Brussell, 22.2.2019

COM(2019) 105 final

2019/0055(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt stabbilit permezz tal-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra, dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IS-SUĠĠETT TAL-PROPOSTA

Il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt li twaqqaf permezz tal-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra, b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni dwar ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt.

2.KUNTEST TAL-PROPOSTA

2.1.Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn UE u l-Ġappun

Il-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) għandu l-għan li jsaħħaħ is-sħubija bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha u l-Ġappun, kif ukoll li japprofondixxi u jsaħħaħ il-kooperazzjoni bilaterali dwar kwistjonijiet ta’ interess reċiproku, filwaqt li jirrifletti valuri u prinċipji komuni. Dan se jsir permezz ta’ miżuri, billi jiġi intensifikat id-djalogu f’livell għoli. Il-Ftehim se joħloq qafas koerenti u legalment vinkolanti għar-relazzjonijet tal-UE mal-Ġappun. Il-Ftehim ġie ffirmat f’Tokyo fis-17 ta’ Lulju 2018, u mill-1 ta’ Frar 2019 se jiġi applikat b’mod proviżorju.

2.2.Il-Kumitat Konġunt

Il-Kumitat Konġunt twaqqaf bl-Artikolu 42 tal-Ftehim. Il-kompitu ewlieni tiegħu huwa li jikkoordina s-sħubija globali li hija mibnija fuq il-Ftehim, u jiżgura l-funzjonament tajjeb u l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim. Il-funzjonijiet l-oħra tal-Kumitat Konġunt jinkludu: li jkun forum fejn jiġi spjegat kull tibdil rilevanti fil-politiki, fil-programmi jew fil-kompetenzi li jkunu rilevanti għal dan il-Ftehim; li jiddeċiedi dwar oqsma oħrajn ta’ kooperazzjoni li mhumiex elenkati fil-Ftehim, dment li jkunu konsistenti mal-għanijiet tal-Ftehim; u li jagħmel ħiltu biex isolvi tilwim li jista’ jinqala’ mill-interpretazzjoni, l-applikazzjoni jew l-implimentazzjoni tal-Ftehim.

Il-Kumitat Konġunt għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet u jadotta deċiżjonijiet, fejn ikun xieraq, u jiffaċilita aspetti speċifiċi tal-kooperazzjoni abbażi tal-Ftehim. Il-Kumitat Konġunt jopera b’kunsens u jinħtieġ li jiltaqa’ darba fis-sena f’Tokyo u fi Brussell b’mod alternat. Il-Kumitat Konġunt jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt

L-għan tal-att previst huwa li jiġu adottati, skont l-Artikolu 42(5) tal-Ftehim, ir-regoli ta’ proċedura li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-Kumitat Konġunt, biex isseħħ l-implimentazzjoni tal-Ftehim.

3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni jenħtieġ li jkollha fil-mira l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt. Il-pożizzjoni jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt.

4.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp ikkonċernat. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, li iżda “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni 1 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kumitat Konġunt huwa korp stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra.

L-att li l-Kumitat Konġunt huwa msejjaħ biex jadotta jikkostitwixxi att li għandu effetti legali. Dan għaliex, skont l-Artikolu 42(2)(g) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt irid jadotta deċiżjonijiet li huma vinkolanti fuq il-Partijiet tal-Ftehim.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għaldaqstant, l-Artikolu 218(9) tat-TFUE huwa l-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun ibbażata fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Ir-regoli tal-proċedura jikkonċernaw il-funzjonament ġenerali ta’ korp stabbilit abbażi ta’ ftehim. Għalhekk, il-qasam li fih taqa’ d-deċiżjoni prevista jrid jiġi stabbilit fid-dawl tal-Ftehim kollu kemm hu 2 .

Filwaqt li jittieħdu inkonsiderazzjoni l-għadd u n-natura tad-dispożizzjonijiet tal-PESK fil-Ftehim, l-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw il-kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika ma’ pajjiżi terzi. Dan huwa l-każ minkejja l-fatt li l-iffirmar tal-Ftehim kien ibbażat fuq l-Artikolu 37 tat-TUE u l-Artikolu 212(1) tat-TFUE. Il-valutazzjoni nbidlet fid-dawl tas-sentenza sussegwenti tal-Qorti fil-kawża C-244/17 il-Kummissjoni vs il-Kunsill (il-Każakistan). Għaldaqstant, l-Artikolu 212(1) tat-TFUE huwa l-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta.

4.3.Konklużjoni

Għaldaqstant il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta jinħtieġ li tkun l-Artikolu 212(1) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2019/0055 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt stabbilit permezz tal-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra, dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212(1) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra 3 (“il-Ftehim”) ġie ffirmat f’Tokyo fis-17 ta’ Lulju 2018 u ġie applikat b’mod proviżorju mill-1 ta’ Frar 2019.

(2)L-Artikolu 42(1) tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt li jikkoordina s-sħubija globali li hija mibnija fuq il-Ftehim (“il-Kumitat Konġunt”).

(3)L-Artikolu 42(5) tal-Ftehim jipprevedi li l-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

(4)Ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt jenħtieġ li jiġu adottati malajr kemm jista’ jkun sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim.

(5)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt peress li r-Regoli ta’ Proċedura jiddeterminaw kif jaħdem il-Kumitat Konġunt, li għandu r-responsabbiltà li jamministra l-Ftehim u li jiżgura l-implimentazzjoni korretta tiegħu.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 42 tal-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, għandha tkun biex il-Kumitat Konġunt jappoġġa l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu kif stabbilit fl-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Il-Kawża C-399/12 il-Ġermanja vs il-Kunsill (OIV), ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61-64.
(2)    Il-Kawża C-244/17 il-Kummissjoni vs il-Kunsill (il-Każakistan), ECLI:EU:C:2018:662, il-paragrafu 40.
(3)    ĠU L 216, 24.8.2018, p. 4.

Brussell, 22.2.2019

COM(2019) 105 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt stabbilit permezz tal-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra, dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu


ANNESS

ID-DEĊIŻJONI Nru 1/2019
TAL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT

MILL-FTEHIM TA’ SĦUBIJA STRATEĠIKA BEJN L-UE U L-ĠAPPUN

ta’ …

li tadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra 1 (“il-Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 42 tiegħu,

Billi:

(1)Sa mill-1 ta’ Frar 2019, ġew applikati partijiet mill-Ftehim sakemm dan jidħol fis-seħħ.

(2)Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva sakemm jidħol fis-seħħ il-Ftehim, il-Kumitat Konġunt jinħtieġ li jiġi stabbilit malajr kemm jista’ jkun,

(3)Skont l-Artikolu 42, il-paragrafu 5 tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt jinħtieġ li jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

1.Ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt, kif stipulati fl-Anness, huma b’dan adottati.

2.Din id-Deċiżjoni se tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Iffirmat fi …,

   Għall-Kumitat Konġunt

   Il-Kopresidenti



Anness tad-Deċiżjoni Nru 1/2019

Ftehim ta’ Sħubija Strateġika
bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda,

u l-Ġappun, min-naħa l-oħra

Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt

Artikolu 1

Kompiti u konfigurazjoni

1.Il-Kumitat Konġunt se jwettaq il-kompiti previsti fl-Artikolu 42 tal-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Parti tal-Unjoni”, minn naħa waħda, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”).

2.Il-Kumitat Konġunt jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet.

Artikolu 2

President

Il-Kumitat Konġunt se jkun kopresedut mir-rappreżentanti tal-Parti tal-Unjoni, minn naħa waħda, u l-Ġappun min-naħa l-oħra. Minn hawn ’il quddiem imsejħa kollettivament bħala l-“Partijiet” u individwalment bħala l-“Parti”.

Artikolu 3

Laqgħat

1.Il-Kumitat Konġunt normalment jiltaqa’ darba fis-sena f’Tokyo u fi Brussell b’mod alternat, f’data li tiġi stabbilita b’kunsens. Jiltaqa’ wkoll b’kunsens fuq talba ta’ xi waħda mill-Partijiet.

2.Il-Kumitat Konġunt normalment jiltaqa’ fil-livell ta’ uffiċjali għolja, dment li l-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor.

Artikolu 4

Sessjonijiet Pubbliċi

Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Partijiet, il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt ma jkunux pubbliċi.

Artikolu 5

Segretarji

Rappreżentant tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u rappreżentant tad-Dipartiment għall-Affarijiet Barranin tal-Ġappun se jservu flimkien bħala Segretarji tal-Kumitat Konġunt. Il-komunikazzjoni kollha mal-Kopresidenti tal-Kumitat Konġunt u mingħandhom tingħadda lis-segretarji.



Artikolu 6

Parteċipanti

1.Qabel kull laqgħa, il-Kopresidenti jiġu infurmati, permezz tas-Segretarjat, dwar il-konfigurazzjoni tad-delegazzjoni ta’ kull Parti li tkun prevista.

2.Fejn ikun xieraq u bil-kunsens tal-Partijiet, esperti jew rappreżentanti ta’ entitajiet rilevanti jistgħu jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-Kumitat Konġunt bħala osservaturi jew sabiex jagħtu informazzjoni dwar suġġett partikolari.

Artikolu 7

Aġendi tal-laqgħat

1.Il-Kopresidenti jfasslu aġenda proviżorja għal kull laqgħa.

2.L-aġenda Proviżorja tiġi stabbilita sa mhux aktar tard minn ħmistax-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa.

3.L-aġenda finali tiġi adottata mill-Kumitat Konġunt fil-bidu ta’ kull laqgħa. Jistgħu jiddaħħlu fl-aġenda punti oħra apparti dawk fl-aġenda proviżorja jekk il-Partijiet jiddeċiedu li jsir hekk.

4.Il-kopresidenti jistgħu jiddeċiedu li jqassru l-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 2 fejn meħtieġ. 

Artikolu 8

Minuti

1.Is-Segretarji joħorġu b’mod konġunt il-minuti ta’ kull laqgħa, kemm jista’ jkun malajr iżda sa mhux aktar tard minn xahrejn mit-tmiem ta’ kull laqgħa, dment li ma jkunx deċiż mod ieħor b’kunsens. L-abbozz tal-minuti jinkludi, bħala regola ġenerali, l-aġenda finali u sommarju tad-diskussjonijiet taħt kull punt tal-aġenda.

2.L-abbozz tal-minuti jiġi approvat bil-miktub mill-partijiet malajr kemm jista’ jkun, iżda sa mhux aktar tard minn xahrejn mit-tmiem ta’ kull laqgħa, dment li ma jkunx deċiż mod ieħor b’kunsens. 



Artikolu 9

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.Fl-ambitu tal-funzjonijiet u tal-kompiti tiegħu skont l-Artikolu 42 tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt fejn ikun xieraq jagħmel rakkomandazzjonijiet u jadotta deċiżjonijiet. Dawn se jkollhom it-titolu “Rakkomandazzjoni” jew “Deċiżjoni” segwita bin-numru tas-serje, bid-data tal-adozzjoni tagħhom u b’deskrizzjoni tas-suġġett. Kull rakkomandazzjoni jew deċiżjoni jkollha ddikjarata d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

2.Il-Grupp ta’ Ħidma jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet u jadotta deċiżjonijiet b’kunsens.

3.Il-Kumitat Konġunt jista’ jiddeċiedi li jagħmel rakkomandazzjonijiet u jadotta deċiżjonijiet permezz ta’ proċedura bil-miktub li tikkonsisti fi skambju ta’ noti bejn il-Kopresidenti tal-Kumitat Konġunt.

4.Rakkomandazzjonijiet u Deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt jiġu adottati bil-miktub mill-Kopresidenti. 

5.Kull Parti tista’ tiddeċiedi li tippubblika r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt fi kwalunkwe forma adegwata. 

Artikolu 10

Spejjeż

1.Kull Parti tieħu ħsieb l-ispejjeż kollha li ġġarrab bħala riżultat tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt, kemm fir-rigward tal-impjegati, l-ivvjaġġar u l-ispejjeż ta’ sussistenza kif ukoll fir-rigward tan-nefqa marbuta mal-posta u mat-telekomunikazzjoni.

2.L-ispejjeż marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni ta’ dokumenti jitħallsu mill-Parti li tospita l-laqgħa.

Artikolu 11 

Gruppi ta’ Ħidma

1.Il-Kumitat Konġunt jista’ jideċiedi li jistabbilixxi Gruppi ta’ Ħidma biex jassistu fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.

2.Il-Kumitat Konġunt jista’ jiddeċiedi li jtemm kwalunkwe grupp ta’ ħidma li jkun waqqaf, jew li jistabbilixxi jew jemenda t-termini ta’ referenza tiegħu.

3.Il-Gruppi ta’ Ħidma jipprovdu rappurtar lill-Kumitat Konġunt wara kull laqgħa tagħhom.

Artikolu 12

Modifikazzjoni tar-regoli ta’ proċedura

Il-Partijiet jistgħu jimmodifikaw ir-regoli ta’ proċedura, skont l-Artikolu 9.

(1)    ĠU UE L xxx, xx.xx.xxxx, p. x.