Brussell, 27.9.2019

COM(2019) 420 final

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

biex tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għat-trasferiment u l-użu tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transnazzjonali serja oħra


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.GĦAN

L-UE għandha tiftaħ negozjati mal-Ġappun bil-għan li jiġi ffirmat Ftehim bilaterali li jistabbilixxi l-qafas u l-kundizzjonijiet li taħthom it-trasportaturi tal-ajru se jkunu awtorizzati jittrasferixxu għall-Ġappun data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (Passenger Name Record, PNR) ta’ passiġġieri li jtiru bejn l-UE u l-Ġappun b’mod li jkun konformi mar-rekwiżiti tal-liġi tal-UE.

2. KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) huwa reġistru tar-rekwiżiti tal-ivvjaġġar ta’ kull passiġġier, li jinkludi l-informazzjoni kollha neċessarja biex il-prenotazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu pproċessati mit-trasportaturi tal-ajru. F’dak li għandu x’jaqsam mar-Rakkomandazzjoni preżenti, id-data tal-PNR tkopri d-data miġbura u li tinsab fis-sistemi awtomatizzati tal-prenotazzjoni u tal-kontroll tat-tluq tat-trasportatur tal-ajru.

Fl-UE, l-ipproċessar tad-data tal-PNR jikkostitwixxi strument essenzjali għar-rispons komuni kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja u huwa element importanti fl-Unjoni tas-Sigurtà. L-identifikazzjoni u t-traċċar ta’ xejriet ta’ vvjaġġar suspettużi permezz tal-ipproċessar tal-PNR, biex tinġabar evidenza u fejn rilevanti jinstabu l-awturi ta’ reati serji u s-sħab tagħhom kif ukoll jinkixfu n-netwerks kriminali, qed ikunu essenzjali għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u reati kriminali serji.

Fis-27 ta’ April 2016, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Direttiva (UE) 2016/681 dwar l-użu tad-data tal-PNR għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (‘id-Direttiva dwar il-PNR’) 1 . Din id-Direttiva tippermetti li l-awtoritajiet nazzjonali tal-UE jkollhom aċċess dirett għal informazzjoni kruċjali miżmuma mil-linji tal-ajru, b’rispett sħiħ tad-drittijiet tal-protezzjoni tad-data. Tipprovdi lill-Istati Membri kollha b’għodda importanti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ terroriżmu u ta’ reati serji, inklużi d-droga, it-traffikar tal-bnedmin u l-isfruttament sesswali tat-tfal. L-iskadenza għall-Istati Membri biex jittrasponu d-Direttiva dwar il-PNR fil-liġi nazzjonali għalqet fil-25 ta’ Mejju 2018 2 .

Fil-livell globali, ir-Riżoluzzjoni 2396 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adottata fil-21 ta’ Diċembru 2017 tesiġi li l-Istati Membri tan-NU “jiżviluppaw il-kapaċità li jiġbru, jipproċessaw u janalizzaw, b’segwitu għall-istandards u għall-prattiki rakkomandati tal-ICAO, id-data tar-reġistri tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR), u jiżguraw li d-data tal-PNR tintuża mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kollha tagħhom kif ukoll tiġi kondiviża magħhom kollha, b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali”. Ir-riżoluzzjoni tħeġġeġ ukoll lill-ICAO biex “taħdem mal-Istati Membri tagħha biex tistabbilixxi standard għall-ġbir, l-użu, l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data tal-PNR” 3 . F’Marzu 2019, il-Kumitat tat-Trasport bl-Ajru tal-ICAO (ATC, Air Transport Committee) waqqaf Task Force ta’ Faċilitazzjoni biex tikkunsidra proposti għal Standards u Prattiki Rakkomandati (SARPs) fir-rigward tal-ġbir, l-użu, l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data tal-PNR, f’konformità mar-Riżoluzzjoni 2396 (2017) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. It-Task Force għandha l-mandat li: a) tirrevedi l-SARPs attwali għall-PNR li jinsabu fil-Kapitolu 9 tal-Anness 9 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago; b) tiddetermina jekk hemmx bżonn li jiġu kkumplimentati minn SARPs u/jew materjal ta’ gwida addizzjonali, filwaqt li jittieħdu inkonsiderazzjoni d-deċiżjoni u l-kunsiderazzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà; u c) skont kif meħtieġ, tiżviluppa dispożizzjonijiet ġodda (Standards, Prattiki Rakkomandati, u/jew materjali ta’ gwida) għall-ġbir, l-użu, l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data tal-PNR.

It-trasferiment ta’ data personali rilevanti mill-UE lejn pajjiż terz jista’ jsir biss f’konformità mad-dispożizzjonijiet dwar it-trasferimenti internazzjonali stabbiliti fil-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2016/679 (“il-GDPR” )  4 . 

Attwalment hemm żewġ ftehimiet internazzjonali fis-seħħ bejn l-UE u pajjiżi terzi (jiġifieri mal-Awstralja 5 u l-Istati Uniti 6 ) dwar l-ipproċessar u t-trasferiment tad-data tal-PNR. Fis-26 ta’ Lulju 2017 il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE adottat Opinjoni dwar il-Ftehim previst bejn l-UE u l-Kanada ffirmat fil-25 ta’ Ġunju 2014 7 . Il-Qorti ddeċidiet li l-ftehim ma setax jiġi konkluż fil-forma intenzjonata tiegħu minħabba li xi wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu kienu inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data personali rikonoxxuti mill-UE. B’mod partikolari, il-Qorti stabbiliet rekwiżiti legali oħra fir-rigward tas-sorveljanza minn awtorità indipendenti, tad-data sensittiva, tal-ipproċessar awtomatizzat tad-data tal-PNR, tal-iskopijiet li għalihom id-data tal-PNR tista’ tiġi pproċessata, u fir-rigward taż-żamma, tal-użu, tal-iżvelar u tat-trasferiment ulterjuri tad-data tal-PNR. Wara l-awtorizzazzjoni li rċeviet il-Kummissjoni Ewropea mingħand il-Kunsill f’Diċembru 2017, f’Ġunju 2018 tnedew negozjati ġodda dwar il-PNR mal-Kanada. Fis-17-il Summit bejn l-UE u l-Kanada f’Montreal, fis-17 u fit-18 ta’ Lulju 2019, l-UE u l-Kanada esprimew is-sodisfazzjoni dwar il-konklużjoni ta’ dawn in-negozjati. Filwaqt li l-Kanada nnotat l-obbligu ta’ rieżami ġuridiku, il-partijiet ikkommettew ruħhom, soġġett għal dan ir-rieżami, li jiffinalizzaw il-Ftehim kemm jista’ jkun malajr filwaqt li rrikonoxxew ir-rwol vitali ta’ dan il-Ftehim biex titjieb is-sigurtà filwaqt li tiġi żgurata l-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali.

3.OBJETTIVI TAL-PROPOSTA

Il-Ġappun huwa sieħeb strateġiku u mill-qrib tal-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transnazzjonali serja oħra. Fin-Nazzjonijiet Uniti, il-G20, il-G7, u fora multilaterali oħrajn, l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun jaħdmu flimkien mill-qrib biex itejbu l-oqfsa tas-sigurtà globali u biex itejbu s-sigurtà taċ-ċittadini tagħhom.

Il-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Ġappun iffirmat f’Lulju 2018 isaħħaħ is-sħubija ġenerali u jiddikjara li “l-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jużaw, sal-punt konsistenti mal-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tagħhom, l-għodod disponibbli, bħar-rekords tal-ismijiet tal-passiġġieri, sabiex jiġu evitati u miġġielda l-atti ta’ terroriżmu u reati serji, filwaqt li jiġi rispettat id-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali”. Ftehim dwar il-PNR bejn l-UE u l-Ġappun jikkontribwixxi għat-tisħiħ tas-Sħubija proposta dwar il-Konnettività Sostenibbli u l-Infrastruttura ta’ Kwalità bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun, b’mod partikolari billi jtejjeb is-sigurtà tat-trasport bl-ajru.

Fit-23 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni Ewropea adottat deċiżjoni ta’ adegwatezza fir-rigward tat-trasferiment ta’ data personali mill-UE lejn il-Ġappun bejn operaturi kummerċjali 8 . F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni Ewropea vvalutat ukoll il-kundizzjonijiet u s-salvagwardji li taħthom l-awtoritajiet pubbliċi Ġappuniżi, inkluż l-infurzar tal-liġi, jistgħu jaċċessaw data miżmuma minn dawk l-operaturi.

Il-Ġappun kien ċar meta esprima l-interess tiegħu li l-Kummissjoni Ewropea tidħol f’negozjati bil-għan li jiġi konkluż Ftehim dwar il-PNR mal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, aktar reċenti, il-Ġappun indika ħtieġa urġenti li tinkiseb data tal-PNR minn trasportaturi tal-UE fid-dawl tal-Logħob Olimpiku tal-2020 f’pajjiżhom sabiex tiġi indirizzata żieda antiċipata ta’ riskji ta’ sigurtà.

Skont il-leġiżlazzjoni tal-Ġappun (l-Att dwar id-Dwana u l-Att dwar il-Kontroll tal-Immigrazzjoni u r-Rikonoxximent tar-Refuġjati), il-linji tal-ajru huma meħtieġa jittrażmettu data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) lill-Uffiċċju Doganali u tat-Tariffi tal-Ġappun u l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni. Din il-leġiżlazzjoni għandha l-għan li ssaħħaħ is-sigurtà tal-Ġappun billi tikseb data tal-PNR qabel il-wasla jew it-tluq tal-passiġġier u għalhekk ittejjeb b’mod sinifikanti l-abbiltà li twettaq valutazzjoni effiċjenti u effettiva tar-riskju tal-ivvjaġġar tal-passiġġieri minn qabel.

Il-kumpaniji tal-ajru u l-assoċjazzjonijiet tagħhom ukoll f’diversi okkażjonijiet talbu lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura ċ-ċertezza legali għat-trasportaturi tal-ajru li joperaw titjiriet bejn l-UE u l-Ġappun, meta jitqies l-obbligu tagħhom li jipprovdu d-data tal-PNR lill-Ġappun sal-punt li tinġabar u tinżamm fis-sistemi awtomatizzati ta’ prenotazzjoni u ta’ kontroll tat-tluq.

Hija meħtieġa soluzzjoni li tipprovdi bażi legali fil-livell tal-UE għat-trasferiment ta’ data tal-PNR mill-UE lejn il-Ġappun bħala rikonoxximent tal-ħtieġa ta’ data tal-PNR fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u forom oħra ta’ kriminalità transnazzjonali serja. Fl-istess ħin, ftehim futur għandu jipprovdi salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tad-data skont it-tifsira tal-Artikolu 46(2)(a) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, inkluża sistema ta’ sorveljanza indipendenti. Ftehim futur għandu jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt għall-ħajja privata u familjari, rikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, rikonoxxut fl-Artikolu 8 tal-Karta u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust rikonoxxut mill-Artikolu 47 tal-Karta.

It-trasferiment ta’ data tal-PNR lill-Ġappun ikun mezz biex tiġi promossa aktar il-kooperazzjoni internazzjonali fl-infurzar tal-liġi mal-Unjoni Ewropea, inkluż permezz tad-dispożizzjoni mill-Ġappun ta’ informazzjoni analitika li toriġina minn data tal-PNR lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-Europol u/jew lill-Eurojust fi ħdan il-mandati rispettivi tagħhom.

4.L-ASPETTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Din ir-Rakkomandazzjoni biex jinfetħu negozjati mal-Ġappun dwar Ftehim PNR tqis il-qafas legali tal-UE applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data u l-PNR, jiġifieri r-Regolament (UE) 2016/679, id-Direttiva (UE) 2016/680 9 u d-Direttiva (UE) 2016/681, kif ukoll it-Trattat u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif interpretati fil-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, b'mod partikolari l-Opinjoni 1/15 tal-Qorti.

Ir-rakkomandazzjoni tqis ukoll l-awtorizzazzjoni li rċeviet il-Kummissjoni Ewropea mill-Kunsill f’Diċembru 2017 għall-ftuħ ta’ negozjati għal Ftehim bejn l-UE u l-Kanada għat-trasferimenti u l-użu ta’ data tal-PNR.

Din ir-rakkomandazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti legali stabbiliti fl-Opinjoni tal-Qorti 1/15. Hija bbażata fuq l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE. F’konformità mal-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea għandha tiġi nnominata bħala n-negozjatur tal-Unjoni.

Ir-rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għat-trasferiment u l-użu ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transnazzjonali serja oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Jenħtieġ li jinfetħu negozjati bil-ħsieb li jiġi konkluż Ftehim bejn l-Unjoni u l-Ġappun għat-trasferiment u l-użu ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transnazzjonali serja oħra.

(2)Dan il-Ftehim jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dritt għall-ħajja privata u familjari, rikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, rikonoxxut fl-Artikolu 8 tal-Karta u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust rikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta. Il-Ftehim għandu jiġi applikat f’konformità ma’ dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni Ewropea hija b’dan awtorizzata tinnegozja, f’isem l-Unjoni, Ftehim bejn l-Unjoni u l-Ġappun dwar it-trasferiment u l-użu ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transnazzjonali serja oħra.

Artikolu 2

Id-direttivi tan-negozjati huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 3

In-negozjati għandhom isiru b’konsultazzjoni mal-kumitat speċjali li għandu jwaqqaf il-Kunsill.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, ĠU L 119, 4.5.2016, p. 132-149.
(2)    Ara d-Dsatax-il Rapport ta’ Progress għal Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina (COM (2019) 353 final, 24.7.2019) dwar il-qagħda tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-PNR.
(3)    Ir-Riżoluzzjoni 2396 (2017) tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar it-theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkawżat minn ġellieda terroristi barranin li jirritornaw.
(4)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il- Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(5)    ĠU L 186, 14.7.2012, p. 4–16.
(6)    ĠU L 215, 11.8.2012, p. 5-14.
(7)    Opinjoni 1/15 tal-Qorti (Awla Manja), is-26 ta’ Lulju 2017, ECLI:EU:C:2017:592.
(8)    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/419 tat-23 ta’ Jannar 2019 skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-protezzjoni adegwata ta’ data personali mill-Ġappun skont l-Att dwar il-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Personali (notifikata taħt id-dokument C (2019) 304) (ĠU L 76, 19.3.2019, p. 1-58).
(9)    Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta' prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI, ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89.

Brussell, 27.9.2019

COM(2019) 420 final

ANNESS

ta' [...]

Rakkommandazzjoni
għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL


biex tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għat-trasferiment u l-użu tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transnazzjonali serja oħra



ANNESS

Direttivi għan-negozjar ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għat-trasferiment u l-użu ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transnazzjonali serja oħra

Matul in-negozjati, il-Kummissjoni Ewropea għandu jkollha l-għan li tilħaq l-objettivi stabbiliti fid-dettall hawn taħt.

(1)L-għan ta’ dan il-Ftehim għandu jkun li jipprovdi l-bażi legali, il-kundizzjonijiet u s-salvagwardji għat-trasferiment tad-data tal-PNR lejn il-Ġappun.

(2)Il-Ftehim għandu jirrifletti b’mod xieraq il-ħtieġa u l-importanza tal-użu tad-data tal-PNR fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transnazzjonali serja oħra.

(3)Għal dan il-għan, l-objettiv ta’ dan il-Ftehim għandu jkun li jirregola t-trasferiment u l-użu tad-data tal-PNR għall-iskop uniku tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u ta’ kriminalità transnazzjonali serja oħra, b’rispett sħiħ għall-protezzjoni tal-privatezza, tad-data personali u tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi skont il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti fil-Ftehim.

(4)Il-Ftehim għandu jirrikonoxxi wkoll it-trasferiment ta’ data tal-PNR lill-Ġappun bħala trawwim tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja li se jinkiseb permezz tat-trasferiment ta’ informazzjoni analitika li toħroġ minn data tal-PNR. Għalhekk, il-Ftehim għandu jiżgura t-trasferiment ta’ informazzjoni analitika li toħroġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-Ġappun lill-awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarji tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Europol u l-Eurojust fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

(5)Sabiex tiġi garantita konformità mal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop, il-Ftehim għandu jillimita l-ipproċessar tad-data tal-PNR esklussivament għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni tat-terroriżmu u kriminalità transnazzjonali serja oħra kif ibbażat fuq definizzjonijiet stabbiliti fl-istrumenti rilevanti tal-UE.

(6)Il-Ftehim għandu jiżgura rispett sħiħ għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali kif minqux fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-UE, b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali kif stipulat fl-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE u l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Għandu jiżgura wkoll rispett sħiħ għall-prinċipji ta’ neċessità u proporzjonalità rigward id-dritt għall-ħajja privata u tal-familja u l-protezzjoni ta’ data personali kif stabbilit fl-Artikolu 7 l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni tagħha 1/15 dwar il-Ftehim previst bejn l-UE u l-Kanada bejn l-UE u l-Kanada.

(7)Il-Ftehim għandu jipprovdi ċertezza legali, b’mod partikolari għat-trasportaturi bl-ajru, billi jipprovdi bażi legali għalihom biex jittrasferixxu d-data tal-PNR li tinsab fis-sistemi awtomatizzati tagħhom ta’ prenotazzjoni u ta’ kontroll tat-tluq.

(8)Il-Ftehim għandu jispjega b’mod ċar u preċiż is-salvagwardji u l-kontrolli meħtieġa fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, irrispettivament min-nazzjonalità u l-post ta’ residenza, fil-kuntest tat-trasferiment tad-data tal-PNR lejn il-Ġappun. Dawn is-salvagwardji għandhom jiżguraw dan li ġej:

(a)Il-kategoriji tad-data tal-PNR li għandhom jiġu ttrasferiti għandhom jiġu speċifikati b’mod eżawrjenti u b’mod ċar u preċiż, f’konformità mal-istandards internazzjonali. It-trasferimenti tad-data għandhom jinżammu għall-minimu meħtieġ u għandhom ikunu proporzjonati għall-għan speċifikat tal-Ftehim.

(b)Data sensittiva fis-sens tal-liġi tal-UE, inkluża data personali li tiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, sħubija fi trejdjunjin jew li tikkonċerna s-saħħa jew il-ħajja jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna, ma għandhiex tiġi pproċessata.

(c)Il-Ftehim għandu jinkludi dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà tad-data, speċjalment li jippermettu biss numru limitat ta’ individwi awtorizzati b’mod speċjali li jkollhom aċċess għad-data tal-PNR u li jipprevedu obbligu ta’ notifika mingħajr dewmien lill-awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-data Ewropej dwar ksur tas-sigurtà tad-data li jaffettwa d-data tal-PNR sakemm il-ksur ma jkunx probabbli li jirriżulta f’riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi kif ukoll li ssir referenza għal sanzjonijiet effettivi u ta’ deterrent.

(d)Il-Ftehim għandu jkun fih dispożizzjonijiet għall-informazzjoni adegwata u trasparenti għall-passiġġieri fir-rigward tal-ipproċessar tad-data tal-PNR tagħhom, kif ukoll id-dritt ta’ notifika individwali f’każ ta’ użu wara l-wasla, aċċess, u fejn xieraq, rettifika u tħassir.

(e)Jenħtieġ li l-Ftehim jiżgura d-drittijiet ta’ rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv fuq bażi mhux diskriminatorja, irrispettivament min-nazzjonalità jew mill-post ta’ residenza għal kwalunkwe persuna li d-data tagħha tiġi pproċessata skont il-Ftehim, f’konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

(f)Jenħtieġ li l-Ftehim jiżgura li l-ipproċessar awtomatizzat ikun ibbażat fuq kriterji speċifiċi, oġġettivi, mhux diskriminatorji u affidabbli, stabbiliti minn qabel u ma għandux jintuża bħala l-unika bażi għal kwalunkwe deċiżjoni b’effetti legali negattivi jew b’impatt serju fuq l-individwu. Il-bażijiet tad-data li jitqabblu mad-data tal-PNR għandhom ikunu biss dawk rilevanti għall-finijiet koperti mill-Ftehim u għandhom ikunu affidabbli u aġġornati.

(g)Jenħtieġ li l-użu tad-data tal-PNR mill-awtorità kompetenti Ġappuniża lil hinn mill-kontrolli ta’ sigurtà u kontrolli fil-fruntieri jkun ibbażat fuq ċirkostanzi ġodda u soġġett għal kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali bbażati fuq kriterji oġġettivi. B’mod partikolari, tali użu għandu jkun soġġett għal reviżjoni minn qabel li ssir jew minn qorti jew minn korp amministrattiv indipendenti, ħlief f’każijiet ta’ urġenza stabbilita b’mod validu.

(h)Il-perjodu ta’ żamma tad-data tal-PNR għandu jkun ristrett u ma għandux ikun itwal milli meħtieġ għall-għan oriġinali segwit. Iż-żamma tad-data tal-PNR wara t-tluq tal-passiġġieri tal-ajru mill-Ġappun għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Ftehim għandu jirrikjedi li d-data titħassar hekk kif jiskadi l-perijodu taż-żamma jew issir anonima b’tali mod li l-individwu kkonċernat ma jibqax identifikabbli.

(i)Il-Ftehim għandu jiżgura li aktar divulgazzjoni tad-data tal-PNR lil awtoritajiet oħra tal-gvern fl-istess pajjiż jew lejn pajjiżi oħra tista’ ssir biss fuq bażi ta’ każ b’każ u taħt ċerti kundizzjonijiet u salvagwardji. B’mod partikolari, tali żvelar jista’ jseħħ biss jekk l-awtorità riċeventi teżerċita l-funzjonijiet relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu jew il-kriminalità transnazzjonali serja u tiżgura l-istess protezzjonijiet bħal dawk stabbiliti fil-Ftehim. It-trasferimenti ulterjuri lil awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi oħra għandhom ikunu limitati għal dawk il-pajjiżi li magħhom l-UE għandha Ftehim PNR ekwivalenti jew li għalihom l-UE adottat deċiżjoni ta’ adegwatezza skont il-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data li tkopri l-awtoritajiet rilevanti li lilhom huwa maħsub li tiġi ttrasferita d-data tal-PNR.

(9)Il-Ftehim għandu jiżgura sistema ta’ sorveljanza minn awtorità pubblika indipendenti responsabbli għall-protezzjoni tad-data b’setgħat effettivi ta’ investigazzjoni, ta’ intervent u ta’ infurzar sabiex tiġi eżerċitata sorveljanza fuq dawk l-awtoritajiet pubbliċi li jużaw id-data tal-PNR. Dik l-awtorità għandu jkollha s-setgħat li tisma’ lmenti minn individwi, b’mod partikolari rigward l-ipproċessar tad-data tal-PNR tagħhom. L-awtoritajiet pubbliċi li jużaw id-data PNR għandhom ikunu responsabbli sabiex ikunu konformi mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali skont dan il-Ftehim.

(10)Il-Ftehim għandu jirrikjedi li d-data tiġi ttrasferita esklussivament fuq il-bażi ta’ sistema ‘push’.

(11)Jenħtieġ li l-Ftehim jiżgura li l-frekwenza u l-iskeda ta’ żmien tat-trasmissjonijiet tad-data tal-PNR ma għandhomx joħolqu piż mhux raġonevoli fuq it-trasportaturi u jenħtieġ li jkunu limitati għal dak strettament meħtieġ.

(12)Jenħtieġ li l-Ftehim jiżgura li t-trasportaturi tal-ajru ma jkunux meħtieġa jiġbru data addizzjonali meta mqabbla ma’ dak li diġà jagħmlu jew li jiġbru ċerti tipi ta’ data, iżda biss li jittrażmettu dak li diġà jiġbru bħala parti min-negozju tagħhom.

(13)Jenħtieġ li l-Ftehim jinkludi dispożizzjonijiet għal rieżami konġunt regolari dwar l-aspetti kollha tal-implimentazzjoni tal-Ftehim, inklużi l-affidabbiltà u l-attwalità ta’ mudelli u kriterji stabbiliti minn qabel u ta’ bażijiet ta’ data u li jinkludi valutazzjoni ta’ proporzjonalità tad-data miżmuma bbażata fuq il-valur tagħhom għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transnazzjonali serja oħra.

(14)Il-Ftehim għandu jipprovdi għal mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim fir-rigward tal-interpretazzjoni, l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tiegħu.

(15)Il-Ftehim għandu jiġi konkluż għal perjodu ta’ 7 snin u għandu jinkludi dispożizzjoni li permezz tagħha l-Ftehim jista’ jiġġedded għal perjodu simili sakemm Parti ma ttemmux.

(16)Il-Ftehim għandu jinkludi klawżola li tindirizza l-applikazzjoni territorjali tiegħu.

(17)Il-Ftehim għandu jkun awtentiku bl-ilsien Bulgaru, Kroat, Ċek, Daniż, Netherlandiż, Ingliż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ungeriż, Taljan, Latvjan, Litwan, Malti, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol u Żvediż u għandu jinkludi klawsola lingwistika f’dan is-sens.