Brussell, 17.10.2019

COM(2019) 474 final

2019/0227(NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika tas-Senegal u l-Unjoni Ewropea


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Abbażi tad-Direttivi tan-negozjati rilevanti 1 , il-Kummissjoni nnegozjat mal-Gvern tar-Repubblika tas-Senegal (minn hawn ’il quddiem “is-Senegal”) bil-ħsieb li tikkonkludi Protokoll ġdid tal-Ftehim tas-sajd eżistenti. Wara dawn in-negozjati, fis-19 ta’ April 2019 ġie inizjalat Protokoll ġdid. Il-Protokoll ikopri perjodu ta’ ħames snin mid-data tal-applikazzjoni provviżorja tiegħu, jiġifieri mid-data tal-iffirmar tiegħu, kif imsemmi fl-Artikolu 16 tiegħu.

Il-Protokoll jipprevedi l-opportunitajiet tas-sajd li ġejjin għall-bastimenti tal-Unjoni:

28 bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni mgħammra bi friża;

10 bastimenti tas-sajd bil-bastun u x-xlief;

5 bastimenti tas-sajd bil-konz;

2 bastimenti tat-tkarkir.

Għandu jiġi stabbilit il-metodu għall-allokazzjoni ta’ dawn l-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Skont il-prijoritajiet tar-riforma tal-politika tas-sajd 2 , il-Protokoll il-ġdid joffri opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet tas-Senegal skont l-aqwa parir xjentifiku disponibbli u filwaqt li jħares ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (l-ICCAT). Dan il-Protokoll ġdid iqis ir-riżultati ta’ evalwazzjoni li saret fuq l-aħħar Protokoll (2014-2019) u ta’ evalwazzjoni li tħares lejn il-futur dwar jekk għandux jiġi konkluż Protokoll ġdid. It-tnejn li huma twettqu minn esperti esterni. Il-Protokoll se jippermetti wkoll lill-Unjoni Ewropea u lis-Senegal jaħdmu aktar mill-qrib bejniethom biex jippromwovu l-użu responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet tas-Senegal u biex jappoġġaw l-isforzi tas-Senegal biex jiżviluppa s-settur tiegħu tas-sajd, fl-interess taż-żewġ partijiet.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

In-negozjar ta’ Protokoll ġdid għall-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd mas-Senegal jidħol fil-qafas tal-azzjoni esterna tal-UE mal-pajjiżi tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), u jqis b’mod partikulari l-objettivi tal-Unjoni fil-qasam tal-ħarsien tal-prinċipji demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem.

Minkejja li f’livell lokali, l-attività ekonomika ġġenerata fis-settur tas-sajd tas-Senegal tgħin biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari.

1.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika magħżula hija t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li l-Artikolu 43(3) tiegħu jistabbilixxi li l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-qasam ta’ azzjoni huwa kompetenza esklużiva.

2.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati waqt l-evalwazzjonijiet ex post u ex ante dwar Protokoll potenzjali ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u s-Senegal. Waqt laqgħat tekniċi ġew ikkonsultati wkoll l-esperti mill-Istati Membri u mis-settur. Minn dawn il-konsultazzjonijiet ħareġ li huwa fl-interess tal-Unjoni Ewropea u tas-Senegal li jikkonkludu Protokoll ġdid tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd.

Konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati

L-Istati Membri, ir-rappreżentanti tas-settur, l-organizzazzjonijiet internazzjonali tas-soċjetà ċivili kif ukoll l-amministrazzjoni tas-sajd u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tas-Senegal ġew ikkonsultati fil-kuntest tal-evalwazzjoni. Saru wkoll konsultazzjonijiet fil-qafas tal-Kunsill Konsultattiv għall-Flotta ta’ Distanzi Twal.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-Kummissjoni użat konsulent indipendenti għall-evalwazzjonijiet ex post u ex ante, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31(10) tar-Regolament li jistabbilixxi l-politika komuni tas-sajd.

3.L-IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

L-abbozz tar-Regolament ma għandu l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni.

4.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Din il-proċedura qed tinbeda b’mod parallel mal-proċeduri marbutin mad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Protokoll għall-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn ir-Repubblika tas-Senegal u l-Unjoni Ewropea, kif ukoll ma’ dawk marbutin mad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tiegħu. Dan ir-Regolament irid jibda japplika ladarba jkunu jistgħu jibdew isiru l-attivitajiet tas-sajd skont il-Ftehim, jiġifieri mid-data tal-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll.

2019/0227 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika tas-Senegal u l-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fit-2 ta' Marzu 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) Nru 2015/384 3 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta' Sħubija fil-qasam tas-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika tas-Senegal u l-Unjoni Ewropea (minn hawn ’l quddiem “il-Ftehim”) 4 . Dan il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Novembru 2014 u għadu fis-seħħ.

(2)L-aħħar Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim skada fid-19 ta’ Novembru 2019.

(3)Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2019/.../UE 5 , fid-19 ta’ Lulju 2019 ġie inizjalat Protokoll ġdid li jimplimenta l-Ftehim (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”).

(4)Jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd previsti fil-Protokoll jiġu allokati fost l-Istati Membri għall-perjodu kollu tal-applikazzjoni tiegħu.

(5)Il-Protokoll jibda japplika b’mod provviżorju mid-data tal-iffirmar tiegħu sabiex ikun żgurat li l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni jinbdew malajr. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mill-istess data,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti skont il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ sħubija fis-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika tas-Senegal u l-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”) għandhom jitqassmu fost l-Istati Membri kif ġej:

(a)bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni mgħammra bi friża:

Spanja:        [16]    bastimenti

Franza:        [12]    bastimenti

(b)bastimenti tas-sajd bil-qasab u x-xlief:

Spanja:        [8]    bastimenti

Franza:        [2]    bastimenti

(c)bastimenti tas-sajd bil-konz:

Spanja:        [3]    bastimenti

Il-Portugall:        [2]    bastimenti

(d)bastimenti tat-tkarkir:

Spanja:        [2]    bastimenti

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mid-data tal-applikazzjoni tal-Protokoll.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Adottat waqt il-Kunsill tal-Agrikoltura u Sajd tal-15 ta’ Lulju 2019.
(2)    ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.
(3)    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/384 tat- 2 ta' Marzu 2015 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Senegal u tal-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu (ĠU L 65 tal-10.3.2015, p. 1).
(4)    Ftehim ta' Sħubija fil-qasam tas-Sajd sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Senegal (ĠU L 304 tat-23.10.2014, p. 3).
(5)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/... ta’ … … (ĠU L ... ta’ ..., p. …).