Brussell, 4.10.2019

COM(2019) 442 final

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara
applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2019/001 BE/Carrefour


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 1 (ir-“Regolament tal-FEG”).

2.Fl-20 ta’ Ġunju 2019, il-Belġju ressaq applikazzjoni EGF/2019/001 BE/Carrefour għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara li ngħataw is-sensji 2 f’Carrefour Belgique SA fil-Belġju.

3.Wara l-valutazzjoni tagħha ta’ din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li, skont id-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament tal-FEG, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ġew issodisfati.

SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI

Applikazzjoni tal-FEG

EGF/2019/001 BE/Carrefour

Stat Membru

Il-Belġju

Reġjuni kkonċernati (il-livell 2 ta’ NUTS 3 )

Is-sensji jikkonċernaw lill-Belġju kollu

Data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni:

20 ta’ Ġunju 2019

Data ta’ konferma tal-wasla tal-applikazzjoni:

20 ta’ Ġunju 2019

Data tat-talba għal informazzjoni addizzjonali

4 ta’ Lulju 2019

Data ta’ skadenza għall-għoti tal-informazzjoni addizzjonali

15 ta’ Awwissu 2019

Skadenza għat-tlestija tal-valutazzjoni

7 ta’ Novembru 2019

Kriterju ta’ intervent

L-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG


Intrapriża primarja

Carreur Belgique S.A.


L-għadd ta’ intrapriżi kkonċernati

1

Settur tal-attività ekonomika

(Diviżjoni tan-NACE Reviżjoni 2) 4

Id-Diviżjoni 47 (Kummerċ bl-imnut, għajr vetturi bil-mutur u muturi)

Perjodu ta’ referenza (erba’ xhur):

30 ta’ Novembru 2018 – 30 ta’ Marzu 2019



L-għadd ta’ sensji matul il-perjodu ta’ referenza (a)

751

L-għadd ta’ sensji qabel jew wara l-perjodu ta’ referenza (b)

268

L-għadd totali ta’ sensji (a + b)

1 019

L-għadd totali ta’ ħaddiema eliġibbli

1 019

L-għadd totali ta’ ħaddiema fil-mira

400

L-għadd ta’ żgħażagħ fil-mira barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs)

330

Baġit għas-servizzi personalizzati (f’EUR)

2 665 047

Baġit għall-implimentazzjoni tal-FEG 5 (EUR)

55 000

Baġit totali (EUR)

2 720 047

Kontribuzzjoni tal-FEG (60 %) (EUR)

1 632 028

VALUTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI

Il-proċedura

4.Fl-20 ta’ Ġunju 2019, il-Belġju ressaq l-applikazzjoni EGF/2019/001 BE/Carrefou fi żmien 12-il ġimgħa mid-data li fiha ġew issodisfati l-kriterji ta’ intervent stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-FEG. Il-Kummissjoni kkonfermat il-wasla tal-applikazzjoni fl-istess jum u talbet informazzjoni addizzjonali mill-Belġju fl-4 ta’ Lulju 2019. Tali informazzjoni addizzjonali ngħatat fi żmien sitt ġimgħat mit-talba. Il-Kummissjoni għandha tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha tal-konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, fi żmien l-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa minn meta tasal l-applikazzjoni kompluta u li tiskadi fis-7 ta’ Novembru 2019.

Eliġibbiltà tal-applikazzjoni

L-intrapriżi u l-benefiċjarji kkonċernati

5.L-applikazzjoni tikkonċerna 751 ħaddiem li ngħataw is-sensja minn Carrefour Belgique SA. L-intrapriża topera fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 47 Reviżjoni 2 tan-NACE (Kummerċ bl-imnut, għajr ta’ vetturi bil-mutur u muturi). Is-sensji li saru minn Carrefour Belgique jikkonċernaw lill-Belġju kollu.

Il-kriterji ta’ intervent

6.Il-Belġju ressaq l-applikazzjoni skont il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG, li jirrikjedu li tal-inqas 500 ħaddiem ikunu ngħataw is-sensja fuq perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja mill-fornituri u mill-produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni u/jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet.

7.Il-perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur għall-applikazzjoni jibda mit-30 ta’ Novembru 2018 u jintemm fit-30 ta’ Marzu 2019. 751 ħaddiem ingħataw is-sensja minn Carrefour Belgique matul il-perjodu ta’ referenza.

Il-kalkolu tas-sensji u tal-waqfien tal-attività

8.Is-751 sensja kollha tul il-perjodu ta’ referenza ġew ikkalkolati mid-data tat-terminazzjoni de facto tal-kuntratt tal-impjieg jew l-iskadenza tiegħu.

Benefiċjarji eliġibbli

9.Minbarra l-ħaddiema li diġà ssemmew, il-benefiċjarji eliġibbli jinkludu 268 ħaddiem li ngħataw is-sensja qabel jew wara l-perjodu ta’ referenza. Dawn il-ħaddiema ngħataw is-sensja wara t-tħabbira ġenerali tas-sensji mbassrin fil-25 ta’ Jannar 2018 6 . Tista’ tiġi stabbilita rabta kawżali ċara mal-avveniment li wassal għas-sensji matul il-perjodu ta’ referenza.

10.Għaldaqstant, l-għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli huwa ta’ 1 019.

Rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni

11.Il-Belġju jsostni li l-kummerċ bl-imnut għaddej minn perjodu ta’ bidliet kbar, minħabba l-globalizzazzjoni (xiri online), u dan jirriżulta f’sensji. It-tibdil fid-drawwiet tal-konsumaturi u d-diġitalizzazzjoni għandhom ukoll impatt fuq il-kummerċ bl-imnut.

12.Il-bejgħ online mad-dinja kollha ilu jiżdied b’mod stabbli għal bosta snin. Fl-2015, il-bejgħ globali bl-imnut tal-kummerċ elettroniku ammonta għal 7,4 % tan-nefqa totali bl-imnut. Fl-2017, dan laħaq USD 2 382 triljun, li jfisser żieda ta’ 28 % fuq is-sena ta’ qabel u li jammonta għal 10,4 % tal-bejgħ totali bl-imnut madwar id-dinja. Fl-2019, il-bejgħ online madwar id-dinja huwa mistenni li jikber b’20,7 % u jilħaq 14,1 % tal-infiq totali bl-imnut 7 .

Bejgħ bl-imnut tal-kummerċ elettroniku madwar id-dinja 2017-2019
(USD triljuni, bidla % u % tal-bejgħ totali bl-imnut)

Bejgħ bl-imnut tal-kummerċ elettroniku

% tal-bidla

% tal-bejgħ totali bl-imnut

13.Skont il-previżjonijiet, din it-tendenza ’l fuq se tkompli fis-snin li ġejjin. Fl-2023, il-bejgħ bl-imnut tal-kummerċ elettroniku madwar id-dinja huwa mistenni li jittrippla l-bejgħ ikkalkolat fl-2018, filwaqt li jammonta għal 22 % tan-nefqa totali bl-imnut 8 .



Bejgħ bl-imnut tal-kummerċ elettroniku madwar id-dinja 2020-2023. Previżjoni.
(USD triljuni, bidla % u % tal-bejgħ totali bl-imnut)

Bejgħ bl-imnut tal-kummerċ elettroniku

% tal-bidla

% tal-bejgħ totali bl-imnut

14.Fl-UE, il-perċentwal tal-popolazzjoni li tixtri online żdied minn 47 % għal 69 % matul il-perjodu bejn l-2013 u l-2018 9 . Flimkien maż-żieda fl-għadd ta’ xerrejja elettroniċi, kien hemm bidliet fl-għażla tal-bejjiegħa elettroniċi. Ix-xerrejja li jixtru online mingħand bejjiegħa fil-pajjiż tagħhom stess naqsu għalkemm b’punt perċentwali wieħed biss, minn 89 % fl-2013 għal 88 % fl-2018; filwaqt li x-xiri transkonfinali tal-UE żdied b’mod sinifikanti minn 26 % għal 36 % u x-xiri online minn bejjiegħa barra mill-UE qed isir dejjem aktar popolari. Dan żdied minn 14 % għal 26 % matul l-istess perjodu 10 .

15.Il-postijiet tas-suq huma karatteristika dejjem preżenti tad-dinja tal-kummerċ elettroniku. L-akbar tliet atturi huma Amazon, Aliexpress, u eBay, li joperaw bħala atturi globali.

L-għażla tal-bejjiegħa bl-imnut
(l-aħħar xiri transkonfinali online)
11

16.Għal kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq il-prezzijiet, il-konsumaturi għandhom it-tendenza li jirrikorru għal tali ħwienet online internazzjonali, ibbażati f’pajjiżi li mhumiex fl-UE. Ix-xiri online mhux mill-UE qed ikollu impatt ewlieni fuq il-bejgħ ta’ ħwienet tal-bejgħ bl-imnut konvenzjonali fl-UE.

17.Ix-xejriet globali japplikaw ukoll għall-Belġju. Skont Comeos 12 , 67 % tal-Belġjani xtraw online fl-2018, meta mqabbla ma’ 46 % biss fl-2012. Dan jirrappreżenta żieda ta’ 21 p.p. f’sitt snin. Ix-xerrejja elettroniċi Belġjani li kull xahar jixtru online jammontaw għal 44 % mit-total, filwaqt li 9 % jagħmlu dan kull ġimgħa. Aktar minn EUR 150 huwa baġit normali ta’ kull xahar għal 42 % tax-xerrejja elettroniċi Belġjani. 39 % tax-xerrejja elettroniċi Belġjani jsostnu li se jonfqu aktar jew ħafna aktar fl-2019 mis-sena ta’ qabel. Għal nofs ir-rispondenti huwa irrilevanti jekk il-ħanut online huwiex Belġjan jew le 13 .

18.Sal-lum, is-settur tal-bejgħ bl-imnut kien is-suġġett ta’ 10 applikazzjonijiet tal-FEG, li tnejn minnhom huma bbażati fuq il-globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ 14 u tmienja minnhom fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali 15 .

Avvenimenti li wasslu għas-sensji u l-waqfien tal-attività

19.Carrefour Belgium topera permezz ta’ tliet marki: Carreur Express (ħwienet ta’ prossimità) marka li tħalli l-qligħ u li qed tespandi (ftuħ ta’ 20-25 maħżen fis-sena); Carrefour Market (supermarkets), li tiffoka fuq prodotti friski, filwaqt li qiegħda tespandi wkoll b’ambizzjoni li tiftaħ 10 ħwienet fis-sena; u Carrefour Hypermarkets. Minn 45 hypermarket ta’ Carrefour, 19 minnhom ma jħallux qligħ 16 .

20.L-avvenimenti li wasslu għas-sensji huma l-għeluq ta’ hypermarket wieħed ta’ Carrefour u l-kiri ta’ partijiet esterni tal-imħażen lil bejjiegħa bl-imnut esterni, f’uħud mill-hypermarkets li għadhom qed joperaw. Kif intqal hawn fuq, ix-xiri online minn bejjiegħa li mhumiex fl-UE qed ikollu impatt ewlieni fuq il-bejgħ ta’ ħwienet konvenzjonali fl-UE.

21.Il-prodotti li għalihom il-bejgħ online diġà huwa għoli jew li huma mistennija li jiżdiedu fil-futur qrib huma l-istess bħall-offerti mhux tal-ikel f’hypermarkets. Il-moda hija prodott matur fil-kummerċ elettroniku. “Prodotti li qegħdin jiżdiedu b’rata mgħaġġla” 17 huma kotba u kotba elettroniċi, kompjuters u apparati elettroniċi, prodotti relatati mas-saħħa u s-sbuħija, u d-divertiment. Għall-kuntrarju ta’ dan, huma biss ftit konsumaturi Belġjani li jixtru l-ikel online, għalkemm ix-xerrejja elettroniċi jsostnu li beħsiebhom jagħmlu dan aktar ta’ spiss fil-futur 18 .

22.Għal Carrefour, iż-żieda fil-bejgħ online ikkontribwixxiet għat-tnaqqis fil-bejgħ ta’ prodotti mhux tal-ikel fil-hypermarkets tagħha (il-fatturat ta’ prodotti mhux tal-ikel naqas b’6 % fl-2017, u bi 19 % mill-2010), u b’hekk iddgħajfet il-profittabbiltà ta’ dan it-tip ta’ ħwienet. Il-Belġju indika li s-sensji huma dovuti l-aktar għad-diffikultajiet fis-settur mhux tal-ikel deskritti hawn fuq.

Il-fatturat tal-hypermarkets ta’ Carrefour. Mhux tal-ikel 19  
(it-taxxi kollha inklużi)
(bidla perċentwali minn sena għal oħra)



Il-profittabbiltà tal-hypermarkets ta’ Carrefour 20
(ROC 21 f’miljuni ta’ euro)

L-impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali u l-impjiegi

23.Għalkemm is-sensji jikkonċernaw lill-pajjiż kollu kemm hu, il-Belġju jistenna li dawn se jħallu impatt negattiv partikolarment sinifikanti fuq is-sitwazzjoni tal-impjiegi u b’hekk fuq l-ekonomija reġjonali tal-Wallonia. L-impatt mistenni huwa marbut mal-iskarsezza ta’ impjiegi fir-reġjun, mar-rata tal-qgħad relattivament għolja u, b’konsegwenza ta’ dan, mad-diffikultajiet mistennija tar-riallokazzjoni għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja, b’mod partikolari dawk li għandhom aktar minn 50 sena, minħabba li waħda minn erba’ persuni li qed ifittxu impjieg f’Wallonia huma ħaddiema li għandhom aktar minn 55 sena.



24.Għalkemm l-għadd ta’ persuni li qed ifittxu impjieg fir-reġjun naqas b’1,5 % fl-2018 meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, ir-rata tal-qgħad fil-Wallonia (8,6 % 22 ) hija aktar mid-doppju tar-rata tal-qgħad fi Flanders (3,5 % 23 ) u ’l fuq mill-medja ta’ 6,9 % fl-UE. Barra minn hekk, fil-Wallonia indikaturi oħra juru prestazzjonijiet aktar baxxi fis-suq tax-xogħol: l-attività interim naqset (- 2,3 % tas-sigħat ta’ xogħol bejn Diċembru 2017 u Diċembru 2018), il-qgħad temporanju żdied (+ 5,8 % fuq bażi annwali) u l-fallimenti żdiedu fl-aħħar trimestru tal-2018 (+5 % meta mqabbla mal-istess trimestru tal-2017). Barra minn hekk, il-ħolqien tal-impjiegi huwa mistenni li jonqos fl-2019 (madwar 15 000 impjieg anqas mill-2018) 24 .

25.Fl-2018, 57 % ta’ dawk li kienu qed ifittxu impjieg f’Wallonia kienu qiegħda fit-tul (aktar minn 12-il xahar), filwaqt li l-ħaddiema li kienu ilhom qiegħda għal aktar minn sentejn irrappreżentaw 67 % tat-total ta’ dawk li kienu qed ifittxu xogħol u li kienu ilhom qiegħda għal żmien twil 25 .

26.Skont Comeos, għalkemm l-impjiegi fis-settur tal-bejgħ bl-imnut fil-Belġju għadhom mhumiex qed jonqsu, hemm tħassib li d-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni tal-imħażen dalwaqt se jkollhom impatt fuq eluf ta’ impjiegi li relattivament ma jirrikjedux sengħa 26 .

Il-benefiċjarji fil-mira u l-azzjonijiet proposti

Il-benefiċjarji fil-mira

27.Minħabba s-sitwazzjoni ta’ impjiegi partikolarment diffiċli f’Wallonia, il-Belġju jistenna li 400 ħaddiem biss li ngħataw is-sensja f’dan ir-reġjun se jieħdu sehem fil-miżuri. It-tqassim ta’ dawn il-ħaddiema skont is-sess, iċ-ċittadinanza u l-grupp ta’ età huwa kif ġej:

Kategorija

L-għadd ta’
benefiċjarji fil-mira

(ħaddiema)

Sess:

Irġiel:

118

29,5 %

Nisa:

282

70,5 %

Ċittadinanza:

Ċittadini tal-UE:

379

94,8 %

Ċittadini ta’ pajjiżi terzi:

21

5,2 %

Grupp ta’ età:

15-24 sena:

0

0,0 %

25-29 sena:

7

1,7 %

30-54 sena:

68

17,0 %

55-64 sena:

325

81,3 %

aktar minn 64 sena:

0

0,0 %

28.Barra minn hekk, il-Belġju se jipprovdi servizzi personalizzati kkofinanzjati mill-FEG lil massimu ta’ 330 żagħżugħ/a barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) taħt l-età ta’ 25 sena fid-data ta’ tressiq tal-applikazzjoni, peress li 240 mis-sensji msemmija fil-paragrafu 5 jseħħu fir-reġjuni tal-livell NUTS 2 tar-reġjuni tal-Provinċja Hainaut (BE32) u l-Provinċja Liège (BE33)], li kellhom rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ għal żgħażagħ ta’ bejn il-15 u l-24 sena ta’ mill-inqas 20 % 27 , abbażi tad-data annwali disponibbli għall-2018 28 .

29.Għaldaqstant, it-total stmat ta’ benefiċjarji eliġibbli li huma mistennija jieħdu sehem fil-miżuri, inklużi n-NEETs, huwa ta’ 730. 

Eliġibbiltà tal-azzjonijiet proposti

30.Is-servizzi personalizzati li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u lill-NEETs jikkonsistu mill-azzjonijiet li ġejjin.

Appoġġ/Gwida/Integrazzjoni: Dan is-sett ta’ servizzi jespandi l-attivitajiet standard b’appoġġ għall-eks ħaddiema ta’ Carrefour imwettqa mill-Unitajiet tar-Riallokazzjoni tas-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi (FOREM) ta’ Walloon f’isem l-intrapriża li tkun tat is-sensja. L-offerta standard se tiġi estiża lil hinn mill-perjodu obbligatorju 29 u se jiġu proposti servizzi speċifiċi addizzjonali lill-ħaddiema li ngħataw is-sensji, bħal servizzi ta’ tiftix attiv għal impjieg u servizzi ta’ tqabbil tal-impjieg.

L-appoġġ u l-mobilizzazzjoni tal-NEETs jitwettqu minn Forem u s-sħab tat-trade union tiegħu.

L-NEETs se jkollhom l-opportunità li jieħdu sehem f’“Coup de boost”, skema ta’ appoġġ soċjoprofessjonali intensiva mifruxa fuq disa’ xhur. Il-parteċipanti se jiġu proposti varjetà ta’ attivitajiet kollettivi u individwali dwar suġġetti relatati ma’ tiftix ta’ impjieg (tħejjija għall-intervista tal-impjieg, talba għal intervista, eċċ.), l-iżvilupp tal-fiduċja personali u l-komunikazzjoni; attivitajiet biex jiġi skopert l-ambjent professjonali u taħriġ (żjarat, internships, esperjenza tax-xogħol, ...); intervisti individwali ma’ konsulenti u/jew ħarrieġa soċjali biex jgħinu lil kull żagħżugħ jiddefinixxi l-proġett professjonali tiegħu; informazzjoni adattata dwar il-liġi tax-xogħol u d-drittijiet soċjali u appoġġ fi proċeduri amministrattivi; attivitajiet ta’ skambju fejn iż-żgħażagħ jistgħu jgħinu lil xulxin u jikkondividu l-esperjenzi professjonali tagħhom, it-tiftix ta’ impjieg u t-taħriġ; eċċ.

L-għan, fi tmiem l-appoġġ, huwa li l-NEETs jiksbu l-ewwel impjieg jew jintegraw fi programm ta’ taħriġ kwalifikanti. Huwa previst ukoll appoġġ addizzjonali wara “Coup de Boost” biex jiġi żgurat li l-NEETs jiġu integrati sew fit-taħriġ jew l-impjiegi u biex jegħlbu d-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu.

It-taħriġ, it-taħriġ mill-ġdid u t-taħriġ vokazzjonali. Il-ћaddiema u l-NEETs se jkollhom aċċess gћall-offerta standard ta’ taħriġ ta’ FOREM u tas-sħab tiegћu u se jintużaw wkoll moduli speċifiċi ta’ tiftix ta’ impjiegi. Barra minn hekk, wara t-tfassil tal-profili u l-validazzjoni ta’ proġetti professjonali individwali mal-konsulent vokazzjonali, se jiġi offrut taħriġ speċifiku biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet identifikati. Se jiġi offrut ukoll taħriġ fil-ħiliet bażiċi (profiċjenza fil-lingwa, fil-matematika, fl-użu tat-teknoloġija tal-informatika, eċċ.) liż-żgħażagħ li għandhom bżonnu.

Appoġġ lejn il-ħolqien tan-negozju. Din il-miżura indirizzata lill-ħaddiema għandha tinkludi fażi ta’ dijanjożi u orjentazzjoni, azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-intraprenditorija, sessjonijiet ta’ informazzjoni dwar il-potenzjal li wieħed jibda negozju permezz ta’ dijanjożi ekonomika territorjali, u netwerking ma’ intraprendituri rilevanti u ma’ ħarrieġa ċċertifikati fil-bidu ta’ negozju.

Kontribuzzjoni għall-bidu ta’ negozju. Il-ħaddiema li jibdew negozju jew attività bħala persuni li jaħdmu għal rashom se jirċievu kontribuzzjoni sa EUR 15 000. Il-kontribuzzjoni se titħallas f’żewġ pagamenti, wara li jintwera l-iżvilupp effettiv tal-attività b’dokumenti ta’ sostenn.

Benefiċċji. (1) Benefiċċju għat-tiftix ta’ impjieg u għat-taħriġ. Il-ħaddiema u l-NEETs se jirċievu EUR 1 fis-siegħa ta’ parteċipazzjoni effettiva fit-taħriġ jew fl-attivitajiet ta’ tiftix ta’ impjieg tal-Unitajiet tar-Riallokazzjoni ta’ Forem 30 . (2) Kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar. Sabiex tiġi mħeġġa l-mobbiltà reġjonali u interreġjonali, il-ħaddiema u l-NEETs li jsibu impjieg li jew ikun jinsab aktar minn 60 km ’il bogħod mid-dar tagħhom, jew li jkun f’distanza li timplika aktar minn erba’ sigħat ta’ ħin ta’ vvjaġġar (ritorn), se jirċievu somma f’daqqa ta’ EUR 500 jew EUR 750 31 . (3) Benefiċċju lejn il-ħolqien ta’ negozju. Sabiex il-ħaddiema jiġu appoġġjati waqt it-twaqqif tan-negozju tagħhom 32 , se jingħata benefiċċju ta’ kull xahar ta’ EUR 350 għal massimu ta’ 12-il xahar. (4) Il-benefiċċju tar-ritorn għall-iskola. Għandu jingħata benefiċċju ta’ kull xahar ta’ EUR 350 lill-ħaddiema u l-NEETs li jwettqu studji full-time (études de plein exercice) ta’ mill-inqas sena.

31.L-azzjonijiet proposti deskritti hawn fuq jikkostitwixxu miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament tal-FEG. Dawn l-azzjonijiet ma jissostitwixxux il-miżuri passivi ta’ protezzjoni soċjali.

32.Il-Belġju pprovda l-informazzjoni meħtieġa dwar azzjonijiet li huma obbligatorji għall-intrapriża kkonċernata skont il-liġi nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi. Huma kkonfermaw li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhijiex se tieħu post tali azzjonijiet.

Baġit stmat

33.Il-kostijiet totali stmati huma ta’ EUR 2 720 047, li jinkludu nefqa ta’ EUR 2 665 047 għal servizzi personalizzati u nefqa ta’ EUR 55 000 għal attivitajiet ta’ tħejjija, ta’ ġestjoni, ta’ informazzjoni u pubbliċità, ta’ kontroll u ta’ rapportar.

34.Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mitluba biex tingħata mill-FEG hija ta’ EUR 1 632 028 (60 % tal-kostijiet totali).

Azzjonijiet

Għadd stmat ta’ parteċipanti

Kost stmat għal kull parteċipant
(EUR) 33

Kostijiet totali stmati

(EUR) 34  

Servizzi personalizzati (Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(a) u (c) tar-Regolament tal-FEG)

Appoġġ/Gwida/Integrazzjoni:
(
Accompagnement, orientation, mobilisation et insertion)

730

2 241

1 636 130

Taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali
(
Formation et modules specifiques)

460

941

432 710

Appoġġ lejn il-ħolqien ta’ negozju
(
Dispositif d’accompagnement à l’entreprenariat) 

250

463

115 743

Kontribuzzjoni għall-ftuħ ta’ negozju
(
Bourse de lancement)

10

10 000

100 000

Sub-total (a):

Perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati

2 284 583

(85,72%)

Benefiċċji u inċentivi (Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-FEG)

Benefiċċji
(
Allocations et primes) 

730

521

380 464

Subtotal (b):

Perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati:

380 464

14,28 %

Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament tal-FEG

1. Attivitajiet ta’ tħejjija

0

2. Ġestjoni

10 000

3. Tagħrif u pubbliċità

15 000

4. Kontroll u rapportar

30 000

Subtotal (c):

Perċentwal tal-kostijiet totali:

55 000

(2,02%)

Kostijiet totali (a + b + c):

2 720 047

Kontribuzzjoni tal-FEG (60 % tal-kostijiet totali)

1 632 028

35.Il-kostijiet tal-azzjonijiet identifikati fit-tabella t’hawn fuq bħala azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-FEG ma jaqbżux il-35 % tal-kostijiet totali tal-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati. Il-Belġju kkonferma li dawn l-azzjonijiet jiddependu fuq il-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira f’attivitajiet ta’ tiftix ta’ impjieg jew ta’ taħriġ.

36.Il-Belġju kkonferma li l-kostijiet tal-investimenti għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, in-negozji l-ġodda u l-akkwiżizzjoni minn impjegati mhumiex se jaqbżu l-EUR 15 000 għal kull benefiċjarju.

Perjodu ta’ eliġibbiltà tan-nefqa

37.Il-Belġju beda jipprovdi s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta’ Diċembru 2018. Għaldaqstant, in-nefqa fuq dawn l-azzjonijiet se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mil-1 ta’ Diċembru 2018 sal-20 ta’ Ġunju 2021.

38.Il-Belġju beda jġarrab in-nefqa amministrattiva biex jimplimenta l-FEG fil-25 ta’ Jannar 2018. Għalhekk, in-nefqa għal attivitajiet ta’ tħejjija, ta’ ġestjoni, ta’ informazzjoni u pubbliċità, ta’ kontroll u rapportar għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-25 ta’ Jannar 2018 sal-20 ta’ Diċembru 2021.

Komplementarjetà ma’ azzjonijiet iffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-Unjoni

39.Is-sors ta’ prefinanzjament jew kofinanzjament nazzjonali huwa l-fondi tar-Reġjun ta’ Wallonne.

40.Il-Belġju kkonferma li l-miżuri deskritti hawn fuq li jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG lanqas mhuma se jirċievu kontribuzzjonijiet finanzjarji minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni.

Proċeduri għall-konsultazzjoni mal-benefiċjarji fil-mira jew ir-rappreżentanti tagħhom jew is-sħab soċjali kif ukoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali

41.Il-Belġju indika li l-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati tfassal f’konsultazzjoni mas-sħab soċjali.

42.Flimkien mal-informazzjoni u l-konsultazzjoni obbligatorji mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, twaqqfet unità ta’ kriżi biex tiddefinixxi l-pjan soċjali u tikkoordina l-interventi tas-servizzi pubbliċi kkonċernati. Is-servizz pubbliku tal-impjiegi ta’ Walloon ikkonsulta mat-trade unions dwar diversi soluzzjonijiet ta’ riallokazzjoni 35 , u trade unions, konsulenti vokazzjonali u ħaddiema soċjali f’kuntatt dirett mal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, ġew ikkonsultati dwar il-ħtiġijiet ta’ taħriġ mill-ġdid/titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema 36 .

Sistemi ta’ ġestjoni u kontroll

43.Il-Belġju nnotifika lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita u kkontrollata mill-istess korpi li jiġġestixxu u jikkontrollaw l-FSE.

L-impenji pprovduti mill-Istat Membru kkonċernat

44.Il-Belġju ta l-assigurazzjonijiet kollha meħtieġa rigward dawn li ġejjin:

il-prinċipji tal-ugwaljanza tat-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni se jiġu rrispettati fil-kuntest tal-aċċess għall-azzjonijiet proposti u fl-implimentazzjoni tagħhom,

ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi ġew osservati,

Carrefour, li ssoktat bl-attivitajiet tagħha wara s-sensji, ikkonformat mal-obbligi legali tagħha li jirregolaw is-sensji u previsti għall-ħaddiema tagħha kif xieraq,

l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu għajnuna finanzjarja minn fondi oħra jew minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni, u kwalunkwe finanzjament doppju se jiġi evitat;

l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali,

il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

L-IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta baġitarja

45.L-FEG m’għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 37 .

46.Wara li eżaminat l-applikazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-FEG, u wara li qieset l-għadd ta’ benefiċjarji fil-mira, l-azzjonijiet proposti u l-kostijiet stmati, il-Kummissjoni tipproponi li timmobilizza l-FEG għall-ammont ta’ EUR 1 632 028, li jirrappreżenta 60 % tal-kostijiet totali tal-azzjonijiet proposti, sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni.

47.Id-deċiżjoni proposta għall-mobilizzazzjoni tal-FEG se tittieħed b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kif stabbilit fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 38 .

Atti relatati

48.Fl-istess waqt li tippreżenta din il-proposta għal deċiżjoni sabiex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni se tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, proposta għal trasferiment tal-ammont ta’ EUR 1 632 028 għal-linja baġitarja rilevanti.

49.Fl-istess waqt li tadotta din il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni se tadotta deċiżjoni dwar kontribuzzjoni finanzjarja, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, li se jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw id-deċiżjoni proposta biex jiġi mmobilizzat il-FEG.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara
applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2019/001 BE/Carrefour

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 39 , u b’mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 40 , u b’mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (l-FEG) għandu l-għan li jipprovdi appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lil persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet b’riżultat ta’ bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b’riżultat ta’ kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew b’riżultat ta’ kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u biex jgħinhom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)L-FEG m’għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta’ EUR 150 miljun (il-prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 41 .

(3)Fl-20 ta’ Ġunju 2019, il-Belġju ssottometta applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward tas-sensji f’Carrefour Belgique SA fil-Belġju. Din kienet issupplimentata minn informazzjoni addizzjonali pprovduta f’konformità mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Dik l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)Skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013, il-Belġju ddeċieda li jipprovdi servizzi personalizzati kkofinanzjati mill-FEG lil 330 żagħżugħ u żagħżugħa li huma barra mill-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ (NEETs) ukoll.

(5)L-FEG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta’ EUR 1 632 028 fir-rigward tal-applikazzjoni ppreżentata mill-Belġju.

(6)Sabiex jiġi mminimizzat iż-żmien meħud biex jiġi mobilizzat il-FEG, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja għall-2019, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta’ EUR 1 632 028 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Hija għandha tapplika minn [id-data tal-adozzjoni tagħha] 42*.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2)    Skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-FEG.
(3)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1046/2012 tat-8 ta’ Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), fejn tidħol it-trażmissjoni tas-serje kronoloġiċi għat-tqassim reġjonali l-ġdid (ĠU L 310, 9.11.2012, p. 34).
(4)    ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1.
(5)    F’konformità mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.
(6)     http://www.gondola.be/fr/news/food-retail/plan-de-transformation-carrefour-belgique-signature-du-protocole-daccord
(7)    Bejgħ bl-imnut tal-kummerċ elettroniku madwar id-dinja ( https://www.emarketer.com/content/global-ecommerce-2019 )
(8)    Ibid.
(9)    Il-Eurostat. Xiri fuq l-internet minn individwi [isoc_ec_ibuy].
(10)    Il-Eurostat. https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/pdfscache/46776.pdf
(11)    Stħarriġ dwar ix-xerrejja transkonfinali tal-kummerċ elettroniku, 2017
https://www.eurocommerce.eu/media/159952/2018.07.02%20-%20ecommerce%20report_annex.pdf
(12)    Il-Federazzjoni Belġjana għall-Kummerċ u s-Servizzi
(13)    Comeos. Kummerċ elettroniku Il-Belġju 2018. https://static.comeos.be/E-commerce_Belgium_2018.pdf
(14)    L-applikazzjoni attwali u EGF/2017/005 FI/Retail, COM(2017) 618.
(15)    EGF/2010/010 CZ/Unilever, COM(2011) 61,
EGF/2010/016 ES/Aragón Retail, COM(2010) 615,

EGF/2011/004 EL/ALDI Hellas, COM(2011) 580,

EGF/2014/009 EL/Sprider Stores, COM(2014) 620,

EGF/2014/013 EL/Odyssefs Fokas, COM(2014) 702,

EGF/2015/011 GR/Supermarket Larissa, COM(2016) 210,

EGF/2016/005 NL/Drenthe Overijssel Retail,COM(2016) 742, u

EGF/2017/003 GR Attica Retail, COM(2017) 613.
(16)    Carrefour. “Plan de transformation Carrefour Belgique” (Jannar 2018)
(17)    Prodotti li qegħdin jiżdiedu b’rata mgħaġġla huma prodotti li ħafna konsumaturi diġà jixtru online u li qed jippjanaw li jagħmlu dan aktar ta’ spiss fil-futur.
(18)    Comeos. Kummerċ elettroniku Il-Belġju 2018, op.cit.
(19)    Carrefour. “Plan de transformation Carrefour Belgique” (Jannar 2018).
(20)    Ibid.
(21)    Ir-redditu fuq il-klijenti (ROC) huwa indikatur tal-profittabbiltà tal-ħwienet. Dan jikkalkula l-profittabbiltà offruta mill-klijenti fid-dawl tal-investimenti li saru u li jkomplu jsiru biex iservu, jissodisfaw u jżommuhom. L-ROC huwa ugwali għall-fluss ta’ flus tal-kumpanija matul il-perjodu attwali mill-klijenti tagħha kif ukoll kwalunkwe bidla fl-ekwità sottostanti tal-klijenti, diviża bl-ekwità totali tal-klijenti fil-bidu tal-perjodu.
(22)    Statbel
(
https://statbel.fgov.be/fr/themes/emploi-formation/marche-du-travail/emploi-et-chomage#panel-11 )
(23)    Ibid.
(24)    Le Forem. Marché de l’emploi. Tendances et conjoncture en Wallonie. Janvier 2019
(25)    Iweps. Séries statistiques du marché du travail en Wallonie. Décembre 2018
(
https://www.iweps.be/wp-content/uploads/2019/01/dmc1812.pdf )
(26)     https://www.lecho.be/entreprises/grande-distribution/Malgre-Carrefour-l-emploi-dans-la-grande-distribution-a-progresse/9976847
(27)    Il-provinċja ta’ Hainaut (27,6 %), il-provinċja ta’ Liège (21,1 %).
(28)    Sors: Eurostat, sett tad-data: [lfst_r_lfu3rt].
(29)    Għall-ħaddiema li għandhom aktar minn 45 sena, 6 xhur (60 siegħa). Għall-ħaddiema li għandhom sa 44 sena, 3 xhur (30 siegħa).
(30)    Skont id-digriet ta’ Woalloon tad-29 ta’ Jannar 2004 (Décret relatif au plan d’accompagnement des reconversions)
(31)    EUR 500 jekk jivvjaġġaw b’karozza jew EUR 750 jekk jivvjaġġaw bit-trasport pubbliku.
(32)    Il-benefiċċju jintemm fil-mument meta jibda n-negozju.
(33)    Biex jiġu evitati d-deċimali, tqarrbu l-ispejjeż stmati għal kull ħaddiem. Madankollu, it-tqarrib m’għandu l-ebda impatt fuq il-kost totali ta’ kull miżura li jibqa’ bħal fl-applikazzjoni sottomessa mill-Belġju.
(34)    It-totali ma jaqblux minħabba li ċ-ċifri tqarrbu lejn l-eqreb numru.
(35)    Fil-15 u fis-27 ta’ Marzu 2019
(36)    Fil-15 ta’ Marzu 2019
(37)    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(38)    ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(39)    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(40)    ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(41)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
(42) *     Id-data li trid tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.