IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 2.7.2019
COM(2019) 309 final
2019/0146(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/805/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja tintroduċi miżuri ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
F’konformità mal-Artikolu 395(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE ta’ 28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (“id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza kwalunkwe Stat Membru jintroduċi miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex tiġi ssimplifikata l-proċedura li biha tinġabar it-taxxa jew sabiex jiġu evitati ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.
Permezz tal-ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-14 ta’ Jannar 2019, il-Polonja talbet estensjoni tad-deroga mill-Artikolu 26(1)(a) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-VAT sabiex tkompli (a) tillimita għal 50 % id-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT fuq ix-xiri fuq nefqa relatata ma’ ċerti vetturi bil-mutur u (b) sabiex teżenta mill-VAT l-użu ta’ vetturi bil-mutur koperti bid-deroga minn persuni taxxabbli koperti mid-deroga għal skopijiet privati jew għal kwalunkwe skop ieħor minbarra attivitajiet tan-negozju. Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Polonja permezz tal-ittra bid-data tal-15 ta’ April 2019. Permezz tal-ittra bid-data tas-16 ta’ April 2019, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Polonja li kellha l-informazzjoni kollha li kienet tqis meħtieġa biex tevalwa t-talba.
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
L-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi li persuna taxxabbli hija intitolata li tnaqqas il-VAT imposta fuq ix-xiri ta’ oġġetti jew servizzi użati għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli fl-Istat Membru fejn isiru dawn it-tranżazzjonijiet. L-Artikolu 26(1)(a) tal-istess Direttiva jistipula li l-użu ta’ merkanzija li tifforma parti mill-assi tan-negozju għall-użu privat, għandu jitqies bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas jekk il-VAT fuq it-tali merkanzija kienet eliġibbli għat-tnaqqis.
Fil-każ ta’ karozzi tal-passiġġieri li jiffurmaw parti mill-assi tan-negozju, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq fiha għadd ta’ diffikultajiet prattiċi, b’mod partikolari minħabba li mhuwiex faċli li ssir distinzjoni bejn l-użu privat u dak tan-negozju ta’ vettura bil-mutur. Barra minn hekk, f’każijiet fejn jinżammu rekords dwar l-użu ta’ tali karozzi, dawn iżidu piż addizzjonali kemm għan-negozji kif ukoll għall-amministrazzjonijiet f’termini taż-żamma u l-kontroll tagħhom. Dawk id-diffikultajiet jistgħu jżidu r-riskju ta’ abbuż tal-VAT jew ta’ tentattivi ta’ frodi.
Attwalment il-Polonja hija awtorizzata tidderoga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-VAT billi tillimita għal 50 % d-dritt li titnaqqas il-VAT fuq ix-xiri, fuq l-akkwist intra-Komunitarju, fuq l-importazzjoni, fuq il-kiri jew il-lokazzjoni ta’ vetturi bil-mutur kif ukoll il-VAT imposta fuq in-nefqa relatata ma’ dawk il-vetturi, dment li dawn ma jintużawx esklużivament għall-iskopijiet tan-negozju. Id-deroga ma tkoprix vetturi bil-mutur b’piż totali massimu ta’ aktar minn 3,5 tunnellati u dawk b’aktar minn disa’ siġġijiet, inkluż is-siġġu tas-sewwieq. Bl-istess mod, id-deroga ma tkoprix nefqiet relatati totalment man-negozju tal-persuna taxxabbli.
Barra minn hekk, il-Polonja hija awtorizzata tidderoga mill-Artikolu 26(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT billi teżenta mill-VAT l-użu privat mill-persuna taxxabbli jew mill-persunal tagħha ta’ vetturi maqbuda mid-deroga msemmija hawn fuq. Kwalunkwe użu għal skopijiet oħra għajr tan-negozju huwa kkunsidrat bħala użu privat.
L-awtorizzazzjoni għal dawn il-miżuri ta’ deroga ngħatat l-ewwel mill-Kunsill permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/805/UE tas-17 ta’ Diċembru 2013 għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2016. Imbagħad, il-Polonja inkorporat il-miżuri awtorizzati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-VAT b’effett mill-1 ta’ April 2014.
Fl-2016, il-Polonja talbet estensjoni tal-perjodu li fih setgħu jiġu applikati l-miżuri inkwistjoni. Il-Kunsill awtorizza din l-estensjoni sal-31 ta’ Diċembru 2019 permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1837 tas-11 ta’ Ottubru 2016.
It-talba attwali tal-Polonja biex id-deroga tittawwal aktar sal-31 ta’ Diċembru 2022 hija bbażata fuq l-istess raġunijiet bħal dawk ippreżentati fit-talbiet preċedenti. It-talba hija akkumpanjata minn rapport li jinkludi rieżami tal-limitu tal-perċentwal applikat fuq id-dritt għat-tnaqqis, kif meħtieġ mill-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2013/805/UE.
Il-Polonja ssostni li r-rata attwali ta’ 50 % hija ġustifikabbli u jenħtieġ li tkompli tiġi applikata, billi kkontribwiet għas-simplifikazzjoni tal-proċedura tal-ġbir tal-VAT u evitat l-evażjoni tat-taxxa. Skont id-data ppreżentata mill-Polonja, l-ekonomija Pollakka hija ddominata minn intrapriżi żgħar b’fatturat modest (mikrointrapriżi) u bi ftit impjegati. Intrapriżi bħal dawn huma jew kummerċjanti għal rashom jew ditti tal-familja. Fl-2014–2017, dawn ammontaw għal kważi 96 % tal-għadd totali tal-intrapriżi fil-pajjiż. Il-Polonja ssostni li huwa diffiċli li tiddelinja bejn l-użu privat u tan-negozju tal-vetturi korporattivi li huma l-proprjetà ta’ tali mikrointrapriżi. L-istess jgħodd fir-rigward ta’ kumpaniji kbar, li spiss jagħmlu l-vetturi tagħhom disponibbli għall-użu esklużiv tal-impjegati tagħhom bħala benefiċċju mhux fi flus kontanti. Huwa minnu li biex tiġi stabbilita distinzjoni bejn l-użu privat u dak tan-negozju tal-vetturi korporattivi, dan jinvolvi spejjeż onerużi u sproporzjonati biex jinżammu r-rekords xierqa b’paragun mal-benefiċċji li jista’ jkun hemm, b’mod partikolari fir-rigward tal-kummerċjanti għal rashom u l-mikrointrapriżi. Dan jista’ jwassal ukoll għal tilwim legali bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u l-persuni taxxabbli li jirriżulta fi spejjeż addizzjonali.
Huwa ddikjarat li r-rata perċentwali stabbilita ta’ 50 % tirrifletti b’mod adegwat l-użu effettiv tan-negozju ta’ tali vetturi. Fil-fatt, kif ippreżentat mill-Polonja, l-applikazzjoni ta’ rata ogħla jew ta’ rata aktar baxxa tkun twassal għal diskrepanzi kbar wisq bejn ir-rata stabbilita u l-użu effettiv ta’ vetturi għall-attivitajiet tan-negozju u għal skopijiet privati. Din ir-rata hija simili għall-perċentwal użat fi Stati Membri oħra.
Jidher li l-persuni taxxabbli esprimew opinjoni fil-biċċa l-kbira pożittiva kemm dwar il-kundizzjonijiet għat-tnaqqis kif ukoll dwar ir-rata perċentwali stabbilita. Il-miżuri adottati bid-Deċiżjoni 2013/805/UE huma kkunsidrati bħala kompromess sodisfaċenti bejn ir-regoli adottati u ż-żamma tar-rekords li hija għalja, tieħu ħafna ħin u pjuttost mhix effettiva, dejjem sabiex jiġi kkonfermat li vettura partikolari kienet tabilħaqq użata għall-attivitajiet tan-negozju.
Il-miżuri ta’ deroga mhumiex mistennija li jaffettwaw b’mod sinifikanti l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa tal-Polonja miġbur fl-istadju tal-konsum finali. Bl-istess mod, mhumiex mistennija li jaffettwaw ħażin ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT.
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, u minħabba li l-qafas legali tal-UE u s-sitwazzjoni fattwali baqgħu l-istess, l-estensjoni mitluba tal-miżuri ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2022 tidher li hija ġġustifikata. Għalhekk, qed jiġi propost li t-talba tintlaqa’. F’każ li l-Polonja tkun tixtieq titlob estensjoni oħra lil hinn mill-2022, hija għandha tressaq talba għal estensjoni sal-1 ta’ April 2022, flimkien ma’ rapport li jinkludi rieżami tar-restrizzjoni tal-perċentwal applikata.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika
Derogi simili b’rabta mad-dritt għat-tnaqqis ingħataw lil Stati Membri oħra.
L-Artikolu 176 tad-Direttiva tal-VAT jistipula li l-Kunsill għandu jiddetermina n-nefqa li minnha ma tistax titnaqqas il-VAT. Sa dak iż-żmien, dan jawtorizza lill-Istati Membri jżommu l-esklużjonijiet li kienu fis-seħħ skont il-liġijiet nazzjonali fl-1 ta’ Jannar 1979. Fuq din il-bażi, hemm għadd ta’ dispożizzjonijiet “standstill” li jirrestrinġu d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur korporattivi.
Inizjattivi preċedenti biex jiġu stabbiliti regoli dwar liema kategoriji ta’ nefqa jistgħu jkunu soġġetti għar-restrizzjoni fuq id-dritt tat-tnaqqis ma rnexxewx. Sakemm dawk ir-regoli jiġu armonizzati fil-livell tal-UE, derogi bħal din huma kkunsidrati xierqa.
Għalhekk, il-miżura proposta hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT huwa l-unika bażi legali possibbli.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-proposta hija fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.
Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan li jrid jintlaħaq, jiġifieri s-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxa u l-prevenzjoni ta’ ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa. B’mod partikolari, minħabba l-potenzjal li n-negozji jissottojiddikjaraw ir-responsabbiltà tagħhom u minħabba l-iċċekkjar oneruż għall-awtoritajiet tat-taxxa tad-data dwar il-kilometraġġ, ir-restrizzjoni ta’ 50 % tissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT u tevita l-evażjoni tat-taxxa inter alia minħabba żamma skorretta tar-rekords.
•Għażla tal-istrument
L-istrument propost huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.
Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, hija possibbli li tingħata deroga mir-regoli komuni tal-VAT biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni. Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument xieraq minħabba li tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Il-proposta attwali hija bbażata fuq talba li saret mill-Polonja u tikkonċerna biss dan l-Istat Membru partikolari.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta għandha l-għan li tissimplifika l-proċedura għall-ġbir tal-VAT u li tiġi evitata l-evażjoni tal-VAT. Għalhekk, hija għandha impatt potenzjalment pożittiv kemm għan-negozji kif ukoll għall-amministrazzjonijiet. Il-miżuri ta’ deroga ġew identifikati mill-Polonja bħala l-aktar soluzzjoni xierqa u huma komparabbli ma’ derogi oħra tal-passat u attwali li ngħataw lil Stati Membri oħra.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta ma għandhiex konsegwenzi għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta mhi se jkollha l-ebda impatt negattiv fuq il-baġit tal-UE.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar
Il-proposta tinkludi klawżola ta’ estinzjoni stabbilita sal-31 ta’ Diċembru 2022.
F’każ li l-Polonja tikkunsidra estensjoni oħra tal-miżuri ta’ deroga lil hinn mill-2022, jenħtieġ li tippreżenta talba għal estensjoni lill-Kummissjoni flimkien ma’ rapport li jinkludi rieżami tal-limitu ta’ perċentwali mhux aktar tard mill-1 ta’ April 2022.
2019/0146 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/805/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja tintroduċi miżuri ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)L-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE jistabbilixxi d-dritt ta’ persuna taxxabbli għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq il-provvisti ta’ merkanzija u ta’ servizzi li tkun irċeviet u li jintużaw għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha. L-Artikolu 26(1)(a) ta’ dik id-Direttiva jittratta l-użu ta’ assi tan-negozju għall-użu privat ta’ persuna taxxabbli jew tal-persunal tagħha jew, b’mod aktar ġenerali, għal skopijiet oħra minbarra dawk tan-negozju tagħha bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas.
(2)Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/805/UE, il-Polonja hija awtorizzata li tillimita d-dritt skont l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE li tnaqqas il-VAT għal 50 % fil-każ ta’ VAT fuq ix-xiri, fuq l-akkwist intra-Komunitarju, fuq l-importazzjoni, fuq il-kiri jew il-lokazzjoni ta’ ċerti vetturi tat-triq motorizzati, u tal-VAT fuq in-nefqa relatata ma’ dawk il-vetturi, meta l-vettura inkwistjoni ma tkunx użata kompletament għal skopijiet tan-negozju. Għall-vetturi li għalihom japplika limitu ta’ 50 %, il-Polonja hija awtorizzata wkoll li teħles lill-persuni taxxabbli milli jkollhom jittrattaw l-użu mhux tan-negozju ta’ dawk il-vetturi bħala provvista ta’ servizzi skont l-Artikolu 26(1)(a) ta’ dik id-Direttiva.
(3)Id-data tal-iskadenza tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/805/UE ġiet estiża bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2016/1837/UE sal-31 ta’ Diċembru 2019.
(4)Permezz tal-ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-14 ta’ Jannar 2019, il-Polonja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżuri ta’ deroga awtorizzati mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/805/UE (“il-miżuri ta’ deroga”) għal perjodu ieħor sal-31 ta’ Diċembru 2022.
(5)Permezz tal-ittra bid-data tal-15 ta’ April 2019, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE bit-talba li l-Polonja għamlet. Permezz tal-ittra bid-data tas-16 ta’ April 2019, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Polonja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tqis it-talba.
(6)Flimkien mat-talba, il-Polonja ssottomettiet rapport lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/805/UE, li jinkludi rieżami tar-restrizzjoni tal-perċentwal applikat fuq id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT. Fuq il-bażi tal-informazzjoni attwalment disponibbli, il-Polonja ssostni li rata ta’ 50 % għadha ġġustifikata. Hija ssostni wkoll li d-deroga awtorizzata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/805/UE mir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 26(1)(a) tad-Direttiva 2006/112/KE għadha meħtieġa biex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja. Dawk il-miżuri ta’ deroga jistgħu jkunu ġġustifikati mill-ħtieġa li tiġi ssimplifikata l-proċedura għall-ġbir tal-VAT u li tiġi evitata l-evażjoni tat-taxxa li tirriżulta miż-żamma skorretta tar-rekords u minn dikjarazzjonijiet foloz tat-taxxa.
(7)Jenħtieġ li l-estensjoni tal-miżuri ta’ deroga tkun limitata għaż-żmien meħtieġ biex tiġi evalwata l-effettività tal-miżuri ta’ deroga u l-adegwatezza tal-perċentwal. Għalhekk, jenħtieġ li l-Polonja tkun awtorizzata tkompli tapplika l-miżuri ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2022.
(8)Jenħtieġ li tiġi stabbilita data ta’ skadenza biex tintalab awtorizzazzjoni għal kwalunkwe estensjoni oħra tal-miżuri ta’ deroga lil hinn mill-2022. Jenħtieġ li l-Polonja tkun meħtieġa tissottometti wkoll rapport flimkien ma’ kull tali talba għal estensjoni, inkluża rieżami tar-restrizzjoni tal-perċentwal applikata fuq id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT.
(9)Il-miżuri ta’ deroga se jkollhom biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali ta’ taxxa miġbura fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollhom impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mill-VAT.
(10)Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/805/UE tiġi emendata skont dan,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/805/UE huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2022.
Kwalunkwe talba għall-awtorizzazzjoni tal-estensjoni tal-miżuri ta’ deroga awtorizzati b’din id-Deċiżjoni għandha ssir lill-Kummissjoni sal-1 ta’ April 2022. It-talba għandu jkollha magħha rapport li jinkludi rieżami tar-restrizzjoni tal-perċentwal applikata fuq id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT abbażi ta’ din id-Deċiżjoni.”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President