IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 25.7.2019
COM(2019) 348 final
2019/0160(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-FSE stabbilit mill-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-Parti Afrika Ċentrali, fuq in-naħa l-oħra, rigward l-adozzjoni proposta tal-lista ta’ persuni lesti u kapaċi jaġixxu bħala arbitri
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tirrigwarda d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea (“l-Unjoni”) fil-Kumitat tal-FSE stabbilit mill-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Parti Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), rigward l-adozzjoni proposta tal-lista ta’ persuni preparati u kapaċi jaġixxu bħala arbitri.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika UE - Afrika Ċentrali
L-għan tal-ftehim huwa li jistabbilixxi qafas inizjali għal sħubija ekonomika reġjonali sħiħa f’konformità mal-Ftehim ta’ Cotonou. Sa issa, il-Parti Afrika Ċentrali, hija magħmula mir-Repubblika tal-Kamerun. Mill-4 ta’ Awwissu 2014, il-Ftehim ġie applikat fuq bażi proviżorja.
2.2.Il-Kumitat FSE
Il-Kumitat tal-FSE huwa l-organu istituzzjonali konġunt ta’ dan il-ftehim. L-Artikolu 92 tal-ftehim jistipula li l-Kumitat tal-FSE ikun responsabbli mill-amministrazzjoni tal-oqsma kollha koperti mill-ftehim u mit-twettiq ta’ kull kompitu msemmi fih. Il-Kumitat tal-FSE jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu bi qbil ġenerali. Il-funzjonament tal-Kumitat tal-FSE huwa deskritt fir-regoli ta’ proċedura tiegħu.
2.3.Att stipulat mill-Kumitat tal-FSE
Fil-ħames laqgħa tiegħu tal-[data], il-Kumitat tal-FSE għandu jadotta deċiżjoni dwar l-adozzjoni tal-lista ta’ arbitri (“l-att previst”) skont l-Artikolu 85 tal-Ftehim.
L-Artikolu 85(1) tal-Ftehim jistipula li “il-Kumitat tal-FSE għandu jistabbilixxi lista ta’ 15-il individwu li huma lesti u kapaċi jaġixxu ta’ arbitri. ”
L-għan tal-att previst huwa li jistabbilixxi lista ta’ 15-il individwu li jistgħu jservu bħala arbitri f’każ ta’ proċedura għal soluzzjoni ta’ tilwim skont it-Titolu VI tal-Ftehim. L-adozzjoni ta’ din il-lista hija element essenzjali biex jiġi finalizzat il-qafas operazzjonali għad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar l-Evitar u s-Soluzzjoni tat-Tilwim.
3.Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni
Din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill tiddetermina l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-FSE stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika interim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Parti tal-Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-istabbiliment tal-lista ta’ persuni lesti u kapaċi jservu bħala arbitri skont l-Artikolu 85 tal-Ftehim.
Il-partijiet għall-Ftehim qablu ma’ dan l-abbozz ta’ Deċiżjoni, inizjalawh fir-raba’ laqgħa tal-Kumitat tal-FSE fit-18 u d-19 ta’ Frar 2019 u, soġġett għall-proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea, għandhom jadottawh fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat tal-FSE, li għandha ssir fi tmiem l-2019.
Din id-deċiżjoni hija essenzjali sabiex id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim tat-Titolu VI dwar l-Evitar u Soluzzjoni tat-Tilwim isiru operazzjonali u biex b'hekk tkun żgurata l-implimentazzjoni bla xkiel tal-Ftehim.
4.Il-Bażi ġuridika proċedurali
4.1.Il-Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita bi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-UE”.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Kumitat tal-FSE huwa eżempju maħluq minn Ftehim, jiġifieri l-Ftehim preliminari lejn Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Parti Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra.
L-att, li l-Kumitat huwa mitlub jadotta, jikkostitwixxi att li għandu effetti legali. L-att previst ikun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali b’konformità mal-Artikolu 85 tal-Ftehim.
L-att previst ma jissupplimentax u ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.
4.2.Il-Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tiġi meħuda pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni. Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207 tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-ewwel sub-paragrafu tal-Artikolu 207(4) TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2019/0160 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-FSE stabbilit mill-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-Parti Afrika Ċentrali, fuq in-naħa l-oħra, rigward l-adozzjoni proposta tal-lista ta’ persuni lesti u kapaċi jaġixxu bħala arbitri
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikulari l-Artikoli 207(4) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-Parti Afrika Ċentrali, fuq in-naħa l-oħra (“il-Ftehim”),
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim ġie konkluż f’isem l-Unjoni Ewropea (“l-Unjoni”) permezz tad-Deċiżjoni 2009/152/KE u qiegħed jiġi applikat b’mod proviżorju mill-4 ta’ Awwissu 2014.
(2)F’konformità mal-Artikolu 85(1) tal-Ftehim, il-Kumitat tal-FSE għandu jfassal lista ta’ persuni li huma lesti u kapaċi jservu bħala arbitri.
(3)Il-Kumitat tal-FSE fil-laqgħa annwali tiegħu fi [data] għandu jissejjaħ biex jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-lista ta’ persuni li huma lesti u kapaċi li jservu bħala arbitri.
(4)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li se tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-FSE, peress li d-deċiżjoni prevista se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni.
(5)L-istabbiliment ta’ lista ta’ individwi li huma lesti u kapaċi jservu bħala arbitri hija prevista mill-Ftehim fl-Artikolu 85(1) tiegħu,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-FSE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat tal-FSE fir-rigward tal-lista ta’ persuni li huma lesti u kapaċi jservu ta’ arbitri, mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President