Brussell, 11.9.2019

COM(2019) 409 final

2019/0190(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjoni biex tiġi estiża deroga tad-WTO li tippermetti lill-Istati Uniti jipprovdu trattament tariffarju preferenzjali skont l-Att tal-Istati Uniti dwar l-Irkupru Ekonomiku tal-Baċir tal-Karibew (CBERA)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni li testendi deroga tad-WTO li tippermetti lill-Istati Uniti jipprovdu trattament tariffarju preferenzjali skont l-Att tal-Istati Uniti dwar l-Irkupru Ekonomiku tal-Baċir tal-Karibew (“CBERA”).

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim ta' Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

Il-Ftehim ta' Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Ftehim tad-WTO”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995.

L-Unjoni Ewropea hija parti fil-Ftehim.

2.2.Konferenza Ministerjali u Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu IV tal-Ftehim tad-WTO, il-Konferenza Ministerjali għandha l-awtorità li tieħu deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet kollha koperti minn kwalunkwe wieħed mill-Ftehimiet Kummerċjali Multilaterali.

Skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu IV tal-Ftehim tad-WTO, fl-intervalli bejn il-laqgħat tal-Konferenza Ministerjali, il-funzjonijiet tagħha għandhom jitwettqu mill-Kunsill Ġenerali.

Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu IX, id-WTO normalment tieħu d-deċiżjonijiet b’konsensus.

2.3.L-att previst tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO

Skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, membru jista’ jiġi eżentat minn obbligu impost fuqu.

Wara talba mill-Istati Uniti, il-Kunsill Ġenerali tad-WTO irid jadotta deċiżjoni biex jestendi d-deroga eżistenti tad-WTO li tippermetti li l-Istati Uniti jipprovdu trattament tariffarju preferenzjali skont is-CBERA, b’konformità mal-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO (l-“att previst”).

Id-deroga eżistenti għas-CBERA tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2019. Għalhekk, l-għan tal-att previst huwa li d-deroga tiġi estiża sat-30 ta’ Settembru 2025 skont it-talba tal-Istati Uniti.

L-att previst isir vinkolanti fuq il-Membri tad-WTO skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu IX, kif ukoll il-paragrafu 2 tal-Artikolu II tal-Ftehim tad-WTO, li jistipula li: “Il-ftehimiet u l-istrumenti legali assoċjati inklużi fl-Annessi 1, 2 u 3 <…> huma partijiet integrali ta’ dan il-Ftehim, li jorbtu fuq il-Membri kollha”.

3.Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni

L-Istati Uniti talbu li tiġi estiża d-deroga eżistenti tad-WTO mill-obbligi tal-Istati Uniti skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu I tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (GATT 1994) u l-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu XIII tal-GATT tal-1994 sabiex l-Istati Uniti jkunu jistgħu jipprovdu trattament mingħajr dazju lill-prodotti eliġibbli li joriġinaw minn pajjiżi u territorji tal-Amerka Ċentrali u tal-Karibew (“pajjiżi benefiċjarji”) skont is-CBERA, mill-1 ta’ Jannar 2020 sat-30 ta’ Settembru 2025.

L-Istati Uniti ppreżentaw it-talba skont il-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO. Huma jiġġustifikaw it-talba minħabba l-prevalenza għolja ta’ faqar u instabbiltà fil-pajjiżi tal-Baċir tal-Karibew, b’mod partikolari fil-Haiti, filwaqt li tinnota li l-prospetti ekonomiċi għal dawn il-pajjiżi ż-żgħar huma aktar ikkumplikati minħabba s-suxxettibilità għal diżastri naturali. Il-benefiċċji skont is-CBERA huma maħsuba biex jespandu l-opportunitajiet ekonomiċi u jikkontribwixxu għal reġjun aktar stabbli u prosperu.

Skont l-Istati Uniti, it-trattament mingħajr dazju previst fis-CBERA m’għandux jippreġudika l-interessi ta’ Membri oħrajn li ma jibbenefikawx minn dan it-trattament, u huwa mistenni li l-estensjoni ta’ tali trattament mingħajr dazju ma jikkawżax devjazzjoni sinifikanti ta’ importazzjonijiet ta’ prodotti eliġibbli mill-Istati Uniti skont is-CBERA li joriġinaw minn Membri li mhumiex pajjiżi benefiċjarji.

Din se tkun il-ħames estensjoni tad-deroga għal trattament tariffarju preferenzjali, li inizjalment ingħata fil-15 ta’ Frar 1985 għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 1984 sat-30 ta’ Settembru 1995 1 , u li bħalissa huwa fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2019 2 .

L-estensjoni tad-deroga la taffettwa negattivament l-ekonomija tal-Unjoni u lanqas ir-relazzjonijiet kummerċjali mal-benefiċjarji ta’ din id-deroga. Barra minn hekk, l-Unjoni tappoġġa azzjonijiet kontra l-faqar u favur l-istabbiltà. Għalhekk, il-pożizzjoni li trid tittieħed mill-Unjoni fil-Kunsill Ġenerali jenħtieġ li tkun li tappoġġa l-estensjoni tad-deroga.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li jridu jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-UE” 3 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kunsill Ġenerali tad-WTO huwa korp imwaqqaf bi ftehim, jiġifieri bil-Ftehim tad-WTO.

L-att li l-Kunsill Ġenerali qed jintalab jadotta, jikkostitwixxi att li għandu effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali b’konformità mal-paragrafu 2 tal-Artikolu II u l-paragrafu 3 tal-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas ma jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni dwaru. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tkun ibbażata fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4).

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Peress li l-att tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO se jimplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim tad-WTO fir-rigward tad-derogi, huwa xieraq li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.

2019/0190 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjoni biex tiġi estiża deroga tad-WTO li tippermetti lill-Istati Uniti jipprovdu trattament tariffarju preferenzjali skont l-Att tal-Istati Uniti dwar l-Irkupru Ekonomiku tal-Baċir tal-Karibew (CBERA)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim ta' Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Ftehim tad-WTO”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995.

(2)Skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu II tal-Ftehim tad-WTO, “il-ftehimiet u l-istrumenti legali assoċjati inklużi fl-Annessi 1, 2 u 3 (“Ftehimiet Kummerċjali Multilaterali”) huma partijiet integrali ta’ dan il-Ftehim, li jorbtu lill-Membri kollha.”

(3)Skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu IX, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Konferenza Ministerjali tista’ tiddeċiedi li tagħti deroga minn obbligu impost fuq Membru mill-Ftehim tad-WTO jew kwalunkwe wieħed mill-Ftehimiet Kummerċjali Multilaterali.

(4)Il-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO jistabbilixxu l-proċeduri għall-għoti ta’ derogi li jikkonċernaw il-Ftehimiet Kummerċjali Multilaterali fl-Anness 1A jew 1B jew 1C tal-Ftehim tad-WTO u l-annessi tagħhom.

(5)Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu IV tal-Ftehim tad-WTO, il-Konferenza Ministerjali għandu jkollha l-awtorità li tieħu deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet kollha koperti minn kwalunkwe wieħed mill-Ftehimiet Kummerċjali Multilaterali.

(6)Skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu IV tal-Ftehim tad-WTO, fl-intervalli bejn il-laqgħat tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO (“l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ”), il-Kunsill Ġenerali tad-WTO għandu jwettaq il-funzjonijiet tagħha.

(7)Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu IX, id-WTO normalment tieħu d-deċiżjonijiet b’konsensus.

(8)L-Istati Uniti ngħataw deroga mill-obbligi skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu I tal-GATT tal-1994 fil-15 ta’ Frar 1985, għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 1984 sat-30 ta’ Settembru 1995. Fil-15 ta’ Novembru 1995, il-Membri tad-WTO ġeddew id-deroga sat-30 ta’ Settembru 2005, u ġeddewha għal darba oħra fid-29 ta’ Mejju 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2014. Fil-5 ta’ Mejju 2015, il-Membri tad-WTO estendew id-deroga fir-rigward tal-paragrafu 1 tal-Artikolu I tal-GATT 1994 u espandew id-deroga biex tkopri l-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu XIII tal-GATT sal-31 ta’ Diċembru 2019, sa fejn meħtieġ biex l-Istati Uniti jipprovdu trattament mingħajr dazju għall-importazzjonijiet ta’ prodotti eliġibbli li joriġinaw f’pajjiżi benefiċjarji nnominati skont id-dispożizzjonijiet tas-CBERA.

(9)Skont il-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO, l-Istati Uniti ppreżentaw talba biex il-Kunsill Ġenerali jieħu deċiżjoni li jestendi d-deroga eżistenti tad-WTO biex jippermetti lill-Istati Uniti jipprovdu trattament mingħajr dazju lill-prodotti eliġibbli li joriġinaw minn pajjiżi u territorji tal-Amerka Ċentrali u tal-Karibew skont is-CBERA mill-1 ta’ Jannar 2020 sat-30 ta’ Settembru 2025.

(10)L-Istati Uniti jiġġustifikaw it-talba minħabba l-prevalenza għolja ta’ faqar u l-instabbiltà fil-pajjiżi tal-Baċir tal-Karibew, b’mod partikolari f’Ħaiti. Il-benefiċċji skont is-CBERA huma maħsuba biex jespandu l-opportunitajiet ekonomiċi u jikkontribwixxu għal reġjun aktar stabbli u prosperu.

(11)L-estensjoni tad-deroga la taffettwa negattivament l-ekonomija tal-Unjoni u lanqas ir-relazzjonijiet kummerċjali tal-Unjoni mal-benefiċjarji ta’ din id-deroga. Barra minn hekk, l-Unjoni tappoġġa azzjonijiet kontra l-faqar u favur l-istabbiltà.

(12)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni mill-Kummissjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tad-WTO biex tappoġġa t-talba tal-Istati Uniti li tiġi estiża d-deroga skont l-Artikolu 218(9) TFUE, peress li l-estensjoni tad-deroga se tkun vinkolanti fuq il-Membri tad-WTO,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed mill-Kummissjoni Ewropea f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ għandha tkun li tappoġġa l-estensjoni tad-deroga tad-WTO li tippermetti lill-Istati Uniti jipprovdu trattament tariffarju preferenzjali għall-prodotti eliġibbli li joriġinaw minn pajjiżi u territorji tal-Amerka Ċentrali u tal-Karibew skont l-Att tal-Istati Uniti dwar l-Irkupru Ekonomiku tal-Baċir tal-Karibew mill-1 ta’ Jannar 2020 sat-30 ta’ Settembru 2025.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    (BISD 31S/20).
(2)    WT/L/950.
(3)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.