IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.8.2019
COM(2019) 403 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Belarussja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.8.2019
COM(2019) 403 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Belarussja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi
ANNESS
FTEHIM
bejn
l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Belarussja
dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viża
L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa l-“Unjoni”,
u r-REPUBBLIKA TAL-BELARUSSJA, minn issa ’il quddiem imsejħa “il-Belarussja”,
minn hawn ’il quddiem imsejħin “il-Partijiet”,
BIX-XEWQA li jiffaċilitaw il-kuntatti bejn il-persuni bħala kundizzjoni importanti għal żvilupp sod ta’ rabtiet ekonomiċi, umanitarji, kulturali, xjentifiċi u oħrajn, billi jiffaċilitaw il-ħruġ tal-viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni u r-Repubblika tal-Belarussja fuq il-bażi ta’ reċiproċità;
FILWAQT LI JAGĦRFU li l-faċilitazzjoni tal-viża ma għandiex twassal għall-migrazzjoni illegali u filwaqt li jagħtu attenzjoni speċjali lis-sigurtà u r-riammissjoni;
FILWAQT LI JITQIESU l-prinċipji fundamentali li jirregolaw il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet kif ukoll l-obbligi u r-responsabbiltajiet, inkluż ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi, li jirriżultaw mill-istrumenti internazzjonali rilevanti applikabbli għalihom;
FILWAQT LI JQISU l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u l-Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u filwaqt li jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u għall-Irlanda,
FILWAQT LI JQISU l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim ma japplikawx għar-Renju tad-Danimarka,
FTIEHMU KIF ĠEJ:
Artikolu 1 – Skop u ambitu tal-applikazzjoni
L-iskop ta’ dan il-Ftehim hu sabiex jiffaċilita, fuq il-bażi ta' reċiproċità, il-ħruġ tal-viża għal soġġorn intenzjonat ta’ mhux aktar minn 90 jum f’kull perjodu ta' 180 jum għaċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-Belarussja.
Artikolu 2 – Klawsola Ġenerali
1.Il-faċilitazzjonijiet tal-viża provduti f’dan il-Ftehim japplikaw għaċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-Belarussja biss safejn ma jkunux eżenti mir-rekwiżit tal-viża bil-liġijiet u r-regolamenti tal-Belarussja jew tal-Istati Membri, b’dan il-Ftehim jew b’xi ftehimiet internazzjonali oħra.
2.Il-liġi nazzjonali tal-Belarussja jew tal-Istati Membri jew il-liġi tal-Unjoni għandhom japplikaw fi kwistjonijiet li mhumiex koperti mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, bħar-rifjut li tinħareġ viża, ir-rikonoxximent ta' dokumenti tal-ivvjaġġar, evidenza ta’ mezzi ta’ għajxien suffiċjenti u l-miżuri dwar rifjut tad-dħul u ta’ espulsjoni..
Artikolu 3 – Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:
(a)“Stat Membru” għandha tfisser kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda, u r-Renju Unit;
(b)“Ċittadin tal-Unjoni” għandha tfisser ċittadin ta’ Stat Membru kif iddefinit fil-punt (a);
(c) “Ċittadin tal-Belarussja” għandha tfisser ċittadin tar-Repubblika tal-Belarussja;
(d)“viża” għandha tfisser awtorizzazzjoni maħruġa minn xi Stat Membru jew mill-Belarussja għall-intenzjoni ta’ tranżitu mit-territorju tal-Istati Membri jew tal-Belarussja, jew ta’ żjara intiża fihom, ta’ mhux aktar minn 90 jum f’kull perijodu ta’ 180 jum;
(e) “persuna legalment residenti” għandha tfisser:
–għall-Belarussja, ċittadin tal-Unjoni awtorizzat jew intitolat għal soġġorn ta’ aktar minn 90 jum fit-territorju tal-Belarussja, fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni tal-Belarussja.
–għall-Unjoni, ċittadin tal-Belarussja awtorizzat jew intitolat għal soġġorn ta’ aktar minn 90 jum fit-territorju ta' Stat Membru, fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali.
(f)“laissez-passer tal-UE” għandha tfisser id-dokument maħruġ mill-Unjoni lil ċerti impjegati tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1417/2013.
Artikolu 4 - Provi dokumentati dwar l-għan tal-vjaġġ
1.Għall-kategoriji li ġejjin ta‘ ċittadini tal-Unjoni u tal-Belarussja, id-dokumenti li ġejjin huma suffiċjenti sabiex ikun ġustifikat l-iskop tal-vjaġġ lejn il-Parti l-oħra:
(a)fil-każ ta’ membri ta‘ delegazzjonijiet uffiċjali, inklużi membri permanenti ta’ tali delegazzjonijiet li, wara xi stedina uffiċjali indirizzata lill-Istat Membru, l-Unjoni Ewropea jew il-Belarussja, jieħdu sehem f’laqgħat uffiċjali, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta' skambju, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru minn organizzazzjonijiet intergovernattivi fit-territorju ta’ xi wieħed mill-Istati Membri jew tal-Belarussja:
–ittra maħruġa minn xi awtorità kompetenti tal-Istat Membru, l-Unjoni Ewropea jew il-Belarussja li tikkonferma li l-applikant ikun membru ta’ delegazzjoni tagħha, rispettivament jew membru permanenti tad-delegazzjoni tagħha, li jkun qiegħed jivvjaġġa lejn it-territorju tal-Parti l-oħra biex jipparteċipa fl-avvenimenti imsemmija, flimkien ma’ kopja tal-istedina uffiċjali;
(b)fil-każ ta’ qraba mill-viċin – konjugi, tfal, ġenituri u persuni li jeżerċitaw l-awtorità tal-ġenituri, nanniet u neputijiet li jżuru ċittadini tal-Unjoni li jgħixu legalment fil-Belarussja jew ċittadini tal-Belarussja li jirrisjedu legalment fl-Istati Membri, jew ċittadini tal-Unjoni residenti fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini, jew ċittadini tal-Belarussja li jirrisjedu fit-territorju tal-Belarussja:
–talba bil-miktub mill-persuna ospitanti;
(c)fil-każ ta’ nies tan-negozju jew rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet tan-negozju:
–talba bil-miktub mill-persuna ġuridika jew kumpanija ospitanti, mill-organizzazzjoni jew l-uffiċċju jew fergħa ta’ tali persuna ġuridika, jew kumpanija, awtoritajiet statali jew lokali tal-Belarussja jew ta’ xi wieħed mill-Istati Membri jew kumitati organizzattivi ta’ wirjiet ta’ kummerċ u industrija, konferenzi u simpożji li jsiru fit-territorji tal-Belarussja jew ta’ xi wieħed mill-Istati Membri, approvata mill-awtoritajiet kompetenti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali;
(d)fil-każ ta’ xufiera li jipprovdu servizzi ta’ trasport internazzjonali ta’ tagħbija u ta’ passiġġieri bejn it-territorji tal-Belarussja u tal-Istati Membri f’vetturi reġistrati fl-Istati Membri jew fil-Belarussja:
–talba bil-miktub mill-kumpanija jew l-assoċjazzjoni nazzjonali (l-unjoni) tat-trasportaturi tal-Belarussja, jew mill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tat-trasportaturi tal-Istati Membri li jipprovdu trasport internazzjonali bit-triq, li tiddikjara l-iskop, l-itinerarju, it-tul u l-frekwenza tal-vjaġġi;
(e)fil-każ ta’ membri tal-ekwipaġġ ta’ ferroviji, refriġeraturi u lokomottivi f’ferroviji internazzjonali li jivvjaġġaw lejn it-territorji tal-Belarussja u tal-Istati Membri:
–talba bil-miktub mill-organizzazzjoni jew kumpanija ferrovjarja kompetenti tal-Belarussja jew ta’ wieħed mill-Istati Membri, li tistqarr l-iskop, it-tul u l-frekwenza tal-vjaġġi;
(f)fil-każ ta’ ġurnalisti u l-ekwipaġġ tekniku li jakkumpanjawhom f'kapaċità professjonali:
–ċertifikat jew dokument ieħor maħruġ minn organizzazzjoni professjonali jew minn impjegatur tal-applikant, li jixhed li l-persuna konċernata hi ġurnalist kwalifikat u li jistqarr li l-għan tal-vjaġġ hu li jwettaq xogħol ġurnalistiku jew li jixhed li l-persuna hi membru tal-ekwipaġġ tekniku li jkun qiegħed jakkumpanja l-ġurnalist f'kapaċità professjonali.
(g)fil-każ ta’ persuni li jkunu qed jipparteċipaw f'attivitajiet xjentifiċi, akkademiċi, kulturali jew artistiċi, inklużi programmi universitarji u programmi oħra ta' skambju:
–talba bil-miktub mill-organizzazzjoni ospitanti għall-parteċipazzjoni f’dawk l-attivitajiet;
(h)fil-każ ta’ tfal tal-iskola, studenti, studenti gradwati u għalliema li jakkumpanjawhom li jivvjaġġaw għall-iskop ta' studju jew taħriġ edukattiv, inkluż fil-qafas ta' programmi ta' skambju kif ukoll ta’ attivitajiet oħra marbuta mal-iskola:
–talba bil-miktub jew ċertifikat ta' reġistrazzjoni mill-università, akkademja, istitut, kulleġġ jew skola ospitanti, jew karti tal-istudenti jew ċertifikati tal-korsijiet li jkunu se jiġu segwiti;
(i)fil-każ ta’ parteċipanti f'avvenimenti sportivi internazzjonali u persuni li jakkumpanjawhom f'kapaċità professjonali:
–talba bil-miktub mill-organizzazzjoni ospitanti - l-awtoritajiet kompetenti, il-federazzjonijiet sportivi nazzjonali tal-Istati Membri jew tal-Belarussja jew il-Kumitat Olimpiku Nazzjonali tal-Belarussja jew il-Kumitati Olimpiċi Nazzjonali tal-Istati Membri;
(j)fil-każ ta’ parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ skambju organizzati minn bliet ġemellati jew minn entitajiet muniċipali oħrajn:
–talba bil-miktub mill-Kap tal-Amministrazzjoni/mis-Sindku ta’ dawn l-ibliet jew awtoritajiet muniċipali;
(k)fil-każ ta’ żjarat f’ċimiterji militari u ċivili.
–dokument uffiċjali li jikkonferma l-eżistenza u l-preservazzjoni tal-qabar kif ukoll ir-relazzjoni familjali jew oħra bejn l-applikant u l-persuna midfuna;
(l)fil-każ ta’ qraba li jżuru għal ċerimonji ta’ dfin:
–dokument uffiċjali li jikkonferma l-fatt tal-mewt kif ukoll konferma tar-relazzjoni familjali jew ta’ xi xorta oħra bejn l-applikant u l-persuna li se tindifen;
(m)fil-każ ta’ persuni li jkunu qegħdin jivvjaġġaw għal raġunijiet mediċi u l-persuni li jkun jeħtieġ li jakkumpanjawhom:
–dokument uffiċjali tal-istituzzjoni medika li jikkonferma l-ħtieġa ta’ kura medika f’din l-istituzzjoni, in-neċessità tal-akkompanjament, u evidenza ta’ mezzi finanzjarji suffiċjenti sabiex jitħallas it-trattament mediku;
(n)fil-każ ta’ membri tal-professjonijiet li jipparteċipaw f'wirjiet internazzjonali, konferenzi, simpożji, seminars jew avvenimenti oħrajn simili organizzati fit-territorju tal-Belarussja jew tal-Istati Membri:
–talba bil-miktub mill-organizzazzjoni li tkun qed tospita li tikkonferma li l-persuna kkonċernata qed tipparteċipa fl-avveniment;
(o)fil-każ ta’ rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili meta jagħmlu vjaġġi għall-għanijiet ta’ taħriġ edukattiv, seminars, konferenzi, inklużi fil-qafas ta’ programmi ta’ skambju:
–talba bil-miktub maħruġa mill-organizzazzjoni li tospita, konferma li l-persuna tkun qiegħda tirrappreżenta l-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u ċ-ċertifikat dwar l-istabbiliment ta’ tali organizzazzjoni mir-reġistru rilevanti maħruġ minn awtorità tal-Istat skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali;
(p)fil-każ ta’ parteċipanti fi programmi uffiċjali tal-UE ta’ kooperazzjoni transfruntiera bejn il-Belarussja u l-Unjoni:
–talba bil-miktub mill-organizzazzjoni ospitanti.
2.It-talba bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jkollha l-elementi li ġejjin:
(a)fil-każ tal-persuna mistiedna: l-isem u l-kunjom, id-data tat-twelid, is-sess, iċ-ċittadinanza, in-numru tal-passaport, il-ħin u l-għan tal-vjaġġ, in-numru ta’ daħliet u fejn rilevanti l-isem tat-tfal li jkunu qegħdin jakkumpanjaw lill-persuna mistiedna;
(b)fil-każ tal-persuna li tistieden: l-isem, il-kunjom u l-indirizz;
(c)fil-każ tal-persuna ġuridika, kumpanija jew organizzazzjoni li tistieden: l-isem sħiħ u l-indirizz u:
–jekk it-talba ssir minn organizzazzjoni jew awtorità, - l-isem u l-pożizzjoni tal-persuna li tiffirma t-talba;
–jekk il-persuna li tistieden hija persuna ġuridika jew kumpanija jew uffiċċju jew fergħa ta’ tali persuna ġuridika jew kumpanija stabbilita fit-territorju ta' Stat Membru jew fil-Belarussja, - in-numru ta’ reġistrazzjoni kif mitlub mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat jew mil-liġi tal-Belarussja.
3.Fil-każ tal-kategoriji ta’ persuni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan 1-Artikolu, il-kategoriji kollha tal-viżi jinħarġu skont il-proċedura simplifikata mingħajr ma jkunu meħtieġa l-ebda ġustifikazzjoni, invit jew validazzjoni ulterjuri dwar l-iskop tal-vjaġġ, li tkun prevista mil-leġiżlazzjoni tal-Partijiet.
Artikolu 5 – Il-ħruġ ta’ viżi ta’ dħul multiplu
1.Il-missjonijiet diplomatiċi u l-postazzjonijiet konsulari tal-Istati Membri u tal-Belarussja għandhom joħorġu viżi għal dħul multiplu b’terminu ta' validità ta’ ħames (5) snin għal dawn il-kategoriji ta’ persuni:
(a)membri ta’ Gvernijiet u Parlamenti nazzjonali u reġjonali, tal-Qorti Kostituzzjonali u l-Qorti Suprema, jekk ma jkunux eżenti mill-obbligu tal-viża bil-Ftehim preżenti, fl-eżerċizzju ta’ dmirijiethom;
(b)membri permanenti ta’ delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Istati Membri, l-Unjoni jew il-Belarussja, jkunu se jieħdu sehem b’mod regolari f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru minn organizzazzjonijiet intergovernattivi fit-territorju tal-Belarussja jew ta’ xi wieħed mill-Istati Membri;
(c)konjuġi, ulied, li jkunu taħt l-età ta’ 21 sena jew li jkunu dipendenti, ġenituri u persuni li jeżerċitaw l-awtorità tal-ġenituri, nanniet u neputijiet li jżuru ċittadini tal-Unjoni li jgħixu legalment fil-Belarussja jew ċittadini tal-Belarussja li jirrisjedu legalment fl-Istati Membri, jew ċittadini tal-Unjoni residenti fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini, jew ċittadini tal-Belarussja li jirrisjedu fit-territorju tal-Belarussja:
(d)negozjanti u rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tan-negozju li jivvjaġġaw regolarment lejn il-Belarussja jew l-Istati Membri.
B’deroga mill-ewwel sentenza, fejn il-ħtieġa jew l-intenzjoni li jivvjaġġaw sikwit jew regolarment hija manifestament limitata għal perjodu iqsar, it-terminu tal-validità tal-viża ta’ diversi dħul hu limitat għal dak il-perjodu, partikolarment meta:
–fil-każ tal-persuni msemmija fil-punt (b), il-perjodu tal-validità tal-istatus bħala membru permanenti ta’ delegazzjoni uffiċjali jkun ta’ anqas minn ħames snin;
–fil-każ tal-persuni msemmija fil-punt (c), il-perjodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni għal residenza legali ta’ ċittadini tal-Belarussja li jirrisjedu legalment f’wieħed mill-Istati Membri jew ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu legalment fil-Belarussja, ikun ta’ anqas minn ħames snin;
–fil-każ tal-persuni msemmija fil-punt (d), il-perjodu ta’ validità tal-istatus bħala rappreżentant tal-organizzazzjoni ta’ negozju jew tal-kuntratt tax-xogħol ikun ta’ anqas minn ħames snin.
2.Il-missjonijiet diplomatiċi u l-uffiċċji konsulari tal-Istati Membri u tal-Belarussja għandhom joħorġu viżi ta’ dħul multiplu b’perjodu ta’ validità ta’ sena għal dawn il-kategoriji ta’ ċittadini li ġejjin, jekk kemm-il darba matul is-sena ta’ qabel ikunu kisbu mill-inqas viża waħda, ikunu użawha skont il-liġijiet ta’ dħul u residenza fit-territorju tal-Istat li żaru:
(a)membri ta' delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Istat Membru, l-Unjoni jew il-Belarussja, jipparteċipaw b’mod regolari f’laqgħat uffiċjali, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru minn organizzazzjonijiet intergovernattivi fit-territorju tal-Belarussja jew ta’ xi wieħed mill-Istati Membri;
(b)xufiera li jipprovdu servizzi ta’ trasport internazzjonali ta’ tagħbija u ta’ passiġġieri bejn it-territorji tal-Belarussja u tal-Istati Membri f’vetturi reġistrati fl-Istati Membri jew fil-Belarussja:
(c)membri tal-ekwipaġġ ta’ ferroviji, refriġeraturi u lokomottivi f’ferroviji internazzjonali li jivvjaġġaw lejn it-territorji tal-Belarussja u tal-Istati Membri:
(d)persuni li jipparteċipaw f’attivitajiet xjentifiċi, kulturali u artistiċi, inklużi programmi universitarji u programmi oħra ta’ skambju, li jivvjaġġaw regolarment lejn il-Belarussja jew lejn l-Istati Membri;
(e)studenti u studenti gradwati li jivvjaġġaw regolarment għal skopijiet ta’ studju jew taħriġ edukattiv, inkluż fil-qafas ta’ programmi ta’ skambju;
(f)parteċipanti f’avvenimenti internazzjonali tal-isport u l-persuni li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali;
(g)fil-każ ta’ parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ skambju organizzati minn bliet ġemellati u minn entitajiet muniċipali oħrajn;
(h)persuni li jeħtieġu li jagħmlu żjarat regolari għal raġunijiet mediċi u l-persuni meħtieġa li jakkumpanjawhom;
(i)membri tal-professjonijiet li jkunu qed jipparteċipaw f’wirjiet internazzjonali, konferenzi, simpożji, seminars jew attivitajiet simili:
(j)rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jivvjaġġaw b’mod regolari lejn il-Belarusja jew lejn l-Istati Membri għall-għanijiet ta’ taħriġ edukattiv, seminars, konferenzi, inkluż fil-qafas ta’ programmi ta’ skambju;
(k)parteċipanti fi programmi uffiċjali tal-UE ta’ kooperazzjoni transfruntiera bejn il-Belarussja u l-Unjoni;
(l)ġurnalisti u l-ekwipaġġ tekniku li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali.
B’deroga mill-ewwel sentenza, fejn il-ħtieġa jew l-intenzjoni li jivvjaġġaw sikwit jew regolarment hija manifestament limitata għal perjodu iqsar, it-tul ta’ żmien tal-validità tal-viża għal dħul multiplu jkun limitat għal dak il-perjodu.
3.Il-missjonijiet diplomatiċi u l-postazzjonijiet konsulari tal-Istati Membri u tal-Belarussja għandhom joħorġu viżi għal dħul multiplu b'perjodu ta’ validità minimu ta’ sentejn (2) u massimu ta’ ħames (5) snin għall-kategoriji ta’ ċittadini msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, dment li fis-sentejn (2) ta’ qabel ikunu użaw il-viżi għal dħul multiplu ta’ sena skont il-liġijiet dwar id-dħul u r-residenza fit-territorju tal-Istat li żaru sakemm il-ħtieġa jew l-intenzjoni li jivvjaġġaw sikwit jew regolarment ma tkunx manifestament limitata għal perjodu iqsar, li f’dan il-każ it-terminu tal-validità tal-viża għal dħul multiplu jkun limitat għal dak il-perjodu.
Artikolu 6 – Ħlas għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-viża
1.Il-ħlas għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-viża jammonta għal EUR 35.
L-ammont imsemmi hawn fuq jista’ jiġi rivedut skont il-proċedura li hemm provvediment għaliha fl-Artikolu 14(4) ta’ dan il-Ftehim.
2. l-Istati Membri u l-Belarussja għandhom jitolbu tariffa ta’ EUR 70 għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal viża f’każijiet fejn l-applikant ikun talab li tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni fi żmien jumejn mit-tressiq tagħha, u l-konsulat ikun aċċetta li jieħu deċiżjoni fi żmien jumejn.
3.mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, it-tariffi għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-viża ma jitħallsux minn dawn il-kategoriji ta' persuni:
(a)membri ta’ Gvernijiet u Parlamenti nazzjonali u reġjonali, Qrati Kostituzzjonali u Qrati Supremi, jekk ma jkunux eżentati mill-ħtieġa tal-viża bil-Ftehim preżenti;
(b)membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali, inklużi membri permanenti ta’ delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Istati Membri, l-Unjoni Ewropea jew il-Belarussja, jieħdu sehem f’laqgħat uffiċjali, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru minn organizzazzjonijiet intergovernattivi fit-territorju tal-Belarussja jew f’ta’ wieħed mill-Istati Membri;
(c)qraba mill-viċin – konjugi, tfal, ġenituri u persuni li jeżerċitaw l-awtorità tal-ġenituri, nanniet u neputijiet ta’ ċittadini tal-Unjoni li jgħixu legalment fit-territorju tal-Belarussja, ta’ ċittadini tal-Belarussja li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri, ta’ ċittadini tal-Unjoni residenti fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini, u ta’ ċittadini tal-Belarussja li jirrisjedu fit-territorju tal-Belarussja:
(d)persuni li jkunu qegħdin jipparteċipaw f’attivitajiet xjentifiċi, akkademiċi, kulturali u artistiċi, inklużi programmi universitarji u programmi oħra ta’ skambju;
(e)tfal tal-iskola, studenti, studenti postuniversitarji u għalliema li jakkumpanjawhom li jivvjaġġaw għall-iskop ta’ studju jew taħriġ edukattiv, inkluż fil-qafas ta’ programmi ta’ skambju kif ukoll attivitajiet oħra marbuta mal-iskola;
(f)parteċipanti f’avvenimenti internazzjonali tal-isport u l-persuni li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali;
(g)parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ bdil organizzati minn bliet ġemellati u minn entitajiet muniċipali oħrajn;
(h)rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili meta jivvjaġġaw għal raġunijiet ta’ taħriġ edukattiv, seminars, konferenzi, inkluż fil-qafas ta’ programmi ta’ skambju;
(i)parteċipanti fi programmi uffiċjali tal-UE ta’ kooperazzjoni transfruntiera bejn il-Belarussja u l-Unjoni:
(j)persuni b’diżabbiltà u l-persuni li jakkumpanjawhom, jekk meħtieġ;
(k)persuni li jkunu ppreżentaw dokumenti li jagħtu prova tal-ħtieġa li jivvjaġġaw għal raġunijiet umanitarji, inkluż biex jirċievu trattament mediku urġenti u l-persuna li takkumpanjahom, jew li jattendu funeral ta’ qarib, jew biex iżuru qarib li għandu mard serju;
(l) tfal ta’ taħt it-12-il sena;
4.Jekk xi Stat Membru jew il-Belarussja jikkooperaw ma’ fornitur tas-servizzi estern bl-iskop ta’ ħruġ ta’ viżi, il-fornitur tas-servizzi estern jista’ jitlob ħlas għas-servizz. Dan il-ħlas ikun proporzjonat ma’ kemm ikun nefaq il-fornitur tas-servizzi estern waqt it-twettiq tal-ħidmiet tiegħu, u ma għandux ikun aktar minn EUR 30. Fejn ikun possibbli, l-Istat Membru jew il-Belarussja għandhom iżommu l-possibbiltà għall-applikanti kollha li jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom direttament fil-konsulati tagħhom.
Għall-Unjoni, il-fornitur estern tas-servizzi għandu jwettaq l-operazzjonijiet tiegħu skont il-Kodiċi dwar il-Viżi u fir-rispett sħiħ tal-leġislazzjoni tal-Belarussja.
Għall-Belarussja, il-fornitur estern tas-servizzi għandu jwettaq l-operazzjonijiet tiegħu skont il-leġiżlazzjoni tal-Belarussja, u fir-rispett sħiħ tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri tal-UE.
Artikolu 7 – It-tul tal-proċeduri għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-viża
1.Il-missjonijiet diplomatiċi u l-uffiċċji konsulari tal-Istati Membri u tal-Belarussja għandhom jieħdu deċiżjoni fuq it-talba għall-ħruġ tal-viża fi żmien għaxart (10) ijiem mid-data ta’ meta tasal l-applikazzjoni u d-dokumenti meħtieġa għall-ħruġ tal-viża.
2.Il-perjodu ta’ żmien għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni għall-viża jista’ jkun estiż sa 30 jum f’każijiet individwali, notevolment meta jkun hemm il-ħtieġa ta’ aktar skrutinju tal-applikazzjoni.
3.Il-perjodu biex tittieħed deċiżjoni dwar applikazzjoni għall-viża jista’ jitnaqqas għal jumejn (2) ta’ xogħol jew inqas f’każijiet urġenti.
Jekk l-applikanti jkunu obbligati jiksbu appuntament għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni, l-appuntament għandu jseħħ, bħala regola, fi żmien ġimagħtejn mid-data ta’ meta jkun intalab l-appuntament. Minkejja s-sentenza ta’ qabel din, il-fornituri esterni tas-servizzi għandhom jiżguraw li applikazzjoni għal viża, bħala regola, tkun tista’ tiġi ppreżentata mingħajr dewmien bla bżonn.
F'każijiet ta' urġenza ġġustifikati, il-konsulat jista’ jħalli l-applikanti jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom jew mingħajr appuntament, jew inkella jingħata appuntament minnufih.
Artikolu 8 – Tluq f’każ ta’ dokumenti mitlufa jew misruqa
1.Iċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-Belarussja li jkunu tilfu d-dokumenti tal-ivvjaġġar tagħhom, jew li jkunu nsterqulhom dawn id-dokumenti waqt iż-żjara tagħhom fit-territorju tal-Belarussja jew tal-Istati Membri, jistgħu jħallu t-territorju tal-Belarussja jew tal-Istati Membri fuq il-bażi ta’ dokumenti ta’ identità validi li jippermettulhom il-qsim tal-konfini, maħruġa minn missjonijiet diplomatiċi jew postazzjonijiet konsulari tal-Istati Membri jew tal-Belarussja mingħajr ebda viża jew awtorizzazzjoni oħra.
Artikolu 9 – L-estensjoni tal-viża f’ċirkostanzi eċċezzjonali
Iċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-Belarussja li ma jkunux jistgħu jitilqu mit-territorju tal-Belarussja jew it-territorju tal-Istati Membri sal-mument iddikjarat fil-viżi tagħhom għal raġunijiet ta’ force majeure jew umanitarji li ma jħalluhomx jitilqu mit-territorju tal-Istati Membri għandu jkollhom il-perjodu ta’ validita tal-viża tagħhom estiż mingħajr ħlas konformement mal-leġiżlazzjoni applikata mill-Belarussja jew l-Istat Membru għal perjodu twil biżżejjed biex ikunu jistgħu jirritornaw lejn l-Istat ta’ residenza tagħhom.
Artikolu 10 – Passaporti diplomatiċi u laissez-passer tal-UE *
1.Iċ-ċittadini tal-Unjoni li jkollhom passaport diplomatiku bijometriku validu maħruġ minn Stat Membru, kif ukoll id-detenturi ta’ laissez-passer validi tal-UE, jistgħu jidħlu, jitilqu jew jgħaddu mit-territorju tal-Belarussja mingħajr viża.
2.Iċ-ċittadini tal-Belarussja li jkollhom passaport diplomatiku bijometriku validu maħruġ mill-Belarussja jistgħu jidħlu, jitilqu jew jgħaddu mit-territorji tal-Istati Membri mingħajr viża.
3.Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 u 2 jistgħu joqogħdu fit-territorji tal-Belarussja jew it-territorji tal-Istati Membri għal perjodu li ma jaqbiżx id-90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum.
[*Soġġett għal verifika minn qabel mill-UE tas-sistema ta’ sigurtà u integrità tal-Belarussja għall-ħruġ ta’ passaporti diplomatiċi u l-implimentazzjoni tagħha.]
Artikolu 11 – Validità territorjali tal-viżi
Soġġetti għar-regoli u regolamenti nazzjonali dwar is-sigurtà nazzjonali tal-Belarussja u tal-Istati Membri u soġġetti għar-regoli tal-UE dwar viżi b’validità territorjali limitata, iċ-ċittadini tal-Unjoni u ċ-ċittadini tal-Belarussja għandhom ikunu intitolati għall-ivvjaġġar fi ħdan it-territorju tal-Istati Membri u tal-Belarussja fuq bażi ugwali bħaċ-ċittadini tal-Belarussja u tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 12 – Kumitat Konġunt għall-ġestjoni tal-Ftehim
1.Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu Kumitat Konġunt ta’ esperti (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”), magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni u tal-Belarussja.
2.Il-Kumitat għandu, b’mod partikolari, ikollu l-funzjonijiet li ġejjin:
(a)li jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim;
(b)li jissuġġerixxi emendi jew żidiet għal dan il-Ftehim;
(c)li jirriżolvi tilwimiet li jqumu mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet f’dan il-Ftehim.
3.Il-Kumitat għandu jiltaqa’ kull meta jkun meħtieġ, fuq talba minn waħda mill-Partijiet u għall-inqas darba f’sena.
4.Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli tal-proċedura tiegħu.
Artikolu 13 – Ir-relazzjoni ta’ dan il-Ftehim ma’ Ftehimiet bilaterali bejn Stati Membri u l-Belarussja
Mid-dħul tiegħu fis-seħħ, dan il-Ftehim għandu jieħu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe ftehimiet jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali konklużi bejn l-Istati Membri individwali u l-Belarussja, safejn id-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-ftehimiet jew arranġamenti tal-aħħar ikunu jistgħu jaffettwaw jew jalteraw l-ambitu ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 14 – Klawsoli Finali
1.Dan il-Ftehim jiġi rratifikat jew approvat mill-Partijiet skont il-proċeduri rispettivi tagħhom u jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri msemmija hawn fuq ikunu tlestew.
2.B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ biss fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Belarussja dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirresjedu mingħajr awtorizzazzjoni jekk din id-data tkun wara d-data li hemm provvediment għaliha fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
3.Dan il-Ftehim huwa konkluż għal perjodu ta’ żmien indefinit, sakemm ma jkunx terminat skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu.
4.Dan il-Ftehim jista’ jkun emendat bi ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet. L-emendi jidħlu fis-seħħ wara li l-Partijiet ikunu avżaw lil xulxin dwar it-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom li huma meħtieġa għal dan l-għan.
5.Kull Parti tista’ tissospendi l-Ftehim kollu jew parti minnu. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni tiġi nnotifikata lill-Parti l-oħra mhux aktar tard minn 48 siegħa qabel ma tidħol fis-seħħ. Il-Parti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim tgħarraf minnufih lill-Parti l-oħra malli r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jkunux għadhom japplikaw.
6.Kull Parti tista’ tittermina dan il-Ftehim billi tavża lill-Parti l-oħra bil-miktub. Dan il-Ftehim ma jibqax applikabbli 90 jum mid-data ta’ tali notifika.
Magħmul f’XXX f’XXX, f’żewġ kopji bil-Bulgaru, il-Kroat, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ungeriż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol, l-Isvediż, u l-Belarussu, b’kull wieħed minn dawn it-testi ikun awtentiku bl-istess mod.
Għall-Unjoni Għall-Belarussja
PROTOKOLL GĦALL-FTEHIM DWAR L-ISTATI MEMBRI LI MA JAPPLIKAWX GĦAL KOLLOX L-ACQUIS
TA’ SCHENGEN
Dawk l-Istati Membri li huma marbuta bl-acquis ta’ Schengen iżda li għadhom ma joħorġux il-viżi ta' Schengen, filwaqt li jistennew id-deċiżjoni rilevanti tal-Kunsill f'dan is-sens, għandhom joħorġu viżi nazzjonali li l-validità tagħhom tkun limitata għat-territorju tagħhom stess.
F’konformità mad-Deċiżjoni Nru 565/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15/05/2014, li mis-16/06/2014 tawtorizza lill-Bulgarija, lill-Kroazja, lil Ċipru u lir-Rumanija biex jirrikonoxxu b’mod unilaterali l-viżi għal soġġorn qasir li huma validi għal żewġ daħliet jew diversi dħul u viżi għal soġġorn twil u permessi ta’ residenza maħruġa mill-Istati ta’ Schengen, u viżi b’validità territorjali limitata maħruġa mill-Istati Membri ta’ Schengen f’konformità mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, kif ukoll viżi nazzjonali u permessi ta’ residenza maħruġa mill-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom mhux biss għat-tranżitu, iżda wkoll għal soġġorni previsti fit-territorju tagħhom li ma jaqbżux id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum, ittieħdu miżuri armonizzati sabiex jiġi ssimplifikat it-tranżitu u s-soġġorn qasir ta’ detenturi ta’ viżi Schengen u ta’ permessi ta’ residenza ta’ Schengen fit-territorju tal-Istati Membri li għadhom ma japplikawx bis-sħiħ l-acquis ta’ Schengen .
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA LI TIKKONĊERNA LID-DANIMARKA
Il-Partijiet jieħdu nota li dan il-Ftehim mhux applikabbli għall-proċeduri tal-ħruġ tal-viża mill-missjonijiet diplomatiċi u s-servizzi konsulari tad-Danimarka.
F’ċirkustanzi bħal dawn, ikun xieraq li l-awtoritajiet tad-Danimarka u tal-Belarussja jikkonkludu, bla dewmien, ftehim bilaterali dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra f’termini simili għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Belarussja.
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA RIGWARD IR-RENJU
UNIT U L-IRLANDA
Il-Partijiet jieħdu nota li dan il-Ftehim mhux applikabbli fit-territorju tar-Renju Unit u tal-Irlanda.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun xieraq li l-awtoritajiet tar-Renju Unit, l-Irlanda u l-Belarussja jikkonkludu ftehimiet bilaterali dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ tal-viżi għal soġġorn qasir.
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA LI TIKKONĊERNA LILL-IŻLANDA,
IN-NORVEĠJA, L-IŻVIZZERA U L-LIECHTENSTEIN
Il-Partijiet jieħdu nota tar-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżvizzera, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, u n-Norveġja, b'mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehimiet tat-18 ta’ Mejju 1999 u tas-26 ta’ Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen.
F’dawn iċ-ċirkostanzi, ikun xieraq li l-awtoritajiet tal-Iżvizzera, l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja, u l-Belarussja, jikkonkludu, mingħajr dewmien, ftehimiet bilaterali dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra f’termini simili bħall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Belarussja.
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA
DWAR IL-KOOPERAZZJONI FEJN JIDĦLU DOKUMENTI TAL-IVVJAĠĠAR
Il-Partijiet jaqblu li l-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 12 tal-Ftehim, meta jkun qed jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Ftehim, għandu jevalwa l-impatt tal-livell ta’ sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar rispettivi fuq il-funzjonament tal-Ftehim. Għal dan il-għan, il-Partijiet jaqblu li jinformaw lil xulxin b’mod regolari dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu biex jiġi evitat it-tifrix ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar, billi jiġu żviluppati l-aspetti tekniċi tas-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar kif ukoll dwar il-proċess tal-personalizzazzjoni tal-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar.
L-Istati Membri, l-Unjoni u l-Belarussja ser jinformaw mingħajr dewmien bla bżonn f’każ li jiġu introdotti dokumenti tal-ivvjaġġar ġodda jew ibiddlu d-dokumenti tal-ivvjaġġar eżistenti u jippreżentaw kampjuni ta’ dawn id-dokumenti tal-ivvjaġġar u d-deskrizzjoni tagħhom.
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA RIGWARD L-ARMONIZZAZZJONI TA’ INFORMAZZJONI DWAR PROĊEDURI GĦALL-ĦRUĠ TA’ VIŻA GĦAL SOĠĠORN QASIR U DOKUMENTI LI GĦANDHOM JITRESSQU META SSIR L-APPLIKAZZJONI GĦAL VIŻI GĦAL SOĠĠORNI QOSRA
Filwaqt li jagħrfu l-importanza tat-trasparenza għall-applikanti għall-viża, il-Partijiet fil-Ftehim preżenti jqisu li għandhom jittieħdu l-miżuri li ġejjin:
- jinġabar tagħrif bażiku għall-applikanti dwar il-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni għall-viżi għal soġġorn qasir u dwar il-validità tagħhom.
- għall-UE, biex ixxerred b’mod wiesa’ l-lista ta’ dokumenti ta’ sostenn li għandhom jiġu ppreżentati mill-applikanti għal viża fil-Belarussja, adottata permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Nru C(2014) 2727 tat-29 ta’ April 2014.
It-tagħrif imsemmi hawn fuq għandu jkun jidher b’mod ċar (fuq it-tabelli ta’ tagħrif fil-konsulati, fuq siti tal-Internet eċċ.).
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA
DWAR IL-PERSUNAL KONSULARI NEĊESSARJU
GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI EFFETTIVA TAL-FTEHIM
Filwaqt li jirrikonoxxu l-importanza ta’ implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim, il-Partijiet jenfasizzaw il-ħtieġa li l-Partijiet jipprovdu persunal konsulari adegwat.
Fid-dawl ta’ dan, il-Partijiet jaqblu li l-Kumitat Konġunt, stabbilit mill-Artikolu 12 tal-Ftehim, jenħtieġ li jissorvelja l-implimentazzjoni miż-żewġ Partijiet tal-Artikoli 6(4) u 7 tal-Ftehim li jistabbilixxu, rispettivament, il-possibbiltà għall-applikanti li jippreżentaw l-applikazzjonijiet direttament fil-konsulat, u t-tul tal-proċeduri għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-viża.
ANNESS […]
ANNESS […]
ANNESS […]
ANNESS […]
ANNESS […]
ANNESS […]
ANNESS […]
ANNESS […]
ANNESS […]
ANNESS […]
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.8.2019
COM(2019) 403 final
2019/0182(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Belarussja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA
Fil-kuntest tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant f’Mejju 2009, l-UE affermat mill-ġdid l-appoġġ politiku tagħha għal-liberalizzazzjoni sħiħa tas-sistema tal-viżi f'ambjent sikur, u għall-promozzjoni tal-mobilità, billi jiġu konklużi ftehimiet dwar l-iffaċilitar tal-viżi u r-riammissjonijiet mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant. Skont l-approċċ komuni għall-iżvilupp tal-politika tal-UE dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi li ġie miftiehem fil-livell ta’ COREPER mill-Istati Membri f'Diċembru 2005, ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi ma jiġix konkluż mingħajr ma jkun hemm fis-seħħ ftehim ta' riammissjoni.
Abbażi ta’ dan, fit-12 ta’ Novembru 2010 il-Kummissjoni ppreżentat rakkomandazzjoni lill-Kunsill bil-ħsieb li jinkisbu direttivi biex jiġu nnegozjati Ftehimiet mar-Repubblika tal-Belarussja dwar, rispettivament, il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi għal soġġorn qasir, u r-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni.
Wara l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kunsill fit-28 ta’ Frar 2011 1 , in-negozjati mar-Repubblika tal-Belarussja nfetħu formalment fi Brussell fit-12 ta’ Ġunju 2014.
Saru ħames sessjonijiet ulterjuri ta’ negozjati fl-24 ta’ Novembru 2014 f’Minsk, fit-12 ta’ Marzu 2015 fi Brussell, fl-20 ta’ Ġunju 2017 f’Minsk, fil-11 ta’ Ottubru 2018 u fis-26 ta’ Marzu 2019 fi Brussell. In-negozjaturi ewlenin inizjalaw it-test tal-ftehim fl-17 ta’ Ġunju 2019 permezz ta’ skambju ta’ posta elettronika.
Sadanittant, il-Belarussja, l-Unjoni Ewropea u seba’ Stati Membri parteċipanti (il-Bulgarija, ir-Rumanija, il-Litwanja, il-Polonja, l-Ungerija, il-Finlandja u l-Latvja) iffirmaw Dikjarazzjoni Konġunta dwar Sħubija għall-Mobbiltà fit-13 ta’ Ottubru 2016.
Sa mit-12 ta’ Frar 2017, iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea huma eżenti mill-ħtieġa tal-viża għad-dħul u s-soġġorn fit-territorju tar-Repubblika tal-Belarussja għal perjodi sa massimu ta’ ħamest (5) ijiem, sakemm dawn ikunu qasmu l-fruntiera fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Minsk. Fl-24 ta’ Lulju 2018, dan il-perjodu ta’ soġġorn mingħajr viża ġie estiż għal 30 jum bl-istess kundizzjonijiet. Għal perjodi ta’ soġġorn ta’ aktar minn 30 jum u mhux aktar minn 90 jum (fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum), il-Ftehim se japplika b’mod reċiproku.
L-Istati Membri ġew mgħarrfa u kkonsultati b’mod regolari fil-Gruppi ta’ Ħidma tal-Kunsill rilevanti fl-istadji kollha tan-negozjati. L-abbozz finali tat-test tal-Ftehim kien kondiviż mal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Viża u ġie approvat b’mod ġenerali, permezz ta’ proċedura ta’ silenzju, fit-5 ta’ April 2019.
Fis-17 ta’ April 2019, il-Parlament Ewropew ġie infurmat dwar il-konklużjoni tan-negozjati kemm dwar il-Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Viża kif ukoll dwar dak ta’ Riammissjoni, permezz ta’ ittra mibgħuta mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ Migrazzjoni u Affarijiet Interni lill-President tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern. Ġew annessi l-abbozz tat-testi taż-żewġ Ftehimiet.
Id-deċiżjoni proposta rigward il-konklużjoni tipprezenta l-arranġamenti interni neċessarji għall-applikazzjoni prattika tal-Ftehim. B'mod partikolari, tispeċifika li l-Kummissjoni, megħjuna minn esperti mill-Istati Membri, tirrappreżenta lill-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt dwar il-Faċilitazzjoni tal-Viża stabbilit bl-Artikolu 12 tal-Ftehim.
Il-proposta mehmuża tikkostitwixxi l-istrumenti legali għall-iffirmar tal-Ftehim. Il-Kunsill se jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata.
2. L-GĦAN U L-KONTENUT TAL-FTEHIM
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Belarussja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viżi (minn issa ‘il quddiem: “il-Ftehim”) għandu l-għan li jiffaċilita, fuq il-bażi ta' reċiproċità, il-ħruġ ta' viżi għal soġġorn intiż ta’ mhux aktar minn 90 jum f’kull perjodu ta' 180 jum għaċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-Belarussja.
Il-Kummissjoni tikkunsidra li ntlaħqu l-objettivi stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi ta’ negozjati tiegħu u li l-abbozz tal-Ftehim hu aċċettabbli għall-Unjoni.
Il-kontenut aħħari tiegħu jista’ jitqassar kif ġej:
–bħala prinċipju, fil-każ tal-applikanti kollha għal viża, ikollha tittieħed deċiżjoni jekk tinħariġx viża jew le fi żmien għaxart (10) ijiem tal-kalendarju. Dan il-perjodu jkun jista’ jiġi estiż għal massimu ta’ 30 jum tal-kalendarju jekk ikun hemm bżonn ta’ skrutinju aktar dettaljat. F’każijiet urġenti, il-perjodu għat-teħid ta’ deċiżjoni jista’ jitnaqqas għal jumejn ta’ xogħol jew inqas. Bħala regola, l-applikanti għall-viża jista' jkollhom appuntament biex jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom fi żmien ġimgħatejn mid-data tat-talba u, f’każijiet ta’ urġenza, minnufih jew mingħajr appuntament;
–it-tariffa tal-viża biex jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet ippreżentati minn ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tar-Repubblika tal-Belarussja hija ta’ EUR 35. Din it-tariffa tiġi applikata għall-applikanti kollha għal viża. Barra minn hekk, il-kategoriji ta’ persuni li ġejjin jibbenefikaw minn eżenzjoni sħiħa mit-tariffa tal-viża: tfal taħt l-età ta’ 12-il sena, persuni b’diżabilità, qraba stretti, membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali li jipparteċipaw f’attivitajiet tal-gvern, tfal tal-iskola, studenti u studenti li jkollhom diġà grad universitarju, rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, każijiet umanitarji u persuni li jipparteċipaw f’attivitajiet xjentifiċi, kulturali, artistiċi u sportivi;
–f’każ li l-Partijiet jiddeċiedu li jikkooperaw ma’ fornitur estern tas-servizzi għal, fost affarijiet oħra, il-ġbir tal-applikazzjonijiet għall-viża, it-tariffa li għandha titħallas lill-fornitur tas-servizz estern ma tistax taqbeż it-EUR 30. Il-possibbiltà li ċ-ċittadini tal-Partijiet jippreżentaw l-applikazzjoni direttament fil-konsulati għandha tinżamm, sa fejn ikun possibbli, pereżempju fejn ikun hemm biżżejjed persunal biex ilaħħaq mal-ammont ta’ xogħol u li jissodisfaw l-obbligi stabbiliti mill-ftehim;
–id-dokumenti dwar l-iskop tal-vjaġġ li għandhom jiġu ppreżentati ġew simplifikati għall-kategoriji li ġejjin ta' applikanti: qraba mill-viċin, negozjanti, membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali, tfal tal-iskola u studenti diġà bi grad universitarju, parteċipanti f’avvenimenti xjentifiċi, kulturali u sportivi, ġurnalisti, persuni li jkunu qed iżuru dfin militari u ċivili (inklużi qraba), rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, membri tal-professjonijiet li jipparteċipaw f’wirjiet internazzjonali, konferenzi, simpożji, seminars jew avvenimenti oħra simili, xufiera li jwettqu servizzi ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija u ta’ passiġġieri, parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ skambju ta’ bliet ġemellati, persuni li jipparteċipaw f’avvenimenti sportivi internazzjonali, membri tal-ekwipaġġ ta’ ferroviji, refriġeraturi u lokomottivi u parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ kooperazzjoni transfruntiera tal-UE. Għal dawn il-kategoriji ta’ persuni, jistgħu jintalbu biss id-dokumenti elenkati fil-ftehim biex jiġi ġġustifikat l-għan tal-vjaġġ. Bħala regola, ma tkun tinħtieġ l-ebda ġustifikazzjoni, stedina jew validazzjoni oħra prevista mil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri jew mir-Repubblika tal-Belarussja;
–hemm ukoll kriterji simplifikati għall-ħruġ ta’ viżi għal dħul multiplu għal dawn il-kategoriji ta’ persuni li ġejjin:
(a)fil-każ ta’ membri ta’ gvernijiet nazzjonali u reġjonali, parlamenti u qrati, membri permanenti ta’ delegazzjonijiet uffiċjali, konjuġi u ulied li jżuru ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Belarussja jew ċittadini tar-Repubblika tal-Belarussja li jirrisjedu legalment fl-Istati Membri jew ċittadini tal-UE li jirrisjedu fit-territorju tal-Istati Membri li tagħhom ikunu ċittadini jew ċittadini tar-Repubblika tal-Belarussja li jirrisjedu fit-territorju tal-Belarussja: viżi bi dħul multiplu b’perjodu ta’ validità ta’ ħames (5) snin (jew inqas, jekk l-intenzjoni li wieħed jivvjaġġa regolarment tkun manifestament limitata, pereżempju fejn il-perjodu ta’ validità tal-mandat jew l-awtorizzazzjoni tagħhom għal residenza legali ikun iqsar);
(b)parteċipanti fi programmi xjentifiċi, kulturali, ta’ skambju uffiċjali jew transfruntier, avvenimenti sportivi internazzjonali, ġurnalisti, studenti, membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali, rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, membri tal-professjonijiet li jipparteċipaw f’wirjiet internazzjonali, konferenzi, simpożji, seminars jew avvenimenti simili oħra, sewwieqa li jwasslu merkanzija internazzjonali u ekwipaġġ ta’ ferroviji u persuni li jeħtieġu li jagħmlu żjarat regolari minħabba raġunijiet mediċi: viżi għal dħul multiplu validi għal sena (1);
(c)l-istess kategoriji msemmija f’(b): jenħtieġ li jinħarġu viżi validi għal minimu ta’ sentejn (2) u massimu ta’ ħames (5) snin (sakemm matul is-sentejn ta’ qabel ikunu użaw legalment il-viżi ta’ dħul multiplu ta’ sena (1), sakemm il-ħtieġa jew l-intenzjoni ta’ vvjaġġar frekwenti ma tkunx manifestament limitata għal perjodu iqsar);
–ċittadini tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Belarussja li jkunu detenturi ta’ passaporti diplomatiċi bijometriċi validi u d-detenturi ta’ laissez-passer validi tal-UE huma eżenti mill-obbligu li jkollhom viża għal soġġorn qasir. F’April 2015 il-Kummissjoni kienet ippreżentat l-ewwel valutazzjoni tas-sigurtà u l-integrità tas-sistema ta’ ħruġ tal-passaporti diplomatiċi Belarussi, inklużi l-karatteristiċi ta’ sigurtà ta’ dawn tal-aħħar, b’eżitu sodisfaċenti fir-rigward tas-sistema ta’ ħruġ. Madankollu, il-livell ta’ sigurtà tal-passaporti diplomatiċi Belarussi ma kienx ikkunsidrat bħala suffiċjenti biżżejjed minn xi Stati Membri. Ir-Repubblika tal-Belarussja sussegwentement infurmat li kienet se tibda toħroġ passaporti bijometriċi f’konformità mal-aħħar linji gwida u rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili mill-bidu tal-2020 u aċċettat li tillimita l-eżenzjoni mill-viża għal passaporti diplomatiċi bijometriċi (rekwiżit addizzjonali mhux mitlub mid-direttivi ta’ negozjar). Fis-sitt u l-aħħar ċiklu ta’ negozjati fl-26 ta’ Marzu 2019, ir-Repubblika tal-Belarussja pprovdiet lill-Kummissjoni informazzjoni aġġornata dwar is-sistema tal-ħruġ u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ dawn il-passaporti, u impenjat ruħha li tikkondividi kampjun tal-passaport bijometriku l-ġdid u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi finali sa mhux aktar tard minn Ottubru 2019. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-valutazzjoni finali tas-sistema ta’ ħruġ tal-Belarussja se jkollha ssir mill-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, qabel ma l-Ftehim ikun jista’ jiġi konkluż;
–il-klawżoli finali jipprovdu l-possibbiltà għall-Partijiet li jissospendu l-ftehim, kompletament jew parzjalment (eż. l-eżenzjoni mill-viża għad-detenturi ta’ passaporti bijometriċi diplomatiċi) għal kwalunkwe raġuni. Għalhekk din id-dispożizzjoni tkopri raġunijiet ta’ sospensjoni bħall-ksur jew l-abbuż ta’ xi dispożizzjoni tal-ftehim, bħall-eżenzjoni mill-viża għal passaport diplomatiku (l-Artikolu 10), għal kunsiderazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija (imsemmija wkoll fi preambolu tal-Ftehim), kif ukoll għal nuqqas ta’ kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni u/jew l-implimentazzjoni mhux sodisfaċenti tal-Ftehim ta’ Riammissjoni;
–il-klawżoli finali jistipulaw ukoll li l-ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-viża jista’ jidħol fis-seħħ biss fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Riammissjoni;
–l-importanza tal-prinċipji fundamentali li jirregolaw il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet kif ukoll l-obbligi u r-responsabbiltajiet, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi, li joħorġu mill-istrumenti internazzjonali rilevanti li bihom huma marbuta, hija enfasizzata f’preambolu għall-Ftehim;
–is-sitwazzjoni speċifika tal-Istati Membri li għadhom ma japplikawx kompletament l-acquis ta’ Schengen u l-għarfien unilaterali tagħhom tal-viżi u tal-permessi ta' residenza ta’ Schengen maħruġa lil ċittadini tar-Repubblika tal-Belarussja għall-iskop ta’ tranżitu mit-territorju tagħhom skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 565/2014/KE, hija indirizzata permezz ta’ protokoll;
–mal-Ftehim hemm mehmuża Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-kooperazzjoni fejn jidħlu dokumenti tal-ivvjaġġar u l-iskambju regolari ta' informazzjoni dwar is-sigurtà ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar.
–mal-Ftehim hemm mehmuża Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-armonizzazzjoni tal-proċeduri ta’ informazzjoni għall-ħruġ ta’ viżi għal soġġorn qasir u dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati meta ssir applikazzjoni għal viżi għal soġġorn qasir;
–is-sitwazzjonijiet speċifiċi tad-Danimarka, ir-Renju Unit u l-Irlanda huma riflessi fil-preambolu u f’Dikjarazzjonijiet Konġunti mehmuża mal-Ftehim. L-assoċjazzjoni mill-qrib tal-Iżlanda, in-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen hi ugwalment riflessa f’Dikjarazzjoni Konġunta mal-Ftehim 2 .
–Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-persunal konsulari hija mehmuża mal-Ftehim sabiex tirrifletti l-importanza li l-Partijiet jagħtu għad-disponibbiltà ta’ għadd suffiċjenti ta’ persunal fil-konsulati tagħhom biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim.
3.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Din il-proposta qiegħda tiġi ppreżentata lill-Kunsill sabiex jiġi konkluż il-Ftehim.
Il-bażi ġuridika għal din il-proposta hija l-punt (a) tal-Artikolu 77(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE), meħud flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Mhux applikabbli.
•Proporzjonalità
Il-proposta attwali ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv segwit, jiġifieri l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali li jiffaċilita l-ħruġ ta’ viżi liċ-ċittadini Belarussi u tal-Unjoni.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Din il-proposta ma tinvolvix spejjeż addizzjonali għall-baġit tal-UE.
5.KONKLUŻJONIJIET
Fid-dawl tar-riżultati msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill, wara li jkun irċieva l-kunsens mill-Parlament Ewropew, japprova l-konklużjoni tal-Ftehim mehmuż bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Belarussja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi.
2019/0182 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Belarussja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 77(2), meħud flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew 3 ,
Billi:
(1)Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill XXXX/XX 4 , il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Belarussja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi (minn issa ‘il quddiem “il-Ftehim”) ġie ffirmat fi […], suġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.
(2)Fil-kuntest tad-Dikjarazzjoni tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant tas-7 ta’ Mejju 2009, l-Unjoni u l-pajjiżi sħab esprimew l-appoġġ politiku tagħhom lejn il-liberalizzazzjoni tar-reġim tal-viża f’ambjent sikur u jirriaffermaw mill-ġdid l-intenzjoni tagħhom li jieħdu passi gradwali lejn sistema mingħajr viża għaċ-ċittadini tagħhom fiż-żmien opportun.
(3)L-iskop tal-Ftehim hu li jiffaċilita, fuq il-bażi ta' reċiproċità, il-ħruġ ta’ viżi għal soġġorn intenzjonat ta’ mhux aktar minn 90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum għaċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-Belarussja.
(4)Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi disposizzjonijiet tal-acquis 5 ta' Schengen; għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.
(5)Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda sabiex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis 6 ta' Schengen; Għaldaqstant l-Irlanda mhix qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.
(6)F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.
(7)Il-ftehim għandu jiġi approvat f’isem l-Unjoni Ewropea,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Belarussja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi (“il-Ftehim”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.
It-test tal-Ftehim u tad-Dikjarazzjonijiet Konġunti huma mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina l-persuna awtorizzata biex tipproċedi, f’isem l-Unjoni Ewropea, għan-notifika stabbilita fl-Artikolu 14(1) tal-Ftehim, sabiex jiġi espress il-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tintrabat bil-Ftehim.
Artikolu 3
Il-Kummissjoni, megħjuna minn esperti mill-Istati Membri, għandha tirrapreżenta lill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Artikolu 12 tal-Ftehim.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha 7 .
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President