IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 23.10.2019
COM(2019) 491 final
ANNESS
tar-
Rakkomandazzjoni
għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati f'isem l-Unjoni Ewropea għall-konklużjoni ta' Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u ta' Protokoll mal-Gvern tad-Danimarka u mal-Gvern Awtonomu ta' Greenland
{SWD(2019) 385 final} - {SWD(2019) 386 final}
ANNESS
Direttivi tan-negozjati ta’ Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Awtonomu ta’ Greenland
(1)L-objettiv tan-negozjati huwa l-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (SFPA) u Protokoll bejn l-UE u Greenland f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2012 dwar Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd.
(2)L-SFPA jenħtieġ li jistabbilixxi l-qafas, il-prinċipji ġenerali u l-objettivi li se jiffurmaw il-bażi tas-sħubija l-ġdida ma’ Greenland. Għaldaqstant, jenħtieġ li jkun fih klawżola li tħassar il-ftehim attwali ta’ sħubija dwar is-sajd bejn il-partijiet.
(3)Jenħtieġ li s-sħubija l-ġdida tippromwovi sajd sostenibbli u responsabbli filwaqt li tiżgura benefiċċji reċiproċi għall-UE u għal Greenland. B’mod partikolari, matul in-negozjati, il-Kummissjoni jenħtieġ li timmira li tilħaq l-objettivi stabbiliti fid-dettall hawn taħt:
·tiżgura l-aċċess għaż-żona tas-sajd ta’ Greenland u l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa għall-flotta tas-sajd tal-UE biex tistad f’dik iż-żona;
·tiżgura s-sostenibbiltà ambjentali tal-attivitajiet tas-sajd u tippromwovi l-governanza tal-oċeani fil-livell internazzjonali, filwaqt li tqis l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli u l-pjanijiet ta’ ġestjoni rilevanti adottati mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs). Jenħtieġ li l-attivitajiet tas-sajd ikunu mmirati biss lejn ir-riżorsi disponibbli, filwaqt li titqies il-kapaċità tas-sajd tal-flotta lokali u titqies b’mod speċjali n-natura migratorja ferm tal-istokkijiet ikkonċernati;
·tfittex sehem xieraq ta’ riżorsi żejda tas-sajd li jkun konformi għalkollox mal-interessi tal-flotta tal-UE, f’każ li jkun hemm flotot ta’ pajjiżi terzi interessati f’dawn ir-riżorsi wkoll;
·tapplika l-istess kundizzjonijiet tekniċi għall-flotot kollha tal-pajjiżi terzi, filwaqt li tqis it-trasferiment possibbli lejn pajjiżi Nordiċi oħra ta’ parti mill-kwoti miftiehma tal-UE;
·tiżgura li l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE għall-aċċess għas-sajd tkun ibbażata fuq l-attività storika tal-flotta tal-UE fir-reġjun u fuq dik mistennija fil-ġejjieni, fid-dawl tal-aqwa valutazzjonijiet xjentifiċi u ta’ dawk l-aktar aġġornati;
·toħloq djalogu li jsaħħaħ l-implimentazzjoni ta’ politika tas-sajd responsabbli minn Greenland, marbuta mal-objettivi ta’ żvilupp tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-governanza tas-sajd, il-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, il-kontroll, il-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-attivitajiet tas-sajd u l-għoti ta’ pariri xjentifiċi;
·tinkludi klawżola dwar il-konsegwenzi tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi.
·tiżgura li l-Protokoll se jikkontribwixxi għall-promozzjoni tat-tkabbir u ta’ xogħol deċenti b’rabta mal-attività marittima, filwaqt li tqis il-konvenzjonijiet rilevanti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO).
(4)B’mod partikolari, il-protokoll jenħtieġ li jistabbilixxi:
·l-opportunitajiet tas-sajd, kategorija kategorija, li jridu jingħataw lill-flotta tal-UE;
·il-kumpens finanzjarju stabbilit għal Greenland u l-kundizzjonijiet ta’ pagament rilevanti; kif ukoll
·l-ammont li jrid jitħallas f’appoġġ settorjali u l-mekkaniżmi għall-implimentazzjoni tiegħu.