IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 5.7.2019
COM(2019) 321 final
2019/0148(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, rigward it-tressiq tal-proposti għall-emendar tal-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċijiet Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (CMS) fil-kuntest tat-13-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċijiet Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (CMS) b’rabta mat-tressiq ta’ proposti għad-deċiżjonijiet tat-13-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet biex jiġu emendati l-appendiċijiet tal-Konvenzjoni.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċijiet Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (CMS)
Il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċijiet Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (“il-Ftehim”) għandha l-għan li tikkonserva l-ispeċijiet migratorji tal-art, tal-baħar u tal-ajru f’kull parti tal-firxa migratorja tagħhom. Il-Ftehim huwa trattat intergovernattiv, konkluż taħt il-patroċinju tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent, li jittratta l-konservazzjoni tal-ħajja selvaġġa u tal-ħabitats fuq skala globali. L-ispeċijiet migratorji li jridu jiġu kkonservati huma elenkati fl-Appendiċijiet I (speċijiet fil-periklu li jinqerdu) u II (speċijiet li jkunu s-suġġetti ta’ ftehimiet) tal-Ftehim. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 1983.
L-Unjoni Ewropea hija parti għall-Ftehim.
2.2.Il-Konferenza tal-Partijiet
Il-Konferenza tal-Partijiet hija l-korp tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Ftehim u għandha s-setgħat li tivvaluta l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet migratorji u, sussegwentement, li temenda l-Appendiċijiet I u II tal-Ftehim. F’konformità mal-Artikolu XI tal-Ftehim, il-proposti għall-emendar jistgħu jsiru minn kwalunkwe Parti, u għandhom jiġu adottati minn maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Partijiet preżenti u li jivvutaw.
It-tlettax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet se ssir f’Gandhinagar (l-Indja) mill-15 sat-22 ta’ Frar 2020. F’konformità mal-Artikolu XI (3), is-Segretarjat tal-Ftehim stabbilixxa li l-iskadenza għat-tressiq tal-proposti għall-emendar se tkun id-19 ta’ Settembru 2019. Għalhekk jeħtieġ li l-Kunsill jieħu Deċiżjoni bil-fini li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-kuntest tat-tlettax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet rigward it-tressiq tal-proposti għall-emendar.
Qabel it-tlettax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet, is-Segretarjat tal-Ftehim jista’ jikkomunika proposti li jkunu saru minn Partijiet oħra sabiex jiġu emendati l-Appendiċijiet I u II tal-Ftehim, li jistgħu jirrikjedu Deċiżjoni ulterjuri biex tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tiġi adottata f’isem l-Unjoni rigward dawk il-proposti.
2.3.L-att previst tal-Konferenza tal-Partijiet
Għat-tlettax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet, qed jiġi propost li l-Unjoni tressaq proposti sabiex temenda l-Appendiċi I tal-Ftehim biex iżżid il-protezzjoni ta’ speċi wieħed ta’ għasfur (Tetrax tetrax) u sabiex temenda l-Appendiċi II tal-Ftehim biex iżżid il-protezzjoni tal-istess speċi ta’ għasfur (Tetrax tetrax) kif ukoll żewġ speċijiet ta’ kelb il-baħar (Galeorhinus galeus u Sphyrna zygaena), f’kull parti tal-firxa tad-distribuzzjoni tagħhom, inkluż barra mill-Unjoni.
Jekk jiġi adottat, l-att previst se jsir vinkolanti għall-partijiet f’konformità mal-Artikolu XI tal-Ftehim, li jipprevedi li emenda għall-Appendiċijiet tidħol fis-seħħ għall-Partijiet kollha disgħin jum wara l-laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet li fiha tiġi adottata, għajr għal dawk il-Partijiet li jressqu riżerva.
3.Pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni
Il-proposti tal-Unjoni biex jiġu emendati l-appendiċijiet huma bbażati fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin: (1) l-inklużjoni ta’ dawn l-ispeċijiet hija xjentifikament soda; (2) din l-inklużjoni hija konsistenti mal-leġiżlazzjoni tal-UE; u (3) l-Unjoni hija impenjata fil-kooperazzjoni internazzjonali għall-protezzjoni tal-bijodiversità.
Il-proposta hija konsistenti mas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali u mal-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020, speċjalment il-Mira 6: għajnuna biex tiġi evitata t-telfa tal-bijodiversità fuq livell dinji. Din il-proposta ma teħtieġ l-ebda bidla fid-dritt tal-Unjoni, peress li tikkonċerna speċijiet li diġà jibbenefikaw minn protezzjoni xierqa skont id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva dwar l-Għasafar u l-Politika Komuni tas-Sajd tal-UE.
Il-proposta ma toħloq l-ebda rekwiżit ġdid ta’ monitoraġġ jew ta’ rapportar. L-ippjanar u l-monitoraġġ kollu tal-implimentazzjoni jkun parti mill-attivitajiet regolari tal-ippjanar u tar-rappurtar skont il-Ftehim. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda implikazzjoni baġitarja.
Sar skambju informali ta’ fehmiet preliminari mal-Istati Membri permezz ta’ konsultazzjoni bil-miktub tal-Istati Membri li huma membri tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni għall-Bijodiversità u għan-Natura (CGBN) u l-Grupp ta’ Esperti dwar id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats (NADEG).
Għalhekk jenħtieġ li l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni tkun li tawtorizza lill-Kummissjoni tressaq il-proposti msemmija hawn fuq lis-Segretarjat tal-Ftehim.
4.Bażi ġuridika
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi Deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
Il-Konferenza tal-Partijiet hija korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċijiet Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (CMS).
L-att li l-Konferenza tal-Partijiet qed tintalab tadotta jikkostitwixxi att li jkollu effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu XI tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċijiet Migratorji tal-Annimali Selvaġġi.
L-att previst ma jissupplimentax jew ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun ibbażata fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst huma marbuta mal-ambjent.
Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 192(1).
4.3.Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2019/0148 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, rigward it-tressiq tal-proposti għall-emendar tal-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċijiet Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (CMS) fil-kuntest tat-13-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċijiet Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (“il-Ftehim”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/461/KEE u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 1983.
(2)Skont l-Artikolu XI tal-Ftehim, il-Konferenza tal-Partijiet tista’ tadotta emendi għall-Appendiċijiet I u II tal-Ftehim.
(3)Il-Konferenza tal-Partijiet, waqt it-tlettax-il laqgħa tagħha mill-15 sat-22 ta’ Frar 2020, tista’ tadotta tali emendi. Is-Segretarjat tal-Konvenzjoni informa lill-Partijiet għall-Konvenzjoni li kwalunkwe proposta għall-emendar trid tiġi kkomunikata, b’konformità mal-Artikolu XI(3) tal-Ftehim, sad-19 ta’ Settembru 2019. L-Unjoni tista’, bħala Parti għall-Konvenzjoni, tressaq tali proposti.
(4)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni rigward it-tressiq ta’ proposti għall-emendar tal-Appendiċijiet tal-Ftehim, peress li tali emendi se jkunu vinkolanti għall-Unjoni.
(5)L-inklużjoni tal-ispeċi Tetrax tetrax fl-Appendiċi I tal-Ftehim u tal-ispeċijiet Tetrax tetrax, Galeorhinus galeus u Sphyrna zygaena fl-Appendiċi II tkun xjentifikament soda u konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kif ukoll mal-impenn tal-Unjoni fil-kooperazzjoni internazzjonali għall-protezzjoni tal-bijodiversità. Għalhekk jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun awtorizzata tipproponi emendi b’dak l-effett.
(6)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkomunika dawk il-proposti lis-Segretarjat tal-Ftehim,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1.
Fid-dawl tat-tlettax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċijiet Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (“il-Ftehim”), il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tressaq, f’isem l-Unjoni, proposta għall-emendi li ġejjin:
(a)
emenda għall-Appendiċi I tal-Ftehim biex jinkludi l-ispeċi Tetrax tetrax;
(b)
emendi għall-Appendiċi II tal-Ftehim biex jinkludi l-ispeċijiet Tetrax tetrax, Galeorhinus galeus u Sphyrna zygaena.
2.
Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-proposti msemmija fil-paragrafu 1 lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President