Brussell, 24.6.2019

COM(2019) 297 final/2 – DOWNGRADED on 16.7.2019

2019/0142(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni ta’ ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerka dwar l-Allokazzjoni lill-Istati Uniti ta’ Sehem fil-Kwota Tariffarja prevista fir-Regolament (KE) Nru 617/2009 tat-13 ta’ Lulju 2009 li jiftaħ kwota tariffarja awtonoma għall-importazzjonijiet ta’ laħam taċ-ċanga ta’ kwalità għolja


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Skont ir-Regolament (KE) Nru 617/2009, l-Unjoni Ewropea fetħet kwota tariffarja annwali 1 għal-Laħam taċ-Ċanga ta’ Kwalità Għolja f’konformità mal-Memorandum ta’ Qbil bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Uniti u l-verżjoni riveduta tiegħu, jiġifieri l-Memorandum ta’ Qbil Rivedut mal-Istati Uniti tal-Amerika Rigward l-Importazzjoni taċ-Ċanga ġejja minn Annimali li Ma Jkunux Ġew Ittrattati b’Ċerti Ormoni tat-Tkabbir u Rigward id-Dazji Ogħla Applikati mill-Istati Uniti għal ċerti prodotti tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Ottubru 2013 (aktar ’il quddiem imsejjaħ it-“TRQ”). Fl-14 ta’ April 2014, il-Memorandum ta’ Qbil rivedut ġie kkomunikat mill-Unjoni u l-Istati Uniti lill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO.

F’Diċembru tal-2016, l-Istati Uniti ħadu passi biex jerġgħu jdaħħlu dazji ogħla fuq ċerti prodotti tal-UE b’rabta mat-tilwima tad-WTO KE – Miżuri li Jikkonċernaw il-Laħam u l-Prodotti tal-Laħam (Ormoni) (DS26) (“KE-Ormoni”). Il-proċedura għad-dħul mill-ġdid tad-dazji nfetħet fuq talba tal-industrija taċ-ċanga tal-Istati Uniti li qajmet tħassib dwar l-implimentazzjoni tat-TRQ.

Bil-ħsieb li jevitaw l-introduzzjoni mill-ġdid tad-dazji ogħla fuq ċerti prodotti tal-UE, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti wettqu konsultazzjonijiet rigward it-tħaddim tal-Memorandum ta’ Qbil rivedut skont l-Artikolu IV.1(b) tiegħu, li fihom l-Istati Uniti talbu l-allokazzjoni ta’ sehem mill-kwota tariffarja miftuħa skont il-Memorandum ta’ Qbil rivedut.

Huwa fl-interess tal-Unjoni li talloka sehem mill-kwota tariffarja lill-Istati Uniti sabiex eventwalment iż-żewġ Partijiet jilħqu soluzzjoni bi qbil reċiproku għat-tilwima tad-WTO fil-każ DS26 li għandha tiġi notifikata lill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO.

Fid-19 ta’ Ottubru 2018, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati f’isem l-Unjoni mal-Istati Uniti tal-Amerka rigward it-tħaddim tat-TRQ, bil-ħsieb li fit-TRQ jiġi allokat sehem lill-Istati Uniti, bil-għan li tintlaħaq riżoluzzjoni definittiva għat-tilwima tad-WTO fil-każ DS26. Dawn in-negozjati ġew konklużi b’suċċess.

Barra minn hekk, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tfittex il-qbil ta’ pajjiżi fornituri sostanzjali oħra fir-rigward tal-allokazzjoni tal-pajjiżi tat-TRQ, f’konformità mar-regoli applikabbli tad-WTO, sa fejn ikun meħtieġ. Fil-fatt, sabiex ikun hemm konformità mal-Artikolu XIII:2 tal-GATT, meta jkun hemm allokazzjoni ta’ kwota tariffarja fost il-pajjiżi fornituri, il-parti li talloka l-kwota tariffarja jenħtieġ li tfittex qbil mal-fornituri sostanzjali kollha fir-rigward tal-allokazzjoni tal-ishma fil-kwota tariffarja. Sabiex jiġi żgurat li l-allokazzjoni tal-pajjiżi mill-kwota tariffarja preżenti tkun konformi mal-obbligi tad-WTO tal-UE, l-UE trid tara li tilħaq ftehim mal-fornituri sostanzjali l-oħra skont it-TRQ (jiġifieri mal-Awstralja, mal-Urugwaj u mal-Arġentina). Għaldaqstant, il-Kummissjoni fittxet il-qbil tal-pajjiżi fornituri sostanzjali u kisbet il-kunsens bil-miktub tagħhom għall-allokazzjoni ta’ sehem fit-TRQ lill-Istati Uniti fil-forma ta’ ittri ta’ aċċettazzjoni li waslulha fl-10, fl-20 u fil-31 ta’ Mejju 2019.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Mhux applikabbli.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Mhux applikabbli.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 207(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tat-TFUE,

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Mhux applikabbli, peress li l-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni hija esklużiva (l-Artikolu 3(1)(e) tat-TFUE).

Proporzjonalità

Mhux applikabbli.

Għażla tal-istrument

L-istrument xieraq għall-allokazzjoni ta’ sehem mit-TRQ lill-Istati Uniti huwa ftehim internazzjonali.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Mhux applikabbli.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Mhux applikabbli.

Valutazzjoni tal-impatt

Mhux applikabbli.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli.

Drittijiet fundamentali

Mhux applikabbli.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

L-ebda implikazzjoni.

2019/0142 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni ta’ ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerka dwar l-Allokazzjoni lill-Istati Uniti ta’ Sehem fil-Kwota Tariffarja prevista fir-Regolament (KE) Nru 617/2009 tat-13 ta’ Lulju 2009 li jiftaħ kwota tariffarja awtonoma għall-importazzjonijiet ta’ laħam taċ-ċanga ta’ kwalità għolja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2019/XXX/UE, il-ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerka rigward l-Allokazzjoni lill-Istati Uniti ta’ Sehem fil-Kwota Tariffarja għal-Laħam taċ-Ċanga ta’ Kwalità Għolja msemmija fil-Memorandum ta’ Qbil Rivedut bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea Rigward l-Importazzjoni taċ-Ċanga ġejja minn Annimali li Ma Jkunux Ġew Ittrattati b’Ċerti Ormoni tat-Tkabbir u Rigward id-Dazji Ogħla Applikati mill-Istati Uniti għal Ċerti Prodotti tal-Unjoni Ewropea (tal-2014) ġie ffirmat fi XXXXX, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(2)Jenħtieġ li l-ftehim jiġi approvat f’isem l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerka rigward l-Allokazzjoni lill-Istati Uniti ta’ Sehem fil-Kwota Tariffarja għal-Laħam taċ-Ċanga ta’ Kwalità Għolja msemmija fil-Memorandum ta’ Qbil Rivedut bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea Rigward l-Importazzjoni taċ-Ċanga li ġejja minn Annimali li Ma Jkunux Ġew Ittrattati b’Ċerti Ormoni tat-Tkabbir u Rigward id-Dazji Ogħla Applikati mill-Istati Uniti għal Ċerti Prodotti tal-Unjoni Ewropea (tal-2014) huwa b’dan konkluż f’isem l-Unjoni.

It-test tal-ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 617/2009 tat-13 ta’ Lulju 2009 li jiftaħ kwota tariffarja awtonoma għall-importazzjonijiet tal-laħam taċ-ċanga ta’ kwalità għolja (ĠU L 182, 15.7.2009, p. 1)

Brussell, 24.6.2019

COM(2019) 297 final/2 – DOWNGRADED on 16.7.2019

ANNESS

ta'

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni ta’ ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerka dwar l-Allokazzjoni lill-Istati Uniti ta’ Sehem fil-Kwota Tariffarja prevista fir-Regolament (KE) Nru 617/2009 tat-13 ta’ Lulju 2009 li jiftaħ kwota tariffarja awtonoma għall-importazzjonijiet ta’ laħam taċ-ċanga ta’ kwalità għolja


ANNESS

FTEHIM BEJN

L-ISTATI UNITI TAL-AMERKA

U L-UNJONI EWROPEA
DWAR L-ALLOKAZZJONI LILL-ISTATI UNITI TA’ SEHEM FIL-KWOTA TARIFFARJA GĦAL-LAĦAM TAĊ-ĊANGA TA’ KWALITÀ GĦOLJA MSEMMI

FIL-MEMORANDUM TA’ QBIL RIVEDUT
RIGWARD L-IMPORTAZZJONI TAĊ-ĊANGA ĠEJJA MINN ANNIMALI LI MA JKUNUX ĠEW ITTRATTATI B’ĊERTI ORMONI TAT-TKABBIR U RIGWARD ID-DAZJI OGĦLA APPLIKATI MILL-ISTATI UNITI GĦAL ĊERTI PRODOTTI TAL-UNJONI EWROPEA (2014)

L-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea, il-Partijiet tal-Memorandum ta’ Qbil Rivedut bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea Rigward l-Importazzjoni taċ-Ċanga ġejja minn Annimali li Ma Jkunux Ġew Ittrattati b’Ċerti Ormoni tat-Tkabbir u Rigward id-Dazji Ogħla Applikati mill-Istati Uniti għal ċerti prodotti tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Ottubru 2013 (minn hawn ’il quddiem “il-MtQ tal-2014”), qablu kif ġej:

Artikolu 1

Għanijiet

L-għanijiet ta' dan il-Ftehim huma li:

1.jiġi allokat sehem tal-kwota tariffarja awtonoma (“TRQ”) lill-Istati Uniti għal Ċanga ta’ Kwalità Għolja b’piż tal-prodott ta’ 45 000 tunnellata metrika kif imsemmi fl-Artikolu II.4, l-Artikolu II.5 u l-Artikolu VI tal-MtQ tal-2014; kif ukoll

2.jiġu kkumplimentati jew immodifikati ċerti drittijiet u obbligi tal-Partijiet imsemmija fl-Artikoli III, IV, V, VII u VIII tal-MtQ tal-2014.

Artikolu 2

Allokazzjonijiet fil-kwota

1.L-Unjoni Ewropea għandha talloka lill-Istati Uniti 35 000 tunnellata metrika mill-kwota tariffarja metrika ta’ 45 000 tunnellata metrika msemmija fl-Artikolu 1. Il-kwantità ta’ 10 000 tunnellata metrika li jifdal għandha tkun disponibbli għall-pajjiżi l-oħra. L-allokazzjonijiet għandhom jiddaħħlu gradwalment fuq perjodu ta’ seba’ snin (minn hawn ’il quddiem “il-perjodu ta’ implimentazzjoni”) kif ġej:

L-Istati Uniti

L-oħrajn kollha

Sena 1

18 500 tunnellata metrika

26 500 tunnellata metrika

Sena 2

23 000 tunnellata metrika

22 000 tunnellata metrika

Sena 3

25 400 tunnellata metrika

19 600 tunnellata metrika

Sena 4

27 800 tunnellata metrika

17 200 tunnellata metrika

Sena 5

30 200 tunnellata metrika

14 800 tunnellata metrika

Sena 6

32 600 tunnellata metrika

12 400 tunnellata metrika

Sena 7 u s-snin sussegwenti

35 000 tunnellata metrika

10 000 tunnellata metrika

2.Għall-finijiet taċ-ċertezza, l-obbligi ewlenin fl-Artikolu II(1) tal-MtQ tal-2014, fosthom ir-rata ta’ żero (0)% fi ħdan il-kwota tariffarja, japplikaw għall-porzjon tat-TRQ allokat lill-Istati Uniti.

3.Il-volum annwali tat-TRQ għandu jinqasam b’mod ugwali bejn erba’ subperjodi trimestrali. Is-sena tal-kwota għandha tibda fl-1 ta' Lulju u tispiċċa fit-30 ta' Ġunju.

Jekk dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ f’data li ma tkunx l-1 ta’ Lulju, is-Sena 1 tal-perjodu ta’ implimentazzjoni għandha tibda fl-ewwel jum tas-subperjodu li jmiss tas-sena tal-kwota u għandha ddum erba’ subperjodi konsekuttivi 1 . Kwalunkwe kwantitajiet li ma jintużawx mis-subperjodi preċedenti, f’dik is-sena tal-kwota, għandhom jiżdiedu fl-ewwel jum tas-Sena 1 mal-kwantitajiet disponibbli fl-ewwel subperjodu tas-Sena 1 tal-perjodu ta’ implimentazzjoni. Dawn il-kwantitajiet għandhom jiżdiedu mal-kwantitajiet allokati lill-Istati Uniti u lill-pajjiżi l-oħrajn kollha b’mod proporzjonali mal-ishma tagħhom fil-volum globali tat-TRQ.

Artikolu 3

Ġestjoni tal-kwota

Is-sehem tat-TRQ għal-Laħam taċ-Ċanga ta’ Kwalità Għolja allokat lill-Istati Uniti għandu jiġi amministrat mill-Unjoni Ewropea fuq bażi ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel. L-Unjoni Ewropea għandha tagħmel kull sforz biex tamministra s-sehem tat-TRQ allokat lill-Istati Uniti b’mod li jippermetti lill-importaturi jagħmlu użu minnu b’mod sħiħ. Dan l-Artikolu jissostitwixxi l-Artikolu III tal-MtQ tal-2014.

Artikolu 4

Tilwima KE-Ormoni

1.Ir-Rappreżentant tal-Kummerċ tal-Istati Uniti għandu jikkonkludi l-proċediment mibdi f’Diċembru 2016, skont is-Sezzjoni 306(c) tal-Att dwar il-Kummerċ tal-1974, kif emendat, b’determinazzjoni li ma jerġax jintroduċi azzjoni biex jeżerċita l-awtorizzazzjoni f’WT/DS26/21. L-Istati Uniti għandhom jippubblikaw id-determinazzjoni tagħhom sa mhux aktar tard mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-allokazzjoni tal-kwota speċifika għall-pajjiż li ġiet speċifikata għas-Sena 1 fl-Artikolu 2.

2.Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 2(1), il-perjodu ta’ reviżjoni msemmi fl-Artikolu 4(3) u sakemm tiġi nnotifikata s-soluzzjoni bi qbil reċiproku msemmija fl-Artikolu 4(3):

(a)il-Partijiet ma għandhomx jitolbu l-istabbiliment ta’ panel skont l-Artikolu 21.5 tal-Qbil dwar ir-Regoli u l-Proċeduri li Jirregolaw is-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO (minn hawn 'il quddiem id-“DSU”) fil-każ “Komunitajiet Ewropej – Miżuri li jikkonċernaw il-laħam u l-prodotti tal-laħam (Ormoni)” (WT/DS26) (“KE — Ormoni");

(b)l-Istati Uniti ma għandhomx jissospendu l-applikazzjoni għall-Unjoni Ewropea tal-konċessjonijiet tariffarji u tal-obbligi relatati magħhom kif awtorizzati mill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fil-każ KE — Ormoni, Rikors mill-Istati Uniti għall-Artikolu 22.7 tal-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim WT/DS26/21.

3.Mhux aktar tard minn għaxar (10) snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, l-Istati Uniti u l-UE għandhom jiltaqgħu biex jirrieżaminaw l-operat tat-TRQ bil-għan li jilħqu soluzzjoni bi qbil reċiproku li għandha tiġi nnotifikata lill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO skont l-Artikolu 3.6 tad-DSU sa tmiem ir-rieżami. Ir-rieżami għandu jitlesta mhux aktar tard minn 11-il sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim. Din id-dispożizzjoni tissostitwixxi l-Artikolu IV tal-MtQ tal-2014.

4.Jekk il-Partijiet jonqsu milli jinnotifikaw b’mod konġunt tali soluzzjoni bi qbil reċiproku lill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO fi żmien 11-il sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, kull Parti tista’ tirtira minn dan il-Ftehim f’konformità mal-Artikolu 6.1.

Artikolu 5

Verifiki fuq il-post

Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Gvern tal-Istati Uniti biex jawtorizza lir-rappreżentanti tal-Kummissjoni biex iwettqu verifiki fuq il-post fl-Istati Uniti sakemm dawn il-verifiki fuq il-post jitwettqu fuq bażi mhux diskriminatorja fir-rigward ta’ fornituri ta’ pajjiżi oħra. Dawn il-verifiki għandhom jitwettqu b’mod konġunt mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti.

Artikolu 6

Irtirar u Effetti

1.Kwalunkwe Parti tista’ tirtira minn dan il-Ftehim billi tipprovdi notifika bil-miktub lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim għandu jintemm sitt xhur mid-data li fiha l-Parti l-oħra tirċievi n-notifika. L-irtirar minn dan il-Ftehim ma għandux jikkostitwixxi rtirar mill-MtQ tal-2014 sakemm il-Partijiet ma jiddikjarawx espressament tali intenzjoni.

2.L-irtirar mill-MtQ tal-2014 skont l-Artikolu V.4 tiegħu għandu jimplika l-irtirar minn dan il-Ftehim. Il-Partijiet għandhom jirrispettaw l-obbligi ewlenin elenkati fl-Artikolu II tal-MtQ tal-2014 matul il-perjodu ta’ sitt xhur mid-data li fiha ngħatat in-notifika ta’ rtirar imsemmija fl-Artikolu V.4.

3.Fin-nuqqas ta’ notifika lill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO ta’ soluzzjoni bi qbil reċiproku skont l-Artikolu 4(3), xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat b’tali mod li jibdel id-drittijiet jew l-obbligi rispettivi ta’ kwalunkwe parti taħt id-DSU fir-rigward tal-KE — Ormoni.

4.Xejn f'dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat li jagħti lil persuni drittijiet jew jimponi fuqhom obbligi li mhumiex drittijiet jew obbligi stabbiliti bejn il-Partijiet infushom, jew li jippermetti li dan il-Ftehim jiġi invokat direttament quddiem il-qrati u fl-ordinamenti ġuridiċi interni tal-Partijiet.

5.Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum wara d-data li fiha ż-żewġ Partijiet jinnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni li huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-konformità mal-obbligi tal-Partijiet skont l-Artikolu 2 u l-Artikolu 4(1).

B’XHIEDA TA’ DAN, is-sottoskritti, wara li ġew awtorizzati kif xieraq mill-Gvernijiet rispettivi tagħhom, iffirmaw dan il-Ftehim.

MAGĦMUL F’<LOCATION> illum <DATE>, b’duplikat fil-lingwa Ingliża, li huwa t-test awtentiku ta’ dan il-Ftehim.

Għall-Istati Uniti tal-Amerka                Għall-Unjoni Ewropea

(1)    Għal-aktar ċarezza, jekk dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ fil-bidu tas-subperjodu n tas-sena tal-kwota, il-volum tas-Sena 1 għandu jkun disponibbli għal erba’ subperjodi konsekuttivi, u jinqasam b’mod indaqs bejn dawk is-subperjodi, li jibdew mis-subperjodu n ta’ dik is-sena tal-kwota, u jispiċċaw fis-subperjodu n-1 tas-sena tal-kwota sussegwenti. Il-volumi mis-Sena 2 ’il quddiem għandhom ikunu disponibbli għal erba’ subperjodi konsekuttivi, u jinqasmu b’mod indaqs bejn dawk is-subperjodi, li jibdew mis-subperjodu n tas-sena ta’ kwota sussegwenti.