5.9.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 300/14 |
Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni
tas-6 ta' Frar 2019
li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE
(Il-Każ M.8677 — Siemens/Alstom)
(notifikat bid-dokument C(2019) 921)
(il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
(2019/C 300/07)
Fis-6 ta' Frar 2019, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni f'każ ta' fużjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(3) ta' dak ir-Regolament. Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni sħiħa, billi l-każ jista' jkun fil-forma ta' verżjoni provviżorja, hija disponibbli fil-lingwa awtentika tal-każ fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, f'dan l-indirizz: http://ec.europa.eu/comm/competition/index_en.html
I. IL-PARTIJIET
(1) |
Siemens AG (il-Ġermanja, iktar 'il quddiem “Siemens” jew il-“Parti Notifikanti”) hija korporazzjoni Ġermaniża u l-kumpanija omm apikali ta' Siemens Group, li għandu l-kwartieri ġenerali f'Munich u li huwa kkwotat fil-boroż ta' Frankfurt am Main u Xetra. Siemens hija attiva f'għadd ta' żoni industrijali bit-taqsima tal-mobbiltà tagħha li toffri portafoll wiesa' ta' vetturi ferrovjarji, soluzzjonijiet għall-awtomatizzazzjoni tal-binarji u għas-sinjalar, sistemi ta' elettrifikazzjoni għall-binarji, teknoloġiji għat-traffiku fit-toroq, soluzzjonijiet tal-IT, kif ukoll prodotti u servizzi oħra li jikkonċernaw it-trasport ta' persuni u ta' beni bil-ferrovija u bit-triq. |
(2) |
Alstom SA (Franza, iktar 'il quddiem “Alstom”) hija korporazzjoni Franċiża, bil-kwartieri ġenerali tagħha fir-reġjun ta' Pariġi u hija kkwotata fil-borża Euronext ta' Pariġi. Alstom hija attiva globalment fl-industrija tat-trasport ferrovjarju, u toffri firxa wiesgħa ta' soluzzjonijiet tat-trasport (minn ferroviji b'veloċità għolja għal metros u trammijiet), servizzi personalizzati (manutenzjoni u modernizzazzjoni) kif ukoll offerti ddedikati għall-passiġġieri u l-infrastruttura, mobbiltà diġitali u soluzzjonijiet għas-sinjalar. |
II. L-OPERAZZJONI
(3) |
Fit-8 ta' Ġunju 2018, il-Kummissjoni rċeviet notifika formali ta' konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”) li permezz tagħha Siemens takkwista l-kontroll esklużiv ta' Alstom permezz tal-kontribuzzjoni tan-negozju tal-mobbiltà ta' Siemens lil Alstom għal ishma ta' Alstom maħruġa ġodda (it-“Tranżazzjoni”). Siemens u Alstom huma kollettivament imsemmija bħala l-“Partijiet”. |
(4) |
It-Tranżazzjoni tirrigwarda l-akkwiżizzjoni tal-kontroll esklużiv ta' Alstom minn Siemens. Hija tinvolvi l-kombinazzjoni tan-negozju tal-mobbiltà ta' Alstom u ta' Siemens, inkluż il-ġbid tal-ferrovija u servizzi relatati (iktar 'il quddiem l-“entità fuża”). |
III. ID-DIMENSJONI TAL-UNJONI
(5) |
L-impriżi kkonċernati flimkien għandhom fatturat dinji aggregat ikkombinat ta' iktar minn EUR 5 000 miljun. Kull waħda minnhom għandha fatturat fl-UE ta' iktar minn EUR 250 miljun, iżda ma jilħqux iktar minn żewġ terzi tal-fatturat aggregat tagħhom fl-UE kollha fi Stat Membru wieħed biss. It-Tranżazzjoni għalhekk għandha dimensjoni tal-Unjoni. |
IV. IL-PROĊEDURA
(6) |
Fis-26 ta' Settembru 2017 tħabbret il-fużjoni tat-taqsima ta' Siemens għall-mobbiltà (tal-ferrovija) ma' Alstom. |
(7) |
Fit-8 ta' Ġunju 2018, il-Kummissjoni rċeviet notifika formali tat-Tranżazzjoni. |
(8) |
Fit-13 ta' Lulju 2018 il-Kummissjoni kkonstatat li t-Tranżazzjoni kienet tqajjem dubji serji dwar il-kompatibbiltà tat-Tranżazzjoni mas-suq intern u adottat deċiżjoni biex tinbeda investigazzjoni fil-fond. Fis-6 ta' Awwissu 2018 il-Parti Notifikanti ssottomettiet il-kummenti tagħha għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda investigazzjoni fil-fond. |
(9) |
Bil-qbil tal-Partijiet, fis-16 ta' Lulju 2018 il-Kummissjoni estendiet l-iskadenza legali b'20 jum tax-xogħol skont l-Artikolu 10(3)(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. |
(10) |
Fit-8 ta' Awwissu 2018 il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u ssospendiet il-limitu ta' żmien għar-rieżami tal-fużjoni peress li l-Partijiet ma setgħux jipprovdu ċerti dokumenti mitluba. Is-sospensjoni damet għaddejja mis-7 ta' Awwissu 2018 sal-4 ta' Settembru 2018, id-data li fiha ġew ipprovduti d-dokumenti mitluba. |
(11) |
Fid-29 ta' Ottubru 2018, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet. Il-Parti Notifikanti rrispondiet għad-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet fl-14 ta' Novembru 2018. Il-Parti Notifikanti ma talbitx seduta orali. |
(12) |
Il-Parti Notifikanti ppreżentat impenji fit-12 ta' Diċembru 2018 (iktar 'il quddiem l-“Ewwel Impenji”). Fis-17 ta' Diċembru 2018, il-Kummissjoni nediet test tas-suq dwar l-impenji ppreżentati fit-12 ta' Diċembru 2018. |
(13) |
Fid-9 ta' Jannar 2019 il-Parti Notifikanti ppreżentat l-ewwel verżjoni modifikata tal-impenji (iktar 'il quddiem it-“Tieni Impenji”). Fil-25 ta' Jannar 2019 il-Parti Notifikanti ppreżentat it-tieni verżjoni modifikata tal-impenji (iktar 'il quddiem l-“Impenji Finali”). |
(14) |
Il-laqgħa mal-Kumitat Konsultattiv seħħet nhar il-31 ta' Jannar 2019. |
V. SWIEQ RILEVANTI
a. Vetturi ferrovjarji b'veloċità għolja u b'veloċità għolja ħafna
(15) |
Il-Kummissjoni tqis li l-ferroviji li kapaċi jilħqu veloċitajiet ta' 250 km/h jew iktar (“vetturi ferrovjarji ta' veloċità għolja”) jikkostitwixxu suq tal-prodott separat. Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet fin-naħa tal-provvista u tad-domanda, ikkonfermati minn fehim komuni fl-industrija kollha, mill-bejgħ u mir-rekwiżiti tekniċi, kif ukoll ir-riżultati tal-investigazzjoni tas-suq juru li l-vetturi ferrovjarji b'veloċità għolja (ferroviji li kapaċi jilħqu veloċità bejn 250 km/h u 299 km/h) mhumiex sostitwibbli għal vetturi ferrovjarji b'veloċità għolja ħafna (ferroviji li kapaċi jilħqu veloċitajiet ta' 300 km/h jew iktar fuq binarji speċjali). Għaldaqstant, il-vetturi ferrovjarji b'veloċità għolja ħafna potenzjalment jikkostitwixxu suq separat. Madankollu, peress li t-Tranżazzjoni tqajjem kwistjonijiet ta' kompetizzjoni irrispettivament mid-definizzjoni eżatta tas-suq, l-effetti se jiġu eżaminati fuq il-bażi taż-żewġ definizzjonijiet konċepibbli tas-suq. Il-Kummissjoni tqis li s-subsegmentazzjonijiet ibbażati fuq it-tip ta' sistema tal-ġbid, l-arkitettura jew in-numru ta' sulari mhumiex rilevanti. |
(16) |
Il-Kummissjoni tqis li s-suq ġeografiku rilevanti huwa mifrux mill-inqas fiż-ŻEE kollha u jinkludi l-Iżvizzera b'ħarsa lejn regoli applikabbli komuni u n-nuqqas ta' ostakli għad-dħul. Il-Kummissjoni ma tistax teskludi li s-suq huwa dinji, bl-esklużjoni taċ-Ċina, tal-Ġappun u tal-Korea t'Isfel minħabba ostakli insormontabbli għad-dħul f'dawk il-pajjiżi, kif ġie spjegat mill-Parti Notifikanti u kkonfermat mill-investigazzjoni tas-suq. |
(17) |
Il-Kummissjoni tqis li s-suq rilevanti huwa s-suq għall-ferroviji b'veloċità għolja, inkluż is-suq iktar żgħir ta' ferroviji b'veloċità għolja ħafna fiż-ŻEE (inkluża l-Iżvizzera) u fuq bażi dinjija (minbarra ċ-Ċina, il-Ġappun, u l-Korea t'Isfel). |
b. Sinjalazzjoni tal-linji prinċipali
(18) |
Il-Kummissjoni tqis li s-sinjalazzjoni tal-linji prinċipali u s-sinjalazzjoni urbana huma żewġt iswieq separati. Fi ħdan is-sinjalazzjoni tal-linji prinċipali, il-proġetti ta' sinjalazzjoni u l-prodotti ta' sinjalazzjoni jikkostitwixxu swieq separati. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-proġetti ta' sinjalazzjoni tal-linji prinċipali jerġgħu jinqasmu bejn subsistemi (lokkjaturi, protezzjoni awtomatika tal-ferroviji (ATP, automatic train protection), u sistemi tal-operat u tal-kontroll), bejn proġetti miruta u tas-Sistema Ewropea ta' Kontroll tal-Ferroviji (ETCS, European Train Control System), bejn soluzzjonijiet on-board u dawk għaż-żoni maġenb il-binarji, kif ġej:
|
(19) |
Il-Kummissjoni ma tkomplix taqsam is-swieq skont id-daqs tal-proġett jew il-livell tal-ETCS (Livell 1 tal-ETCS, Livell 2 tal-ETCS). |
(20) |
Barra minn hekk, is-suq tal-prodotti ta' sinjalazzjoni għal tagħmir ta' lokkjatura jifforma suq separat. |
(21) |
Il-Kummissjoni tqis li s-suq ġeografiku rilevanti għal proġetti tal-OBU ETCS, proġetti ta' trikkib tal-ATP ETCS għaż-żoni maġenb il-binarji, u proġetti ta' risinjalazzjoni tal-ATP ETCS għaż-żoni maġenb il-binarji jkopri ż-ŻEE kollha. |
(22) |
Il-Kummissjoni tqis li s-suq ġeografiku rilevanti għal proġetti OBU miruta, proġetti ta' lokkjatura indipendenti, u tagħmir ta' lokkjatura huwa nazzjonali. |
VI. VALUTAZZJONI KOMPETITTIVA
a. Vetturi ferrovjarji b'veloċità għolja u b'veloċità għolja ħafna
(23) |
Iż-żewġ Partijiet jimmanifatturaw u jfornu vetturi ferrovjarji b'veloċità għolja u b'veloċità għolja ħafna. |
(24) |
Il-Kummissjoni wettqet il-valutazzjoni tagħha fuq il-bażi tal-ishma tas-suq ikkalkulati matul il-perjodu 2008–2018 (it-teħid ta' ordnijiet skont il-valur). L-entità fuża jkollha sehem tas-suq ikkombinat ta' [70–80] % tas-suq sħiħ għal vetturi ferrovjarji b'veloċità għolja u b'veloċità għolja ħafna fiż-ŻEE (inkluża l-Iżvizzera) u [60–70] % fid-dinja (minbarra ċ-Ċina, il-Ġappun u l-Korea t'Isfel). Fis-suq iktar strett għal vetturi ferrovjarji b'veloċità għolja ħafna, l-entità fuża jkollha sehem mis-suq ikkombinat ta' [70-80] % fiż-ŻEE (inkluża l-Iżvizzera) u [60–70] % fid-dinja (minbarra ċ-Ċina, il-Ġappun u l-Korea t'Isfel). |
(25) |
L-ishma mis-suq kbar ħafna tal-Partijiet fis-suq sħiħ għal vetturi ferrovjarji b'veloċità għolja u b'veloċità għolja ħafna kif ukoll fis-suq iktar strett ta' vetturi ferrovjarji b'veloċità għolja ħafna jikkostitwixxu evidenza li teżisti pożizzjoni dominanti fis-suq. It-tħassib dwar il-kompetizzjoni huwa ferm iktar probabbli peress li t-Tranżazzjoni se ssaħħaħ struttura tas-suq ikkonċentrata. Għaldaqstant, l-HHI wara l-fużjoni se jkun konsiderevolment ogħla minn 2 000 fis-segmentazzjonijiet kollha, filwaqt li d-delta tkun ħafna ogħla minn 250. |
(i) Il-kompetituri tal-Partijiet
(26) |
Kuntrarjament għall-Partijiet, il-kompetituri ma kellhomx bejgħ jew inkella kellhom bejgħ limitat ħafna ta' ferroviji b'veloċità għolja jew b'veloċità għolja ħafna lil klijenti miż-ŻEE, għajr lil operaturi f'pajjiżhom. B'mod partikolari, f'dak li għandu x'jaqsam mal-vetturi ferrovjarji b'veloċità għolja ħafna, minħabba strateġiji ta' offerti konġunti u limitazzjonijiet fil-portafoll, in-numu ta' kompetituri attwali tal-entità fuża wara t-Tranżazzjoni jkun essenzjalment limitat għal żewġ fornituri, jiġifieri Talgo u konsorzju ffurmat bejn Bombardier u Hitachi-Ansaldo. CAF ma kellha l-ebda bejgħ ta' ferroviji b'veloċità għolja ħafna. |
(27) |
Minbarra l-fornituri bbażati fiż-ŻEE, il-Parti Notifikanti tqis li CRRC, Hyundai Rotem u Kawasaki jeżerċitaw pressjoni kompetittiva fuq bażi dinjija. Madankollu, CRRC qatt ma rebħet offerta għal veloċità għolja jew veloċità għolja ħafna fiż-ŻEE. Il-pożizzjoni ta' CRRC fis-suq dinji għadha marġinali u tirriżulta minn bejgħ wieħed, kuntratt tal-2017 għall-Ferrovija Indoneżjana li ma nkisibx permezz ta' proċedura kompetittiva ta' offerti iżda b'riżultat ta' negozjati fil-livell tal-gvern. B'hekk, CRRC għadha ma ġietx ittestjata f'offerti kompetittivi barra miċ-Ċina kontra l-fornituri ewlenin tad-dinja ta' vetturi ferrovjarji b'veloċità għolja u b'veloċità għolja ħafna. Fiż-ŻEE, CRRC ma ġietx mistiedna tippreżenta offerta fis-sejħa għall-offerti li ġejja ta' HS2 (ir-Renju Unit). Jirriżulta li sa issa CRRC ma bigħetx vetturi ferrovjarji b'veloċità għolja jew b'veloċità għolja ħafna f'kundizzjonijiet kompetittivi normali, u lanqas ma ġiet mistiedna tagħmel dan. Għaldaqstant, CRRC ma tistax titqies li teżerċita restrizzjoni kompetittiva sinifikanti fuq is-suq dinji barra miċ-Ċina, il-Ġappun u l-Korea t'Isfel. |
(ii) Prossimità tal-kompetizzjoni
(28) |
Il-Kummissjoni tqis li l-Partijiet huma kompetituri mill-qrib, fuq il-bażi ta': (i) l-offerta tal-prodott u l-impronta ġeografika tagħhom, (ii) analiżi tad-data tal-offerti, u (iii) id-dokumenti interni tal-Partijiet. |
(29) |
Fir-rigward tal-impronta ġeografika, Siemens u Alstom huma attivi barra mill-Ġermanja u Franza, b'bejgħ lil klijenti fil-pajjiżi li ġejjin: l-Italja (NTV/Alstom), il-Belġju/Franza/in-Netherlands/ir-Renju Unit (Eurostar/Siemens), il-Finlandja (Karelian/Alstom) u l-Polonja (PKP/Alstom). Barra miż-ŻEE, il-Partijiet huma attivi f'dawn il-pajjiżi: il-Marokk (ONCF/Alstom), l-Istati Uniti (Amtrak/Alstom), ir-Russja (RZD/Siemens) u t-Turkija (TCDD/Siemens). |
(30) |
Il-parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq ikkonfermaw li l-offerti tal-prodotti tal-Partijiet jikkompetu mill-qrib. Il-klijenti kkonfermaw li l-offerta tal-Partijiet ta' prodotti b'veloċità għolja ħafna jirrappreżentaw l-aħjar alternattiva għal xulxin. |
(31) |
L-analiżi tas-sejħiet għal offerti li fihom kwalunkwe waħda mill-Partijiet ippreżentat offerta (2008–2018) turi li l-Partijiet huma l-kompetituri l-iktar frekwenti ta' xulxin f'sejħiet għal offerti ta' vetturi ferrovjarji b'veloċità għolja u b'veloċità għolja ħafna. Barra minn hekk, l-analiżi tad-data tal-offerti turi li l-parteċipazzjoni f'sejħiet għal offerti hija ġeneralment limitata, b'żewġ parteċipanti jew inqas (jiġifieri fornituri li jippreżentaw offerta) fil-biċċa l-kbira ta' sejħiet għal offerti ta' vetturi ferrovjarji b'veloċità għolja u b'veloċità għolja ħafna fiż-ŻEE u fil-livell dinji. |
(32) |
L-analiżi tal-parteċipazzjoni f'sejħiet għal offerti turi li l-interazzjoni tal-Partijiet tiffoka primarjament fuq sejħiet għal offerti ta' ferroviji b'veloċità għolja ħafna filwaqt li l-frekwenza tal-interazzjoni tal-Partijiet hija ferm inqas fir-rigward ta' sejħiet għal offerti ta' vetturi ferrovjarji b'veloċità għolja. |
(33) |
Kollox ma' kollox, speċjalment għall-vetturi ferrovjarji b'veloċità għolja ħafna, l-analiżi tal-offerti turi li l-Partijiet huma l-eqreb kompetituri ta' xulxin u r-restrizzjoni kompetittiva ewlenija. Barra minn hekk, l-analiżi tal-offerti turi li Talgo u l-konsorzju Bombardier/Hitachi-Ansaldo jeżerċitaw restrizzjonijiet kompetittivi iktar riżervati fuq Alstom u prattikament l-ebda fuq Siemens. CAF u Stadler ma jeżerċitaw l-ebda restrizzjoni kompetittiva fir-rigward ta' vetturi ferrovjarji b'veloċità għolja ħafna. |
(34) |
Kollox ma' kollox, id-dokumenti interni tal-Partijiet juru r-restrizzjonijiet kompetittivi mill-qrib eżerċitati fuq xulxin mill-Partijiet qabel it-Tranżazzjoni u l-pressjoni iktar riżervata eżerċitata minn fornituri rivali. |
(iii) Ostakli għad-dħul
(35) |
Matul l-investigazzjoni tas-suq ġew identifikati diversi ostakli għad-dħul fis-swieq tal-vetturi ferrovjarji b'veloċità għolja u b'veloċità għolja ħafna. Fost l-ostakli identifikati, uħud minnhom japplikaw b'mod ġenerali għal kull attività li tinvolvi vetturi ferrovjarji b'veloċità għolja jew għolja ħafna, irrispettivament mill-post. Dawn jinkludu l-ispejjeż għall-iżvilupp tal-vetturi ferrovjarji u r-rekwiżit tal-eżistenza ta' rekord adegwat biex ikunu jistgħu jiġu ppreżentati offerti kredibbli fis-sejħiet għal offerti. Ostakli oħra għad-dħul huma speċifiċi għaż-ŻEE u jinkludu l-iskema Ewropea għall-awtorizzazzjoni ta' vetturi ferrovjarji, in-neċessità ta' rekord pożittiv speċifiku għaż-ŻEE, rekwiżiti informali ta' lokalizzazzjoni u r-relazzjoni privileġġjata bejn għadd ta' fornituri bbażati fiż-ŻEE u l-operaturi nazzjonali f'pajjiżhom. |
(36) |
Dawn l-ostakli ġew rikonoxxuti minn CRRC, li tagħraf li fil-preżent mhijiex offerent kredibbli barra miċ-Ċina. L-istess jgħodd għal fornituri Asjatiċi oħra, li l-Partijiet iqisu bħala parteċipanti potenzjali iżda li bħalissa mhumiex attivi fiż-ŻEE u ma jeżerċitaw l-ebda restrizzjoni kompetittiva. |
(iv) Konklużjoni
(37) |
Minħabba r-raġunijiet stabbiliti hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li t-Tranżazzjoni se timpedixxi b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva, minħabba effetti orizzontali mhux koordinati fis-suq ta' vetturi b'veloċità għolja, inkluż is-suq iktar strett ta' ferroviji b'veloċità għolja ħafna fiż-ŻEE (inkluża l-Iżvizzera) u fuq bażi dinjija (minbarra ċ-Ċina, il-Ġappun u l-Korea t'Isfel). |
b. Sinjalazzjoni tal-linji prinċipali
(i) Proġetti OBU tal-ETCS — effetti unilaterali orizzontali
(38) |
It-Tranżazzjoni tkun tikkawża impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva minħabba effetti orizzontali mhux koordinati, b'rabta ma' proġetti OBU tal-ETCS fiż-ŻEE. |
(39) |
Il-Kummissjoni wettqet il-valutazzjoni tagħha fuq il-bażi tal-ishma tas-suq ikkalkulati matul il-perjodu 2008–2018 (it-teħid ta' ordnijiet skont il-valur). L-entità fuża jkollha sehem mis-suq ikkombinat ta' [70-80] %, ferm iktar mill-kompetituri tagħha. |
(40) |
Il-Partijiet huma kompetituri mill-qrib, kif ħareġ mill-analiżi tad-data tal-offerti għall-perjodu 2008–2018 u skont l-opinjonijiet tal-klijenti u fuq il-bażi tad-dokumenti interni tal-Partijiet. Il-Partijiet huma innovaturi importanti fl-OBUs tal-ETCS u t-Tranżazzjoni tkun telimina innovatur importanti. L-entità fuża tkun tgawdi vantaġġ kompetittiv, li jdgħajjef lill-kompetituri u jnaqqas b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni wara t-Tranżazzjoni, minħabba l-aċċess tal-Partijiet għal sistemi ta' sinjalazzjoni miruta u l-pożizzjoni iktar b'saħħitha tal-Partijiet fir-rigward ta' kurituri internazzjonali. Il-Kummissjoni tqis li fil-futur qarib huwa improbabbli li jkun hemm parteċipant ġdid fis-suq taż-ŻEE, inklużi fornituri Ċiniżi. Sal-lum il-ġurnata ma ġiet ippreżentata l-ebda offerta minn fornituri Ċiniżi għal xi proġett OBU tal-ETCS fiż-ŻEE. |
(ii) Proġetti OBU miruta fil-Belġju — effetti unilaterali orizzontali
(41) |
It-Tranżazzjoni tkun tikkawża impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva minħabba effetti orizzontali mhux koordinati, b'rabta ma' proġetti OBU miruta fil-Belġju. |
(42) |
Fil-perjodu 2008–2018 Alstom kienet l-uniku fornitur ta' proġetti OBU miruta fil-Belġju. Siemens hija l-uniku fornitur ieħor li għandu lokkjatura omologata fil-Belġju. Siemens teżerċita restrizzjoni kompetittiva fuq il-bażi tal-lokkjatura omologata tagħha, li tkun mitlufa wara t-Tranżazzjoni. |
(iii) Proġetti ta' lokkjatura (indipendenti) — effetti unilaterali orizzontali
(43) |
It-Tranżazzjoni tkun tikkawża impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva minħabba effetti orizzontali mhux koordinati, b'rabta ma' proġetti ta' lokkjatura indipendenti f'dawn li ġejjin: il-Belġju, il-Kroazja, il-Greċja, l-Ungerija, il-Portugall, ir-Rumanija, Spanja u r-Renju Unit. |
(44) |
Fil-pajjiżi li fihom jirriżultaw is-swieq affettwati, jiġifieri l-Kroazja, Spanja, ir-Renju Unit, u l-Portugall, l-entità fuża jkollha sehem mis-suq ikkombinat għoli (fuq il-bażi tat-teħid ta' ordnijiet skont il-valur fil-perjodu 2008–2018) li jammonta għal [90-100] % fil-Kroazja, [40-50] % fi Spanja, [70-80] % fir-Renju Unit, u [50-60] % fil-Portugall. Il-Partijiet huma kompetituri mill-qrib u kwalunkwe saħħa potenzjali tax-xerrej tal-maniġer tal-infrastruttura tkun insuffiċjenti biex jingħeleb it-telf ta' kompetizzjoni mit-Tranżazzjoni. |
(45) |
Minbarra l-pajjiżi li fihom hemm koinċidenza attwali tal-bejgħ bejn il-Partijiet fil-perjodu 2008–2018, it-Tranżazzjoni tkun twassal ukoll għal impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fil-pajjiżi li fihom, minħabba l-għadd limitat ħafna ta' offerenti, il-Partijiet jeżerċitaw restrizzjoni kompetittiva billi jipparteċipaw f'offerti għal lokkjaturi indipendenti jew offerti li jinvolvu lokkjaturi. Dawn il-pajjiżi huma l-Greċja, ir-Rumanija, il-Belġju u l-Ungerija. Il-Partijiet huma kompetituri mill-qrib u kwalunkwe saħħa potenzjali tax-xerrej tal-maniġer tal-infrastruttura tkun insuffiċjenti biex jingħeleb it-telf ta' kompetizzjoni mit-Tranżazzjoni. |
(iv) Proġetti ta' trikkib tal-ATP ETCS għaż-żoni maġenb il-binarji — effetti unilaterali orizzontali
(46) |
Il-Kummissjoni tqis li t-Tranżazzjoni tkun tikkawża impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva minħabba effetti orizzontali mhux koordinati, b'rabta ma' proġetti ta' trikkib tal-ATP ETCS għaż-żoni maġenb il-binarji. |
(47) |
Il-Kummissjoni wettqet il-valutazzjoni tagħha fuq il-bażi tal-ishma tas-suq ikkalkulati matul il-perjodu 2008–2018 (it-teħid ta' ordnijiet skont il-valur). L-entità fuża ssir il-mexxejja tas-suq b'sehem mis-suq ikkombinat ta' [30-40] %, ferm iktar mill-kompetituri tagħha. |
(48) |
Il-Partijiet huma kompetituri mill-qrib, id-dħul ta' parteċipanti ġodda (partikolarment fornituri Ċiniżi) huwa improbabbli, u kwalunkwe saħħa tax-xerrej potenzjali tal-klijenti tkun insuffiċjenti biex tegħleb it-telf ta' kompetizzjoni mit-Tranżazzjoni. |
(v) Proġetti ta' risinjalazzjoni tal-ATP ETCS għaż-żoni maġenb il-binarji — effetti unilaterali orizzontali
(49) |
Il-Kummissjoni tqis li t-Tranżazzjoni tkun tikkawża impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva minħabba effetti orizzontali mhux koordinati, b'rabta ma' proġetti ta' risinjalazzjoni tal-ATP ETCS għaż-żoni maġenb il-binarji. |
(50) |
Il-Kummissjoni wettqet il-valutazzjoni tagħha fuq il-bażi tal-ishma tas-suq ikkalkulati matul il-perjodu 2008–2018 (it-teħid ta' ordnijiet skont il-valur). L-entità fuża ssir il-mexxejja tas-suq b'sehem mis-suq ikkombinat ta' [50-60] % fiż-ŻEE, ferm iktar mill-kompetituri tagħha. |
(51) |
Il-Partijiet huma kompetituri mill-qrib, id-dħul ta' parteċipanti ġodda (partikolarment fornituri Ċiniżi) huwa improbabbli, u kwalunkwe saħħa tax-xerrej potenzjali tal-klijenti tkun insuffiċjenti biex tegħleb it-telf ta' kompetizzjoni mit-Tranżazzjoni. |
(vi) Tagħmir ta' lokkjatura — effetti unilaterali orizzontali
(52) |
Il-Kummissjoni tqis li t-Tranżazzjoni tkun tikkawża impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva minħabba effetti orizzontali mhux koordinati fis-suq tat-tagħmir ta' lokkjatura fir-Renju Unit. |
(53) |
L-entità fuża jkollha sehem mis-suq ikkombinat ta' [90-100] % fuq il-bażi tal-ishma mis-suq ikkalkulati matul il-perjodu 2015–2017 (it-teħid tal-ordnijiet skont il-valur). Wara t-Tranżazzjoni ma jkunx hemm fornituri alternattivi vijabbli ta' tagħmir ta' lokkjatura speċifiku għar-Renju Unit u kwalunkwe saħħa tax-xerrej potenzjali tal-klijenti tkun insuffiċjenti biex tegħleb it-telf ta' kompetizzjoni mit-Tranżazzjoni. |
(vii) Effetti vertikali — preklużjoni tal-input mis-suq għal proġetti ta' lokkjatura indipendenti fir-Renju Unit
(54) |
Il-Kummissjoni tqis li t-Tranżazzjoni tkun tikkawża impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva minħabba effetti vertikali mhux koordinati fis-suq tal-proġetti ta' lokkjatura indipendenti fir-Renju Unit. |
(55) |
Il-Kummissjoni tqis li wara t-Tranżazzjoni l-entità fuża jkollha l-abbiltà u l-inċentiv li teskludi l-aċċess għat-tagħmir ta' lokkjatura fil-konfront ta' rivali downstream fir-Renju Unit li kontrihom tikkompeti għall-provvista ta' proġetti indipendenti ta' lokkjatura. |
(56) |
L-ewwel nett, l-entità fuża se jkollha l-kapaċità li teskludi l-aċċess għat-tagħmir ta' lokkjatura billi żżid il-prezzijiet jew inkella tfixkel il-kapaċità tal-kompetituri attivi fis-suq ta' proġetti indipendenti ta' lokkjatura li jippreżentaw l-offerta tagħhom b'mod kompetittiv f'sejħiet għal offerti li fihom jiddependu fuq il-prodotti ta' lokkjatura tal-Partijiet. Dan huwa l-każ peress li l-prodotti ta' lokkjatura tal-Partijiet huma komponent kritiku fil-provvista ta' proġetti indipendenti ta' lokkjatura fir-Renju Unit, u peress li l-entità fuża għandha grad sinifikanti ta' saħħa fis-suq upstream tal-provvista ta' tagħmir ta' lokkjatura fir-Renju Unit. |
(57) |
It-tieni nett, l-entità fuża jkollha inċentiv biex teskludi l-aċċess għall-prodotti ta' sinjalazzjoni upstream wara t-Tranżazzjoni, għax tkun strateġija profittabbli. |
(58) |
Finalment, l-imġiba passata tal-Partijiet turi li diġà ppruvaw ifixklu l-kapaċità tal-preżentazzjoni ta' offerti mill-kompetituri għal proġetti ta' sinjalazzjoni fil-linji prinċipali fir-Renju Unit. |
(viii) Konklużjoni
(59) |
Minħabba r-raġunijiet imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li t-Tranżazzjoni tkun tikkawża impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva b'riżultat ta' effetti orizzontali u/jew mhux orizzontali li mhumiex koordinati, b'rabta mas-swieq li ġejjin:
|
VII. RIMEDJI
(60) |
Sabiex jiġi eliminat it-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni, il-Partijiet ippreżentaw l-Ewwel Impenji fit-12 ta' Diċembru 2018, li ġew suġġetti għal eżami tas-suq mill-Kummissjoni fis-17 ta' Diċembru 2018. |
(61) |
Fid-9 ta' Jannar 2019, il-Partijiet ippreżentaw it-Tieni Impenji. Fil-25 ta' Jannar 2019, il-Partijiet ippreżentaw reviżjonijiet addizzjonali fl-Impenji Finali. It-Tieni Impenji u l-Impenji Finali ma ġewx suġġetti għal eżami tas-suq. |
(62) |
L-Ewwel u t-Tieni Impenji u l-Impenji Finali kienu jinkludu b'mod partikolari miżuri li għandhom l-għan li jsolvu t-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni b'rabta mas-swieq ta' (i) vetturi ferrovjarji b'veloċità għolja u b'veloċità għolja ħafna (l-“Impenji għal Vetturi Ferrovjarji b'Veloċità Għolja Ħafna”) u (ii) sinjalazzjoni fil-linja prinċipali (l-“Impenji għas-Sinjalazzjoni fil-Linja Prinċipali”). |
a. Impenji għal Vetturi Ferrovjarji b'Veloċità Għolja Ħafna
(i) Deskrizzjoni
(63) |
L-Impenji għal Vetturi Ferrovjarji b'Veloċità Għolja Ħafna jikkonsistu f'żewġ pakketti alternattivi:
|
(ii) Valutazzjoni
(64) |
Il-Kummissjoni tqis li ż-żewġ pakketti mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw it-tħassib dwar il-kompetizzjoni deskritt iktar 'il fuq fir-rigward ta' ferroviji b'veloċità għolja ħafna:
|
b. Impenji dwar is-Sinjalazzjoni tal-Linji Prinċipali
(i) Deskrizzjoni
(65) |
L-Impenji dwar is-Sinjalazzjoni tal-Linji Prinċipali jikkonsistu mill-“Impenn dwar l-OBU tal-ETCS” u l-“Impenn dwar ETCS għaż-żoni maġenb il-binarji u l-lokkjatura”. |
(66) |
L-Impenn dwar l-OBU tal-ETCS jinkludi l-aċċess għat-teknoloġija OBU tal-ETCS ta' Siemens permezz ta' trasferiment tal-applikazzjoni tas-softwer OBU tal-ETCS ta' Siemens, iżda biss ftehim ta' liċenzja/provvista u servizz għall-pjattaforma ta' sikurezza sottostanti, limitat għal erba' snin, li meta jgħaddu l-akkwirent ikollu jagħmel migrazzjoni tal-applikazzjoni OBU lejn il-pjattaforma ta' sikurezza tiegħu stess. Il-proposta tinkludi ftehim ta' liċenzja u provvista u servizz li jrid jiġi pprovdut b'STMs tal-Klassi B kollha kemm huma proprjetà ta' Siemens. |
(67) |
Il-proposta tinkludi wkoll trasferiment tal-applikazzjoni OBU Belġjana miruta (TBL+) ta' Siemens, mingħajr il-pjattaforma sottostanti, u liċenzja fir-rigward tal-Class B STMs ta' Siemens. L-Impenji Finali jestendu l-liċenzja tal-pjattaforma minn erba' għal sitt snin biex tiġi faċilitata l-migrazzjoni lejn il-pjattaforma tal-akkwirent stess u tinkludi d-dritt tal-akkwirent li jingħata, skont ftehim ta' provvista u servizz, l-STMs tal-Klassi B ta' Alstom b'rati nnegozjati kummerċjalment. |
(68) |
L-Impenn dwar ETCS għaż-żoni maġenb il-binarji u l-lokkjaturi jinvolvi taħlita ta' trasferimenti tas-sjieda u arranġamenti ta' liċenzjar għat-teknoloġija ta' Alstom, speċifikament:
|
(ii) Valutazzjoni
(69) |
Il-Kummissjoni tqis li l-Impenji għas-Sinjalazzjoni tal-Linja Prinċipali huma insuffiċjenti biex jindirizzaw it-tħassib dwar il-kompetizzjoni li jirriżulta fis-swieq tas-sinjalazzjoni tal-linja prinċipali.
|
VIII. KONKLUŻJONI
(70) |
Fuq il-bażi tal-analiżi tagħha u tal-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-Tranżazzjoni hija inkompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE. |