IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 5.6.2019
COM(2019) 253 final
2019/0123(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji li jridu jitħallsu mill-Istati Membri għall-finanzjament tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, inkluż it-tieni ħlas parzjali għall-2019
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Il-proposta tikkonċerna abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tieni ħlas parzjali tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) li jridu jitħallsu mill-Istati Membri fl-2019.
Il-11-il FEŻ u fondi oħra tal-FEŻ li għadhom miftuħin (jiġifieri t-Tmien, id-Disa’ u l-10 FEŻ) huma ġestiti skont il-ġabra ta’ regoli li ġejja:
Il-Ftehim ta’ Sħubija attwali bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku fuq naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq in-naħa l-oħra (“il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE”) kif emendat l-aħħar,
Il-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta’ għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu mill-2014 sal-2020, skont il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta’ assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba’ Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (il-“Ftehim Intern” tal-11-il FEŻ),
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1877 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (“ir-Regolament Finanzjarju tal-11-il FEŻ”).
Id-dokumenti msemmijin hawn fuq jinkludu impenji pluriennali mill-Istati Membri biex jappoġġaw finanzjarjament it-teżor tal-FEŻ. Ir-Regolament Finanzjarju tal-11-il FEŻ jipprevedi li jsiru kontribuzzjonijiet regolari mill-Istati Membri għat-teżor tal-FEŻ skont impenji finanzjarji predeterminati. Il-kontribuzzjonijiet regolari jiskattaw minn Deċiżjonijiet tekniċi tal-Kunsill li jirriflettu l-implimentazzjoni ta’ impenji finanzjarji deċiżi minn qabel.
Għaldaqstant, uħud mill-intestaturi fil-memorandum ta’ spjegazzjoni mhumiex applikabbli għal sejħiet regolari għall-kontribuzzjonijiet bħal din.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
F’konformità mal-Artikolu 19(7) tar-Regolament Finanzjarju tal-11-il FEŻ, l-ammont ġestit mill-Kummissjoni Ewropea u l-ammont ġestit mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) huma speċifikati separatament.
F’konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament Finanzjarju tal-11-il FEŻ, il-BEI bagħat lill-Kummissjoni Ewropea l-estimi aġġornati tiegħu tal-impenji u tal-pagamenti fil-qafas tal-istrumenti taħt il-ġestjoni tiegħu.
F’konformità mal-Artikolu 20(1) tal-11-il Regolament Finanzjarju, is-sejħiet għall-kontribuzzjonijiet l-ewwel għandhom jeżawrixxu l-ammonti disponibbli minn FEŻ preċedenti, wieħed wara l-ieħor. Għaldaqstant, is-sejħiet għal kontribuzzjonijiet f’din il-proposta jikkonċernaw l-ammonti fl-10 FEŻ għall-BEI u l-ammonti fil-11-il FEŻ għall-Kummissjoni Ewropea.
F’konformità mal-Artikolu 19(3) tar-Regolament Finanzjarju tal-11-il FEŻ, il-Kunsill irid jiddeċiedi dwar din il-proposta mhux aktar tard minn 21 jum kalendarju wara l-preżentazzjoni ta’ din il-proposta, mill-Kummissjoni Ewropea li taġixxi f’isem l-Unjoni Ewropea.
L-Artikolu 21(1) tar-Regolament Finanzjarju tal-11-il FEŻ jistipula li Stat Membru li jonqos milli jħallas il-ħlas parzjali tal-kontribuzzjoni dovut sal-iskadenza, se jkun jeħtieġlu jħallas l-imgħax fuq l-ammont mhux imħallas; l-arranġamenti għall-pagament tal-imgħax huma speċifikati fl-istess Artikolu.
2019/0123 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji li jridu jitħallsu mill-Istati Membri għall-finanzjament tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, inkluż it-tieni ħlas parzjali għall-2019
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta’ għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu mill-2014 sal-2020, skont il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta’ assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba’ Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“il-Ftehim Intern”), u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1877 tas-26 ta’ Novembru 2018 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (“ir-Regolament Finanzjarju tal-11-il FEŻ”), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(3) u 19(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 19 sa 22 tar-Regolament Finanzjarju tal-11-il FEŻ, sal-15 ta' Ġunju 2019, il-Kummissjoni Ewropea għandha tippreżenta proposta li tispeċifika (a) l-ammont tat-tieni ħlas parzjali tal-kontribuzzjoni għall-2019, u (b) ammont annwali rivedut tal-kontribuzzjoni għall-2019, f’każijiet fejn l-ammont ivarja mill-bżonnijiet reali,
(2)F’konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament Finanzjarju tal-11-il FEŻ, fl-24 ta' April 2019, il-Bank Ewropew tal-Investiment bagħat lill-Kummissjoni Ewropea l-estimi aġġornati tiegħu tal-impenji u tal-pagamenti fil-qafas tal-istrumenti taħt il-ġestjoni tiegħu,
(3)L-Artikolu 20(1) tar-Regolament Finanzjarju tal-11-il FEŻ jistipula li s-sejħiet għal kontribuzzjonijiet l-ewwel jeżawrixxu l-ammonti stipulati fil-FEŻ preċedenti. Għaldaqstant, jenħtieġ li ssir sejħa għall-fondi taħt l-10 FEŻ għall-BEI u taħt il-11-il FEŻ għall-Kummissjoni.
Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2018/1715, fit-12 ta' Novembru 2018, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni Ewropea, adotta d-Deċiżjoni biex l-ammont annwali tal-kontribuzzjonijiet tal-FEŻ tal-Istati Membri għall-2019 jiġi stabbilit għal EUR 4 400 000 000 għall-Kummissjoni Ewropea, u EUR 300 000 000 għall-Bank Ewropew tal-Investiment.
Billi l-Kummissjoni ressqet il-proposta li l-iżvilupp u l-kooperazzjoni internazzjonali għall-perjodu 2021-2027 isiru b’modalitajiet ġodda ta’ implimentazzjoni, li se jieħdu post l-iskema attwali tal-FEŻ, il-Kummissjoni qed tnaqqas l-estimi tal-pagamenti tagħha fl-ambitu tal-FEŻ u b’hekk tnaqqas il-limitu massimu għall-2020 b’EUR 200 000 000.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-kontribuzzjonijiet individwali għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp li jridu jitħallsu mill-Istati Membri lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Bank Ewropew tal-Investiment bħala t-tieni ħlas parzjali għall-2019 huma stabbiliti fit-tabella fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-limitu massimu għall-ammont annwali tal-kontribuzzjonijiet għall-FEŻ tal-Istati Membri għall-2020 huwa b’dan rivedut għal EUR 4 700 000 000. Dan għandu jinqasam f’EUR 4 400 000 000 għall-Kummissjoni, u EUR 300 000 000 għall-BEI.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President