IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.6.2019
COM(2019) 265 final
2019/0128(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet
(Linja Baġitarja 12.02.01 - Servizzi finanzjarji)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Sabiex jiġi żgurat ir-rekwiżit tas-sigurtà legali u tal-omoġeneità tas-Suq Intern, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jintegra l-leġiżlazzjoni relevanti kollha tal-UE fil-Ftehim ŻEE malajr kemm jista’ jkun wara l-adozzjoni tagħha u għandu jippermetti wkoll il-parteċipazzjoni tal-Istati taż-ŻEE-EFTA fl-azzjonijiet jew fil-programmi tal-UE li huma relevanti għaż-ŻEE.
L-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta) għandu l-għan li jemenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE dwar “kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet”. Dan huwa meħtieġ biex jippermetti li l-Istati taż-ŻEE-EFTA jipparteċipaw fil-programmi u fl-azzjonijiet tal-Unjoni li jiġu ffinanzjati mil-linji baġitarji Ewropej. F’dan il-każ, l-iskop ta’ din l-emenda hu li tippermetti lill-Istati taż-ŻEE-EFTA (in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein) jipparteċipaw fl-azzjonijiet tal-Unjoni relatati mal-Linja Baġitarja 12.02.01: “Implimentazzjoni u żvilupp tas-suq uniku għas-servizzi finanzjarji”, imdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
L-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt anness huwa konsistenti għalkollox mal-għan tal-Ftehim ŻEE li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u bilanċjat tal-kummerċ u tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn il-Partijiet Kontraenti b’kundizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni, u l-osservanza tal-istess regoli, bil-ħsieb li tinħoloq Żona Ekonomika Ewropea omoġenja.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt hija wkoll konsistenti ma’ politiki oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari permezz tal-għan li tiġi protetta l-omoġeneità tas-suq intern tal-UE.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika sostantiva għal din il-proposta tal-Kunsill hija l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu.
Il-bażi ġuridika proċedurali hija l-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ŻEE, li jipprevedi li l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fir-rigward ta’ Deċiżjonijiet bħal dawn, wara proposta mill-Kummissjoni.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà għar-raġuni li ġejja.
L-għan ta’ din il-proposta, jiġifieri li tiġi żgurata l-omoġeneità tas-Suq Intern, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba l-effetti, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni.
•Proporzjonalità
F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan tagħha – li tiġi żgurata l-omoġeneità tas-Suq Intern.
•Għażla tal-istrument
F’konformità mal-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, l-istrument magħżul huwa d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE. Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jiżgura l-implimentazzjoni u t-tħaddim effettiv tal-Ftehim ŻEE. Għal dan il-għan għandu jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet previsti f’dan il-Ftehim.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
L-Istati taż-ŻEE-EFTA għandhom jikkontribwixxu finanzjarjament għall-Baġit tal-Unjoni, Linja Baġitarja 12 02 01: “Implimentazzjoni u żvilupp tas-suq uniku għas-servizzi finanzjarji”. L-ammont eżatt se jiġi determinat f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE, ladarba dan l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill jiġi adottat.
5.ELEMENTI OĦRAJN
Skont il-politika baġitarja tal-UE, kull parteċipazzjoni f’attività tal-UE tista’ sseħħ biss wara li jitħallsu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji korrispondenti. Madankollu, skont il-Protokoll 32 tal-Ftehim ŻEE, il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali tal-Istati taż-ŻEE-EFTA qed tasal kull sena sal-31 ta’ Awwissu, wara s-sejħa għal fondi tal-UE stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea u ppreżentata lill-Istati taż-ŻEE-EFTA sal-15 ta’ Awwissu.
Għalhekk, sabiex jimla l-vojt fiż-żmien bejn Jannar u Awwissu, l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt għandu jkun applikabbli b’mod retroattiv minn Jannar. B’dan il-mod, il-kontinwità ta’ kooperazzjoni, kif prevista fil-Ftehim ŻEE, hija żgurata matul is-sena kalendarja kollha.
Ir-retroattività ma taffettwax id-drittijiet u l-obbligi tal-persuni kkonċernati u tirrispetta l-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi.
2019/0128 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet
(Linja Baġitarja 12.02.01 - Servizzi finanzjarji)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (il-“Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.
(2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE.
(3)Il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE fih dispożizzjonijiet dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet.
(4)Huwa xieraq li titkompla l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim ŻEE f’azzjonijiet tal-Unjoni ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tas-servizzi finanzjarji.
(5)Il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ għalhekk li jiġi emendat sabiex jippermetti li din il-kooperazzjoni estiża tkompli mill-1 ta’ Jannar 2018.
(6)Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni mehmuż,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President