5.2.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 39/68 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Infrastrutturi tar-Riċerka: il-Futur taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) minn perspettiva reġjonali u transfruntiera
(2020/C 39/15)
Relatur |
: |
Eamon Dooley (IE/Renew Europe), Kunsillier, Kunsill tal-Kontea ta’ Offali |
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI
Introduzzjoni
1. |
jilqa’ l-approċċ ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġi identifikat ir-rwol ewlieni li l-infrastruttura tar-riċerka tista’ taqdi u tiżvolġi fl-avvanz tal-għarfien u tat-teknoloġija. L-infrastrutturi tar-riċerka (RIs) u l-użu tagħhom huma fundamentali għall-iżvilupp taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER). F’dan ir-rigward, jappoġġja l-ħidma tal-Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastrutturi tar-Riċerka (ESFRI) li għandu rwol importanti fit-tfassil tal-politika dwar l-infrastruttura tar-riċerka fil-livell tal-UE u jassisti fil-ħolqien ta’ suq uniku Ewropew għax-xjenza; |
2. |
jenfasizza li l-infrastrutturi tar-riċerka għandhom karattru tassew territorjali. Dawn huma kruċjali għall-iżvilupp reġjonali, li jestendu minn output xjentifiku għall-impatt fuq l-ekosistemi edukattivi, kif ukoll għall-benefiċċji ġenerali għas-suq u għas-soċjetà; |
3. |
jinnota li l-Pjan Direzzjonali Strateġiku tal-ESFRI jidentifika l-RIs ta’ interess pan-Ewropew bħala li jikkontribwixxu għall-issodisfar tal-ħtiġijiet fit-tul tal-komunitajiet tar-riċerka tal-Ewropa f’bosta oqsma xjentifiċi u jilqa’ wkoll il-fatt li dan jidentifika l-investiment fl-RIs bħala metodu biex tiżdied il-kompetittività reġjonali u b’hekk il-koeżjoni bejn l-Istati Membri u r-reġjuni differenti; |
4. |
jenfasizza li l-RIs għandhom rwol essenzjali x’jaqdu fl-indirizzar tal-isfidi globali fl-oqsma tal-ambjent u tat-tibdil fil-klima li jaffettwaw lis-soċjetà tagħna fil-livelli kollha mil-livell lokali sa dak reġjonali, nazzjonali, Ewropew u fuq skala globali; |
5. |
jafferma mill-ġdid, barra minn hekk, il-konklużjoni tal-Opinjonijiet preċedenti tal-KtR li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol ewlieni fil-ħolqien ta’ ekosistemi tal-innovazzjoni effettivi, speċjalment permezz tal-identifikazzjoni strateġika tal-prijoritajiet ta’ riċerka reġjonali permezz tal-iżvilupp ta’ Strateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti (S3s) (1); |
6. |
jinnota li l-Ewropa żviluppat viżjoni b’suċċess fuq perjodu medju u fit-tul għall-iżvilupp ta’ ekosistema ta’ infrastruttura tar-riċerka koerenti, fejn il-kooperazzjoni bejn l-infrastruttura eżistenti hija mħeġġa filwaqt li, b’mod parallel, qed jiġu stabbiliti pjani biex tinħoloq u tiġi żviluppata l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ infrastrutturi tar-riċerka kif definiti mill-ESFRI; |
7. |
jaqbel mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li ŻER li tiffunzjona tajjeb se tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-titjib tal-effiċjenza u l-effikaċja tal-ekosistema Ewropea ġenerali tar-riċerka u l-innovazzjoni u jirrikonoxxi l-importanza ta’ sħubija mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea biex jaħdmu b’mod konġunt bil-għan li jsaħħu ż-ŻER speċjalment permezz ta’ Orizzont Ewropa bħala l-istrument ewlieni ta’ finanzjament (2). Jiddispjaċih, madankollu, li l-Kunsill ma jirrikonoxxix biżżejjed ir-rwol li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jista’ jkollhom f’dan il-proċess; |
8. |
huwa mħasseb dwar il-fatt li għad fadal diversi nuqqasijiet fil-qafas taż-ŻER fir-rigward tal-RIs, li jirriżultaw f’diskrepanzi fl-implimentazzjoni li jnaqqsu l-benefiċċji u l-effiċjenzi potenzjali; |
9. |
jilqa’ l-allokazzjoni baġitarja proposta mill-Kummissjoni ta’ EUR 100 biljun biex jiġu ffinanzjati x-xjenza, ir-riċerka u l-innovazzjoni matul il-perjodu ta’ bejn l-2021 u l-2027 sabiex jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet. Fl-istess ħin, jinsab imħasseb dwar ir-riskju li jiżdiedu l-inugwaljanzi bejn il-bliet u r-reġjuni li jibbenefikaw mill-programm qafas ta’ riċerka u innovazzjoni, li l-baġits tagħhom se jiżdiedu, u l-oħrajn li se jbatu l-konsegwenzi ta’ tnaqqis fil-baġits tal-politika ta’ koeżjoni (3); |
10. |
l-aħħar iżda mhux l-inqas, jirrikonoxxi li huwa essenzjali li jintwera l-valur miżjud tal-UE fi kwalunkwe politika tal-UE, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li dawn il-politiki qed jiġu skrutinizzati dejjem aktar. Jinnota li l-analiżijiet reċenti juru li, filwaqt li l-progress dwar l-implimentazzjoni taż-ŻER għadu għaddej, dan qed iseħħ b’pass aktar bil-mod minn qabel u għad hemm disparitajiet kbar bejn l-Istati Membri kemm fil-livelli ta’ prestazzjoni kif ukoll fir-rati ta’ tkabbir (4). Għaldaqstant jenfasizza l-ħtieġa għal komunikazzjoni aħjar tal-impatt Ewropew tar-riċerka u l-innovazzjoni permezz ta’ statistika aktar soda u ċara; |
L-isfidi fir-rigward taż-ŻER, kif identifikati mill-perspettiva reġjonali u transfruntiera
11. |
jiddispjaċih dwar il-fatt li l-proporzjon ta’ finanzjament għar-riċerka mis-settur tal-gvern fl-UE staġna għal madwar 2,03 % bejn l-2014 u l-2016 (5). Dan juri li s-sehem tal-introjtu nazzjonali li jintefaq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp għadu ferm aktar baxx mill-mira ta’ Barċellona ta’ 3 % tal-prodott domestiku gross li ġiet stabbilita fl-2002 u li inqas minn 1 % tal-finanzjament nazzjonali għar-riċerka u l-iżvilupp jintefaq fuq riċerka transnazzjonali (6); |
12. |
jinsab imħasseb, barra minn hekk, dwar il-fatt li l-iżbilanċ tan-nefqa domestika grossa fuq ir-riċerka u l-iżvilupp huwa rifless ukoll fil-livell reġjonali, li jwassal għall-fatt li, fl-2015, 31 minn 281 reġjun NUTS 2 biss irrapportaw investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp ’il fuq mill-mira tal-UE ta’ 3,0 % b’raggruppamenti ċari b’intensità għolja ta’ riċerka preżenti f’ċerti reġjuni tal-UE. Fil-parti l-kbira tagħhom, dawn ir-reġjuni jinsabu fil-Ġermanja, fl-Awstrija, fir-Renju Unit, fl-Iżvezja, fil-Belġju, fid-Danimarka, fi Franza u fil-Finlandja (7); |
13. |
jinnota li l-implimentazzjoni taż-ŻER turi wkoll varjazzjonijiet bejn l-allokazzjoni tal-finanzjament tal-Orizzont 2020 u l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni taħt il-Fondi SIE. L-Istati Membri tal-UE-13 huma r-riċevituri ewlenin tal-fondi SIE filwaqt li l-applikazzjoni tal-kriterju tal-eċċellenza taħt Orizzont 2020 wasslet għal konċentrazzjoni ta’ finanzjament kif ukoll kapaċitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni primarjament fl-UE-15, filwaqt li żiedet id-distakk fl-innovazzjoni bejn l-UE-15 u l-UE-13 (8) |
14. |
iwissi li s-sostenibbiltà fit-tul hija sfida ewlenija oħra li qed jiffaċċjaw l-infrastrutturi tar-riċerka, speċjalment infrastrutturi pan-Ewropej fuq skala kbira li huma ferm għaljin biex jinbnew, jinżammu u jitħaddmu, bi spejjeż tal-kostruzzjoni li ħafna drabi jaqbżu EUR 1 biljun, bi spiża operattiva annwali relatata ta’ madwar 10 % tal-ispejjeż tal-kostruzzjoni. Peress li l-baġits nazzjonali għax-xjenza ta’ spiss ikunu ugwali jew jaqbżu tali spejjeż, il-mistoqsija dwar is-sostenibbiltà fit-tul tagħhom tibqa’ kwistjoni kontinwa (9); |
15. |
jirrikonoxxi l-fatt li l-ispejjeż assoċjati mal-aċċess għall-Faċilitajiet tal-infrastruttura tar-riċerka, speċjalment f’sitwazzjonijiet transfruntiera jistgħu jkunu ostakolu għar-riċerkaturi, u b’hekk ixekklu l-avvanz xjentifiku; |
16. |
iwissi li b’mod partikolari, sabiex jiġu indirizzati l-hekk imsejħa sfidi ewlenin, bħat-tibdil fil-klima, l-RIs għandhom ikunu jistgħu jintegraw mal-RIs tal-viċinat, u b’hekk joħolqu kondiviżjoni akbar tal-għarfien u jikkontribwixxu għar-riċerka interdixxiplinari. F’dan ir-rigward, l-infrastruttura ta’ riċerka diġitali hija tal-akbar importanza, u għalhekk, il-KtR jappoġġja disponibbiltà akbar ta’ data miftuħa permezz tal-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa; |
17. |
jinnota li r-riżorsi umani huma komponent importanti tal-RIs. Il-politiki u l-ġestjoni tar-riżorsi umani jiddefinixxu l-kwalità u l-kwantità tal-persunal li jista’ jiġi reklutat u huma essenzjali biex jiġu żgurati l-implimentazzjoni, it-tħaddim u l-impatt xierqa tal-RIs (10). Għalhekk, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-mobbiltà tal-maniġers u l-iżvilupp tal-ħiliet tal-utenti tal-infrastruttura tar-riċerka huma essenzjali; |
18. |
huwa mħasseb dwar il-fatt li l-impatt tal-infrastrutturi tar-R&I fuq l-industrija u s-soċjetà għadu ma ġiex żviluppat biżżejjed. Jirrikonoxxi madankollu li l-Kummissjoni qed tagħmel sforzi biex tikkonverti l-għarfien espert fix-xjenza tal-Ewropa fi prodotti u servizzi li jistgħu jiġu kkummerċjalizzati; |
19. |
jirrikonoxxi li biex l-RIs ikollhom impatt fuq is-soċjetà usa’, għandhom jissodisfaw ukoll il-ħtiġijiet tal-industrija. Għalhekk, ekosistema tal-infrastruttura tar-riċerka soda u interkonnessa għandha tkun tista’ tiġġenera risponsi bejn diversi dixxiplini biex jiġu indirizzati l-problemi kumplessi; |
20. |
ġie mwissi li l-komunikazzjonijiet dwar l-RIs eżistenti u futuri, b’rabta mal-proġetti tar-riċerka u l-iżvilupp li qed jitwettqu f’dawn l-infrastrutturi jeħtieġ li jiġu kkomunikati liċ-ċittadini b’mod aktar effettiv, bħala parti mill-komunikazzjoni ġenerali tal-UE dwar il-benefiċċji tal-UE għaċ-ċittadini tagħha; |
L-infrastruttura tar-riċerka: rakkomandazzjonijiet ta’ politika
21. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea l-ġdida tkompli timmonitorja jekk l-Istati Membri u r-reġjuni jirrispettawx l-obbligu tagħhom li jiddedikaw 3 % tal-PDG għar-riċerka u l-iżvilupp sa tmiem id-deċennju attwali; |
22. |
iħeġġeġ, għal dan il-għan, li l-Kummissjoni tipproponi malajr is-suċċessur tal-istrateġija Ewropa 2020, li għandu jinkludi objettivi kwantifikati anke fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp; |
23. |
jemmen li hemm bżonn li l-isforzi komuni jissaħħu aktar fil-livelli kollha flimkien ma’ aktar riformi fis-sistemi nazzjonali u reġjonali tar-riċerka u l-innovazzjoni biex tiġi implimentata ŻER li tiffunzjona tajjeb u jiġi megħjun it-tixrid tal-eċċellenza permezz tas-sinerġiji. Għalhekk, jaqbel b’mod ġenerali mal-proposti tal-Kummissjoni biex jiġu inklużi inizjattivi ġodda biex itejbu l-effikaċja tal-RIs fil-perjodu ta’ programmazzjoni ta’ bejn l-2021 u l-2027 inkluż l-użu tal-fondi reġjonali, għodda Ewropea għat-twettiq ta’ riformi u Orizzont Ewropa, li jinkludi pilastru ddedikat biex jgħin fit-tisħiħ taż-ŻER (11); |
24. |
jemmen li l-RIs joħolqu opportunitajiet reġjonali biex jikkompetu għall-fondi tal-UE fl-investimenti fl-RI li jistgħu jirriżultaw fl-iżvilupp ta’ ċentri ta’ innovazzjoni fi ħdan RI mqassma. Iqis li, sabiex tiġi żgurata sostenibbiltà fit-tul għall-RIs, huma meħtieġa mudelli ta’ finanzjament addizzjonali u speċifiċi matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-RI biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-finanzjament fejn is-sorsi ta’ finanzjament Ewropej, nazzjonali jew oħra ma jkunux biżżejjed. Speċifikament, linji baġitarji ddedikati huma meħtieġa biex:
Dan jista’ jinkludi użu aktar kreattiv tal-fondi mill-FSIE, Interreg, Qafas u self mill-Bank Ewropew tal-Investiment, iżda jista’ jinkludi wkoll Erasmus+, Ewropa Diġitali, COSME, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, LIFE, eċċ., potenzjalment flimkien ma’ mudell ta’ kofinanzjament b’fondi nazzjonali għar-riċerka. Dan huwa essenzjali għas-sostenibbiltà fit-tul tal-RIs; |
25. |
jappoġġja wkoll l-approċċ tat-“Tixrid tal-eċċellenza u t-twessigħ tal-parteċipazzjoni (12)”, flimkien mal-fatt li r-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat jsiru aktar favorevoli għar-riċerka u l-innovazzjoni bħala mekkaniżmu biex jiġi ekwalizzat l-appoġġ u jinkiseb il-potenzjal sħiħ tar-riċerka tar-reġjuni kollha tal-UE, inklużi dawk tar-reġjuni li jinsabu barra mir-raggruppamenti intensivi fir-riċerka; |
26. |
jappoġġja bis-sħiħ l-inizjattiva li tgħaqqad l-Orizzont 2020, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u l-Programm għall-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, biex jitnieda l-programm VentureEU bil-għan li tingħata spinta lill-kapital ta’ riskju fl-Ewropa u jiġi pprovdut aktar investiment privat għal attivitajiet ta’ riċerka (13); |
27. |
jissuġġerixxi li Orizzont Ewropa għandu jinkludi azzjonijiet speċifiċi biex jippermetti l-aċċess għall-RI, inkluż billi jagħmel l-ispejjeż relatati mal-aċċess eliġibbli għall-finanzjament, peress li dan jista’ jiffaċilita l-iżvilupp tas-servizzi tal-RI kif ukoll jiżgura sostenibbiltà fit-tul; |
28. |
jitlob li jittieħdu aktar azzjonijiet li jippermettu aktar aċċess miftuħ għall-infrastruttura tal-RI u jissuġġerixxi li dan jista’ jinkiseb billi jintużaw serje ta’ miżuri:
|
29. |
jappoġġja armonizzazzjoni u standardizzazzjoni akbar tar-regoli u l-proċeduri ta’ aċċess, speċjalment l-iżvilupp ta’ karti għall-aċċess biex jiġu żgurati l-ġustizzja u l-konsistenza (14); |
30. |
huwa favur, b’mod speċjali, li jkun hemm rabta bejn il-politika dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni mal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ S3, peress li dawn huma approċċi innovattivi li jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku, lill-ħolqien tal-impjiegi abbażi tal-ħtiġijiet reġjonali identifikati, u li jikkollegaw u jinvolvu lir-reġjuni fl-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni. Barra minn hekk, dawn joffru l-possibbiltà ta’ kollaborazzjonijiet interreġjonali u bejn il-pari fl-implimentazzjoni tal-RIS3 mill-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jiġu rfinati l-objettivi, u jiġu żviluppati sinerġiji u jkun hemm allinjament aħjar; |
31. |
jitlob li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti aktar fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-inizjattivi tar-R&I minħabba l-importanza li għandhom il-faċilitajiet żgħar u ta’ daqs medju tal-RI għall-iżvilupp lokali u reġjonali u minħabba li l-maġġoranza ta’ dawk l-inizjattivi huma implimentati fil-livell lokali u reġjonali; |
32. |
itenni l-appoġġ tiegħu għall-ħolqien ta’ netwerk Ewropew ta’ ekosistemi reġjonali u ċentri tal-innovazzjoni billi jinħolqu sinerġiji bejn l-istrateġiji Ewropej, nazzjonali u reġjonali eżistenti u billi l-ekosistemi reġjonali u ċ-ċentri tal-innovazzjoni jingħaqdu ma’ ktajjen tal-valur industrijali ewlenin biex tiġi promossa ekosistema tar-RŻ&I kompetittiva u b’hekk jiżdied l-impatt tal-Programm Qafas li jmiss fuq is-soċjetà (15); |
33. |
jitlob campuses tal-RI transreġjonali u transfruntiera aktar integrati biex jissaħħu l-opportunitajiet li jiġu stabbiliti rabtiet mill-qrib mal-atturi fl-ekosistemi reġjonali, jiġifieri l-infrastruttura tar-riċerka lokali, l-inkubaturi, il-parks teknoloġiċi u l-universitajiet. B’konsegwenza ta’ dan, jesprimi l-appoġġ b’saħħtu tiegħu għal inizjattivi strateġiċi bħalma huma ASTRONET jew APPEC; |
34. |
jinnota li l-edukazzjoni għolja taqdi rwol essenzjali biex tipprovdi ħiliet u kompetenzi orjentati lejn il-futur biex l-innovazzjoni titwettaq b’suċċess. Jitlob li jinħolqu kollaborazzjonijiet strutturati b’mod aktar b’saħħtu bejn l-RIs u l-universitajiet li jwasslu għal mobbiltà akbar u programmi ta’ skambju bejn dawn is-setturi; |
35. |
jappoġġja d-direzzjoni l-ġdida tal-ESFRI fir-rigward ta’ ammont akbar ta’ interfaċċji interdixxiplinari u aktar koordinazzjoni bejn l-ESFRI u l-istrateġiji u l-pjani direzzjonali nazzjonali biex jiġu żgurati koordinazzjoni aħjar u effiċjenza akbar fl-ekosistema tal-RI, billi ekosistema tal-RI robusta u interkonnessa għandha tkun tista’ tiġġenera risponsi bejn diversi dixxiplini biex jiġu indirizzati l-problemi kumplessi; |
36. |
jappoġġa b’mod konkret it-tixrid ta’ twassil ta’ intelligence dwar innovazzjonijiet u innovaturi ffinanzjati pubblikament u li huma lesti għas-suq permezz tal-użu ta’ radar tal-innovazzjoni (16); |
37. |
jappoġġja l-użu ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni komuni, li jibnu fuq mekkaniżmi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità eżistenti bħala mezz biex tinkiseb komparabbiltà transfruntiera, u jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE ta’ Mejju 2018 li tħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw approċċ komuni għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-RI (17); |
38. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jaħdmu mill-qrib flimkien mal-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali biex jiġbru l-informazzjoni dwar l-infrastrutturi tar-riċerka u l-attivitajiet marbuta magħhom, inkluż l-immappjar tal-attivitajiet u r-riżultati, sabiex jiżdied l-għarfien taċ-ċittadini dwar il-kontribut li dawn l-infrastrutturi joffrulhom bħala individwi, kif ukoll għall-ekonomija reġjonali, nazzjonali u Ewropea. |
Brussell, id-9 ta’ Ottubru 2019.
Il-President
tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Karl-Heinz LAMBERTZ
(1) KtR: Strateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti (RIS3): l-impatt fuq ir-reġjuni u l-kooperazzjoni interreġjonali (2017).
(2) Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea: Abbozz ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Governanza taż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Brussell, Novembru 2018
(3) Opinjoni tal-KtR dwar Orizzont Ewropa: id-disa’ Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (COR-2018-03891) (ĠU C 461, 21.12.2018 , p. 79).
(4) Rapport ta’ Progress taż-Żona Ewropea tar-Riċerka 2018; COM(2019)83.
(5) Eurostat, Indikaturi ta’ Ewropa 2020 - Ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni.
(6) EPRS: l-Unità tal-Valur Miżjud Ewropew: PE 603.239 – Diċembru 2017.
(7) Eurostat, Indikaturi ta’ Ewropa 2020 - Ir-R&Ż u l-innovazzjoni.
(8) Briefing tal-Parlament Ewropew: European Research Area Regional and Cross-Border Perspective (Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka minn Perspettiva Reġjonali u Transfruntiera). PE 637.939, ta’ April 2019
(9) SWD(2017) 323 final: Sustainable European Research Infrastructures - A Call for Action (Infrastrutturi Ewropej Sostenibbli għar-Riċerka - Appell għal Azzjoni).
(10) ENEA; Dokument ta’ Riflessjoni dwar l-Infrastruttura tar-Riċerka - il-Futur taż-ŻER minn perspettiva reġjonali u transfruntiera; Mejju 2019.
(11) Il-Kummissjoni Ewropea: Rapport tal-Progress taż-ŻER 2018: (2019)83 Paġna 4.
(12) https://ec.europa.eu/programmes/horizon2020/en/h2020-section/spreading-excellence-and-widening-participation
(13) Il-Kummissjoni Ewropea: Aġenda Ewropea għar-Riċerka u l-Innovazzjoni imġedda – l-Opportunità tal-Ewropa li ssawwar il-Ġejjieni tagħha: UE Mejju 2018. COM(2018) 306 final
(14) ENEA: Dokument ta’ Riflessjoni dwar l-Infrastrutturi tar-Riċerka – il-Futur taż-ŻER minn Perspettiva Reġjonali u Transfruntiera. Mejju 2019.
(15) KtR: Abbozz ta’ opinjoni. Aġenda Ewropea għar-R&I mġedda. L-opportunità tal-Ewropa li ssawwar il-ġejjieni tagħha. 2019.
(16) Radar tal-Innovazzjoni: L-Identifikazzjoni tal-Innovazzjonijiet u l-Innovaturi b’Potenzjal Għoli fil-proġetti tal-ICT FP7, CIP & H2020.
(17) UE; Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea-Naċċelleraw iċ-ċirkolazzjoni tal-għarfien fl-UE. Mejju 2018. Dok 9507/1.