IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 1.2.2019
COM(2019) 56 final
2019/0028(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-14-il Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) rigward l-elezzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-OTIF għall-perjodu mit-8 ta’ April 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2021
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni waqt l-14-il Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF), li se ssir fis-27 ta’ Frar 2019, rigward l-elezzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-OTIF għall-perjodu mit-8 ta’ April 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2021. Id-dokumenti tas-sessjoni jinsabu (bi kredenzjali) fuq is-sit web tal-OTIF, żur dan il-link:
http://extranet.otif.org/en/?page_id=1083
.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF)
Il-Konvenzjoni COTIF tirregola t-tmexxija tal-OTIF, l-għanijiet u l-attribuzzjonijiet tagħha, ir-relazzjonijiet tagħha mal-Istati Membri tal-OTIF, u l-attivitajiet tagħha inġenerali.
Din tinkludi l-Konvenzjoni nnifisha u seba’ Appendiċijiet li jistabbilixxu liġi ferrovjarja uniformi, jiġifieri r-rekwiżiti tekniċi u funzjonali, u kuntratti mudell: Kuntratt tat-Trasport Internazzjonali tal-Passiġġieri bil-Ferrovija; Kuntratt tal-Trasport Internazzjonali tal-Merkanzija bil-Ferrovija; Trasport Internazzjonali ta’ Merkanzija Perikoluża bil-Ferrovija; Kuntratt għall-użu tal-vetturi fit-traffiku internazzjonali bil-ferrovija; Kuntratt għall-użu tal-infrastruttura fit-traffiku internazzjonali bil-ferrovija; Validazzjoni ta’ Standards Tekniċi u l-Adozzjoni ta’ Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi applikabbli għall-Materjal tal-Ferroviji maħsub biex jintuża fit-Traffiku Internazzjonali; Ammissjoni Teknika tal-Materjal tal-Ferroviji użat fit-Traffiku Internazzjonali.
Hemm 50 pajjiż li huma partijiet għall-Konvenzjoni COTIF, fosthom 26 Stat Membru tal-UE, jiġifieri l-Istati Membri kollha għajr Ċipru u Malta. Anki l-Unjoni, ilha parti kontraenti sa mill-2011.
2.2.Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF)
Fis-16 ta’ Ġunju 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (ĠU L 51, 23.2.2013, p. 1). Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2011. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tispeċifika li l-Kummissjoni jenħtieġ tirrappreżenta lill-Unjoni waqt il-laqgħat tal-OTIF. Fiha wkoll Dikjarazzjoni mill-Unjoni dwar l-eżerċizzju ta’ kompetenza, u tipprevedi arranġamenti interni għall-Kunsill, għall-Istati Membri u għall-Kummissjoni fi proċedimenti skont l-OTIF.
2.3.L-Assemblea Ġenerali tal-OTIF
L-Assemblea Ġenerali hi l-korp suprem għat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-OTIF. Din tieħu deċiżjonijiet dwar il-proposti li jemendaw il-Konvenzjoni. Skont il-każ, dawn l-emendi adottati jeħtieġu l-approvazzjoni ta’ żewġ terzi jew ta’ nofs l-Istati Membri tal-OTIF.
Permezz tal-Artikolu 14 § 2(c) tal-Konvenzjoni COTIF, l-Assemblea Ġenerali għandha l-kompetenza li teleġġi s-Segretarju Ġenerali, għal perjodu ta’ tliet snin, li jista’ jiġġedded sa darbtejn (l-Artikolu 21 § 2 tal-COTIF). Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Assemblea Ġenerali (l-Artikolu 21 § 2) jispeċifikaw li “Fil-prinċipju, id-deċiżjonijiet tal-Assemblea għandhom jittieħdu b’maġġoranza tal-għadd totali ta’ voti debitament rappreżentati fis-sala tal-laqgħa fiż-żmien tal-votazzjoni.”
Din torganizza sessjoni ordinarja kull tliet snin u tista’ tlaqqa’ sessjonijiet straordinarji. L-aħħar Assemblea Ġenerali saret f’Settembru 2018.
L-Unjoni u/jew l-Istati Membri tagħha jipparteċipaw f’dak il-proċess skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni COTIF, skont ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Assemblea Ġenerali u skont il-Ftehim dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni COTIF.
2.4.L-atti previsti tal-Assemblea Ġenerali tal-OTIF waqt l-14-il sessjoni tagħha
2.4.1.Kuntest
Il-mandat tas-Segretarju Ġenerali spiċċa fil-31 ta’ Diċembru 2018. Hu kien ġie elett għal tliet snin waqt it-12-il Assemblea Ġenerali tal-OTIF f’Settembru 2015.
Is-Segretarju Ġenerali għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2021 kellu jiġi elett waqt it-13-il Assemblea Ġenerali f’Settembru 2018. Madankollu, l-uniku kandidat għall-kariga rtira l-applikazzjoni tiegħu biex jassumi dmirijiet oħra b’effett mill-1 ta’ Jannar 2019, u l-elezzjoni ma setgħetx issir kif previst waqt din is-sessjoni.
Għaldaqstant, it-13-il Assemblea Ġenerali tat struzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali biex ilaqqa’ Assemblea Ġenerali Straordinarja (l-14-il Sessjoni ) nhar is-27 ta’ Frar 2019 b’punt wieħed fuq l-aġenda: l-elezzjoni tas-Segretarju Ġenerali li jmiss. It-13-il Assemblea Ġenerali adottat is-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali, li ġiet ippubblikata fil-5 ta’ Ottubru 2018, u l-applikazzjonijiet għaliha ntlaqgħu sal-5 ta’ Jannar 2019 bil-format xieraq u kif suppost.
Is-Segretarju Ġenerali li jmiss se jibda l-kariga tiegħu fit-8 ta’ April 2019.
It-13-il Assemblea Ġenerali nnominat ukoll lis-Sur Bas Leermakers (li bħalissa hu l-kap tad-dipartiment tekniku tal-OTIF) bħala Segretarju Ġenerali ad interim b’effett mill-1 ta’ Jannar 2019 sad-data meta s-Segretarju Ġenerali ġdid elett jibda l-kariga tiegħu.
2.4.2.Profil tal-kwalifiki għad-detentur tal-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-OTIF
Il-profil tal-kwalifiki stabbilit fl-anness tas-sejħa għall-applikazzjonijiet jgħid hekk:
|
Kull applikant għandu jirrispetta l-kundizzjonijiet li ġejjin:
1. Ikollu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru tal-OTIF, iżda mhux bilfors in-nazzjonalità tal-Istat Membru proponenti.
2. Individwu b’ħafna snin esperjenza professjonali f’oqsma differenti ta’ attività u li wera l-ħila tiegħu f’pożizzjoni ta’ responsabbiltà kbira.
3. Ikollu għarfien fit-tliet lingwi ta’ ħidma tal-OTIF (l-Ingliż, il-Franċiż, il-Ġermaniż), u l-kapaċità li jabbozza faċilment u b’mod mexxej b’waħda mil-lingwi ta’ ħidma. L-applikanti jenħtieġ ikunu kapaċi jesprimu ruħhom sew biżżejjed fiż-żewġ lingwi l-oħra ħalli jkunu jistgħu jmexxu n-negozjati u jabbozzaw b’mod li jinftiehem.
4. Ikollu lawrja f’dixxiplina rilevanti għall-ħidma tal-OTIF, preferibbilment fil-liġi u fix-xjenza politika; għarfien fil-liġi pubblika internazzjonali, fil-liġi dwar it-trasport bil-ferrovija, fit-trasport ta’ merkanzija perikoluża, fit-trasport bil-ferrovija inġenerali u fil-loġistika tat-trasport jitqies bħala vantaġġ.
5. Ikun wera ħila fit-tmexxija ta’ amministrazzjoni bħal dik tas-Segretarjat tal-OTIF, bl-użu ta’ teknoloġija tal-informazzjoni moderna, diversi snin ta’ esperjenza fil-ġestjoni tal-persunal abbażi ta’ prinċipji ġenerali u regoli speċifiċi tal-liġi tal-persunal u jkun wera abbiltà li jmexxi l-affarijiet finanzjarji tal-Organizzazzjoni.
6. Ikollu għarfien dwar kif jaħdmu l-organizzazzjonijiet internazzjonali, in-negozjati diplomatiċi u esperjenza professjonali fis-settur tat-trasport internazzjonali.
7. Ikun kapaċi jirrappreżenta lill-OTIF b’mod effettiv fl-Istati Membri [tal-OTIF], fil-livell internazzjonali – l-aktar fil-konferenzi – u fil-pubbliku. Ikun kapaċi jagħmel diskorsi waqt il-konferenzi internazzjonali.
8. Ikollu fehim komprensiv tal-korrelazzjonijiet u l-proċessi ekonomiċi (inkluż fil-kuntest internazzjonali) u prova ta’ interess fis-settur tat-trasport u l-ferroviji. Jeħtieġ ukoll ikollu esperjenza fl-attivitajiet leġiżlattivi.
9. Ikollu esperjenza professjonali ta’ mill-inqas għaxar snin, preferibbilment fl-amministrazzjoni ta’ Stat, organizzazzjoni internazzjonali, assoċjazzjoni internazzjonali, impriża li taħdem fis-settur tat-trasport internazzjonali jew ikun ġej mill-qasam tat-tagħlim u tar-riċerka. L-applikanti jenħtieġ ikollhom mill-inqas għaxar snin esperjenza fil-qasam internazzjonali, u juru li matulhom kienu kapaċi jwettqu attivitajiet b’responsabbiltajiet kbar ta’ teħid tad-deċiżjonijiet.
10. Esperjenza twila fin-negozjati internazzjonali; il-kandidati jenħtieġ ikunu kapaċi wkoll jittrattaw ammont kbir ħafna ta’ xogħol u jkunu lesti jagħmlu bosta vjaġġi uffiċjali impenjattivi.
Is-Segretarju Ġenerali jenħtieġ ikun ukoll attur dinamiku f’tim, ikollu viżjoni progressiva, ikun aċċessibbli u deċiżiv, b’rekord ta’ ħidma ma’ kulturi oħrajn. L-applikanti jenħtieġ ikunu kapaċi wkoll jiżviluppaw kunċetti politiċi, legali, istituzzjonali u finanzjarji.
|
L-Assemblea Ġenerali stess se jkollha tevalwa jekk u kemm l-applikanti jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-sejħa għall-applikazzjonijiet. Fil-21/01/2019, is-Segretarjat tal-OTIF ikkomunika l-lista uffiċjali tal-kandidati flimkien mad-dossiers tal-applikazzjonijiet tagħhom, li waslu waqt il-perjodu tal-applikazzjonijiet.
L-elezzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-OTIF hi deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali permezz ta’ proċedura ta’ votazzjoni, li hi deskritta fit-Taqsima 2.3 hawn fuq. Din jenħtieġ tkun effettiva mid-data meta s-Segretarju Ġenerali ġdid elett jibda l-kariga tiegħu, normalment fit-8 ta’ April 2019. Id-deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali għandha effetti legali fuq il-partijiet għall-Konvenzjoni COTIF, kif spjegat b’mod aktar dettaljat fit-Taqsima 4 hawn taħt.
3.Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni
3.1.Lista tal-kandidati kif komunikata uffiċjalment mis-Segretarjat tal-OTIF
Wara l-komunikazzjoni tas-Segretarjat tal-OTIF tal-21/01/2019, il-lista tal-kandidati għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-OTIF għall-perjodu mit-8 ta’ April 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2021 hi stabbilita uffiċjalment kif ġej (preżentazzjoni b’ordni alfabetika):
·Is-Sur CRINIER Raphaël (applikazzjoni mressqa minn Franza);
·Is-Sur D’ALFONSO Salvatore (applikazzjoni mressqa mill-Italja);
·Is-Sur EBNER Stefan (applikazzjoni mressqa mill-Awstrija);
·Is-Sur GROOT Hinne (applikazzjoni mressqa min-Netherlands);
·Is-Sur KÜPPER Wolfgang (applikazzjoni mressqa mill-Ġermanja).
Hu nnutat li l-ħames applikazzjonijiet ilkoll tressqu minn Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.
3.2.Proposta għall-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
3.2.1.Il-kompiti tas-Segretarju Ġenerali tal-OTIF u l-interess tal-Unjoni fl-elezzjoni
3.2.1.1.Il-kompiti tas-Segretarju Ġenerali tal-OTIF
Il-kompiti tas-Segretarju Ġenerali tal-OTIF imorru lil hinn minn dawk relatati mal-ġestjoni, l-applikazzjoni u l-funzjonament tal-Konvenzjoni COTIF. B’mod speċifiku, is-Segretarju Ġenerali għandu l-funzjonijiet li ġejjin:
–L-Artikolu 21 § 4 tal-Konvenzjoni COTIF jipprevedi li “Is-Segretarju Ġenerali jista’, fuq inizjattiva tiegħu stess, jippreżenta proposti bil-għan li jimmodifika l-Konvenzjoni.”;
–Is-Segretarju Ġenerali jirrappreżenta lill-OTIF esternament, ifassal il-programm ta’ ħidma, jabbozza l-baġit u r-rapporti ta’ ġestjoni u jmexxi l-affarijiet finanzjarji tal-Organizzazzjoni (l-Artikolu 21 §3, il-punti b), h), u i) tal-Konvenzjoni COTIF);
Dawn il-kompiti jagħtu ċertu marġni ta’ manuvra lis-Segretarju Ġenerali;
–Importanti wkoll li s-Segretarju Ġenerali jaqdi rwol diskret u indipendenti fir-riżoluzzjoni ta’ tilwimiet fost il-partijiet kontraenti. Hu “jagħmel ħiltu, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet ikkonċernati, billi juża l-bon offiċji tiegħu, biex isib soluzzjoni għal tilwim bejniethom li jirriżulta mill-interpretazzjoni jew mill-applikazzjoni tal-Konvenzjoni” (l-Artikolu 21 §3, il-punt j) tal-Konvenzjoni COTIF);
–Barra minn hekk, is-Segretarju Ġenerali “jagħti wkoll, fuq talba tal-partijiet kollha kkonċernati, opinjoni dwar tilwim li jirriżulta mill-interpretazzjoni jew mill-applikazzjoni tal-Konvenzjoni” (l-Artikolu 21§ 3, il-punt k) tal-Konvenzjoni COTIF).
Għalhekk, l-elezzjoni li tagħżel persuna waħda minflok il-bqija tista’ tħalli konsegwenzi importanti fuq il-mod kif jitwettqu l-kompiti, lil hinn minn kwistjonijiet purament tekniċi.
Dan hu rifless ukoll fil-profil tal-kwalifiki. Fost affarijiet oħra, il-kandidat mistenni juri “esperjenza twila fin-negozjati internazzjonali” u “l-abbiltà li jiżviluppa kunċetti politiċi, legali, istituzzjonali u finanzjarji”.
3.2.1.2.L-interess tal-Unjoni fl-elezzjoni
L-Unjoni għandha interess sostanzjali fl-elezzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-OTIF.
L-attivitajiet tal-OTIF huma koperti mill-kompetenza tal-Unjoni u, għal ħafna, mill-kompetenza esterna esklussiva tal-Unjoni.
Għalhekk, l-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE jinkludi Appendiċi li jelenka l-istrumenti tal-Unjoni li jeżistu f’dak iż-żmien u li għandhom x’jaqsmu ma’ suġġetti li tittratta l-Konvenzjoni COTIF; il-lista tinkludi aktar minn 20 Regolament u Direttiva tal-Unjoni fir-rigward tal-leġiżlazzjoni ferrovjarja tal-Unjoni dwar l-aċċess ekonomiku/għas-suq, is-sikurezza, l-interoperabbiltà, u l-obbligi tas-servizz pubbliku.
F’xi oqsma speċifiċi (eż. is-sikurezza, l-interoperabbiltà tas-sistemi ferrovjarji), il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli uniformi żviluppati mill-OTIF hu relatat direttament mad-dispożizzjonijiet tal-acquis tal-Unjoni dwar il-ferroviji, u jeħtieġ armonizzazzjoni preċiża biex ikunu evitati l-kunflitti jew in-nuqqas ta’ allinjament bejn iż-żewġ settijiet ta’ rekwiżiti.
L-ispjegazzjonijiet mogħtija hawn fuq juru li s-Segretarju Ġenerali jingħata marġni importanti ta’ manuvra f’diversi oqsma, b’mod partikolari fir-rigward tas-sottomissjoni tal-proposti u r-riżoluzzjoni tat-tilwim.
Għalhekk, l-azzjoni mis-Segretarju Ġenerali tista’ taffettwa l-operat tal-OTIF f’oqsma li huma relatati direttament mal-iżvilupp u l-applikazzjoni tal-politika ferrovjarja tal-Unjoni. Bl-istess mod, din tista’ taffettwa wkoll lill-Unjoni fejn tidħol il-kapaċità tagħha bħala Membru tal-OTIF.
Minħabba l-interess tal-Unjoni fl-elezzjoni tas-Segretarju Ġenerali, l-Unjoni jenħtieġ tadotta pożizzjoni dwar dik l-elezzjoni.
3.2.2.Dwar l-applikazzjonijiet
Abbażi tad-dokumenti kkomunikati mis-Segretarjat tal-OTIF, jidher li l-ħames kandidati kollha jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fil-profil tal-kwalifiki mehmuż mas-sejħa għall-applikazzjonijiet.
Barra minn hekk, il-ħames kandidati kollha ġew proposti minn Stati Membri u huma ċittadini tal-UE.
Jenħtieġ li l-konsiderazzjonijiet li jmexxu l-għażla tal-Istati Membri jkunu żviluppati f’dan il-kuntest:
Qabelxejn jenħtieġ ikun ċar li l-voti jenħtieġ jingħataw biss lil kandidati li huma ċittadini tal-Unjoni, li ġew proposti minn Stat Membru u li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tal-profil tal-kwalifiki. Għalkemm is-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet skadiet, jenħtieġ li dan l-ewwel sett ta’ kriterji jevita sorpriżi fl-aħħar minuta. It-tieni nett, wara li jkun ġie kkunsidrat l-interess speċifiku tal-Unjoni fl-eżerċizzju, jenħtieġ li l-vot jingħata lill-kandidat li jissodisfa bl-aħjar mod għadd ta’ kriterji rilevanti għal dak l-interess. Uħud minn dawk il-kriterji diġà huma stabbiliti fis-sejħa għall-applikazzjonijiet. Kriterju ieħor hu marbut ma’ rekwiżit tas-sejħa għall-applikazzjonijiet, iżda hu aktar speċifiku u jqis l-interess tal-Unjoni fl-elezzjoni.
B’mod ġenerali, qed tiġi ssuġġerita din il-lista ta’ kriterji li ġejja:
|
Kriterji tal-għażla possibbli
|
Ir-rekwiżiti tas-sejħa għall-applikazzjonijiet
|
|
Kompetenzi tal-UE
|
Kriterju mhux imsemmi b’mod espliċitu fl-anness tas-sejħa għall-applikazzjonijiet: Għarfien fil-qafas istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea u fl-acquis u l-politiki tal-Unjoni dwar il-ferroviji (marbuta mar-rekwiżit imsemmi fil-punt 4 tal-anness tas-sejħa għall-applikazzjonijiet)
|
|
Kompetenzi tekniċi
|
Il-kriterji msemmija fil-punti 4, 5 u 6 tal-anness tas-sejħa għall-applikazzjonijiet
|
|
Kompetenzi ġenerali
|
Il-kriterji msemmija fil-punti 8 u 9 tal-anness tas-sejħa għall-applikazzjonijiet, flimkien mal-kriterji msemmija fil-paragrafu li jikkonkludi l-lista tar-rekwiżiti f’dak l-anness:
Ikun attur dinamiku f’tim, ikollu viżjoni progressiva, ikun aċċessibbli u deċiżiv, b’rekord ta’ ħidma ma’ kulturi oħrajn.
Ikun kapaċi wkoll jiżviluppa kunċetti politiċi, legali, istituzzjonali u finanzjarji.
|
4. Bażi ġuridika
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Il-prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita bi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp inkwistjoni.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-Assemblea Ġenerali tal-OTIF hi korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni COTIF. L-elezzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-OTIF, li l-Assemblea Ġenerali qed tintalab tiddeċiedi dwaru, tikkostitwixxi att li għandu effetti legali. L-effetti legali jirriżultaw mill-kompiti mogħtija lis-Segretarju Ġenerali, li jmorru lil hinn minn sempliċi ġestjoni, applikazzjoni u funzjonament tal-ftehim internazzjonali. Id-dettalji huma deskritti fis-Subtaqsima 3.2.2.1 hawn fuq. Kif spjegat f’dik is-Subtaqsima, l-elezzjoni li tagħżel persuna waħda minflok il-bqija tista’ tħalli konsegwenzi importanti fuq il-mod kif jitwettqu l-kompiti, lil hinn minn kwistjonijiet purament tekniċi. L-aktar bis-saħħa tal-abbiltà tiegħu li jippreżenta proposti bil-għan li jimmodifika l-Konvenzjoni u li jintervjeni fit-tilwim bejn il-Membri, is-Segretarju Ġenerali hu kapaċi jipprovdi orjentazzjoni politika u legali lill-ħidmiet tal-OTIF.
Għal dawn ir-raġunijiet, jenħtieġ jiġi konkluż li l-elezzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-OTIF għandha effetti legali. Din la tissupplimenta u lanqas temenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim. Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali tad-deċiżjoni proposta hi l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst jirrigwardaw “it-trasport ferrovjarju”.
Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hi l-Artikolu 91 tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 91 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2019/0028 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-14-il Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) rigward l-elezzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-OTIF għall-perjodu mit-8 ta’ April 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2021
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)L-Unjoni aderiet mal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (“il-Konvenzjoni COTIF”), permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE.
(2)L-Assemblea Ġenerali tal-OTIF ġiet stabbilita skont il-punt (a) tal-Artikolu 13(1) tal-Konvenzjoni COTIF (“Assemblea Ġenerali”). L-Unjoni tipparteċipa fl-Assemblea Ġenerali skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni COTIF, skont ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Assemblea Ġenerali u skont il-Ftehim dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni COTIF.
(3)Fl-14-il Sessjoni tagħha li se ssir fis-27 ta’ Frar 2019, l-Assemblea Ġenerali hi mistennija tiddeċiedi dwar l-elezzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-OTIF għall-perjodu mit-8 ta’ April 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2021.
(4)L-Unjoni għandha interess sostanzjali fl-elezzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-OTIF. L-attivitajiet tal-OTIF huma koperti mill-kompetenza tal-Unjoni u, għal ħafna, mill-kompetenza esterna esklussiva tal-Unjoni. Is-Segretarju Ġenerali jingħata marġni importanti ta’ manuvra f’diversi oqsma, b’mod partikolari fir-rigward tas-sottomissjoni tal-proposti għal emendi għall-Konvenzjoni COTIF, u r-riżoluzzjoni tat-tilwim. Għalhekk, l-azzjoni mis-Segretarju Ġenerali tista’ taffettwa l-operat tal-OTIF f’oqsma li huma relatati direttament mal-iżvilupp u l-applikazzjoni tal-politika ferrovjarja tal-Unjoni. Bl-istess mod, din tista’ taffettwa wkoll lill-Unjoni fejn tidħol il-kapaċità tagħha bħala Membru tal-OTIF. Minħabba l-interess tal-Unjoni fl-elezzjoni tas-Segretarju Ġenerali, l-Unjoni jenħtieġ tadotta pożizzjoni rigward dik l-elezzjoni.
(5)Il-ħames applikazzjonijiet għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-OTIF għall-perjodu mit-8 ta’ April 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2021 ilkoll tressqu minn Stati Membri, u l-kandidati kollha huma ċittadini ta’ Stati Membri. Ġie vvalutat li l-ħames kandidati lkoll jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-profil tal-kwalifiki għad-detentur tal-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-OTIF.
(6)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni waqt l-14-il Assemblea Ġenerali tal-OTIF, għax id-deċiżjoni prevista tikkonċerna kwistjoni ta’ interess għall-Unjoni, li hija fil-kompetenza tal-Unjoni u tħalli effetti legalment vinkolanti fuqha.
(7)Jenħtieġ li l-voti jingħataw lil kandidat li hu ċittadin tal-Unjoni, li ġie propost minn xi Stat Membru, li jissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fis-sejħa għall-applikazzjonijiet maħruġa mill-OTIF, u li jissodisfa bl-aħjar mod sett ta’ kriterji relatati mal-interess speċifiku tal-Unjoni fl-elezzjoni.
(8)Għaldaqstant jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni waqt l-14-il Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-OTIF tkun li tivvota skont dawk il-kriterji kollha,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
(1)Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fl-14-il Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-OTIF għandha tkun li tivvota għall-kandidat li:
(a)hu ċittadin tal-Unjoni, ġie propost minn xi Stat Membru, jissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-anness tas-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-elezzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-OTIF għall-perjodu mit-8 ta’ April 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2021 (dokument SG-18106 tal-5 ta’ Ottubru 2018), u
(b)jissodisfa l-aħjar dawn il-kriterji li ġejjin:
–għarfien fil-qafas istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea u fl-acquis u l-politiki tal-Unjoni dwar il-ferroviji;
–il-kriterji msemmija fil-punti 4, 5, 6, 8 u 9 tal-anness tas-sejħa għall-applikazzjonijiet;
–il-kriterji li jidhru taħt in-numerazzjoni stabbilita fl-anness tas-sejħa għall-applikazzjonijiet, tal-persuna bħala attur dinamiku f’tim, li jkollha viżjoni progressiva, tkun aċċessibbli u deċiżiva, b’rekord ta’ ħidma ma’ kulturi oħrajn, u li kapaċi wkoll tiżviluppa kunċetti politiċi, legali, istituzzjonali u finanzjarji.
(2)L-Istati Membri għandhom jivvutaw skont il-paragrafu 1.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President