IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.7.2019
COM(2019) 314 final
ANNESS
ta' [...]
Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill
li tissupplimenta d-direttivi tan-negozjati għall-Aġenda ta’ Doha għall-Iżvilupp dwar in-negozjati ta’ qafas multilaterali dwar il-faċilitazzjoni tal-investiment
ANNESS
1.NATURA U AMBITU TAR-REGOLI U L-IMPENJI
1.Abbażi tal-awtorizzazzjoni eżistenti mill-Kunsill għan-negozjati fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) skont l-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp, l-għan tan-negozjati multilaterali dwar il-faċilitazzjoni tal-investiment għandu jkun li jiġi stabbilit qafas multilaterali ta’ regoli bil-għan li jiġi ffaċilitat l-investiment dirett barrani (IDB) fid-dinja kollha. L-għan huwa li tinħoloq klima aktar trasparenti, effiċjenti u prevedibbli għall-iffaċilitar tal-investiment transfruntier. Tali qafas għandu jiffoka fuq l-IDB bl-esklużjoni ta’ movimenti kapitali fuq perjodu qasir ta’ żmien, u għandu jimmira li jiżgura l-kundizzjonijiet tajbin għall-investiment internazzjonali li jwassal għal żvilupp sostenibbli, filwaqt li jippreserva l-kapaċità tal-pajjiżi ospitanti biex jirregolaw l-attività ta’ investituri fit-territorji rispettivi tagħhom.
2.F’konformità mad-Dikjarazzjoni Ministerjali Konġunta dwar l-Iffaċilitar tal-Investimenti għall-Iżvilupp adottata minn 70 Membru tad-WTO waqt il-Ħdax-il Konferenza Ministerjali fit-13 ta’ Diċembru 2017, dawn in-negozjati mhux se jindirizzaw l-aċċess għas-suq, il-protezzjoni tal-investiment u s-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat.
3.In-negozjati għandhom jitmexxew u jiġu konklużi b’attenzjoni xierqa għad-drittijiet u l-obbligi tal-Membri skont id-WTO, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji ta’ trasparenza u inklużività u jibnu fuq ftehimiet eżistenti tad-WTO.
4.In-negozjati għandhom jimmiraw li jiżviluppaw dixxiplini u impenji ta’ standard għoli bil-parteċipazzjoni tal-akbar għadd possibbli ta’ Membri tad-WTO. In-negozjati għandhom iqisu l-opportunitajiet uniċi għall-Membri tad-WTO dwar il-faċilitazzjoni tal-investiment, kif ukoll l-isfidi li qegħdin jiffaċċjaw f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, ir-regoli u l-impenji jenħtieġ li jipprovdu għall-flessibilità xierqa.
5.Ir-regoli u l-impenji miftiehma mill-Unjoni Ewropea (UE) għandhom iqisu l-obbligu tan-nondiskriminazzjoni fi ftehimiet eżistenti tad-WTO sal-punt li dawn huma rilevanti u applikabbli f’kuntest ta’ faċilitazzjoni tal-investiment.
2.KONTENUT PROPOST TAR-REGOLI U L-IMPENJI
6.In-negozjati għandhom jiżviluppaw qafas ġdid ta’ dixxiplini fid-WTO li għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-IDB. Dan il-qafas għandu joħloq ambjent trasparenti, effiċjenti u prevedibbli għall-investimenti internazzjonali għall-benefiċċju tan-negozji tal-UE ta’ kull daqs, inklużi l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, u għandha ssaħħaħ ukoll il-kapaċità ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk l-anqas żviluppati biex jattiraw l-IDB biex b’hekk tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom fil-katini tal-valur globali.
7.In-negozjati se jitmexxew b’mod miftuħ u inklużiv. Għaldaqstant, dawn jistgħu jkopru kwalunkwe aspett ta’ faċilitazzjoni tal-investiment li jkun propost mill-Membri parteċipanti. Filwaqt li jirrikonoxxu n-natura trażversali tal-faċilitazzjoni tal-investiment, in-negozjati jistgħu jkopru kwistjonijiet bħal:
–Elementi mmirati lejn it-titjib tat-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-miżuri ta’ investiment, inklużi r-regoli u l-kundizzjonijiet applikabbli għad-dħul u l-operazzjoni ta’ IDB (pubblikazzjoni u disponibbiltà ta’ miżuri u informazzjoni; notifikazzjoni lid-WTO; punti ta’ informazzjoni);
–Elementi mmirati lejn is-simplifikazzjoni u t-tħaffif ta’ proċeduri amministrattivi u rekwiżiti (proċeduri amministrattivi u rekwiżiti ta’ dokumentazzjoni; limiti ta’ żmien għall-proċeduri amministrattivi; trattament ta’ applikazzjonijiet mhux kompluti; tariffi u imposti; reviżjoni tal-proċeduri amministrattivi; użu tal-gvern elettroniku; tipi ta’ mekkaniżmi ta’ punt uniku ta' servizz/tieqa unika; tipi ta’ mekkaniżmi ta’ punt fokali/punt ta’ kuntatt/ombudsperson, inklużi r-relazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati u prevenzjoni tat-tilwim);
–Elementi li għandhom l-għan li jsaħħu l-kooperazzjoni internazzjonali, kondiviżjoni tal-informazzjoni, l-iskambju tal-aħjar prattiki (il-kooperazzjoni internazzjonali fost il-Membri; kooperazzjoni internazzjonali fil-livell multilaterali permezz ta’ Kumitat tad-WTO dwar kwistjonijiet ta’ faċilitazzjoni tal-investiment);
–Id-dimensjoni tal-iżvilupp (l-isfidi li jiffaċċjaw il-pajjiżi inqas żviluppati; il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki; dispożizzjonijiet ta’ trattament speċjali u differenzjali; assistenza teknika u bini ta' kapaċità) u l-promozzjoni ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva u żvilupp sostenibbli.
8.L-Unjoni Ewropea tista’ tidħol ukoll f’negozjati dwar aspetti oħra relevanti għall-iffaċilitar tal-IDB, kif propost mill-Membri parteċipanti, f'konformità ma’ dawn id-direttivi.
9.Kwalunkwe regola jew impenn miftiehem mill-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tkun/ikun konformi mal-qafas legali tal-UE.