejda b’mod strutturali billi jingħataw appoġġ finanzjarju biex jinkiseb u jinżamm bilanċ bejn il-kapaċità tal-flotta u l-opportunitajiet tas-sajd. Għal dan il-għan talbu li jingħataw appoġġ finanzjarju mill-Unjoni Ewropea għall-waqfien permanenti permezz tal-iskrappjar eliġibbli taħt il-FEMS 2014–2020.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

L-Unjoni kull sena tfittex parir xjentifiku dwar l-istat tal-istokkijiet importanti tal-ħut fil-Baħar Baltiku mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (l-ICES). Mill-parir tal-ICES jidher ċar li t-tnaqqis qawwi tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant aktarx li jibqa’ problema għal bosta snin.

Valutazzjoni tal-impatt

Twettqet valutazzjoni tal-impatt għall-proposta tal-Kummissjoni dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd għall-perjodu mill-2021 sal-2027. Din il-valutazzjoni tal-impatt identifikat u spjegat l-isfidi u l-problemi ewlenin li jridu jiġu indirizzati mill-programm futur ibbażat fuq sejbiet u evalwazzjonijiet ta’ perjodi ta’ programmazzjoni preċedenti, prijoritajiet politiċi ġodda u problemi emerġenti li jeħtieġu intervent tal-Unjoni. Ikkonkludiet li l-politika jeħtieġ tkun aktar immirata u aktar iffukata sabiex tindirizza aħjar il-kwistjoni tal-kapaċità żejda u s-sajd żejjed f’dawk is-segmenti tal-flotot tas-sajd tal-UE, li jkomplu jistadu għal stokkijiet f’livelli li mhumiex sostenibbli. L-appoġġ għall-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd huwa għalhekk propost mill-Kummissjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss tal-FEMS, taħt kundizzjonijiet stretti biex jiġi żgurat li tali appoġġ ikun immirat lejn il-kisba ta’ bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli. Il-proposta bħalissa qed tiġi eżaminata mill-koleġiżlaturi. Minħabba n-natura eċċezzjonali tas-sitwazzjoni tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant u s-sajd dipendenti fuq dan l-istokk ta’ ħut, l-għażla politika tal-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd permezz tal-iskrappjar ta’ bastimenti tas-sajd, hija għalhekk l-aħjar għażla. Ma hija disponibbli l-ebda għażla ta’ politika materjalment u legalment differenti minbarra dik proposta.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli.

Drittijiet Fundamentali

Din il-proposta ma għandhiex konsegwenzi għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta tagħmel l-appoġġ għall-waqfien permanenti mill-attivitajiet tas-sajd permezz tal-iskrappjar ta’ bastimenti tas-sajd eliġibbli għal darb’oħra taħt il-FEMS attwali. Il-finanzjament tal-UE relatat irid jingħata f’konformità mal-programmi operattivi tal-FEMS 2014–2020 u l-allokazzjonijiet finanzjarji tal-Istati Membri tal-FEMS relatati.

L-emenda proposta ma timplika l-ebda bidla fil-limiti massimi annwali tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-impenji u l-pagamenti skont l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1311/2013 1 . Il-proposta tista’ tikkonsisti mill-antiċipazzjoni ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament u hija newtrali għall-finijiet tal-baġit għall-perjodu tal-ipprogrammar.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Mhux applikabbli.

2019/0246 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1139 fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ limiti tal-kapaċità għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant, il-ġbir ta’ data u l-miżuri ta’ kontroll fil-Baħar Baltiku, u r-Regolament (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ waqfien permanenti għal flotot li jistadu għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 2 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)L-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 iġorr l-impenn li jiġi implimentat l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd sabiex jiżgura li l-impatti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar ikunu minimizzati. Il-pjan irid ikun koerenti mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni, b'mod partikolari mal-objettiv li jinkiseb stat ambjentali tajjeb sal-2020, kif stipulat fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 .

(2)Skont il-valutazzjoni xjentifika tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (l-ICES), ħafna speċijiet u ħabitats tal-Baħar Baltiku mhumiex f’kundizzjoni tajba. L-inputs annwali tan-nutrijenti għadhom jaqbżu l-għanijiet maqbula reġjonalment fil-Baħar Baltiku ċentrali, fil-Baħar tal-Arċipelagu, u fil-Golf tal-Finlandja. Il-konċentrazzjonijiet tan-nutrijenti għadhom relattivament għoljin, kif ukoll il-firxa ta’ żoni tal-baħar fond b’nuqqas ta’ ossiġnu jew mingħajru. Il-livelli tal-kontaminanti għadhom għoljin meta mqabbla mal-biċċa l-kbira tal-ibħra Ewropej. Din is-sitwazzjoni ambjentali ġenerali taffettwa l-funzjonalità tal-katina tal-ikel, tnaqqas ir-reżiljenza u r-reżistenza kontra aktar bidliet ambjentali, u tnaqqas il-prospetti għal benefiċċji soċjoekonomiċi, inklużi l-opportunitajiet tas-sajd.

(3)Id-deterjorament fil-kundizzjoni tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant (Gadus morhua ) tintrabat ma’ dik is-sitwazzjoni. Skont l-ICES, l-istokk isofri minn bijomassa insostenibbilment baxxa minħabba kombinazzjoni ta’ tnaqqis fir-reklutaġġ, fatturi ambjentali u bidliet fl-ekosistema li jwasslu għal mortalità naturali għolja (madwar tliet darbiet il-mortalità mis-sajd), u mortalità eċċessiva minħabba l-istatus tal-istokk. Il-bijomassa tal-bakkaljaw ta’ daqs kummerċjali bħalissa tinsab fl-aktar livell baxx osservat mis-snin 1950 ’l hawn. Barra minn hekk, l-ICES qed jistma li l-bijomassa tal-istokk li jbid se tibqa' taħt il-punt ta' referenza għas-sostenibbiltà fit-terminu medju (2024), anki jekk ma jsir l-ebda sajd. Għaldaqstant, fil-parir tiegħu dwar l-istokkijiet għall-2020, l-ICES huwa tal-parir li ma jinqabadx dan il-ħut.

(4)Il-pjan pluriennali tal-Baltiku jistabbilixxi li, meta l-parir xjentifiku jindika li stokk ikun mhedded, iridu jittieħdu miżuri ta’ salvagwardja, inkluż it-tnaqqis tal-opportunitajiet tas-sajd u miżuri speċifiċi ta’ konservazzjoni, u li dawk il-miżuri jenħtieġ li jiġu ssupplimentati bil-miżuri xierqa l-oħra kollha. Il-miżuri ta’ rimedju jistgħu jinkludu s-sospensjoni tas-sajd fil-mira għall-istokk u t-tnaqqis adegwat tal-opportunitajiet tas-sajd. Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) 2016/1139, l-għażla tal-miżuri trid issir skont in-natura, is-serjetà, it-tul u r-ripetizzjoni tas-sitwazzjoni.

(5)Abbażi tal-valutazzjoni tal-istokk tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2019/1248 5 , li sal-31 ta’ Diċembru 2019 jipprojbixxi s-sajd għall-bakkaljaw fis-suddiviżjonijiet 24 sa 26 tal-ICES.

(6)Fil-15 ta’ Ottubru 2019, il-Kunsill adotta ftehim politiku dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-2020 fil-Baħar Baltiku. Dak il-ftehim jinvolvi tnaqqis neċessarju u bla preċedent ta’ 92 % tal-opportunitajiet tas-sajd għall-2020 meta mqabbel mal-2019 għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant, u jillimita l-użu ta’ din it-TAC għal qabdiet inċidentali biss. Għalhekk, l-ebda sajd immirat għal dan l-istokk ma għandu jkun permess. Peress li fis-suddiviżjoni 24 tal-ICES fil-biċċa l-kbira l-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant huwa preżenti, l-użu tat-TAC tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent fis-suddiviżjoni 24 huwa wkoll limitat għall-qabdiet inċidentali tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant.

(7)Il-flotot tas-sajd li sa issa huma dipendenti fuq il-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant ma għandhomx il-possibbiltà li jistadu għal stokkijiet oħra bħala alternattiva. Huwa stmat li t-tpaċija tat-telf ekonomiku kkawżat mill-għeluq tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant tkun teħtieġ qabdiet addizzjonali ta’ madwar 20,000 tunnellata fi speċijiet alternattivi. Madankollu, il-Kunsill qabel ukoll dwar tnaqqis drastiku għal stokkijiet oħra, u b’mod partikolari tnaqqis ta’ 65 % għall-aringi tal-Baltiku tal-Punent, 60 % għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent, 32 % għall-barbun tat-tbajja’, 27 % għall-aringa fil-Golf ta’ Bothnia u 22 % għal-laċċa kaħla.

(8)L-analiżi tal-Kummissjoni turi li s-segmenti tal-flotta bl-ogħla dipendenza fuq il-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant jinkludu aktar minn 300 bastiment, prinċipalment bastimenti tat-tkarkir u tax-xbieki fil-Litwanja, fil-Latvja u fil-Polonja, u sa ċertu punt fid-Danimarka. Dawn is-segmenti tal-flotta huma ta’ importanza soċjoekonomika sinifikanti, għax jirrappreżentaw bejn wieħed u ieħor 20 % u 50 % tal-flotta nazzjonali rispettivament fil-Litwanja, fil-Latvja u fil-Polonja, espressi f’ekwivalenti ta’ ingaġġ full-time. Minn dawn, minoranza minnhom biss tidher reżiljenti biżżejjed biex tkampa fil-każ ta' għeluq fuq tul ta’ żmien qasir — iżda mhux fuq perjodu ta’ żmien medju jew twil. Il-bqija diġà jbatu minn sitwazzjoni batuta li se tiggrava minħabba l-għeluq jew li se jaraw il-profittabbiltà tagħhom tixxejjen. Tabilħaqq, l-użu tal-kwota għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant kien inqas minn 60 % għal ħafna snin, u dan kompla jonqos għal 40% fl-2018 u saħansitra inqas fl-2019 sal-bidu tal-miżuri ta’ emerġenza tal-Kummissjoni f’nofs Lulju (19 %), li jirrifletti l-problema bijoloġika b’dan is-sajd. Minħabba li l-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant mhuwiex mistenni li jirkupra għal livelli b’saħħithom anki fit-terminu medju, se jkun hemm żbilanċ strutturali persistenti għal dawn is-segmenti tal-flotta, li b’hekk jiġġustifika r-ristrutturar tal-flotta.

(9)Ir-ristrutturar tal-flotta jrid jitwettaq f’konformità mal-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 , li jirrikjedi li l-Istati Membri jimplimentaw miżuri li jaġġustaw il-kapaċità tas-sajd tal-flotta tagħhom għall-opportunitajiet tas-sajd tagħhom matul iż-żmien, billi jitqiesu x-xejriet u abbażi tal-aħjar parir xjentifiku, bil-għan li jinkiseb bilanċ stabbli u dejjiem bejniethom. Sabiex jinkiseb dan l-objettiv, l-Istati Membri jridu jibagħtu lill-Kummissjoni, sal-31 ta' Mejju ta' kull sena, rapport dwar il-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd tal-flotot tagħhom u l-opportunitajiet tas-sajd tagħhom. Jekk il-valutazzjoni turi b'mod ċar li l-kapaċità tas-sajd mhijiex bilanċjata b'mod effikaċi mal-opportunitajiet tas-sajd, l-Istat Membru jrid iħejji, u jinkludi fir-rapport tiegħu, pjan ta' azzjoni għas-segmenti tal-flotta b'kapaċità żejda sinifikanti identifikata. Billi l-parir tal-ICES dwar id-deterjorament tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant ġie ppubblikat fis-29 ta’ Mejju 2019, ir-rapporti eżistenti dwar il-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd ma kinux għadhom jistgħu jqisu din l-informazzjoni ġdida dwar l-istat serju tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant u l-kapaċità żejda li rriżultat fil-flotot li qabel kienu mmirati għal dan l-istokk. Jenħtieġ li l-Istati Membri jindirizzaw din il-kapaċità żejda fir-rapporti li jmiss dwar il-bilanċ bejn il-flotot u l-opportunitajiet tas-sajd, mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju 2020.

(10)Fid-dikjarazzjoni politika tagħhom tal-15 ta’ Ottubru 2019, l-Istati Membri kkonċernati jiddikjaraw li, jekk iridu jnaqqsu l-kapaċità tal-flotta biex jimmaniġġjaw il-konsegwenzi soċjoekonomiċi negattivi tat-tnaqqis tas-sajd, huma se jippreżentaw pjan ta’ azzjoni lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. L-Istati Membri jirrikonoxxu wkoll li fid-dawl tal-ħtieġa li titnaqqas il-kapaċità tal-flotta, huwa importanti li tiġi evitata għajnuna pubblika għal investimenti f’kapaċità addizzjonali ta’ sajd.

(11)Skont il-parir tal-ICES ippubblikat fid-29 ta’ Mejju 2019, madwar 70% tal-ħatt tal-bakkaljaw fis-suddiviżjonijiet 24-28 ittieħdu minn bastimenti tat-tkarkir b’fetħa għall-ħrib ta’ 120 mm tat-tip BACOMA jew T90, u 15 % tal-ħatt tal-bakkaljaw ittieħdu minn għeżul b’daqsijiet tal-malja ta’ bejn 110 mm u 156 mm. Dawn il-mestieri huma ġeneralment ikkunsidrati li jolqtu l-bakkaljaw u d-daqsijiet minimi tal-malji għalihom huma stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 . Il-mestieri l-oħra fl-ogħla 15-il post f’termini tal-ammont ta’ ħatt l-art tal-bakkaljaw kull wieħed ikkontribwixxa inqas minn 5% għall-iżbarkar totali tal-bakkaljaw. Huwa importanti li jiġi żgurat li l-livelli tal-kapaċità tal-flotot tas-sajd għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant ma jiżdidux u li l-waqfien permanenti b’fondi pubbliċi jwassal għal tnaqqis effettiv tal-kapaċità tal-flotta. Il-livell ta’ kapaċità tal-Istati Membri ta’ dawn iż-żewġ segmenti tal-flotta jenħtieġ li jiġi limitat għal livelli ta’ bastimenti attivi fis-snin l-aktar reċenti qabel l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ emerġenza, jiġifieri l-2017 u l-2018, u jenħtieġ li jitnaqqas meta l-bastimenti jiġu rtirati b’għajnuna pubblika, bil-għan li jinbena mill-ġdid l-istokk tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant.

(12)Il-limiti massimi tal-kapaċità li huma speċifiċi għall-istokk tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant jenħtieġ li japplikaw flimkien mal-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Jenħtieġ li dawn il-limiti massimi jillimitaw il-kapaċità fl-aktar livell riċenti ta’ bastimenti attivi, bl-esklużjoni ta’ dawk li ġew irtirati mingħajr l-għajnuna pubblika fis-snin preċedenti. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiżguraw li l-bastimenti mis-segmenti tal-flotta l-oħra ma jkunux jistgħu jiġu ttrasferiti lejn is-segment li jistad għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant. Sabiex jiġi garantit li l-limiti massimi tal-kapaċità jiġu rispettati, l-Istati Membri jenħtieġ li jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-limitu massimu inizjali u kwalunkwe bidla fih.

(13)Minħabba l-kundizzjoni serja tal-istokkijiet tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant, jenħtieġ li jiġu introdotti miżuri addizzjonali għall-kontroll tal-qbid tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant. Il-limitu li minnu bastiment tas-sajd huwa meħtieġ li jħott il-qabda l-art f’post speċifiku jenħtieġ li jitnaqqas għal 250 kg. Barra minn hekk, il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd li għandhom kwoti għall-bakkaljaw u li jistadu f’żoni fejn hemm preżenti l-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant iridu jiżguraw li l-attività tas-sajd tagħhom tkun tista’ tiġi ssorveljata f’kull ħin mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

(14)L-ICES ħareġ valutazzjoni analitika tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant iżda ma kienx f’pożizzjoni li jipprovdi meded ta’ mortalità mis-sajd u diversi punti ta’ referenza minħabba nuqqas ta’ data meħtieġa. Għalhekk, il-ġbir tad-data jrid jittejjeb billi jiġi żgurat li l-kopertura tal-osservaturi fuq il-baħar ta’ bastimenti li jaqbdu l-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant tkun mill-inqas ta’ 20%.

(15)Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (“il-FEMS”) stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 8 , jipprevedi, sal-31 ta’ Diċembru 2017, għall-waqfien permanenti bħala għodda biex titnaqqas il-kapaċità strutturali żejda identifikata. Fejn l-Istati Membri identifikaw żbilanċ strutturali, il-pjan ta’ azzjoni li rriżulta skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għalhekk ippermettielhom jinkludu l-waqfien permanenti bħala mod biex jintlaħqu l-għanijiet tal-pjan ta’ azzjoni.

(16)Sabiex jittaffew l-effetti ekonomiċi negattivi kkawżati mis-sitwazzjoni ambjentali eċċezzjonali u persistenti fil-Baħar Baltiku u t-tnaqqis drastiku li rriżulta fl-opportunitajiet tas-sajd u fid-dawl tal-miżuri speċifiċi previsti fil-Pjan Pluriennali għall-Baħar Baltiku, jenħtieġ li jkun hemm disponibbli appoġġ pubbliku għall-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd permezz tal-iskrappjar ta’ bastimenti tas-sajd, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jilħqu l-għanijiet tal-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u jitnaqqas kull żbilanċ strutturali identifikat fis-segmenti tas-sajd koperti mill-pjan pluriennali tal-Baltiku. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 508/2014 jiġi emendat skont dan biex jiġi introdott mill-ġdid l-appoġġ għal waqfien permanenti tal-bastimenti li għandhom dipendenza sinifikanti fuq il-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant.

(17)Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tal-adattament strutturali tal-flotta fil-Baħar Baltiku mal-objettivi ta’ konservazzjoni stabbiliti fil-Pjan ta’ Ġestjoni Pluriennali, l-appoġġ għall-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd permezz tal-iskrappjar ta’ bastimenti tas-sajd li għandhom dipendenza sinifikanti fuq il-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant jenħtieġ li jkun strettament kundizzjonali u marbut mal-kisba tal-miri u l-għodod ta’ aġġustament definiti fil-pjanijiet ta’ azzjoni għal segmenti żbilanċjati.

(18)Fid-dawl tal-ekosistema fraġli fil-Baħar Baltiku, jenħtieġ li l-appoġġ għall-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd ma jingħatax għat-tagħmir mill-ġdid ta’ bastimenti tas-sajd għal attivitajiet oħra għajr is-sajd kummerċjali, bħas-sajd rikreattiv, li jista’ jkollu impatt detrimentali fuq l-ekosistema. Għalhekk, jenħtieġ li tali appoġġ jingħata biss għall-iskrappjar ta’ bastimenti tas-sajd.

(19)L-introduzzjoni ta’ għajnuna għall-iskrappjar hija miżura mhux prevista b’reazzjoni għal sitwazzjoni ta’ eċċezzjoni. Il-Kummissjoni ma tistax tipprovdi fondi pubbliċi addizzjonali għall-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd li jmorru lil hinn mill-pakkett tal-FEMS miftiehem għal kull Stat Membru. Madankollu, flessibbiltà addizzjonali fi ħdan il-pakkett tal-FEMS maqbula għal kull Stat Membru tippermetti lill-Istati Membri Baltiċi li identifikaw waqfien permanenti bħala għodda biex titnaqqas il-kapaċità żejda strutturali tal-flotot tagħhom li jistadu għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant biex jindirizzaw is-sitwazzjoni ta’ eċċezzjoni mingħajr ma jipperikolaw prijoritajiet importanti oħra tal-FEMS, b’mod partikolari dawk relatati mal-iżvilupp sostenibbli tas-sajd, l-akkwakultura u ż-żoni tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014. Ir-riprogrammar mill-kategoriji msemmija fl-Artikolu 13(6) u (7) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 għall-waqfien permanenti jitqies bħala mod effettiv għall-għoti ta’ din il-flessibbiltà.

(20)L-Artikolu 22(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jiddikjara li l-kapaċità tas-sajd li tikkorrispondi għall-bastimenti tas-sajd irtirati bl-għajnuna pubblika m’għandhiex tiġi sostitwita. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 23(1) ta’ dak ir-Regolament, id-dħul fil-flotta ta’ kapaċità ġdida mingħajr għajnuna pubblika jrid jiġi kkumpensat bl-irtirar minn qabel ta’ kapaċità mingħajr għajnuna pubblika li tkun mill-inqas tal-istess ammont.

(21)Fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika ħażina tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b’dipendenza sinifikanti fuq il-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant u l-ħtieġa li tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ appoġġ taħt il-FEMS għal waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd ta’ dawk il-bastimenti, ġie kkunsidrat xieraq li tkun prevista eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1
Emenda għar-Regolament (UE) 2016/1139

Ir-Regolament (UE) 2016/1139 huwa emendat kif ġej:

1.Jiddaħħal il-Kapitolu VIA li ġej:

“KAPITOLU VIA
LIMITI MASSIMI TA’ KAPAĊITÀ

Artikolu 8a
Tnaqqis fil-kapaċità għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant

1.Il-kapaċità globali ta’ kull Stat Membru ta’ bastimenti li jistadu fis-suddiviżjonijiet 24–32 tal-ICES mgħammra bil-kategoriji ta’ rkaptu elenkati fil-paragrafu 2 ma għandhiex taqbeż il-livelli ta’ kapaċità tal-bastimenti fir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni fi [...] 9 li kienu attivi f’dawk is-suddiviżjonijiet fl-2017 u l-2018 għal dawk l-Istati Membri rispettivament. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-livelli tal-kapaċità u l-kalkoli tagħhom sa mhux aktar tard minn [...] 10 .

2.Il-paragrafu 1 għandu japplika għal bastimenti mgħammra bil-kategoriji ta’ rkaptu li ġejjin:

(a)irkaptu rmunkat b’daqs tal-malja ta’ mill-inqas 120 mm magħmula minn T90 jew mill-inqas 105 mm mgħammra b’tieqa tal-ħruġ tat-tip BACOMA ta’ 120 mm;

(b)xbieki statiċi b’daqs tal-malja ta’ mill-inqas 110 mm u mhux aktar minn 156 mm.

3.Il-kapaċità globali ta’ Stat Membru li jimplimenta miżuri ta’ waqfien permanenti skont l-Artikolu 34(4)(b) tar-Regolament Nru 508/2014 għandha tnaqqas mill-kapaċità tal-bastimenti li huma rtirati permezz ta’ għajnuna pubblika skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 1380/2013.

4.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni kwalunkwe tnaqqis għall-kapaċità ġenerali fir-rapporti li għandhom jiġu ppreżentati skont l-Artikolu 22(4) ta’ dak ir-Regolament.”

2.Fl-Artikolu 14, il-punt (a) jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(a) 250 kilogramma bakkaljaw”.

3.Jiżdied l-Artikolu 14a li ġej:

“Artikolu 14a
Kontroll tal-qabdiet tal-bakkaljaw

Il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd b’allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd għall-bakkaljaw fil-Baħar Baltiku u li jistadu fis-suddiviżjoni 24 tal-ICES f’żoni lil hinn minn sitt mili nawtiċi mil-linji ta’ bażi jew fis-suddiviżjonijiet 25–32 għandhom jiżguraw li l-attività tas-sajd tagħhom tista’ tiġi mmonitorjata f’kull ħin mill-awtoritajiet ta’ kontroll tal-Istat Membru. Għal dak il-għan, dawk il-bastimenti tas-sajd jistgħu pereżempju jkunu mgħammra b’sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti (VMS), jew b’sistema ta’ monitoraġġ elettronika ekwivalenti ċċertifikata mill-awtorità tal-kontroll.”

4.Jiddaħħal il-Kapitolu li ġej:

“KAPITOLU VIIIA
ĠBIR TAD-
DATA

Artikolu 14b
Kopertura ta’ osservazzjoni

Il-bastimenti tal-Unjoni b’allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd għall-bakkaljaw fis-suddiviżjonijiet 24–32 tal-ICES għandhom ikunu soġġetti għal mill-inqas 20% kopertura ta’ osservazzjoni fuq il-baħar.”.

Artikolu 2
Emenda għar-Regolament (UE) 508/2014

Ir-Regolament (UE) 508/2014 huwa emendat kif ġej:

1.Fl-Artikolu 13, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“10. L-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jaqbżu l-ammont stipulat fil-paragrafu 2 u li jmorru taħt l-ammonti stabbiliti fil-paragrafi 6 u 7 biex jappoġġaw il-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 34(4)(b).”.

2.L-Artikolu 34(4) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4. L-appoġġ taħt dan l-Artikolu jista’ jingħata sal-31 ta’ Diċembru 2017, sakemm ma jiġux adottati miżuri ta’ waqfien permanenti sabiex jinkisbu l-objettivi tal-pjanijiet pluriennali li ġejjin:

(a)il-pjan pluriennali għall-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli ta’ stokkijiet demersali fil-Punent tal-Mediterran, stabbilit bir-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*;

(b)il-pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-bakkaljaw, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, stabbilit bir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*, fir-rigward tal-bastimenti skont il-limitu tal-kapaċità globali għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant kif stabbilit fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 8a tar-Regolament (UE) Nru 2016/1139.”

_______________________________________________________________

*    Ir-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014 (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 1).

*    Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-bakkaljaw, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 (ĠU L 191, 15.7.2016, p. 1).

3.L-Artikolu 34(4a) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4a. In-nefqa relatata mal-miżuri ta’ waqfien permanenti adottati sabiex jinkisbu l-għanijiet tar-Regolament (UE) 2019/1022 għandha tkun eliġibbli mis-16 ta’ Lulju 2019.

In-nefqa relatata mal-miżuri ta’ waqfien permanenti adottati sabiex jinkisbu l-objettivi tar-Regolament (UE) 2016/1139, b’mod partikolari l-Artikolu 8a tiegħu, għandha tkun eliġibbli għal appoġġ mill-FEMS minn […] 11 .”.

4.Fl-Artikolu 34, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“4b. Ma għandux jingħata appoġġ skont il-paragrafu 4(b), jekk il-valutazzjoni tal-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd fl-aħħar rapport imsemmi fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għas-segment tal-flotta li jiffurmaw parti minnu l-bastimenti kkonċernati, ma jkunx tħejja abbażi tal-indikaturi bijoloġiċi, ekonomiċi u tal-użu tal-bastiment stabbiliti fil-linji gwida komuni msemmijin f’dak ir-Regolament.

4c. L-appoġġ skont il-paragrafu 4(b) għandu jingħata biss jekk il-miri u l-għodod ta’ aġġustament ikunu ġew stabbiliti skont l-Artikolu 22(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għas-segmenti tal-flotta li jkopru l-bastimenti msemmija fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 8a tar-Regolament (UE) Nru 2016/1139 u jekk dawn il-miri u l-għodod ikunu relatati ma’ rtirar permanenti tal-kapaċità tas-sajd.”

5.L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34(6) jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“6. B’deroga mill-paragrafu 1, jista’ jingħata appoġġ għall-waqfien permanenti ta’ attivitajiet tas-sajd mingħajr skrappjar dment li l-bastimenti jinstallaw tagħmir biex jadattaw għal attivitajiet li mhumiex is-sajd kummerċjali. Din id-deroga m’għandhiex tapplika għall-appoġġ mogħti taħt il-paragrafu 4(b).”.

Artikolu 3
Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
(2)    ĠU C , , p. .
(3)    Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-bakkaljaw, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 (ĠU L 191, 15.7.2016, p. 1).
(4)    Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).
(5)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1248 tat-22 ta’ Lulju 2019 li jistabbilixxi l-miżuri li jnaqqsu t-theddida serja għall-konservazzjoni tal-istokk tal-Bakkaljaw tal-Lvant tal-Baltiku (Gadus morhua) (ĠU L 195, 23.7.2019, p. 2)
(6)    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(7)    Ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) Nru 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105).
(8)    Ir-Regolament (UE) 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1).
(9)    Publications Office, please insert the date of the entry into force of this regulation
(10)    Publications Office, please insert the date one month after the entry into force of this regulation.
(11)    Publication Office, please insert the date of effect of this Regulation.