Brussell, 23.1.2019

COM(2019) 49 final

2019/0010(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2403 f’dak li għandu x’jaqsam mal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet tar-Renju Unit u għall-operazzjonijiet tal-bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit fl-ilmijiet tal-Unjoni


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit ressaq in-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li, jekk il-Ftehim dwar il-Ħruġ ma jiġix ratifikat, il-leġiżlazzjoni primarja u sekondarju tal-Unjoni ma tibqax tapplika għar-Renju Unit mit-30 ta’ Marzu 2019 ’il quddiem (“id-data tal-ħruġ”). Ir-Renju Unit imbagħad isir pajjiż terz.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Tħejjija għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fit-30 ta’ Marzu 2019: “Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kontinġenza” tat-13 ta’ Novembru 2018 stabbilixxa l-miżuri ta’ kontinġenza li qed tipprevedi jekk ma jkunx sar ftehim dwar il-ħruġ sad-data tal-ħruġ. F’dik il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni elenkat l-azzjonijiet li fil-fehma tagħha jkunu meħtieġa, filwaqt li fakkret li jista’ jkun hemm ħtieġa ta’ azzjonijiet addizzjonali f’xi stadju aktar ’il quddiem. Il-Komunikazzjoni ppreżentat ukoll is-sitt prinċipji ġenerali li magħhom jeħtieġ li jkunu konformi l-miżuri ta’ kontinġenza fil-livelli kollha. Dawn jinkludu l-prinċipji li jenħtieġ li l-miżuri ma jirreplikawx il-benefiċċji tas-sħubija fl-Unjoni, u lanqas ma jirreplikaw it-termini ta’ xi perjodu ta’ tranżizzjoni, kif hemm stipulat fil-Ftehim dwar il-Ħruġ; jenħtieġ li jkunu ta’ natura temporanja u fil-prinċipju ma jridux jittawlu lil hinn mit-tmiem tal-2019; u jridu jkunu azzjonijiet unilaterali tal-Unjoni Ewropea li trid tfittex l-interessi tagħha, u għaldaqstant l-Unjoni, fil-prinċipju, tista’ tirrevokahom fi kwalunkwe ħin.

Fit-13 ta’ Diċembru 2018 il-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 50) tenna l-appell tiegħu biex tkompli tiġi intensifikata l-ħidma dwar it-tħejjija, fil-livelli kollha, għall-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit, filwaqt li jitqiesu l-eżiti kollha possibbli. Il-Kummissjoni ppreżentat pakkett ta’ miżuri fid-19 ta’ Diċembru 2018 bi tweġiba għal dik is-sejħa. Fis-17 u fit-18 ta’ Diċembru 2018, il-Kunsill tal-Agrikoltura u s-Sajd iffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-2019. Abbażi ta’ dan, u filwaqt li jitqiesu l-kuntatti għaddejjin mal-Istati Membri dwar l-impatt sinifikanti fuq is-settur tas-sajd tal-ħruġ diżordinat mingħajr ftehim dwar il-ħruġ, tar-Renju Unit, u filwaqt li jitqies il-fatt li l-partijiet ikkonċernati ma jistgħux itaffu dawn l-effetti ħżiena waħedhom, il-Kummissjoni kkonkludiet li huma meħtieġa żewġ miżuri ta’ kontinġenza għas-settur tas-sajd. Flimkien ma’ din il-miżura dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-flotot tas-sajd esterni, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi miżura biex temenda l-Fond għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd.

Skont ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 1 (ir-Regolament Bażiku dwar il-Politika Komuni tas-Sajd), il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom aċċess ugwali għall-ilmijiet u għar-riżorsi tal-Unjoni soġġett għar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd. Mid-data tal-ħruġ, il-Politika Komuni tas-Sajd ma tibqax tapplika għar-Renju Unit. L-ilmijiet tar-Renju Unit (il-baħar territorjali u ż-żona ekonomika esklussiva ta’ biswit dan il-baħar) ma jibqgħux jiffurmaw parti mill-ilmijiet tal-Unjoni.

Jekk ma jsirx ftehim dwar il-ħruġ, l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Istati Membri fl-ilmijiet tar-Renju Unit, u mill-bastimenti tar-Renju Unit fl-ilmijiet tal-Unjoni ma jibqgħux regolati mir-Regolament Bażiku dwar il-Politika Komuni tas-Sajd ladarba r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni.

Biex tkun iggarantita s-sostenibbiltà tas-sajd, u fid-dawl tal-importanza tas-sajd għall-għajxien ekonomiku ta’ bosta komunitajiet, huwa importanti li tinżamm miftuħa l-possibbiltà li jsiru arranġamenti dwar l-aċċess reċiproku tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u tar-Renju Unit għall-ibħra ta’ xulxin għal perjodu limitat wara d-data tal-ħruġ. L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li joħloq il-qafas legali xieraq għal dan l-aċċess reċiproku.

Kif stipulat fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 (“UNCLOS”) u fil-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 relatati mal-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Transżonali u Stokkijiet ta’ Ħut li Jpassi Ħafna tal-4 ta’ Awwissu 1995 (“UNFSA”), il-ġestjoni ta’ ċerti stokkijiet kondiviżi ta’ ħut transżonali u li jpassi ħafna teħtieġ il-kooperazzjoni tal-pajjiżi kollha fejn jinsabu l-istokkijiet ta’ dan il-ħut fl-ilmijiet tagħhom (l-Istati kostali) u tal-pajjiżi li l-flotot tagħhom jisfruttaw dawk l-istokkijiet (l-Istati sajjieda). Din il-kooperazzjoni tista’ tiġi stabbilita fil-qafas ta’ arranġamenti ad hoc fost il-pajjiżi li għandhom interess fis-sajd.

L-opportunitajiet tas-sajd għas-sena 2019 ġew miftehma, anki mir-Renju Unit, meta r-Renju Unit kien membru tal-Unjoni. Dawn l-arranġamenti u l-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti fihom jipprovdu sies għall-istabbiltà tal-attivitajiet tas-sajd u ġew stabbiliti b’konformità sħiħa mar-rekwiżiti mniżżlin fl-Artikoli 61 u 62 tal-UNCLOS. Il-mira ta’ dawn l-arranġamenti hija li jkun żgurat sfruttament sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar u li tkun żgurata l-istabbiltà fl-ilmijiet tal-Unjoni u fl-ilmijiet tar-Renju Unit.

Ir-Regolament (UE) 2017/2403 2 (ir-Regolament SMEFF) jistipula r-regoli għall-operazzjonijiet tas-sajd li jwettqu l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet ta’ pajjiż terz u dawk li jwettqu l-bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi fl-ilmijiet tal-Unjoni.

Dwar l-operazzjonijiet tas-sajd li jitwettqu mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet ta’ pajjiż terz, l-SMEFF jistipula li Stat Membru tal-bandiera jista’ jagħti l-awtorizzazzjonijiet direttament lill-operatur, u jistabbilixxi l-kondizzjonijiet u l-proċeduri biex jingħataw dawn l-awtorizzazzjonijiet. Minħabba l-għadd ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jwettqu l-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tar-Renju Unit, dawn il-kondizzjonijiet u l-proċeduri jistgħu jwasslu għal dewmien konsiderevoli u għal aktar piż amministrattiv jekk ir-Renju Unit jawtorizza l-bastimenti tal-UE biex jistadu fl-ilmijiet tar-Renju Unit. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti kondizzjonijiet u proċeduri speċifiċi li jiffaċilitaw l-awtorizzazzjoni mir-Renju Unit ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għat-tħaddim ta’ attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tar-Renju Unit. Dawn il-kondizzjonijiet u l-proċeduri jenħtieġ li jkunu ekwivalenti għar-rekwiżiti għall-awtorizzazzjoni li jistabbilixxi l-SMEFF għall-bastimenti ta’ pajjiżi terzi li jwettqu attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni.

Ir-Regolament Bażiku tal-PKS jagħti s-setgħa lill-Istati Membri li jiskambjaw l-opportunitajiet tas-sajd kollha allokati lilhom, jew partijiet minnhom. Kull sena jsir skambju ta’ madwar 1000 kwota bejn ir-Renju Unit u l-Istati Membri. Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza esklussiva tal-Unjoni, hija meħtieġa sistema flessibbli wara d-data tal-ħruġ, li tkun tippermetti lill-UE li tiskambja il-kwoti mar-Renju Unit. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddiskutu mar-Renju Unit u, skont il-bżonn, jistabbilixxu pjan ġenerali possibbli għat-trasferiment jew għall-iskambju maħsub tal-kwoti. L-opportunitajiet tas-sajd mogħtija mir-Renju Unit jew ittrasferiti lilu fil-qafas tat-trasferiment jew tal-iskambju tal-kwoti jitqiesu bħala kwoti allokati lill-Istat Membru kkonċernat, jew imnaqqsa mill-allokazzjoni tiegħu. Din l-allokazzjoni ma tibdilx il-gwida għat-tqassim li għandha l-iskop li talloka l-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri skont il-prinċipju tal-istabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd.

Jenħtieġ li r-regoli speċifiċi previsti f’din il-proposta japplikaw mill-jum ta’ wara dak meta d-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. L-għotja tal-awtorizzazzjonijiet hija soġġetta għall-prinċipju ta’ “reċiproċità”, jiġifieri bil-kondizzjoni li r-Renju Unit jestendi d-drittijiet tal-aċċess attwali għall-bastimenti tal-UE biex ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tar-Renju Unit. Għaldaqstant, l-awtorizzazzjonijiet jingħataw biss jekk, u sa fejn, ir-Renju Unit jagħti l-awtorizzazzjonijiet biex il-bastimenti tal-Unjoni jużaw l-opportunitajiet tas-sajd allokati lilhom b’konformità mar-Regolamenti dwar l-opportunitajiet tas-sajd.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Ma tapplikax

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Ma tapplikax

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika hija l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Sussidjarjetà

Skont l-Artikolu 3(d) tat-Trattat, il-PKS u l-kontroll tagħha huma fil-kompetenza esklussiva tal-UE u għaldaqstant ma japplikax il-prinċipju tas-sussidjarjetà.

L-att propost ikun jemenda r-Regolament tal-Unjoni (UE) Nru 2017/2403, sabiex jipprovdi bażi legali fid-dritt tal-Unjoni li tipprevedi l-possibbiltà li l-bastimenti tar-Renju Unit iwettqu l-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni u l-possibbiltà li jiġu introdotti proċeduri ta’ awtorizzazzjoni aktar sempliċi u effiċjenti għall-bastimenti li jixtiequ jistadu fl-ilmijiet tar-Renju Unit. Għalhekk, l-azzjoni fil-livell tal-Unjoni hija indispensabbli, u ma jistax jinkiseb ir-riżultat permezz ta’ azzjoni fil-livell tal-Istati Membri minħabba l-kompetenza esklussiva tal-Unjoni.

Proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Ir-Regolament propost huwa meqjus proporzjonat peress li l-iskop tiegħu hu li jiżgura li jinżamm l-istatus quo rigward it-termini tal-aċċess tal-bastimenti tal-Unjoni għall-ilmijiet tar-Renju Unit billi jistipula kondizzjonijiet reċiproki għall-awtorizzazzjoni. B’hekk jiġu evitati tfixkil u dewmien kbar fil-proċeduri tal-awtorizzazzjoni. Ir-Regolament propost ikompli l-prattika tal-iskambju tal-kwoti mar-Renju Unit ukoll, kif kien isir meta r-Renju Unit kien membru tal-Unjoni.

Għażla tal-istrument

Dan l-att huwa emenda għal Regolament.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Dawn ma japplikawx minħabba n-natura eċċezzjonali, temporanja u ta’ darba tal-avveniment li jeħtieġ din il-proposta li mhijiex marbuta mal-objettivi tal-leġiżlazzjoni eżistenti.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

L-isfidi li jirriżultaw mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni u s-soluzzjonijiet possibbli tqajmu minn diversi partijiet ikkonċernati fis-sajd u minn rappreżentanti tal-Istati Membri. L-operaturi, il-partijiet ikkonċernati u l-Istati Membri kkonċernati kollha enfasizzaw il-ħtieġa li jinkisbu attivitajiet tas-sajd sostenibbli reċiproki.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Ma japplikax

Valutazzjoni tal-impatt

Mhijiex meħtieġa valutazzjoni tal-impatt billi s-sitwazzjoni hija eċċezzjonali u l-ħtiġijiet għall-perjodu li tulu tiġi implimentata l-bidla fl-istatus tar-Renju Unit huma limitati. Ma jeżistux alternattivi ta’ politika li huma differenti materjalment u legalment għajr din li hi proposta    

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Ma tapplikax

Drittijiet fundamentali

Din il-proposta ma għandha l-ebda konsegwenza għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

Din il-proposta ma tqajjimx implikazzjonijiet għall-baġit.

5.ELEMENTI OĦRA

Ma tapplikax

2019/0010 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2403 f’dak li għandu x’jaqsam mal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet tar-Renju Unit u għall-operazzjonijiet tal-bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit fl-ilmijiet tal-Unjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 3 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit issottometta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni, skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta’ dan, sentejn wara li tkun saret in-notifika, jiġifieri mit-30 ta’ Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b’mod unanimu li jestendi dak il-perjodu.

(2)Il-Ftehim ta’ ħruġ fih arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għar-Renju Unit kif ukoll fih wara d-data li fihom it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit kif ukoll fih. Jekk dak il-ftehim jidħol fis-seħħ, il-Politika Komuni tas-Sajd (il-PKS) tkun tapplika għar-Renju Unit u fih tul il-perjodu tat-tranżizzjoni bi qbil ma’ dak il-ftehim, u tieqaf tapplika fi tmiem dak il-perjodu.

(3)Meta l-PKS ma tibqax tapplika għar-Renju Unit, l-ilmijiet tar-Renju Unit (il-baħar territorjali u ż-żona ekonomika esklussiva ta’ biswit dan il-baħar) ma jibqgħux jiffurmaw parti mill-ilmijiet tal-Unjoni. B’konsegwenza ta’ dan, jekk il-ħruġ ikun diżordinat, hemm ir-riskju li l-bastimenti tal-Unjoni u tar-Renju Unit ma jkunux jistgħu jisfruttaw bis-sħiħ l-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti għall-2019.

(4)Biex tkun iggarantita s-sostenibbiltà tas-sajd, u minħabba l-importanza tas-sajd għall-għajxien ekonomiku ta’ bosta komunitajiet fl-Unjoni u fir-Renju Unit, jenħtieġ li tinżamm għal perjodu limitat il-possibbiltà li jsiru arranġamenti biex jibqa’ l-aċċess sħiħ reċiproku għas-sajd għall-bastimenti tal-Unjoni u tar-Renju Unit fl-ilmijiet ta’ xulxin wara li l-PKS tieqaf tapplika għar-Renju Unit bħala Stat Membru. L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li joħloq il-qafas legali xieraq għal dan l-aċċess reċiproku.

(5)Il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dan ir-Regolament u kull referenza fih għar-Renju Unit ma jinkludux il-Ġibiltà.

(6)L-opportunitajiet tas-sajd għas-sena 2019 ġew miftehma 4 , 5 anki mir-Renju Unit, meta r-Renju Unit kien membru tal-Unjoni. Dawn l-opportunitajiet tas-sajd ġew stabbiliti b’konformità sħiħa mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 61 u 62 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar. Biex ikunu żgurati l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar u l-istabbiltà fl-ilmijiet tal-Unjoni u tar-Renju Unit, l-allokazzjonijiet tal-kwoti u l-ishma lill-Istati Membri u lir-Renju Unit jenħtieġ li jibqgħu disponibbli b’konformità mal-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 .

(7)Minħabba d-drawwiet tas-sajd li ilhom żmien twil, tal-bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit fl-ilmijiet tal-Unjoni u viċi versa, jenħtieġ li l-Unjoni tipprevedi mekkaniżmu biex il-bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit ikollhom aċċess għall-ilmijiet tal-Unjoni permezz tal-awtorizzazzjonijiet, biex ikunu jistgħu jistadu l-ishma tal-kwoti allokati lilhom stabbiliti skont ir-Regolamenti (UE) [2019/…] u (UE) 2018/2025 bl-istess kondizzjonijiet li japplikaw għall-bastimenti tal-Unjoni għal perjodu ta’ żmien limitat. Dawn l-awtorizzazzjonijiet jenħtieġ li jingħataw biss jekk, u sa fejn, ir-Renju Unit jibqa’ jagħti l-awtorizzazzjonijiet biex il-bastimenti tal-Unjoni jkomplu jużaw l-opportunitajiet tas-sajd allokati lilhom b’konformità mar-Regolamenti rilevanti dwar l-opportunitajiet tas-sajd.

(8)Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 jistabbilixxi r-regoli għall-ħruġ u għall-ġestjoni tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti f’ilmijiet taħt is-sovrenità jew il-ġurisdizzjoni ta’ pajjiż terz u għall-bastimenti tas-sajd ta’ pajjiż terz biex iwettqu attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni.

(9)Ir-Regolament (UE) 2017/2013 jistabbilixxi r-regoli għall-operazzjonijiet tas-sajd li jitwettqu mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet ta’ pajjiż terz barra minn qafas ta’ ftehim, u jistipula li Stat Membru tal-bandiera jista’ jagħti l-awtorizzazzjonijiet direttament, u jistipula l-kondizzjonijiet u l-proċeduri biex jingħataw dawn l-awtorizzazzjonijiet. Minħabba l-għadd ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jwettqu l-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tar-Renju Unit, dawn il-kondizzjonijiet u l-proċeduri jkunu jwasslu għal dewmien konsiderevoli u għal aktar piż amministrattiv jekk ma jkunx hemm ftehim dwar il-ħruġ jew ftehim dwar is-sajd. Għaldaqstant jenħtieġ li jiġu previsti kondizzjonijiet u proċeduri speċifiċi li jiffaċilitaw il-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet mir-Renju Unit għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għat-tħaddim ta’ attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tar-Renju Unit.

(10)Jenħtieġ li jkun hemm deroga mir-regoli li japplikaw għall-bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi u li jiġu previsti kondizzjonijet u proċeduri speċifiċi li jippermettu li l-Unjoni toħroġ l-awtorizzazzjonijiet għall-bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit biex dawn iwettqu attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni.

(11)Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jagħti s-setgħa lill-Istati Membri li jiskambjaw l-opportunitajiet tas-sajd kollha allokati lilhom, jew partijiet minnhom. Kull sena jsir skambju ta’ madwar 1000 kwota bejn l-Istati Membri u r-Renju Unit. Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza esklussiva tal-Unjoni, hija meħtieġa sistema flessibbli wara d-data tal-ħruġ, li tkun tippermetti lill-UE tiskambja l-kwoti mar-Renju Unit. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddiskutu mar-Renju Unit u, skont il-bżonn, jistabbilixxu pjan ġenerali possibbli għat-trasferiment jew għall-iskambju maħsub tal-kwoti. Il-Kummissjoni tibqa’ responsabbli mit-twettiq ta’ dan it-trasferiment jew l-iskambju tal-kwoti. L-opportunitajiet tas-sajd mogħtija mir-Renju Unit jew ittrasferiti lilu fil-qafas tat-trasferiment jew tal-iskambju tal-kwoti jenħtieġ li jitqiesu bħala kwoti allokati lill-Istat Membru kkonċernat jew imnaqqsa mill-allokazzjoni tiegħu.

(12)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2017/2403 jiġi emendat skont dan.

(13)Skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill 8 , l-applikazzjoni ta’ atti li jkollha data fissa tintemm ma’ tmiem l-aħħar siegħa tal-aħħar jum li fih taqa’ dik id-data. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-jum wara dak li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit kif ukoll fih.

(14)Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza u jenħtieġ li jkun japplika mill-jum wara dak li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fih, jekk ma jiġix konkluż ftehim dwar il-ħruġ mar-Renju Unit jew jekk ma jkunx hemm estenzjoni tal-perjodu ta’ sentejn imsemmi fl-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Jenħtieġ li jkun japplika sal-31 ta’ Diċembru 2019.

(15)Sabiex l-operaturi kemm tal-Unjoni kif ukoll tar-Renju Unit ikunu jistgħu jibqgħu jistadu skont l-opportunitajiet tas-sajd rilevanti allokati lilhom, l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-attivitajiet fl-ilmijiet tal-Unjoni jenħtieġ li jingħataw lill-bastimenti tar-Renju Unit biss jekk u sa fejn il-Kummissjoni tkun sodisfatta li r-Renju Unit jestendi d-drittijiet tal-aċċess lill-bastimenti tal-Unjoni biex iwettqu attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tar-Renju Unit fuq il-bażi tar-reċiproċità,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) 2017/2403

Ir-Regolament (UE) 2017/2403 huwa emendat kif ġej:

(1) fil-Kapitolu II tat-Titolu II, tiżdied it-Taqsima 4 li ġejja:

Taqsima 4

Awtorizzazzjonijiet għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet tar-Renju Unit

Artikolu 18a

Kamp ta’ Applikazzjoni

Din it-Taqsima għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2019, b’deroga mit-Taqsima 3, għall-operazzjonijiet tas-sajd li jitwettqu mill-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet tar-Renju Unit.

Artikolu 18b

Definizzjoni

Għall-għanijiet ta’ din it-Taqsima, “l-ilmijiet tar-Renju Unit” tfisser l-ilmijiet taħt is-sovrenità jew il-ġurisdizzjoni tar-Renju Unit stabbiliti skont id-dritt internazzjonali.

Artikolu 18c

Proċedura biex tinkiseb awtorizzazzjoni tas-sajd mir-Renju Unit.

1.Stat Membru tal-bandiera li jkun ivverifika li l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5 jkunu ssodisfati għandu jibgħat l-applikazzjoni korrispondenti jew lista ta’ applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni mir-Renju Unit lill-Kummissjoni.

2.Kull applikazzjoni jew lista ta’ applikazzjonijiet għandu jkun fiha l-informazzjoni mitluba mir-Renju Unit għall-ħruġ tal-awtorizzazzjoni, fil-format meħtieġ, kif ikun ikkomunikat mir-Renju Unit lill-Kummissjoni.

3.Il-Kummissjoni għandha tittrażmetti l-informazzjoni u l-format imsemmi fil-paragrafu 2 lill-Istati Membri. Il-Kummissjoni tista’ titlob mingħand l-Istat Membru tal-bandiera kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tkun meħtieġa biex tiġi vverifikata l-konformità mal-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2.

4.Malli tirċievi l-applikazzjoni jew kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tkun intalbet skont il-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha minnufih tibgħat l-applikazzjoni lir-Renju Unit.

5.Malli r-Renju Unit jgħarraf lill-Kummissjoni li jkun iddeċieda li jagħti jew jirrifjuta awtorizzazzjoni għal xi bastiment tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha minnufih tinforma b’dan lill-Istat Membru tal-bandiera.

6.Stat Membru tal-bandiera jista’ jagħti awtorizzazzjoni tas-sajd għall-operazzjonijiet tas-sajd fl-ilmijiet tar-Renju Unit biss wara li jkun tgħarraf li r-Renju Unit ikun iddeċieda li jagħti awtorizzazzjoni lill-bastiment tas-sajd tal-Unjoni rilevanti.

7.L-operazzjonijiet tas-sajd ma għandhomx jibdew qabel ma jkunu ħarġu awtorizzazzjoni tas-sajd kemm l-Istat Membru tal-bandiera kif ukoll ir-Renju Unit.

8.Meta r-Renju Unit jgħarraf lill-Kummissjoni li jkun iddeċieda li jissospendi jew jirtira awtorizzazzjoni tas-sajd għal xi bastiment tas-sajd tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha minnufih tinforma b’dan lill-Istat Membru tal-bandiera. L-Istat Membru għandu jissospendi jew jirtira l-awtorizzazzjoni tas-sajd tiegħu għall-operazzjonijiet tas-sajd fl-ilmijiet tar-Renju Unit skont dan.

9.Meta r-Renju Unit jgħarraf direttament lill-Istat Membru tal-bandiera li jkun iddeċieda li jagħti, jirrifjuta, jissospendi jew jirtira awtorizzazzjoni tas-sajd għal xi bastiment tas-sajd tal-Unjoni, l-Istat Membru tal-bandiera għandu minnufih jinforma b’dan lill-Kummissjoni. L-Istat Membru għandu jissospendi jew jirtira l-awtorizzazzjoni tas-sajd tiegħu għall-operazzjonijiet tas-sajd fl-ilmijiet tar-Renju Unit skont dan.

Artikolu 18d
Monitoraġġ

Il-Kummissjoni għandha tikkontrolla l-ħruġ tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd mir-Renju Unit għall-operazzjonijiet tas-sajd li jitwettqu minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet tar-Renju Unit.”;

(1)Jiddaħħal it-Titolu IIIa li ġej:

TITOLU IIIa

“OPERAZZJONIJIET TAS-SAJD MINN BASTIMENTI TAS-SAJD TAR-RENJU UNIT FL-ILMIJIET TAL-UNJONI

Artikolu 38 a

Kamp ta’ Applikazzjoni

Dan it-Titolu għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2019, b’deroga mit-Titolu III, għall-operazzjonijiet tas-sajd li jitwettqu mill-bastimenti tar-Renju Unit fl-ilmijiet tal-Unjoni.

Artikolu 38b

Operazzjonijiet tas-sajd minn bastiment tar-Renju Unit

Il-bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit jistgħu jwettqu operazzjonijiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni b’konformità mal-kondizzjonijiet stipulati fir-Regolamenti tal-Kunsill (UE) [2019/….]* u (UE) 2018/2025** li jistabbilixxu l-opportunitajiet tas-sajd.

* Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) [2019/….] li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd ta’ ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut li japplikaw fl-ilmijiet tal-Unjoni, u għall-bastimenti tal-Unjoni f’ċerti ilmijiet li mhumiex tal-Unjoni, għall-2019 (ĠU L , …, p. ).

** Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/2025 tas-17 ta’ Diċembru 2018 li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għal ċerti stokkijiet ta’ ħut tal-baħar fond għall-2019 u għall-2020 (ĠU L 325, 20.12.2018, p. 7)

Artikolu 38c

Prinċipji ġenerali

1.Bastiment tas-sajd tar-Renju Unit ma għandux iwettaq operazzjonijiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni sakemm ma jkunx ingħata awtorizzazzjoni tas-sajd mill-Kummissjoni. Dan jingħata din l-awtorizzazzjoni biss jekk jissodisfa l-kriterji tal-eliġibbiltà stipulati fil-paragrafu 2.

2.Il-Kummissjoni tista’ tagħti l-awtorizzazzjoni tas-sajd lil bastiment tar-Renju Unit jekk:

(a)il-bastiment tas-sajd ikollu liċenzja tas-sajd valida maħruġa mill-awtorità tar-Renju Unit;

(b)ir-Renju Unit ikun elenka l-bastiment tas-sajd f’reġistru tal-flotta li jkun aċċessibbli għall-Kummissjoni;

(c)il-bastiment tas-sajd u kull bastiment ta’ appoġġ assoċjat miegħu japplikaw l-iskema rilevanti tan-numri tal-identifikazzjoni tal-bastimenti tal-OMI sa fejn din hija meħtieġa skont id-dritt tal-Unjoni;

(d)il-bastiment tas-sajd ma jkunx elenkat f’lista ta’ bastimenti IUU adottat minn organizzazzjoni reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd u/jew mill-Unjoni skont ir-Regolament IUU;

(e)ir-Renju Unit ma jkunx elenkat bħala mhux kooperattiv skont ir-Regolament IUU, jew li jkun qed jippermetti l-opportunitajiet tas-sajd mhux sostenibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1026/2012;

(f)ir-Renju Unit ikollu l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għalih.

3.Bastiment tar-Renju Unit li jkun awtorizzat jistad fl-ilmijiet tal-Unjoni għandu jikkonforma mar-regoli li jiggvernaw l-operazzjonijiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd li jopera fiha.

Artikolu 38d

Proċedura biex jinkisbu l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd

1.Ir-Renju Unit għandu jibgħat l-applikazzjoni jew il-lista tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-bastimenti tas-sajd tiegħu lill-Kummissjoni.

2.Il-Kummissjoni tista’ titlob l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex jiġi vverifikat li l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 38c(2) jkunu ntlaħqu, mingħand ir-Renju Unit.

3.Meta jkun ġie vverifikat li l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 38c(2) jkunu ntlaħqu, il-Kummissjoni tista’ tagħti awtorizzazzjoni tas-sajd u tinforma b’dan lir-Renju Unit u lill-Istati Membri kkonċernati mingħajr dewmien.

Artikolu 38e

Ġestjoni tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd

1.Jekk xi kondizzjonijiet fost dawk stipulati fl-Artikolu 38c(2) ma jibqgħux jintlaħqu, il-Kummissjoni għandha tieħu l-azzjoni xierqa, li jinkludi l-emendar jew l-irtirar tal-awtorizzazzjoni, u tinforma b’dan lir-Renju Unit u lill-Istati Membri kkonċernati.

2.Il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta li tagħti l-awtorizzazzjonijiet jew tissospendi jew tirtira kwalunkwe awtorizzazzjoni li tkun ingħatat lil bastiment tas-sajd tar-Renju Unit fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)fejn ikun sar tibdil fondamentali taċ-ċirkostanzi;

(b)jekk ikun hemm theddida serja għall-isfruttament sostenibbli, għall-ġestjoni u għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi marittimi;

(c)meta dan ikun essenzjali sabiex jiġi evitat jew jitwaqqaf is-sajd IUU;

(d)meta l-Kummissjoni tkun tal-fehma li dan ikun xieraq abbażi tas-sejbiet tagħha li jirriżultaw mill-attivitajiet ta’ monitoraġġ tagħha skont l-Artikolu 18d;

(e)meta r-Renju Unit jirrifjuta jew jirrevoka mingħajr raġuni l-awtorizzazzjoni ta’ bastimenti tal-Unjoni għall-ilmijiet tar-Renju Unit.

3.Il-Kummissjoni għandha tgħarraf minnufih lir-Renju Unit jekk tirrifjuta, tissospendi jew tirtira l-awtorizzazzjoni b’konformità mal-ewwel subparagrafu.

Artikolu 38f

Għeluq tal-operazzjonijiet tas-sajd

1.Meta l-opportunitajiet tas-sajd li jkunu ngħataw lir-Renju Unit jitqiesu li jkunu eżawriti, il-Kummissjoni minnufih għandha tinnotifika b’dan lir-Renju Unit u lill-awtoritajiet kompetenti ta’ spezzjoni tal-Istati Membri. Bil-ħsieb li tiżgura t-tkomplija tal-operazzjonijiet tas-sajd ta’ opportunitajiet tas-sajd li ma jkunux eżawriti li jistgħu jaffettwaw ukoll l-opportunitajiet eżawriti, il-Kummissjoni għandha titlob lir-Renju Unit jikkomunikalha l-miżuri tekniċi li jimpedixxu li jkun hemm xi impatt negattiv fuq l-opportunitajiet tas-sajd eżawriti.

2.Mid-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorizzazzjonijiet li jkunu ngħataw lill-bastimenti li jtajru l-bandiera tar-Renju Unit jitqiesu li jkunu sospiżi għall-operazzjonijiet tas-sajd ikkonċernati u l-bastimenti ma jitqisux li għadhom awtorizzati jwettqu dawk l-operazzjonijiet tas-sajd.

3.L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għandhom jitqiesu li jkunu rtirati meta sospensjoni tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd skont il-paragrafu 2 tkun tikkonċerna l-operazzjonijiet tas-sajd kollha li jkunu ngħataw għalihom.

Artikolu 38g

Is-sajd żejjed ta’ kwoti fl-ilmijiet tal-Unjoni

Meta l-Kummissjoni tistabbilixxi li r-Renju Unit ikun qabeż il-kwoti li jkunu allokati lilu għal stokk jew grupp ta’ stokkijiet, il-Kummissjoni għandha tagħmel tnaqqis mill-kwoti l-oħra allokati lir-Renju Unit. Il-Kummissjoni għandha tfittex li tiżgura li l-ammont tat-tnaqqis ikun konsistenti mat-tnaqqis li jkun impost fuq l-Istati Membri f’ċirkostanzi simili.

Artikolu 38h

Kontroll u nfurzar

1.Bastiment tar-Renju Unit li jkun awtorizzat jistad fl-ilmijiet tal-Unjoni għandu jikkonforma mar-regoli tal-kontroll li jiggvernaw l-operazzjonijiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd li jopera fiha.

2.Bastiment tar-Renju Unit li jkun awtorizzat jistad fl-ilmijiet tal-Unjoni għandu jagħti lill-Kummissjoni jew lill-korp magħżul minnha, u, fejn ikun rilevanti, lill-Istat Membru kostali, id-data li l-bastimenti tal-Unjoni huma meħtieġa li jibagħtu lill-Istat Membru tal-bandiera skont ir-Regolament dwar il-Kontroll.

3.Il-Kummissjoni, jew il-korp magħżul minnha, għandhom jibagħtu d-data li tkun waslet b’konformità mal-paragrafu 2 lill-Istat Membru kostali.

4.Bastiment tar-Renju Unit li jkun awtorizzat jistad fl-ilmijiet tal-Unjoni għandu, meta jintalab jagħmel hekk, jagħti lill-Kummissjoni jew lill-korp magħżul minnha, ir-rapporti tal-osservaturi li jkunu saru skont il-programmi tal-osservaturi li japplikaw.

5.Stat Membru kostali għandu jirreġistra kull ksur li jagħmlu l-bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit, u s-sanzjonijiet marbutin magħhom fir-reġistru nazzjonali previst fl-Artikolu 93 tar-Regolament dwar il-Kontroll.

Artikolu 38i

Trasferimenti u skambji ta’ kwoti

1.Stat Membru jistgħa jieħu sehem f’diskussjonijiet informali mar-Renju Unit u, skont il-bżonn, jistabbilixxi pjan ġenerali possibbli għat-trasferiment jew għall-iskambju maħsub tal-kwoti.

2.Meta l-Kummissjoni tiġi nnotifikata mill-Istat Membru kkonċernat, hija tista’ twettaq it-trasferiment jew l-iskambju korrispondenti.

3.Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri bit-trasferiment jew bl-iskambju miftiehem.

4.L-opportunitajiet tas-sajd mogħtija mir-Renju Unit jew ittrasferiti lilu fil-qafas tat-trasferiment jew tal-iskambju tal-kwoti jitqiesu bħala kwoti allokati lill-Istat Membru kkonċernat jew imnaqqsa mill-allokazzjoni tiegħu mill-mument li jseħħ it-trasferiment jew l-iskambju tal-kwoti. Din l-allokazzjoni jew dan it-tnaqqis ma jibdlux il-gwida għat-tqassim li għandha l-iskop li talloka l-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri skont il-prinċipju tal-istabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd.”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-jum ta’ wara dak li fih id-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, sal-31 ta’ Diċembru 2019.

Madankollu dan ir-Regolament ma għandux japplika jekk sad-data msemmija fit-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu jkun daħal fis-seħħ ftehim li jkun ġie konkluż mar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jappika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE, ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22–61
(2)    Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).    
(3)    ĠU C , , p. .
(4)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) [2019/….] li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd ta’ ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut li japplikaw fl-ilmijiet tal-Unjoni, u għall-bastimenti tal-Unjoni f’ċerti ilmijiet li mhumiex tal-Unjoni, għall-2019 (ĠU L , ..., p. )
(5)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/2025 tas-17 ta’ Diċembru 2018 li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għal ċerti stokkijiet ta’ ħut tal-baħar fond għall-2019 u għall-2020 (ĠU L 325, 20.12.2018, p. 7)
(6)    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE, (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(7)    Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).
(8)    Ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta’ żmien (ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1).