Brussell, 16.7.2019

COM(2019) 338 final

2019/0154(NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolamenti (UE) 2019/124 u (UE) 2018/2025 fir-rigward ta' ċerti opportunitajiet tas-sajd


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/124 li jistabbilixxi għall-2019 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni. Is-soltu, dawn l-opportunitajiet tas-sajd jiġu emendati diversi drabi fil-perjodu li matulu jkunu fis-seħħ. Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/2025 jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għal ċerti stokkijiet ta’ ħut tal-baħar fond għall-2019 u għall-2020. Il-Proposta tinkludi emenda tat-TAC għal wieħed mill-istokkijiet tal-paġella ħamra wara l-parir tal-ICES dwar dak l-istokk.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-miżuri proposti huma mfassla skont l-objettivi u r-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd u huma konsistenti mal-politika tal-Unjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli.

Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

Il-miżuri proposti huma konsistenti ma’ politiki oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-politiki fil-qasam tal-ambjent.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika ta’ din il-proposta hija l-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

L-obbligi tal-Unjoni għall-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin jirriżultaw mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku l-ġdid tal-PKS.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta hija fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(d) tat-Trattat. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni li ġejja: il-PKS hija politika komuni. Skont l-Artikolu 43(3) tat-Trattat, l-adozzjoni ta’ miżuri dwar l-istabbiliment u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd hija r-responsabbiltà tal-Kunsill.

Għażla tal-istrument

L-istrument propost: Regolament.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-proposta tqis il-kummenti li l-partijiet ikkonċernati, il-Kunsilli Konsultattivi, l-amministrazzjonijiet nazzjonali, l-organizzazzjonijiet tas-sajjieda u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi għamlu matul is-sena, u l-kummenti tagħhom tqiesu meta kienu qed jiġu stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-proposta hija bbażata fuq il-parir xjentifiku tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES).

Valutazzjoni tal-impatt

Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-opportunitajiet tas-sajd huwa ċirkoskritt bl-Artikolu 43(3) tat-Trattat.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli.

Drittijiet fundamentali

Mhux applikabbli.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-miżuri proposti mhu se jkollhom l-ebda implikazzjoni baġitarja.

5.ELEMENTI OĦRA

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-emendi proposti għandhom l-għan li jemendaw ir-Regolament (UE) 2019/124 kif deskritt hawn taħt.

L-inċova fis-subżoni 9 u 10 tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 34.1.1 tas-CECAF hija speċi b’ħajja qasira, li dwarha jitlesta stħarriġ f’Mejju. Għaldaqstant, it-tibdil tal-perjodu li għalih jiġu stabbiliti l-qabdiet totali permissibbli (TAC) minn sena kalendarja għal perjodu mill-1 ta’ Lulju sat-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara jiżgura li l-opportunitajiet tas-sajd ikunu bbażati fuq l-aħjar valutazzjoni possibbli tar-reklutaġġ annwali ta’ din l-ispeċi b’ħajja qasira.

Ir-Regolament (UE) 2018/120, kif emendat bir-Regolament (UE) 2018/1628, stabbilixxa t-TAC għall-inċova b’mod eċċezzjonali għal perjodu ta’ 18-il xahar mill-1 ta’ Jannar 2018 sat-30 ta’ Ġunju 2019, sabiex jallinja ruħu mal-perjodu tal-parir xjentifiku l-ġdid minn Lulju sa Ġunju tas-sena ta’ wara.

Fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/124, it-TAC għall-inċova fis-subżoni 9 u 10 tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 34.1.1 tas-CECAF applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2019 sal-30 ta’ Ġunju 2020 ġiet stabbilita għal żero sakemm jingħata l-parir xjentifiku l-ġdid. Fit-tieni emenda tal-opportunitajiet tas-sajd għall-2019, ġiet stabbilita TAC proviżorja biex tippermetti li jitkompla s-sajd. Il-parir xjentifiku sar disponibbli fit-28 ta’ Ġunju 2019. It-TAC għall-perjodu li jibda mill-1 ta’ Lulju 2019 jenħtieġ li tiġi emendata f’konformità mal-aħħar parir xjentifiku mill-ICES.

L-emendi proposti għandhom ukoll l-għan li jemendaw ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/2025, li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għal ċerti stokkijiet ta’ ħut tal-baħar fond għall-2019 u għall-2020. Fiż-żmien meta ġew stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd, il-parir xjentifiku għall-paġella ħamra fis-subżona 10 tal-ICES kien biss disponibbli għall-2019. Ġie deċiż li l-opportunitajiet tas-sajd għal dak l-istokk jiġu stabbiliti għal 576 tunnellata kemm għall-2019 kif ukoll għall-2020 u, jekk ikun meħtieġ, li jiġu emendati skont il-parir xjentifiku għall-2020. Il-parir xjentifiku tal-ICES għal 553 tunnellata ġie ppubblikat fil-11 ta’ Ġunju 2019. L-opportunitajiet tas-sajd iridu jiġu emendati għall-paġella ħamra fis-subżona 10 tal-ICES sabiex jitqies l-aħħar parir xjentifiku.

2019/0154 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolamenti (UE) 2019/124 u (UE) 2018/2025 fir-rigward ta' ċerti opportunitajiet tas-sajd

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/124 1 jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2019 għal ċerti stokkijiet tal-ħut u għal ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għall-bastimenti tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni.

(2)Fir-Regolament (UE) 2019/124, il-qabdiet totali permissibbli (TAC) għall-inċova (Engraulis encrasicolus) fis-subżoni 9 u 10 tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 34.1.1 tas-CECAF ġew stabbiliti għal żero. Fit-tieni emenda tal-opportunitajiet tas-sajd, ġiet stabbilita TAC proviżorja biex tippermetti li jitkompla s-sajd. L-inċova hija speċi b’ħajja qasira u l-parir xjentifiku rilevanti nħareġ fit-28 ta’ Ġunju 2019. Jenħtieġ li l-limiti tal-qbid għall-inċova fis-subżoni 9 u 10 tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 34.1.1 tas-CECAF issa jiġu emendati f’konformità mal-aħħar parir xjentifiku tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES).

(3)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/2025 2 jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għal ċerti stokkijiet ta’ ħut tal-baħar fond għall-2019 u għall-2020. F’dak ir-Regolament, it-TAC għall-paġella ħamra fis-subżona 10 tal-ICES għal dawn is-sentejn ġiet stabbilita abbażi tal-parir xjentifiku għall-2019, sakemm jinħareġ il-parir xjentifiku għall-2020. Fil-11 ta’ Ġunju 2019, l-ICES ippubblika l-parir xjentifiku għall-2020. Jenħtieġ li t-TAC tiġi stabbilita f’konformità mal-aħħar parir xjentifiku.

(4)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolamenti (UE) 2019/124 u (UE) 2018/2025 jiġu emendati skont dan.

(5)Il-limiti tal-qbid għall-inċova fis-subżoni 9 u 10 tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 34.1.1 tas-CECAF previsti fir-Regolament (UE) 2019/124 japplikaw mill-1 ta’ Lulju 2019. Għaldaqstant, jenħtieġ ukoll li dan ir-Regolament emendatorju japplika minn dik id-data. Tali applikazzjoni retroattiva hija mingħajr preġudizzju għall-prinċipji taċ-ċertezza legali u għall-protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi billi l-opportunitajiet tas-sajd ikkonċernati għadhom ma ġewx eżawriti,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness IA tar-Regolament (UE) 2019/124, it-tabella tal-opportunitajiet tas-sajd għall-inċova fis-subżoni 9 u 10 tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 34.1.1 tas-CECAF hija sostitwita bit-tabella li ġejja:

Speċi:

Inċova

 

 

Żona:

9 u 10; L-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 34.1.1 tas-CECAF

 

Engraulis encrasicolus

 

 

(ANE/9/3411)

 

Spanja

 

4 281

(1)

TAC prekawzjonarja

 

 

Il-Portugall

4 671

(1)

L-Unjoni

8 952

(1)

TAC

8 952

(1)

(1)

Din il-kwota tista’ tinqabad biss mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020.

 

 

 

 

 

 

 

 

Artikolu 2

Fl-Anness tar-Regolament (UE) 2018/2025, it-tabella tal-opportunitajiet tas-sajd għall-paġella ħamra fl-ilmijiet tal-Unjoni u fl-ilmijiet internazzjonali tas-subżona 10 tal-ICES hija sostitwita bit-tabella li ġejja:

 Speċi:

Paġella ħamra 

Żona:

L-ilmijiet tal-Unjoni u dawk internazzjonali taż-żona 10

 

Pagellus bogaraveo 

(SBR/10-)

Sena

2019

2020

TAC prekawzjonarja

Spanja

5

5

Il-Portugall

566

543

Ir-Renju Unit

5

5

L-Unjoni

576

553

TAC

576

 

553

 

 

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/124 tat-30 ta’ Jannar 2019 li jistabbilixxi għall-2019 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni (ĠU L 29, 31.01.2019, p. 1).
(2)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/2025 tas-17 ta’ Diċembru 2018 li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għal ċerti stokkijiet ta’ ħut tal-baħar fond għall-2019 u għall-2020 (ĠU L 325, 20.12.2018, p. 7).