Brussell, 18.1.2019

COM(2019) 15 final

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati ta’ ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerka dwar il-valutazzjoni tal-konformità


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAR-RAKKOMANDAZZJONI

Raġunijiet u għanijiet tar-rakkomandazzjoni

Fil-25 ta’ Lulju 2018, il-President tal-Kummissjoni Ewropea u l-President tal-Istati Uniti tal-Amerka laħqu ftehim biex iniedu fażi ġdida fir-relazzjoni kummerċjali bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat il-kummerċ u jiġi evitat li jaggravaw it-tensjonijiet kummerċjali. Id-Dikjarazzjoni Konġunta pprevediet it-twaqqif ta’ Grupp ta’ Ħidma Eżekuttiv biex iqis, fost affarijiet oħra, miżuri biex jitnaqqsu l-ostakli u l-kostijiet amministrattivi, filwaqt li jiġi ppreservat l-ogħla livell ta’ protezzjoni ta’ kull naħa.

Din ir-rakkomandazzjoni għall-ftuħ tan-negozjati mal-Istati Uniti tifforma parti minn sensiela akbar ta’ azzjonijiet li għandhom l-għan li jtejbu l-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti fuq kwistjonijiet regolatorji u fuq l-użu ta’ standards b’appoġġ għar-regolamenti. Ir-rakkomandazzjoni tipprevedi abbozz ta’ direttivi ta’ negozjar biex jiġi faċilitat il-kummerċ u għaldaqstant jiżdiedu l-flussi kummerċjali fl-oġġetti industrijali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti permezz ta’ tnaqqis tal-kostijiet tal-valutazzjoni tal-konformità, b’mod reċiproku u bbilanċjat.

L-UE u l-Istati Uniti huma l-akbar u l-aktar ekonomiji integrati fid-dinja, bi storja twila u kondiviża ta’ kummerċ u rata simili ta’ żvilupp ekonomiku. L-Istati Uniti huma d-destinazzjoni ewlenija għall-esportazzjonijiet tal-UE ta’ oġġetti industrijali u huma t-tieni l-akbar esportatur ta’ oġġetti industrijali lejn l-UE (wara ċ-Ċina). Il-kummerċ bejn l-UE u l-Istati Uniti f’oġġetti kien jammonta għal EUR 633 biljun fl-2017, li fil-parti l-kbira tagħhom jikkonsistu fi prodotti industrijali (EUR 598 biljun, li fil-parti l-kbira tagħhom huma magħmulin minn EUR 166 biljun f’kummerċ ta’ makkinarju u tagħmir). Madwar 4,7 miljun impjieg fl-UE huma assoċjati mal-produzzjoni għall-esportazzjonijiet lejn l-Istati Uniti. L-oġġetti industrijali jammontaw għal parti kbira mill-kummerċ tagħna fl-oġġetti mal-Istati Uniti (94 % tal-esportazzjonijiet tal-UE u 95 % tal-importazzjonijiet). Il-kummerċ bejn l-UE u l-Istati Uniti ilu jikber b’mod konsistenti matul dawn l-aħħar 10 snin. Fid-dawl ta’ dawn il-flussi kummerċjali importanti, l-operaturi ekonomiċi fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku għandhom ħafna x’jibbenefikaw mill-eliminazzjoni tar-rekwiżiti ta’ duplikazzjoni tal-ittestjar, tal-ispezzjonijiet u taċ-ċertifikazzjoni, u b’hekk jitnaqqsu l-kostijiet għall-kumpaniji biex jaċċessaw is-swieq rispettivi tagħna.

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti għandhom il-prattiki ta’ valutazzjoni tal-konformità rispettivi tagħhom biex jiżguraw li l-manifatturi jpoġġu prodott fis-suq biss meta jkun jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli kollha biex jiżguraw li prodotti mhux sikuri jew mhux konformi b’xi mod ieħor ma jispiċċawx fis-swieq rispettivi tagħhom. Dawn jistgħu jinkludu ttestjar, spezzjonijiet u ċertifikazzjoni. Id-differenzi fl-approċċi għall-valutazzjoni tal-konformità jistgħu jirriżultaw f’kostijiet addizzjonali u proċessi amministrattivi twal u kumplessi mingħajr ma neċessarjament itejbu s-sikurezza tal-prodotti. F’każ ta’ valutazzjoni tal-konformità obbligatorja ta’ parti terza (madwar 70 % tal-każijiet fl-Istati Uniti), il-fatt li l-esportaturi jkunu jistgħu jingħataw ċertifikazzjoni fil-pajjiż tal-esportazzjoni tal-prodotti bħala evidenza ta’ konformità mar-regoli applikabbli fil-pajjiż tal-importazzjoni jista’ jiffaċilita l-kummerċ. Din il-possibbiltà teżisti biss għal ċerti setturi taħt il-ftehim eżistenti ta’ rikonoxximent reċiproku konkluż bejn l-UE u l-Istati Uniti fl-1998, li ma jiffunzjonax tajjeb għas-setturi kollha koperti. Għaldaqstant, il-kostijiet tal-valutazzjoni tal-konformità jistgħu jkunu sinifikanti għall-esportazzjonijiet kollha tal-UE b’mod partikulari f’setturi ewlenin bħall-makkinarju u t-tagħmir.

It-tnaqqis fil-kostijiet tal-valutazzjoni tal-konformità jista’ jġib miegħu benefiċċji ekonomiċi sinifikanti, b’mod partikulari għall-impriżi żgħar u medji (SMEs) li li huma affettwati b’mod sproporzjonat. Minħabba d-daqs tagħhom, ta’ spiss huwa ħafna aktar diffiċli għall-SMEs biex ilaħħqu mal-ostakli kummerċjali milli għall-kumpaniji ikbar. Ta’ spiss ma jkollhomx il-kapaċità u/jew ir-riżorsi biex jindirizzaw id-differenzi fir-rekwiżiti tal-prodotti u fil-proċeduri applikabbli tal-valutazzjoni tal-konformità, u jbatu biex isibu l-informazzjoni rilevanti. Għaldaqstant, l-SMEs esportaturi fl-industriji tal-manifattura jistgħu jibbenefikaw b’mod partikulari minn tnaqqis fl-għadd ta’ ostakli fir-rigward tal-valutazzjoni tal-konformità. Aktarx li jibbenefikaw bi proporzjon ogħla minn tnaqqis fil-kostijiet kummerċjali. Dan it-tnaqqis fil-kostijiet kummerċjali kultant jagħmel id-differenza bejn l-esportazzjoni jew le.

Il-faċilitazzjoni tal-aċċettazzjoni tar-riżultati tal-valutazzjoni tal-konformità tirrikjedi ftehim internazzjonali sabiex jippermetti, meta jiġu ssodisfati r-rekwiżiti rilevanti, li l-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità li mhumiex stabbiliti fit-territorju tal-UE jiċċertifikaw il-konformità tal-prodotti mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE. Għaldaqstant, din ir-rakkomandazzjoni tipproponi dħul f’negozjati mal-Istati Uniti, bl-objettiv li jitnaqqsu l-kostijiet tal-valutazzjoni tal-konformità għall-operaturi ekonomiċi fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku billi jintlaħaq ftehim fuq l-aċċettazzjoni tar-riżultati tal-valutazzjoni tal-konformità mwettqa mill-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità li jinsabu fit-territorju tal-Parti esportatriċi fit-territorju tal-Parti importatriċi skont ir-rekwiżiti tekniċi ta’ din tal-aħħar.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-ambitu ta’ din ir-rakkomandazzjoni huwa limitat għall-implimentazzjoni tal-parti tad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-25 ta’ Lulju 2018 biex jitjieb il-kummerċ fl-oġġetti permezz tal-faċilitazzjoni tal-aċċettazzjoni tar-riżultati tal-valutazzjoni tal-konformità filwaqt li jiġi żgurat li l-livell għoli ta’ protezzjoni jiġi ppreservat għalkollox. L-objettiv huwa li jiġi ffaċilitat il-kummerċ u tonqos iż-żieda fit-tensjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti u jkun konsistenti għalkollox mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li tiddikjara li jenħtieġ li l-UE tinkoraġġixxi l-integrazzjoni tal-pajjiżi kollha fl-ekonomija dinjija, inkluż permezz tat-tneħħija progressiva tar-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali 1 .

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Ir-rakkomandazzjoni hija konsistenti ma’ politiki oħra tal-Unjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 207(3) u (4), l-ewwel subparagrafu flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Skont l-Artikolu 5(3) tat-TUE, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax f’oqsma ta’ kompetenza esklużiva tal-UE. Il-politika kummerċjali komuni hija elenkata fost l-oqsma ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni fl-Artikolu 3 tat-TFUE. Din il-politika tinkludi n-negozjar ta’ ftehimiet kummerċjali, fost l-oħrajn skont l-Artikolu 207 tat-TFUE.

Proporzjonalità

Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità, u hija meħtieġa fid-dawl tal-objettiv tagħna li nnaqsu ż-żieda fit-tensjonijiet kummerċjali mal-Istati Uniti.

Għażla tal-istrument

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

2.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Sa mill-2012 saru diversi konsltazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati fil-forma ta’ seduti ta’ smigħ u laqgħat ta’ djalogu tas-soċjetà ċivili biex jitqiesu l-benefiċċji possibbli minn kooperazzjoni regolatorja aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Istati Uniti. Dan huwa apparti d-dibattiti pubbliċi fil-Parlament Ewropew u fl-Istati Membri tal-UE, jew organizzati minnhom.

Fil-kuntest ta’ din ir-rakkomandazzjoni, dalwaqt se titnieda sensiela ġdida ta’ konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati dwar inizjattivi ta’ kooperazzjoni regolatorja possibbli mal-Istati Uniti, li tikkonsisti fil-pubblikazzjoni ta’ pjan direzzjonali li jistabbilixxi strateġija ta’ konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati (b’possibbiltà li jingħata “feedback” mill-partijiet ikkonċernati f’perjodu ta’ erba’ ġimgħat).

Ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet se jinġabru fil-qosor f’rapport sommarju qasir. Il-Kummissjoni se tipprovdi wkoll reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-partijiet ikkonċernati. Il-konsultazzjoni mhux se tkun limitata għall-kwistjoni tal-valutazzjoni tal-konformità, iżda se jkollha l-għan ukoll li tidentifika inizjattivi oħra mal-Istati Uniti li jistgħu jirriżultaw f’benefiċċji sinifikanti, filwaqt li żżomm - jekk ma ttejjibx - il-livelli eżistenti ta’ protezzjoni.

Ġbir u użu tal-kompetenzi

Kien diġà nġabar għarfien espert konsiderevoli dwar il-benefiċċji possibbli minn kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-valutazzjonijiet tal-konformità waqt attivitajiet ta’ konsultazzjoni preċedenti sa mill-2012 (ara l-ħoloq u d-dokumenti f’dan is-sit web: http://trade.ec.europa.eu/doclib/cfm/doclib_section.cfm?sec=146 ). Madankollu, dan l-għarfien espert se jiġi aġġornat fil-kuntest tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati ġodda msemmija hawn fuq.

Valutazzjoni tal-impatt

Minħabba l-obbligu politiku li nimxu ‘l quddiem malajr sabiex jitnaqqsu t-tensjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti, kif iddikjara l-President tal-Kummissjoni wara l-laqgħa tiegħu mal-President tal-Istati Uniti, u kif approvat mill-Kunsill Ewropew waqt il-laqgħa informali tiegħu tas-16 ta’ Mejju 2018 f’Sofia, il-proċess formali tal-valutazzjoni tal-impatt tneħħa favur approċċ aktar proporzjonat biex jiġu żgurati l-ġbir tal-evidenza u l-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Dan l-approċċ proporzjonat huwa ġġustifikat ukoll minħabba li huwa mistenni li l-ftehim il-ġdid ma jkollux impatti ekonomiċi, soċjali jew ambjentali sinifikanti lil hinn minn dawk il-benefiċċji li jirriżultaw mis-simplifikazzjoni tal-valutazzjoni tal-konformità għal setturi speċifiċ tal-prodotti.

Drittijiet fundamentali

Ir-rakkomandazzjoni hija konsistenti mat-Trattati tal-UE u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

3.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-ftehim dwar il-valutazzjoni tal-konformità bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea mhu se jkollu l-ebda impatt negattiv fuq il-baġit tal-UE. Wieħed jista’ jistenna impatti indiretti pożittivi minn żieda fil-flussi kummerċjali.

4.ELEMENTI OĦRA

Aspetti proċedurali

Il-Kummissjoni se tinnegozja f’isem l-UE. Skont l-Artikolu 218(4) tat-TFUE, huwa ssuġġerit li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jaħtar il-Kumitat tal-Politika Kummerċjali bħala l-kumitat li f'konsultazzjoni miegħu jridu jsiru n-negozjati.

Il-Parlament Ewropew se jinżamm informat fl-istadji kollha tal-proċedura, b’konformità mal-Artikolu 218(10) tat-TFUE.

Il-Kummissjoni se tagħmel din ir-Rakkomandazzjoni u l-Anness tagħha pubbliċi immedjatament wara l-adozzjoni tagħhom.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li d-direttivi tan-negozjar ikunu disponibbli għall-pubbliku immedjatament wara li jiġu adottati mill-Kunsill.

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati ta’ ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerka dwar il-valutazzjoni tal-konformità

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 207(3) u (4), l-ewwel subparagrafu flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata li tiftaħ in-negozjati, f’isem l-Unjoni Ewropea, mal-Istati Uniti tal-Amerka għal ftehim dwar il-valutazzjoni tal-konformità.

Artikolu 2

In-negozjati għandhom jitwettqu abbażi ta' direttivi ta' negozjati tal-Kunsill li ġew stipulati fl-Anness.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni għandha teżegwixxi n-negozjati b'konsultazzjoni ma' [l-isem tal-kumitat speċjali għandu jiddaħħal mill-Kunsill].

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni u l-Anness tagħha se jiġu ppubblikati immedjatament wara l-adozzjoni tagħhom.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    L-Artikolu 21, il-paragrafu 2 (e) tat-TUE.

Brussell, 18.1.2019

COM(2019) 15 final

ANNESS

ta' [...]

Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill

li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati ta' ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerka dwar il-valutazzjoni tal-konformità


ANNESS

DIRETTIVI GĦAN-NEGOZJAR TA’ FTEHIM MAL-ISTATI UNITI TAL-AMERKA DWAR IL-VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ

Natura u Ambitu tal-Ftehim

1.Jenħtieġ li l-Ftehim ikun fih esklużivament dispożizzjonijiet dwar il-valutazzjoni tal-konformità bejn il-Partijiet.

2.Jenħtieġ li l-Ftehim ikun konsistenti għalkollox mar-regoli u mal-obbligi tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).

3.Jenħtieġ li l-Ftehim jipprevedi impenji reċiproċi dwar il-valutazzjoni tal-konformità.

Objettivi

4.L-objettiv tan-negozjati huwa li jiġi ffaċilitat il-kummerċ bejn l-UE u l-Istati Uniti permezz tal-iżvilupp ta’ proċessi simplifikati biex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent tar-riżultati tal-valutazzjoni tal-konformità li jikkonfermaw il-konformità tal-prodotti mar-regolamenti tekniċi ta’ parti, filwaqt li jiġi żgurat li jiġi ppreservat għalkollox livell għoli ta’ protezzjoni.

Kontenut

Ftehim orizzontali ssimplifikat dwar il-valutazzjoni tal-konformità

5.Il-Partijiet se jesploraw il-fattibbiltà li jiġu introdotti rekwiżiti anqas ta’ piż għall-valutazzjoni tal-konformità abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju marbut mal-prodott.

6.Jenħtieġ li l-Partijiet jiżviluppaw rekwiżiti li jippermettu li Parti importatriċi taċċetta r-riżultati tal-valutazzjoni tal-konformità li jikkonfermaw il-konformità mar-regolamenti tekniċi tagħha, maħruġa mill-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità li jinsabu fit-territorju tal-Parti l-oħra.

7.Jenħtieġ li l-ftehim jinkludi wkoll dispożizzjonijiet biex jiżgura proċeduri u approċċi mtejba u effettivi f’setturi fejn attwalment jinstabu l-ostakli, speċjalment fis-setturi tal-makkinarju, elettriċi u elettroniċi.

8.Jenħtieġ li l-ftehim ikopri primarjament is-setturi li għalihom il-Parti importatriċi tirrikjedi valutazzjoni tal-konformità tal-parti terza, u jkun jiddependi fuq il-fatt li l-Partijiet jaqblu li jeżerċitaw superviżjoni tal-awtorità pubblika effettiva tal-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità li jinsabu fit-territorju tagħhom.

9.Jenħtieġ li l-ftehim jindirizza, kif xieraq, ir-relazzjoni tiegħu mal-ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar ir-rikonoxximent reċiproku li attwalment huwa fis-seħħ.

Dispożizzjonijiet Finali

10.Jenħtieġ li l-ftehim jistabbilixxi struttura istituzzjonali biex jiżgura l-implimentazzjoni tal-Ftehim.

11.Jenħtieġ li l-Ftehim jipprovdi dispożizzjonijiet dwar it-terminazzjoni u/jew is-sospensjoni (parzjali) tal-Ftehim.

12.Jenħtieġ li l-Ftehim ikun awtentiku b’mod ugwali fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE u għandu jinkludi klawsola lingwistika għal dak il-għan.