Brussell, 4.9.2019

COM(2019) 461 final

2019/0186(APP)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar miżuri li jikkonċernaw l-implimentazzjoni u l-finanzjament tal-baġit ġenerali tal-Unjoni fl-2020 fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Ir-Renju Unit iddeċieda li joħroġ mill-Unjoni Ewropea, billi invoka l-proċedura fl-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Wara t-talba mir-Renju Unit, fil-11 ta’ April 2019 il-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 50) qabel 1  li jestendi ulterjorment 2 il-perjodu previst fl-Artikolu 50(3) tat-TUE sal-31 ta’ Ottubru 2019. Sakemm ir-Renju Unit ma jirratifikax il-Ftehim dwar il-Ħruġ sal-31 ta’ Ottubru 2019 jew jitlob it-tielet estensjoni, li l-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 50) jaqbel magħha b’mod unanimu, li l-perjodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE ser jintemm hemmhekk. Imbagħad ir-Renju Unit ikun pajjiż terz mill-1 ta’ Novembru 2019 mingħajr ftehim li jiżgura ħruġ ordnat. Il-Kummissjoni għadha tal-fehma li l-aħjar eżitu huwa l-ħruġ ordnat tar-Renju Unit mill-Unjoni fuq il-bażi tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

Il-Komunikazzjoni tat-12 ta’ Ġunju 2019 dwar ‘Is-sitwazzjoni attwali tat-tħejjijiet ta’ miżuri ta’ kontinġenza għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea’ 3 fakkret li, f’konformità mal-approċċ li l-Kunsill Ewropew (Artikolu 50) enfasizza matul il-proċess, l-atturi kollha għandhom ikomplu jħejju għall-eżiti kollha possibbli, inkluż ħruġ mingħajr ftehim. Hija kkonkludiet li l-Kummissjoni kienet se tkompli timmonitorja l-iżviluppi politiċi u tivvaluta jekk tkunx meħtieġa estensjoni tal-miżuri adottati. Din il-proposta hija estensjoni sal-2020 tal-qafas ta’ kontinġenza għall-baġit tal-Unjoni kif stipulat fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2019/1197 tad-9 ta’ Lulju 2019 dwar miżuri li jikkonċernaw l-implimentazzjoni u l-finanzjament tal-baġit ġenerali tal-Unjoni fl-2019 fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni 4 . Il-proposta tistabbilixxi regoli dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni, minn naħa waħda, u r-Renju Unit u l-benefiċjarji tiegħu, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni fl-2020.

Minn meta r-Renju Unit innotifika l-intenzjoni tiegħu ta’ ħruġ, l-Unjoni Ewropea konsistentement iddikjarat li l-Unjoni u r-Renju Unit huma marbuta li jonoraw l-obbligi rispettivi tagħhom li jirriżultaw mill-perjodu kollu tas-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni. Dan il-prinċipju ġie mfakkar fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-29 ta’ April 2017, u ġie rifless fl-introduzzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ 5 . In-nuqqas ta’ ftehim dwar il-ħruġ fid-data tal-ħruġ ma jkollux impatt fuq il-prinċipju gwida.

Ħruġ mingħajr ftehim se jħalli r-relazzjonijiet baġitarji bejn l-Unjoni u r-Renju Unit mingħajr arranġamenti legali miftiehma. Dan il-vojt ġuridiku jkun joħloq ħafna inċertezza u diffikultajiet għall-implimentazzjoni tal-baġits tal-Unjoni għall-2019 u l-2020, għall-benefiċjarji kollha tar-Renju Unit u f’xi każi anki għall-benefiċjarji tal-Istati Membri l-oħra. B’konformità mal-approċċ ġenerali tal-Kummissjoni, din il-proposta hija miżura ta’ kontinġenza bi tweġiba għal din is-sitwazzjoni.

Wara l-ħruġ, it-Trattati u l-leġiżlazzjoni sekondarja mhux se jkunu applikabbli għar-Renju Unit. Ir-Renju Unit jew l-entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit mhux se jibqgħu eliġibbli biex jirċievu finanzjament taħt dawn il-programmi tal-Unjoni, sakemm fl-atti legali tal-programmi ta’ nfiq tal-UE mhumiex inklużi dispożizzjonijiet rilevanti għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi.

L-għan ta’ din il-proposta huwa li jiġi estiż sal-2020 il-qafas ta’ kontinġenza skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2019/1197 u, konsegwentement, li jiġi evitat, jew tal-anqas jitnaqqas kemm jista’ jkun, it-tfixkil l-aktar sinifikanti għall-benefiċjarji tal-programmi tal-infiq tal-UE u azzjonijiet oħra fiż-żmien tal-ħruġ u sa tmiem l-2020, ukoll bil-ħsieb li dan jiffaċilita s-saldu finanzjarju bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.

Il-qafas ta’ kontinġenza propost jipprevedi l-possibbiltà li matul l-2020 ir-Renju Unit u l-entitajiet tar-Renju Unit jibqgħu eliġibbli li jibbenefikaw minn finanzjament mill-Unjoni skont impenji legali li saru qabel id-data tal-ħruġ jew bejn id-data tal-ħruġ u tmiem l-2019, bl-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2019/1197. Dan huwa soġġett għall-kundizzjoni li r-Renju Unit jimpennja ruħu bil-miktub li jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-baġit għall-2020 skont it-termini stabbiliti f’din il-proposta. Barra minn hekk, ir-Renju Unit jenħtieġ li jieħu impenn bil-miktub li jaċċetta l-kontrolli u l-awditi li jkopru l-perjodu ta’ implimentazzjoni kollu tal-programmi jew tal-azzjonaijiet. B’dawn il-kundizzjonijiet, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni se jkunu mħarsa.

Ir-Renju Unit u l-entitajiet tar-Renju Unit, kif ukoll entitajiet mill-Istati Membri l-oħra li l-eliġibbiltà tagħhom hija affettwata mill-ħruġ tar-Renju Unit, ikunu jistgħu jkomplu jibbenefikaw mill-finanzjament tal-Unjoni skont il-kundizzjonijiet ta’ din il-proposta. Dan itaffi l-aktar tfixkil sinjifikanti tal-ħruġ fuq il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet eżistenti. Dan tippermetti l-implimentazzjoni baġitarja ordnata tal-impenji legali mar-Renju Unit u l-entitajiet tat-Renju Unit iffirmati jew adottati qabel id-data tal-ħruġ jew bejn id-data tal-ħruġ u tmiem l-2019, bl-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2019/1197.

Barra minn hekk, peress li r-Renju Unit jiffinanzja s-sehem tiegħu mill-baġit tal-2020, u b’konformità mal-objettiv li jiġi implimentat kompletament il-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020 deċiż meta r-Renju Unit kien membru tal-Unjoni, ir-Renju Unit u l-entitajiet tar-Renju Unit ikunu eliġibbli fl-2020 għall-finijiet tal-kundizzjonijiet stipulati biex jipparteċipaw f’sejħiet, offerti, kompetizzjonijiet jew kull proċedura oħra li tista’ twassal għal finanzjament mill-baġit tal-Unjoni. Dan ma jkunx japplika f’każ li jkun hemm restrizzjonijiet fir-rigward tas-sigurtà jew ta’ azzjonijiet li jinvolvu l-Bank Ewropew tal-Investiment jew il-Fond Ewropew tal-Investiment. Dan il-finanzjament tal-Unjoni jkun limitat għan-nefqa eliġibbli li ssir fl-2020, ħlief għal kuntratti ta’ akkwist pubbliku ffirmati qabel tmiem l-2020 fl-applikazzjoni tat-Titolu VII tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“ir-Regolament Finanzjarju”), li jkomplu jiġu implimentati f'konformità mat-termini tagħhom, u ħlief għall-iskema ta’ pagament dirett tal-politika agrikola tar-Renju Unit għas-sena tat-talba 2020, li għandha tkun eskluża mill-eliġibbiltà.

Il-qafas ta’ kontinġenza propost ikun jippermetti wkoll il-finanzjament ta’ azzjonijiet li fihom l-Istati Membri u l-entitajiet tal-Istati Membri huma benefiċjarji fejn l-eliġibbiltà tiddependi fuq il-fatt li r-Renju Unit huwa Stat Membru jew bħala riżultat tar-Regolament (UE, Euratom) 2019/1197, bil-kundizzjoni li dawn l-azzjonijiet speċifiċi jiġu implimentati skont impenji legali li jkunu ġew iffirmati jew adottati qabel id-data tal-ħruġ jew fl-2019 bl-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2019/1197.

Din l-eliġibbiltà tar-Renju Unit u tal-entitajiet tar-Renju Unit tibda tapplika biss wara li l-kundizzjonijiet stipulati f’din il-proposta jkunu ġew issodisfati, inkluż li r-Renju Unit ikun għamel l-ewwel pagament tiegħu lill-baġit tal-UE għall-2020. Il-qafas ta’ kontinġenza li jipprevedi l-eliġibbiltà tar-Renju Unit u tal-entitajiet tar-Renju Unit ma jibqax japplika jekk ir-Renju Unit ma jibqax iħallas jew jekk ikunu ġew osservati defiċjenzi sinifikanti fl-eżekuzzjoni tal-kontrolli u tal-awditi.

Il-kontribuzzjoni tar-Renju Unit hija bbażata fuq l-abbozz tal-baġit għall-2020 kif propost fil-5 ta’ Lulju 2019 għat-28 Stat Membru 6 u tkun aġġustata biex jiġi kkunsidrat il-livell ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament taħt il-baġit adottat. Huwa raġonevoli li l-ebda Stat Membru ma jkun f'pożizzjoni inqas favorevoli fir-rigward tal-kontribuzzjoni tiegħu milli stabbilit fil-baġit għall-2020 kif propost, wara l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk, sabiex jiġi żgurat l-effett ta’ benefiċċju ta’ dan ir-Regolament għall-Istati Membri kollha, se jitnaqqas ammont speċifiku qabel ma dik il-kontribuzzjoni tiddaħħal fil-baġit tal-Unjoni. Dan l-ammont speċifiku jkun ta' benefiċċju għall-Istati Membri li altrimenti jkunu fi żvantaġġ wara l-adozzjoni ta’dan ir-Regolament, kif speċifikat aktar f'arranġamenti prattiċi ddedikati li jistipulaw id-distribuzzjoni tal-pagamenti dovuti u li jinkarigaw lill-Kummissjoni bil-kompitu tal-iżborż tal-ammont speċifiku.

Il-proposta hija mingħajr preġudizzju għan-negozjar ta’ ftehim mar-Renju Unit dwar saldu finanzjarju li jkopri l-obbligi reċiproċi kollha. Jekk fl-2019 jew fl-2020 ma jintlaħaq l-ebda ftehim, is-sitwazzjoni fil-bidu tal-2021 se tkun ekwivalenti għal dik fid-data tal-ħruġ għall-impenji reċiproċi li jkunu ħadu l-Unjoni u r-Renju Unit. Fi kwalunkwe każ l-Unjoni u r-Renju Unit ikunu jridu jonoraw l-obbligi rispettivi tagħhom li jirriżultaw mill-perjodu kollu tas-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din il-proposta għandha l-għan li timminimizza l-impatt negattiv tal-ħruġ tar-Renju Unit għall-baġit tal-Unjoni u għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din il-proposta hija parti mill-pjan ta’ tħejjija u kontinġenza tal-Unjoni biex jittaffa l-aktar taqlib sinifikanti ta’ ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni mingħajr ftehim dwar il-ħruġ u li jkun kompletament konsistenti mal-mandat tal-Kunsill għan-negozjati mar-Renju Unit dwar il-ħruġ tiegħu mill-Unjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 352 TFUE u l-Artikolu 203 tat-Trattat Euratom jippermettu li l-Unjoni tadotta miżuri xierqa jekk jirriżulta li huma meħtieġa azzjonijiet mill-Unjoni, fil-qafas tal-politiki, biex jinkiseb wieħed mill-objettivi stipulati fit-Trattati, u t-Trattati ma jkunux ipprovdew is-setgħat meħtieġa. Ir-Regolament propost jikkostitwixxi miżura li tippermetti tranżizzjoni, wara l-ħruġ ta’ Stat Membru, fir-rigward tal-finanzjament u l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet mill-baġit tal-Unjoni f’sitwazzjoni fejn ma jkun ġie konkluż ebda ftehim ma’ dak l-Istat. Tali miżura hija neċessarja sabiex jiġi implimentat il-baġit tal-Unjoni għall-2020, li kien propost fil-5 ta’ Lulju 2019 għat-28 Stat Membru, tippermetti li jkunu jistgħu jaslu l-pagamenti mingħand l-Istat Membru li qed joħroġ, kif ukoll tipprovdi soluzzjoni għall-azzjonijiet li jinsabu għaddejjin u li huma ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni favur ir-Renju Unit u l-benefiċjarji tar-Renju Unit u għal azzjonijiet ġodda ġġustifikati mill-kontribuzzjoni tar-Renju Unit għall-baġit tal-2020. It-Trattati ma jipprevedux is-setgħat neċessarji biex l-Unjoni tadotta tali miżuri tranżitorji u għalhekk l-Artikolu 352 TFUE u l-Artikolu 203 tat-Trattat Euratom huma l-bażi ġuridika xierqa.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-baġit tal-Unjoni għall-2020, li ġie propost fil-5 ta’ Lulju 2019 għat-28 Stat Membru, se jiffinanzja l-azzjonijiet u l-programmi ta’ nfiq taħt il-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020 kif ġew adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni. L-objettivi tal-azzjoni proposta jistgħu għalhekk jinkisbu permezz ta’ miżura fil-livell tal-Unjoni.

Proporzjonalità

Il-proposta ma teċċedix dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-objettivi tal-miżura, peress li tasal sal-limitu li tiddetermina l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tiġi stabbilita l-eliġibbiltà tar-Renju Unit u tal-entitajiet tar-Renju Unit. Hija limitata fiż-żmien.

Għażla tal-istrument

Minħabba l-bżonn ta’ att vinkolanti li jkun applikabbli direttament, li jiġi propost regolament huwa l-unika forma adegwata.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Ma kienx possibbli li ssir konsultazzjoni mal-partijiet interessati minħabba l-urġenza għat-tħejjija tal-proposta sabiex tkun tista’ tiġi adottata fil-ħin mill-Kunsill wara li jkun kiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew sabiex ikun minimizzat il-perjodu ta’ inċertezza għall-benefiċjarji u għall-finanzjament tal-baġit għall-2020.

Valutazzjoni tal-impatt

Minħabba n-natura tal-miżura proposta, ma tħejjietx valutazzjoni tal-impatt, f’konformità mal-Linji Gwida dwar Regolamentazzjoni Aħjar. Il-qafas ta’ kontinġenza previst ikun jiffaċilita l-implimentazzjoni bla xkiel tal-baġit tal-2020 u ta’ ftehim futur possibbli mar-Renju Unit bl-obbligi rispettivi li jirriżultaw mill-perjodu kollu tas-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni.

4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

F’każ ta’ ħruġ mingħajr ftehim, din il-proposta terġa’ tistabbilixxi l-eliġibbiltà tal-benefiċjarji tar-Renju Unit u tar-Renju Unit sakemm ir-Renju Unit jikkontribwixxi għall-baġit għall-2020. Tippermetti wkoll li jaslu l-kontribuzzjonijiet tar-Renju Unit kif stabbilit fl-abbozz ta’ baġit għall-2020, li kien propost fil-5 ta’ Lulju 2019 għat-28 Stat Membru, wara l-aġġuustament ta’ dawk il-kontribuzzjonijiet biex jiġi kkunsidrat il-livell tal-approprjazzjonjiet ta’ pagament skont il-baġit adottat.

L-aċċettazzjoni mir-Renju Unit tal-kundizzjonijiet għall-qafas ta’ kontinġenza għall-2019 u l-impenn bil-miktub tiegħu li jaċċetta l-kontrolli u l-awditi meħtieġa jkunu kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan il-qafas ta’ kontinġenza għall-2020.

2019/0186 (APP)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar miżuri li jikkonċernaw l-implimentazzjoni u l-finanzjament tal-baġit ġenerali tal-Unjoni fl-2020 fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 352 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 203 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew 7 ,

Filwaqt li jaġixxi skont il-proċedura leġislattiva ordinarja,

Billi:

(1)Fid-29 ta' Marzu 2017 ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). It-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta’ dan, sentejn wara dik in-notifika, jiġifieri mit-30 ta' Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b’mod unanimu li jestendi dak il-perjodu. Il-perjodu ġie estiż darbtejn, l-aħħar darba permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/584 8 , li estendih sal-31 ta’ Ottubru 2019. Fin-nuqqas ta’ ftehim dwar il-ħruġ mar-Renju Unit u ta’ estensjoni ulterjuri tal-perjodu msemmi fl-Artikolu 50(3) TUE hemm il-ħtieġa li jkun hemm qbil, fi ftehim internazzjonali futur bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni, dwar saldu finanzjarju fir-rigward tal-obbligi finanzjarji li jirriżultaw mis-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni.

(2)Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligi rispettivi tal-Unjoni u tar-Renju Unit li jirriżultaw mill-perjodu kollu tas-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni.

(3)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2019/1197 9 stabbilixxa regoli dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni, minn naħa waħda, u r-Renju Unit u l-benefiċjarji tiegħu, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni (“il-baġit”) fl-2019. Hemm bżonn li jiġu stabbiliti r-regoli dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni, minn naħa waħda, u r-Renju Unit u l-benefiċjarji tiegħu, min-naħa l-oħra, anke fir-rigward tal-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-baġit fl-2020.

(4)It-Trattati ma jipprevedux setgħat għajr dawk skont l-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikolu 203 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-adozzjoni tal-miżuri li jikkonċernaw l-implimentazzjoni u l-finanzjament tal-baġit 2020 fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni mingħajr ftehim dwar il-ħruġ.

(5)Ir-Renju Unit u persuni u entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit qed jipparteċipaw f'għadd ta' programmi jew azzjonijiet tal-Unjoni abbażi tas-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni. Il-parteċipazzjoni ssir abbażi ta' ftehimiet mar-Renju Unit jew ma' persuni jew entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit jew abbażi ta' deċiżjonijiet favur ir-Renju Unit jew persuni jew entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit li jikkostitwixxu impenji legali.

(6)Għal ħafna minn dawk il-ftehimiet u deċiżjonijiet, in-normi li jirregolaw l-eliġibbiltà jirrikjedu li l-benefiċjarju jkun Stat Membru jew persuna jew entità stabbilita fi Stat Membru. L-eliġibbiltà tar-Renju Unit jew ta' persuni jew entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit hija f'każi bħal dawn marbuta mal-fatt li r-Renju Unit huwa Stat Membru. Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni mingħajr ftehim dwar il-ħruġ għalhekk jimplika t-telf tal-eliġibbiltà ta' tali benefiċjarji għall-finanzjament tal-Unjoni skont il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet. Madankollu, dan ma jikkonċernax każijiet fejn persuni jew entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit jipparteċipaw f'azzjoni skont ir-regoli rispettivi tal-Unjoni għal persuni u entitajiet stabbiliti f'pajjiż terz, u soġġett għall-kondizzjonijiet applikabbli skont dawk ir-regoli.

(7)F’każ ta’ rtirar mingħajr ftehim dwar il-ħruġ, ikun ta’ benefiċċju kemm għall-Unjoni kif ukoll għall-Istati Membri tagħha u għar-Renju Unit u l-persuni u l-entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit li jipprevedu l-eliġibbiltà fl-2020 tar-Renju Unit u l-benefiċjarji stabbiliti fir-Renju Unit biex jirċievu l-fondi tal-Unjoni u għall-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-finanzjament tal-baġit għall-2020 . Ikun ukoll ta' benefiċċju jekk l-impenji legali ffirmati u adottati qabel id-data tal-ħruġ jew fl-2019 bl-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE,Euratom) 2019/1197, ikunu jistgħu jkomplu jiġu eżegwiti matul l-2020.

(8)Huwa għalhekk xieraq li jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet li skonthom ir-Renju Unit u persuni u entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit ikunu jistgħu jibqgħu eliġibbli fl-2020 fir-rigward tal-ftehimiet iffirmati magħhom u tad-deċiżjonijiet adottati fir-rigward tagħhom sa dik id-data li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fir-Renju Unit (‘id-data tal-ħruġ’) jew fl-2019 b’applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE, Euratom) 2019/1197. Għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament huma meħtieġa l-kundizzjonijiet li ġejjin: i) ir-Renju Unit ikkonferma l-impenn bil-miktub lill-Kummissjoni li jkompli jħallas kontribuzzjoni kkalkulata abbażi tar-riżorsi proprji stmati mir-Renju Unit kif stabbilit fl-abbozz ta’ baġit għall-2020, kif propost fil-5 ta’ Lulju 2019, u aġġustat biex iqis l-ammont totali ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament stabbiliti fil-baġit adottat għall-2020; ii) li l-ewwel pagament tħallas mir-Renju Unit; iii) li r-Renju Unit ikkonferma l-impenn bil-miktub lill-Kummissjoni li jippermetti l-awditi u l-kontrolli bis-sħiħ mill-Unjoni f’konformità mar-regoli applikabbli; iv) u li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2019/1197 u ma tkunx adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 3(2) ta’ dak ir-Regolament. Fid-dawl tal-bżonn ta' ċertezza, huwa xieraq li jiġi limitat iż-żmien għall-issodisfar tal-kondizzjonijiet. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni dwar l-issodisfar tal-kondizzjonijiet.

(9)Il-kundizzjoni fir-rigward tal-kontribuzzjoni tar-Renju Unit jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz tal-baġit għall-2020 kif propost għat-28 Stat Membru u se tiġi aġġustata biex jiġi kkunsidrat l-ammont totali ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament taħt il-baġit adottat. Għalhekk, huwa raġonevoli li l-ebda Stat Membru ma jenħtieġ li jkun f'pożizzjoni inqas favorevoli fir-rigward tal-kontribuzzjoni tiegħu minn kif stabbilit fil-baġit għall-2020 kif adottat, wara l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament. Għaldaqstant, biex jiġi żgurat l-effett pożittiv ta' dan ir-Regolament għall-Istati Membri kollha, huwa adatt li jitnaqqas ammont speċifiku mill-ammont tal-kontribuzzjoni mir-Renju Unit li għandu jiddaħħal fil-baġit ġenerali tal-Unjoni. Dan l-ammont speċifiku għandu jkun ta' benefiċċju għall-Istati Membri li altrimenti jkunu fi żvantaġġ wara l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, kif speċifikat aktar f'arranġamenti prattiċi ddedikati li jistipulaw id-distribuzzjoni tal-pagamenti dovuti u li jinkarigaw lill-Kummissjoni bil-kompitu tal-iżborż tal-ammont speċifiku.

(10)Sakemm il-kondizzjonijiet għall-eliġibbiltà tar-Renju Unit u l-persuni u l-entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit skont dan ir-Regolament ikomplu jiġu ssodisfati, huwa xieraq ukoll li jiġi pprovdut għall-eliġibbiltà tagħhom, fl-2020, għall-finijiet ta' kondizzjonijiet stabbiliti f'sejħiet għal proposti, offerti, kompetizzjonijiet jew kwalunkwe proċedura oħra li tista' twassal għall-finanzjament mill-baġit tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni ta' każijiet speċifiċi relatati mas-sigurtà u mat-telf ta' sħubija tar-Renju Unit fil-Bank Ewropew tal-Investiment, u li jiġi pprovdut finanzjament tal-Unjoni lilhom. Dan il-finanzjament tal-Unjoni jenħtieġ li jkun limitat għan-nefqa eliġibbli li ssir fl-2020, ħlief għal kuntratti ta' akkwist pubbliku ffirmati qabel tmiem l-2020 fl-applikazzjoni tat-Titolu VII tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 10 (“ir-Regolament Finanzjarju”), li jkomplu jiġu implimentati f'konformità mat-termini tagħhom, u ħlief għall-iskema ta' pagament dirett tal-politika agrikola tar-Renju Unit għas-sena tat-talba 2020, li għandha tkun eskluża mill-eliġibbiltà. F'konformità mar-Regolament Finanzjarju, is-sejħiet għal proposti, għall-offerti, il-kompetizzjonijiet jew proċeduri oħra, kif ukoll kwalunkwe ftehim li joħroġ minnhom mar-Renju Unit jew ma' persuni jew entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit, jew deċiżjonijiet favurihom, għandhom jistipulaw il-kondizzjonijiet għall-eliġibbiltà u għall-kontinwazzjoni tagħhom b'referenza għal dan ir-Regolament.

(11)Huwa xieraq ukoll li jiġi previst li l-eliġibbiltà tar-Renju Unit u l-persuni u l-entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit tkompli taħt il-kondizzjonijiet li r-Renju Unit ikompli jħallas il-kontribuzzjoni għall-2020 u li l-kontrolli u l-awditi jistgħu jsiru b'mod effettiv. Fejn dawn il-kondizzjonijiet ma jibqgħux jiġu ssodisfati, jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni li tikkonstata t-tali nuqqas. F'każ bħal dan, jenħtieġ li r-Renju Unit u persuni u entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit ma jibqgħux eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni.

(12)Huwa xieraq ukoll li tiġi prevista l-kontinwazzjoni, fl-2020, tal-eliġibbiltà tal-azzjonijiet li permezz tagħhom l-Istati Membri jew entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri jirċievu fondi mill-Unjoni u li huma relatati mar-Renju Unit. Madankollu, jenħtieġ li n-nuqqas potenzjali ta' aċċettazzjoni mir-Renju Unit ta' kontrolli u awditi jenħtieġ li ikkostitwixxi element li għandu jkun ikkunsidrat għall-finijiet ta' ġestjoni finanzjarja tajba meta tiġi vvalutata l-implimentazzjoni ta' dawn l-azzjonijiet.

(13)Jenħtieġ li l-azzjonijiet ikomplu jiġu implimentati f'konformità mar-regoli rilevanti li jirregolaw dawn l-azzjonijiet, inkluż ir-Regolament Finanzjarju. Għalhekk, huwa neċessarju li r-Renju Unit jiġi ttrattat bħala Stat Membru għall-fini tal-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli.

(14)Peress li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba li jikkonċernaw il-baġit tal-Unjoni u programmi u azzjonijiet implimentati mill-Unjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(15)Sabiex ikun hemm possibbiltà ta' flessibbiltà limitata, jenħtieġ li s-setgħa li jiġu adottati atti f'konformità mal-Artikolu 290 TFUE tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-possibbiltà ta' estensjoni tal-iskadenzi stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1), u ta' emendi għall-iskeda tal-pagamenti. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 11 . B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati. Fejn, fil-każ ta' riskju ta' tfixkil serju tal-implimentazzjoni u tal-finanzjament tal-baġit tal-Unjoni fl-2020, raġunijiet imperattivi ta' urġenza li jkunu jenħtieġu li, l-att delegat jidħol fis-seħħ bla dewmien u jenħtieġ li japplika sakemm ma jkun hemm ebda oġġezzjoni espressa mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill,

(16)Sabiex jiġi evitat l-aktar tfixkil sinifikanti għall-benefiċjarji tal-programmi ta' nfiq u ta' azzjonijiet oħra tal-UE fid-data tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b'urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jenħtieġ li japplika mill-jum wara dak li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fir-Renju Unit, dment li sa dik id-data ma jkunx daħal fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit. Peress li dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri dwar l-implimentazzjoni u l-finanzjament tal-baġit tal-Unjoni għall-2020, dan għandu japplika biss għall-eliġibbiltà għas-sena 2020,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni u l-iffinanzjar tal-baġit ġenerali tal-Unjoni (“il-baġit”) fl-2020 dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni mingħajr ftehim dwar il-ħruġ u azzjonijiet taħt ġestjoni diretta, indiretta u kondiviża li għalihom l-eliġibbiltà tkun issodisfata permezz tas-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni fid-data li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fir-Renju Unit (“data tal-ħruġ”).

Dan ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għall-programmi ta' kooperazzjoni territorjali koperti mir-Regolament (UE) 2019/491 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 12 , u għal attivitajiet ta' mobbiltà għat-tagħlim taħt il-programm Erasmus+ koperti bir-Regolament (UE) 2019/499 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 13 .

Artikolu 2
Kondizzjonijiet għall-eliġibbiltà

1.Fejn ir-Renju Unit jew persuna jew entità stabbilita fir-Renju Unit jirċievu fondi tal-Unjoni fl-ambitu ta' azzjoni mwettqa b'ġestjoni diretta, indiretta jew kondiviża skont impenji legali ffirmati jew adottati qabel id-data tal-ħruġ jew fl-2019 bl-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE, Euratom) 2019/1197 u ta' eliġibbiltà taħt dik l-azzjoni li tiddependi fuq is-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni, huma għandhom ikomplu jkunu eliġibbli għal finanzjament tal-Unjoni għan-nefqa eliġibbli li ssir fl-2020 wara d-data tal-ħruġ, jekk jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin, u sakemm ma tkun daħlet fis-seħħ l-ebda deċiżjoni kif imsemmija fl-Artikolu 3(2):

(a)ir-Renju Unit, fl-1 ta’ Jannar 2020 jew fi żmien sebat [7] ijiem kalendarji wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jew wara d-data tal-applikazzjoni tiegħu, liema minnhom jiġi l-aħħar, ikkonferma bil-miktub lill-Kummissjoni li se jikkontribwixxi f’euro, skont l-iskeda tal-ħlas stabbilita f’dan ir-Regolament, l-ammont li jirriżulta mill-formula li ġejja: UK OR DB2020 + UK GNI key DB2020 x (PA B2020 – PA DB2020);

(b)ir-Renju Unit, fl-20 ta’ Jannar 2020 jew fi żmien għoxrin [20] jum kalendarju wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jew wara d-data tal-applikazzjoni tiegħu, skont liema tiġi l-aħħar, ħallas fuq il-kont iddeterminat mill-Kummissjoni l-ewwel pagament li jikkorrispondi għal [3.5] parti minn tnax tal-ammont imsemmi fil-punt (a);

(c)ir-Renju Unit, fl-1 ta’ Jannar 2020 jew fi żmien sebat [7] ijiem kalendarji wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jew wara d-data tal-applikazzjoni tiegħu, liema minnhom jiġi l-aħħar, ikkonferma bil-miktub lill-Kummissjoni li se jibqa’ jaċċetta l-kontrolli u l-awditi li jkopru l-perjodu sħiħ tal-programmi u l-azzjonijiet skont ir-Regoli applikabbli;

(d)il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2019/1197 u ma tkunx adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2019/1197; kif ukoll

(e)il-Kummissjoni tkun adottat id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 4 li tikkonferma li l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) ta' dan is-subparagrafu ġew issodisfati.

2.Għall-finijiet tal-formula stabbilita fil-punt (a) tal-paragrafu 1, għandu japplika dan li ġej:

(a)“UK OR DB2020” għandu jkun l-ammont muri fil-linja “Renju Unit” u l-kolonna “Riżorsi proprji totali” tat-tabella 7 tal-parti "A. Introduzzjoni u finanzjament tal-baġit ġenerali" tal-parti tad-dħul tal-baġit 2020 stabbilit fl-abbozz ta’ baġit tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, kif propost fil-5 ta’ Lulju 2019 14 ;

(b) “UK GNI key DB2020” għandu jkun l-ammont muri fil-linja “Renju Unit” u l-kolonna “Riżorsi proprji bbażati fuq l-ING” tat-tabella 7 tal-parti “A. Introduzzjoni u finanzjament tal-baġit ġenerali” tal-parti tad-dħul tal-baġit 2020 stabbilit fl-abbozz ta’ baġit tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, kif propost fl-5 ta’ Lulju 2019, diviż bl-ammont muri fil-linja “Total” tal-istess kolonna;

(c)“PA B2020 - PA DB2020” għandha tkun id-differenza bejn l-ammont muri fil-linja “Nefqa totali” u l-kolonna “Baġit 2020” tat-tabella “Nefqa” tal-parti “A. Introduzzjoni u finanzjament tal-baġit ġenerali” tal-parti tad-dħul tal-baġit tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020 kif adottata, u l-ammont muri fl-istess linja u l-istess kolonna tal-istess tabella tal-istess parti tal-abbozz tal-baġit tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, kif propost fil-5 ta’ Lulju 2019;

(d)Madankollu, jekk il-baġit għall-2020 ma jiġix adottat b’mod definittiv sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament jew sad-data tal-applikazzjoni tiegħu, skont liema tiġi l-aħħar, il-“PA B2020 - PA DB2020” għandha tkun żero .

3.L-ammont imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1, wara t-tnaqqis tal-ammont tal-ewwel pagament imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1, għandu jinqasam fi ħlasijiet parzjali indaqs. In-numru ta' ħlasijiet parzjali għandu jikkorrispondi għan-numru ta' xhur sħaħ bejn id-data tal-ewwel pagament imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 u tmiem is-sena 2020.

L-ammont imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandu jiddaħħal fil-baġit ġenerali tal-Unjoni bħala dħul ieħor wara li jitnaqqas ammont speċifiku bl-għan li jiżgura d-distribuzzjoni baġitarja kif previst fil-kolonna “Riżorsi proprji totali” tat-tabella msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 u soġġett għal arranġamenti prattiċi ddedikati għal dak l-effett.

L-impenn imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 1 għandu jinkludi b'mod partikolari l-kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u l-aċċettazzjoni tad-drittijiet tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Awdituri u tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi li ikollhom aċċess għal data u dokumenti relatati ma' kontribuzzjonijiet tal-Unjoni, u biex iwettqu kontrolli u awditi.

4.Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1 ġewx issodisfati.

5.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 7 dwar l-estensjoni tal-iskadenzi stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Fejn, fil-każ ta' riskju ta' tfixkil serju tal-implimentazzjoni u tal-finanzjament tal-baġit tal-Unjoni fl-2020, ikun hemm raġunijiet imperattivi ta' urġenza li jkunu jirrikjedu dan, il-proċedura prevista fl-Artikolu 8 għandha tapplika għal atti delegati adottati skont dan il-paragrafu.

Artikolu 3
Kontinwazzjoni tal-eliġibbiltà tar-Renju Unit

u ta' persuni u entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit

1.    L-eliġibbiltà tar-Renju Unit u ta' persuni u entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit stabbilitiż f'konformità mal-Artikolu 2 għandha tkompli fis-sena 2020 sakemm il-kondizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

(a)    wara l-ewwel pagament magħmul f’konformità mal-Artikolu 2(1)(b), ir-Renju Unit ikun ħallas fil-kont stabbilit mill-Kummissjoni l-pagament parzjali mensili msemmi fl-Artikolu 2(3) fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ kull xahar sa Awwissu 2020;

(b)    ir-Renju Unit ikun ħallas fil-kont stabbilit mill-Kummissjoni fl-ewwel jum tax-xogħol ta' Settembru 2020 il-pagamenti mensili li jkun fadal imsemmija tal-Artikolu 2(3), sakemm il-Kummissjoni ma tikkomunikax lir-Renju Unit skeda ta' pagamenti differenti għal dan il-pagament sal-31 ta' Awwissu 2020; kif ukoll

(c)    ma jkun ġie osservat l-ebda nuqqas sinifikanti fit-twettiq tal-kontrolli u tal-awditi msemmija fl-Artikolu 2(1)(c).

2.    Fejn waħda jew aktar mill-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma jkunux issodisfati, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni għal dak l-effett. Dik id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, ir-Renju Unit u persuni u entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit ma għandhomx jibqgħu eliġibbli skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, u skont l-Artikoli 2 u 4, l-azzjonijiet ma għandhomx jibqgħu eliġibbli skont l-Artikolu 6(2), u l-Artikolu 5 ma għandux jibqa' japplika.

3.    Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 7 dwar skeda ta' pagamenti differenti għall-pagamenti msemmija fil-punt (a) u (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Fejn, fil-każ ta' riskju ta' tfixkil serju tal-implimentazzjoni u tal-finanzjament tal-baġit tal-Unjoni fl-2020, ikun hemm raġunijiet imperattivi ta' urġenza li jkunu jirrikjedu dan, il-proċedura prevista fl-Artikolu 8 għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont dan il-paragrafu.

Artikolu 4
Parteċipazzjoni fis-sejħiet għal proposti u eliġibbiltà tal-infiq li jirriżulta

1.    Mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 2(1) (e), u sakemm ma tkun daħlet fis-seħħ l-ebda deċiżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3(2), ir-Renju Unit jew persuni u entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit għandhom ikunu eliġibbli fl-2020 għall-finijiet ta' kondizzjonijiet stabbiliti fi kwalunkwe sejħa għal proposti, sejħa għall-offerti, kompetizzjonijiet jew kwalunkwe proċedura oħra li tista' twassal għal finanzjament mill-baġit tal-Unjoni bl-istess mod bħal Stati Membri u persuni jew entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri, u jkunu eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni għan-nefqa eliġibbli li jsir fl-2020.

Minkejja l-ewwel subparagrafu:

(a)    kuntratti ffirmati fl-applikazzjoni tat-Titolu VII tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 (‘ir-Regolament Finanzjarju’) sa tmiem l-2020 għandhom jiġu implimentati f'konformità mat-termini tagħhom u sad-data finali tagħhom;

(b)    nefqa fir-rigward tal-iskema ta' pagamenti diretti tar-Renju Unit għas-sena tat-talba 2020 skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 15 ma għandhiex tkun eliġibbli għal finanzjament tal-Unjoni.

2.    Minkejja l-paragrafu 1, ir-Renju Unit jew persuni jew entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit ma għandhomx ikunu eliġibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 16 , kif emendat bir-Regolament XXX, għal azzjonijiet li jkopru ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun intemmet b’konsegwenza ta’ ħruġ mingħajr ftehim u skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 17 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, kif emendat bir-Regolament XXX, għal azzjonijiet li jkopru piż finanzjarju serju impost fuq l-Istati Membri direttament imputabbli għal ħruġ mingħajr ftehim dwar il-ħruġ .

3.    L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ma għandux japplika:

(a)    fejn il-parteċipazzjoni tkun limitata għall-Istati Membri u persuni jew entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri għal raġunijiet ta' sigurtà;

(b)    għal operazzjonijiet finanzjarji mwettqa fi ħdan strumenti finanzjarji ġestiti direttament jew indirettament skont it-Titolu X tar-Regolament Finanzjarju jew għal operazzjonijiet finanzjarji garantiti mill-baġit tal-Unjoni skont il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) stabbilit bir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 18 jew skont il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (European Fund for Sustainable Development, EFSD) stabbilit bir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 19 .

Artikolu 5
Adattamenti meħtieġa oħra

Jekk il-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1) jiġu ssodisfati, u sakemm l-ebda deċiżjoni kif imsemmija fl-Artikolu 3(2) ma tkun daħlet fis-seħħ, għall-fini tal-applikazzjoni ta' kwalunkwe regola li tirregola l-azzjonijiet imwettqa skont l-impenji legali msemmija fl-Artikolu 2(1), is-sejħiet għal proposti msemmija fl-Artikolu 4 u l-azzjonijiet imwettqa skont l-impenji legali ffirmati jew adottati wara s-sejħiet għal proposti msemmija fl-Artikolu 4, li huma meħtieġa biex jagħtu effett lill-Artikoli 2(1) u 4(1), ir-Renju Unit għandu jiġi ttrattat bħala Stat Membru soġġett għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

Madankollu, ir-Renju Unit jew ir-rappreżentanti tar-Renju Unit ma għandhom jitħallew jipparteċipaw f'ebda kumitat li jassisti fil-ġestjoni skont ir-regoli tal-att bażiku rilevanti, jew gruppi ta' esperti jew korpi oħra li jagħtu pariri dwar il-programmi jew dwar l-azzjonijiet, bl-eċċezzjoni ta' monitoraġġ jew kumitati speċifiċi għall-programmi operazzjonali, nazzjonali jew programmi simili f'ġestjoni kondiviża.

Artikolu 6
Eliġibbiltà ta' azzjonijiet li jirrigwardaw lir-Ren
ju Unit, fejn l-Istati Membri
jew il-persuni jew l-entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri jirċievu l-fondi mill-Unjoni

1.    L-azzjonijiet taħt ġestjoni diretta, indiretta u kondiviża li għalihom l-Istati Membri jew persuni jew entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri jirċievu l-fondi mill-Unjoni skont impenji legali ffirmati jew adottati qabel id-data tal-ħruġ jew fl-2019 bl-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE, Euratom) 2019/1197 u li għalihom l-eliġibbiltà tkun issodisfata permezz tas-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni fid-data tal-ħruġ jew permezz tal-eliġibbiltà tar-Renju Unit b’applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE, Euratom) 2019/1197, għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament tal-Unjoni għall-infiq eliġibbli li jsir fl-2020 sa mid-data tal-ħruġ.

2.    L-azzjonijiet li għalihom il-kondizzjoni ta' eliġibbiltà ta' numru minimu ta' parteċipanti minn Stati Membri differenti f'konsorzju tkun issodisfata fid-data tal-ħruġ minn membru tal-konsorzju li tkun persuna jew entità stabbiltà fir-Renju Unit, għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament tal-Unjoni għan-nefqa eliġibbli li ssir fl-2020 meta l-kondizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) ikunu ssodisfati u sakemm l-ebda deċiżjoni kif imsemmija fl-Artikolu 3(2) ma tkun daħlet fis-seħħ.

3.    In-nonosservanza tal-kondizzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1)(c) jew deċiżjoni tal-Kummissjoni kif imsemmija fl-Artikolu 3(2) rigward in-nonosservanza tal-kondizzjonijiet imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 3(1), għandhom jitqiesu mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-possibbiltà ta' nuqqas serju fil-konformità mal-obbligi ewlenin fl-implimentazzjoni tal-impenn legali msemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 7
Eżerċizzju tad-delega

1.    Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.    Is-setgħa għall-adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikoli 2 u 3 tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

3.    Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 2 u 3 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.    Qabel ma' tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.    Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.    Att delegat adottat skont l-Artikoli 2 u 3 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahar min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahar fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 8
Proċedura ta' urġenza

1.    L-atti delegati adottati taħt dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u għandhom japplikaw sakemm ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni skont il-paragrafu 2. In-notifika ta’ att delegat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandha tagħti r-raġunijiet li għalihom tkun intużat il-proċedura ta’ urġenza.

2.    Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(6). F'dan il-każ, il-Kummissjoni għandha tirrevoka l-att minnufih wara n-notifika tad-deċiżjoni ta' oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

Artikolu 9
Dispożizzjoni tranżizzjonali

B’ deroga mill-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2019/1197, in-nefqa fir-rigward tal-iskema ta’ pagament dirett tar-Renju Unit għas-sena tat-talba 2019 skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandha tkun eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni, wara li l-Kummissjoni tkun adottat id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 2(4) ta’ dan ir-Regolament, sakemm ma tadottax deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 10
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mid-data ta' wara dik li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fir-Renju Unit skont l-Artikolu 50(3) TUE.

Madankollu, dan ir-Regolament ma għandux japplika jekk ikun daħal fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(2) TUE sad-data msemmija fit-tieni paragrafu ta' dan l-Artikolu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/584, ĠU L 101, 11.4.2019, p. 1.
(2)    Wara talba mir-Renju Unit, il-Kunsill Ewropew kien iddeċieda dwar l-ewwel estensjoni fit-22 ta’ Marzu 2019 (id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/476, ĠU L 80I, 22.3.2019, p. 1).
(3)    COM/2019/276 final.
(4)    ĠU L 189, 15.7.2019, p. 1.
(5)    Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika ĠU C 144I, 25.4.2019, p.1
(6)    COM/2019/400 final tal-5.7.2019.
(7)    Il-kunsens ta’ […].
(8)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/584 meħuda bi qbil mar-Renju Unit tal-11 ta’ April 2019 li testendi l-perjodu skont l-Artikolu 50(3) TUE, (ĠU L 101 I, 11.04.2019, p. 1).
(9)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2019/1197 tad-9 ta’ Lulju 2019 dwar miżuri li jikkonċernaw l-implimentazzjoni u l-finanzjament tal-baġit ġenerali tal-Unjoni fl-2019 fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, (ĠU L 189, 15.7.2019, p. 1).
(10)    Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
(11)    ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(12)    Ir-Regolament (UE) 2019/491 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Marzu 2019 sabiex ikunu jistgħu jitkomplew il-programmi għall-kooperazzjoni territorjali PEACE IV (l-Irlanda-ir-Renju Unit) u għar-Renju Unit - l-Irlanda (l-Irlanda - l-Irlanda ta' Fuq - l-Iskozja) fil-kuntest tal- ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni,(ĠU L 85I, 27.3.2019, p. 1).
(13)    Ir-Regolament (UE) 2019/499 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-kontinwazzjoni ta' attivitajiet ta' mobbiltà fit-tagħlim li jkunu għaddejjin taħt il-programm Erasmus+ stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 1288/2013, fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni (ĠU L 85I , 27.3.2019, p. 32).
(14)    COM (2019) 400 final tal- 5 ta' Lulju 2019.
(15)    Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).
(16)    Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855).
(17)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3).
(18)    Ir-Regolament (UE) Nru 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1).
(19)    Ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Settembru 2017 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD), il-Garanzija tal-EFSD u l-Fond ta' Garanzija tal-EFSD (ĠU L 249, 27.9.2017, p. 1).