IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 6.3.2019
COM(2019) 104 final
2019/0054(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tikkonċerna l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal u li tħassar id-Deċiżjoni 9451/1/14 REV 1
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna Deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni waqt laqgħat tal-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC) għall-perjodu 2019-2023 b'rabta mal-adozzjoni ppjanata ta' miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal
Il-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal (il-Konvenzjoni NEAFC) għandha l-għan, billi tistabbilixxi n-NEAFC, li tiżgura konservazzjoni u utilizzazzjoni ottima fit-tul għar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni ("iż-żona regolatorja"). Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fis-17 ta' Marzu 1982 u ġiet emendata fl-2004 u fl-2006. Għalkemm l-emendi tal-2004 u tal-2006 formalment daħlu fis-seħħ fid-29 ta' Ottubru 2013, ġie miftiehem (bi qbil mad-Dikjarazzjoni ta' Londra) li għandhom jiġu implimentati fuq bażi provviżorja mill-adozzjoni tagħhom.
L-Unjoni hija parti għall-Konvenzjoni NEAFC, wara li approvatha f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 81/608/KEE. L-emendi tal-2004 u tal-2006 ġew approvati mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/550/KE.
2.2.Il-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal
In-NEAFC huwa l-korp stabbilit mill-Konvenzjoni NEAFC biex ikun responsabbli għall-ġestjoni u l-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona regolatorja. Dan jadotta miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni biex jiżgura l-utilizzazzjoni ottima tar-riżorsi tas-sajd taħt l-ambitu tiegħu.
Bħala membru tal-NEAFC, l-Unjoni għandha drittijiet ta' parteċipazzjoni u ta' votazzjoni. In-NEAFC tieħu d-deċiżjonijiet tagħha permezz ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti.
2.3.Deċiżjonijiet tal-NEAFC
L-NEAFC għandha l-awtorità li tadotta miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni għas-sajd taħt ir-responsabbiltà tagħha u dawn huma vinkolanti fuq il-partijiet kontraenti.
F’konformità mal-Artikolu 12(1) u (2) tal-Konvenzjoni tan-NEAFC, il-miżuri jistgħu jidħlu fis-seħħ 80 jum wara d-data li fiha l-partijiet kontraenti jiġu nnotifikati bihom min-NEAFC. Partijiet kontraenti li joġġezzjonaw għal miżura fi żmien 50 jum milli jiġu nnotifikati mhumiex marbutin b'dik il-miżura. Meta aktar minn terz tal-partijiet kontraenti jissottomettu oġġezzjoni, il-kumplament tal-partijiet kontraenti mhumiex obbligati jimplimentaw il-miżura kkontestata.
3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-laqgħat annwali tal-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (l-RFMOs) hija stabbilita, attwalment, skont approċċ fuq żewġ livelli. Deċiżjoni tal-Kunsill tistipula l-prinċipji ta’ gwida u l-orjentazzjonijiet tal-pożizzjoni tal-Unjoni fuq bażi pluriennali, u minn hemm ’il quddiem tiġi aġġustata għal kull laqgħa annwali permezz ta’ dokumenti informali tal-Kummissjoni li jridu jiġu diskussi fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill.
Għan-NEAFC, dan l-approċċ huwa implimentat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 9451/1/14 REV 1 tad-19 ta' Mejju 2014, li tistipula l-pożizzjoni tal-Unjoni fin-NEAFC għall-perjodu 2014-2018. Id-Deċiżjoni fiha prinċipji u orjentazzjonijiet ġenerali, iżda tqis ukoll, sa fejn hu possibbli, l-ispeċifiċitajiet tal-NEAFC. Barra minn hekk, tistipula l-proċess standard għall-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-Unjoni sena b'sena kif mitlub mill-Istati Membri.
Id-Deċiżjoni 9451/1/14 REV 1 tipprovdi għal reviżjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni qabel il-laqgħa annwali tal-2019. Għalhekk, din il-proposta tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni fin-NEAFC għall-perjodu 2019-2023, u b'hekk tissostitwixxi d-Deċiżjoni 9451/1/14 REV 1.
Id-Deċiżjoni 9451/1/14 REV 1 inkorporat il-prinċipji u l-orjentazzjonijiet tal-politika komuni tas-sajd (PKS) il-ġdida kif stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, filwaqt li tqis ukoll l-objettivi tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-PKS. Barra minn hekk, aġġustat il-pożizzjoni tal-Unjoni għat-Trattat ta' Lisbona.
Ir-reviżjoni attwali tqis, b’rabta mal-impatti tas-sajd, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija Ewropea għall-plastik fl-ekonomija ċirkolari, il-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika dwar is-Sigurtà u l-Kummissjoni dwar Il-Governanza tal-Oċeani Internazzjonali: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar dik il-Komunikazzjoni Konġunta.
4.Bażi legali
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f'isem l-Unjoni f'sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
"Atti li jkollhom effetti legali" jinkludu atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tal-liġi internazzjoni li jirregolaw il-korp in kwistjoni, u l-istrumenti li m'għandhomx effett vinkolanti skont il-liġi internazzjoniali, iżda li "jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-UE".
4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
In-NEAFC hija korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni NEAFC.
L-atti li n-NEAFC hi mitluba tadotta jikkostitwixxu atti li għandhom effetti legali. Dawn se jkunu vinkolanti skont il-liġi internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni NEAFC u huma kapaċi jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, inkluż:
·Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux regolat (IUU);
·Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd; u
·Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni.
L-atti previsti ma jissupplimentawx jew ma jemendawx il-qafas istituzzjonali tal-Konvenzjoni NEAFC.
Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk dak l-att ikollu żewġ għanijiet jew għandu żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw is-sajd. Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 huwa l-bażi legali għall-istabbiliment tal-prinċipji li għandhom jiġu riflessi f'din il-pożizzjoni.
Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 43(2) tat-TFUE. Id-Deċiżjoni għandha tissostitwixxi d-Deċiżjoni 9451/1/14 REV 1, li tkopri l-perjodu 2014-2018.
4.3.Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 43(2) TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2019/0054 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tikkonċerna l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal u li tħassar id-Deċiżjoni 9451/1/14 REV 1
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 81/608/KEE tat-13 ta' Lulju 1981, l-Unjoni kkonkludiet il-Konvenzjoni NEAFC, li stabbilixxiet il-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC). L-emendi tal-2004 u l-2006 lill-Konvenzjoni NEAFC ġew approvati mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/550/KE tal-5 ta' Marzu 2009. L-emendi formalment daħlu fi-seħħ fid-29 ta' Ottubru 2013 għalkemm, skont id-Dikjarazzjoni ta' Londra, ġie miftiehem li l-emendi kellhom jiġu implimentati fuq bażi provviżorja mill-adozzjoni tagħhom, sakemm jidħlu fis-seħħ.
(2)In-NEAFC hija responsabbli mill-adozzjoni ta' miżuri ddisinjati biex jiżguraw konservazzjoni u utilizzazzjoni ottima fit-tul tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni NEAFC ("iż-żona regolatorja"). Dawn il-miżuri jistgħu jsiru vinkolanti fuq l-Unjoni.
(3)Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jipprevedi li l-Unjoni għandha tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u li jkunu ġestiti b’mod li huwa konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjieg, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. Dan jipprevedi wkoll li l-Unjoni għandha tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, u għandha tfittex li tiżgura li l-isfruttament ta’ riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar jirrestawra l-popolazzjoni tal-ispeċijiet mistada u jżommhom ’il fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli. Dan jipprevedi wkoll li l-Unjoni għandha tieħu miżuri ta’ ġestjoni u ta’ konservazzjoni bbażati fuq l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli, tappoġġja l-iżvilupp ta’ għarfien u pariri xjentifiċi, gradwalment telimina l-iskartar u tippromwovi metodi tas-sajd li jikkontribwixxu għal sajd aktar selettiv u l-evitar u t-tnaqqis, kemm jista' jkun, ta’ qabdiet mhux mixtieqa, u trażżżan l-impatt tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar u r-riżorsi tas-sajd. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 speċifikament jipprevedi li dawk l-objettivi u l-prinċipji għandhom jiġu applikati mill-Unjoni fit-twettiq tar-relazzjonijiet tas-sajd esterni tagħha.
(4)Kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea dwar Il-Governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar dik il-Komunikazzjoni konġunta, il-promozzjoni ta' miżuri li jappoġġjaw u jtejbu l-effettività tal-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) u, fejn rilevanti, itejbu l-governanza tagħhom, hija ċentrali għall-azzjoni tal-Unjoni f'dawn il-fora.
(5)Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija Ewropea għall-Plastik f’Ekonomija Ċirkolari tirreferi għal miżuri speċifiċi sabiex jitnaqqas il-plastik u t-tniġġis tal-baħar, kif ukoll it-telf jew l-abbandun il-baħar tal-irkaptu tas-sajd.
(6)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-laqgħat tan-NEAFC għall-perjodu 2019-l-2023, u li titħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill, minħabba li l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta' infurzar tan-NEAFC ser ikunu vinkolanti fuq l-Unjoni u jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008; ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009; u r-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(7)Bħalissa l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tan-NEAFC hija stabbilita mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 9451/1/14 REV 1. Huwa xieraq li titħassar id-Deċiżjoni 9451/1/14 REV 1 u li tiġi sostitwita b'Deċiżjoni ġdida għall-perjodu 2019-2023
(8)Fid-dawl tan-natura li dejjem qed tevolvi tar-riżorsi tas-sajd fiż-Żona Regolatorja u l-ħtieġa konsegwenti li l-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-iżviluppi l-ġodda, inkluż informazzjoni xjentifika ġdida u informazzjoni rilevanti oħra ppreżentata qabel jew waqt il-laqgħat tan-NEAFC, jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri, f'konformità mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 13(2) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (TUE), għall-ispeċifikazzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni minn sena għal sena għall-perjodu 2019-2023.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC) hija stabbilita fl-Anness I.
Artikolu 2
L-ispeċifikazzjoni minn sena għal oħra tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħat tal-NEAFC għandha titwettaq f'konformità mal-Anness II.
Artikolu 3
Il-pożizzjoni tal-Unjoni stipulata fl-Anness I għandha tiġi vvalutata u, fejn xieraq, riveduta mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, l-aktar tard, għal-laqgħa annwali tal-NEAFC fl-2024.
Artikolu 4
Id-Deċiżjoni 9451/1/14 REV 1 tad-19 ta' Mejju 2014 hija mħassra.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 6.3.2019
COM(2019) 104 final
ANNESSI
tal-
proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
li tikkonċerna l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal u li tħassar id-Deċiżjoni 9451/1/14 REV 1
ANNESS I
1.PRINĊIPJI
Fil-qafas tal-NEAFC, l-Unjoni għandha:
a) taġixxi f'konformità mal-għanijiet u l-prinċipji tal-Unjoni fi ħdan il-qafas tal-Politika Komuni tas-Sajd (CFP), b'mod partikolari permezz tal-approċċ prekawzjonarju u l-miri relatati mar-rendiment sostenibbli massimu kif stipulati fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, biex tkun promossa l-implimentazzjoni ta' approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd, biex jiġu evitati jew jitnaqqsu kemm jista' jkun il-qabdiet mhux mixtieqa, u gradwalment jinqered il-qbid skartat, u biex jiġi minimizzat l-impatt ta' attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar, kif ukoll, permezz tal-promozzjoni ta' sajd vijabbli u kompetittiv tal-Unjoni, biex ikun provdut livell tal-għajxien ġust għal dawk li jiddependu minn attivitajiet relatati mas-sajd u jitqiesu l-interessi tal-konsumaturi;
b) tiżgura li l-miżuri adottati fi ħdan il-NEAFC ikunu skont il-Konvenzjoni tal-NEAFC;
c) tiżgura li l-miżuri adottati fi ħdan in-NEAFC ikunu konsistenti mal-liġi internazzjonali, u partikolarment mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar tal-1982, mal-Ftehim tan-NU relatat mal-Konservazzjoni u l-Ġestjoni tal-Istokkijiet tal-Ħut Transżonali u tal-Ħut li Jpassi Ħafna tal-1995 u mal-Ftehim għall-promozzjoni tal-konformità mal-miżuri internazzjonali tal-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-bastimenti tas-sajd fl-ibħra miftuħa tal-1993 u l-Ftehim dwar il-Miżuri tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u tal-Agrikoltura tal-Istat tal-Port tal-2009;
d) tippromwovi pożizzjonijiet konsistenti mal-aħjar prattiċi għall-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs, regional fisheries management organisations) fl-istess żona;
e) tfittex konsistenza u sinerġija mal-politika li qed issegwi l-Unjoni bħala parti mir-relazzjonijiet bilaterali tas-sajd ma’ pajjiżi terzi, u tiżgura l-koerenza mal-politiki l-oħrajn tagħha, b’mod partikolari fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, l-impjiegi, l-ambjent, il-kummerċ, l-iżvilupp, ir-riċerka u l-innovazzjoni;
f)tiżgura li l-impenji internazzjonali tal-Unjoni jiġu rispettati;
g) tkun konformi mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2012 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-politika komuni tas-sajd;
h) timmira li toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-flotta tal-Unjoni fi ħdan iż-żona regolatorja tan-NEAFC abbażi tal-istess prinċipji u standards bħal dawk applikabbli skont il-liġi tal-Unjoni, u li tippromwovi l-implimentazzjoni uniformi tar-rakkomandazzjonijiet;
i) tkun konformi mal-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea dwar Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar dik il-Komunikazzjoni Konġunta u l-promozzjoni ta' miżuri li jappoġġjaw u jtejbu l-effettività tan-NEAFC u, fejn rilevanti, ittejjeb il-governanza u l-prestazzjoni tagħha (b'mod partikolari fir-rigward tax-xjenza, tal-konformità, tat-trasparenza u tat-teħid ta' deċiżjonijiet) bħala kontribut għall-ġestjoni sostenibbli tal-oċeani fid-dimensjonijiet kollha tagħha;
j) tippromwovi l-koordinazzjoni bejn l-RFMOs u l-konvenzjonijiet tal-ibħra reġjonali (RSCs) u l-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet globali, kif applikabbli, fi ħdan il-mandat tagħhom, u b'mod partikolari tippromwovi l-koordinazzjoni mal-OSPAR, li għalih l-Unjoni hija wkoll Parti Kontraenti;
k)tippromwovi mekkaniżmi ta' kooperazzjoni fost l-RFMOs mhux tat-tonn simili għall-hekk imsejjaħ proċess ta' Kobe għall-RFMOs tat-tonn.
2.ORJENTAZZJONIJIET
Fejn xieraq, l-Unjoni għandha tagħmel ħilitha sabiex tappoġġa l-adozzjoni mill-NEAFC tal-azzjonijiet li ġejjin:
a) miżuri għall-konservazzjoni u għall-ġestjoni għar-riżorsi tas-sajd fiż-Żona Regolatorja abbażi tal-aħjar pariri xjentifiċi disponibbli, inklużi l-Qabdiet Totali Permissibbli (TACs) u kwoti jew regolazzjoni tal-isforz ta' riżorsi bioloġiċi marittimi ħajjin regolati mill-NEAFC, li jiksbu r-rata ta' esplojtazzjoni tar-rendiment massimu sostenibbli, fuq bażi progressiva u inkrementali, sa mhux aktar tard mill-2020. Fejn neċessarju, dawk il-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni għandhom jinkludu miżuri speċifiċi għal stokkijiet, li jsofru minn sajd eċċessiv biex iżommu l-isforz tas-sajd f'konformità mal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli;
b) miżuri għall-prevenzjoni, l-iskoraġġiment u l-eliminazzjoni ta' attivitajiet tas-sajd illegali, mhux irrappurtati u mhux regolati (IUU) fiż-żona regolatorja, inkluż l-elenkar ta' bastmenti IUU;
c) miżuri għall-ġestjoni, il-kontroll u s-sorveljanza fiż-żona regolatorja sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza tal-kontroll u l-konformità mal-miżuri adottati fi ħdan in-NEAFC;
d) miżuri biex jiġi minimizzat l-impatt negattiv ta' attivitajiet ta' sajd fuq il-bijodiversità marina u l-ekosistemi marini u l-ħabitats tagħhom, inklużi miżuri għat-tnaqqis tat-tniġġis marittimu u l-prevenzjoni tar-rimi ta' plastiks fil-baħar u t-tnaqqis tal-impatt ta' plastiks preżenti fil-baħar fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar, miżuri protettivi għal ekosistemi marini vulnerabbli fiż-Żona Regolatorja b'mod konformi mal-Linji Gwida Internazzjonali tal-FAO għall-Ġestjoni tas-Sajd fl-Ibħra Fondi fil-Baħar Miftuħ, miżuri biex jiġi evitat u jitnaqqas kemm jista' jkun qbid mhux mixtieq, inkluż b'mod partikolari l-ispeċi marini vulnerabbli, u biex gradwalment jiġi eliminat qbid skartat;
e)miżuri biex jitnaqqas l-impatt ta' Rkaptu tas-Sajd Abbandunat, Mitluf jew inkella Skartat (ALDFG, Abandoned, Lost or Otherwise Discarded Fishing Gear) fl-oċean u biex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni u l-irkupru ta' tali rkaptu;
f) miżuri li l-għan tagħhom huwa l-projbizzjoni tas-sajd imwettaq biss bl-iskop tal-ġbir ta’ xewk tal-klieb il-baħar u, li jirrikjedu li l-klieb il-baħar kollha jitħattew l-art b’kull xewka mwaħħla magħhom b’mod naturali;
g)rakkomandazzjonijiet, fejn xieraq u sal-punt permess fid-dokumenti kostitwenti relevanti, li jħeġġu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO);
h)approċċi komuni ma' RFMOs oħrajn, fejn xieraq, b'mod partikolari dawk involuti fil-ġestjoni tas-sajd fl-istess żona;
i) miżuri tekniċi addizzjonali bbażati fuq parir mill-korpi sussidjarji u l-gruppi ta' ħidma tan-NEAFC.
ANNESS II
L-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed
fil-laqgħat tal-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal
Qabel kull laqgħa annwali tal-NEAFC, meta dak il-korp jintalab jadotta deċiżjonijiet li jkollhom effetti legali fuq l-Unjoni, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex il-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f'isem l-Unjoni tqis l-aktar informazzjoni xjentifika riċenti u informazzjoni relevanti oħra trażmessa lill-Kummissjoni f'konformità mal-prinċipji u l-orjentazzjonijiet stabbiliti fl-Anness I.
Għal dan il-għan u abbażi ta' dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tittrażmetti lill-Kunsill, jew lill-korpi preparatorji tiegħu fi żmien suffiċjenti qabel kull laqgħa tal-Kummissjoni tas-NEAFC, dokument bil-miktub li jistabbilixxi d-dettalji tal-ispeċifikazzjoni proposta tal-pożizzjoni tal-Unjoni għal diskussjoni u approvazzjoni tad-dettalji tal-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f'isem l-Unjoni.
Jekk, waqt laqgħa tan-NEAFC ma jkunx possibbli li jintlaħaq qbil, inkluż dak il-ħin, sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-elementi l-ġodda, il-kwistjoni għandha tintbagħat lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu.