5.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 39/72


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew għar-Reġjuni — L-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi permezz ta’ tranżizzjoni tal-enerġija innovattiva u sostenibbli fil-livell reġjonali u lokali

(2020/C 39/16)

Relatur

:

Is-Sur Witold STĘPIEŃ (PL/PPE), Membru tal-Assemblea Reġjonali tal-Provinċja ta’ Łódzkie

Dokument ta’ referenza

:

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

L-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi permezz ta’ tranżizzjoni tal-enerġija rapida, effettiva u fuq diversi livelli

1.

jirrimarka li tranżizzjoni tal-enerġija innovattiva u sostenibbli teħtieġ bidla profonda fis-sistema kollha tal-enerġija — produzzjoni, trażmissjoni u konsum — b’impatt dirett fuq l-infrastruttura, is-suq, l-ambjent u s-soċjetà. Hija opportunità biex jinbena suq tal-enerġija aktar sigur, ġust u trasparenti, biex jinħolqu netwerks transkonfinali, biex jittejjeb l-aċċess u d-distribuzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, biex jinqered il-faqar enerġetiku u biex jiġu salvagwardjati d-drittijiet għall-konsumaturi u l-prosumaturi fis-sistema tal-enerġija;

2.

jirrikonoxxi s-sejbiet tar-rapport speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima u jaqbel bis-sħiħ li l-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5 °C ogħla mil-livelli preindustrijali tirrikjedi azzjoni immedjata u tranżizzjoni wiesgħa bejn is-setturi għal sistema tal-enerġija sostenibbli u b’emissjonijiet baxxi (1). L-iskala ta’ din it-tranżizzjoni teħtieġ soluzzjonijiet integrati u kooperazzjoni mill-qrib fil-livelli kollha tal-gvern u tas-soċjetà ċivili biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, kif ukoll l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi;

3.

jilqa’ r-rikonoxximent li rċieva l-Parlament Ewropew (2) tal-ħtieġa għal approċċ antiċipatorju biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta għaċ-ċittadini tal-UE u biex jiġu appoġġjati r-reġjuni l-aktar affettwati mid-dekarbonizzazzjoni, peress li l-bidla lejn Ewropa newtrali għall-klima tagħmel l-ekonomija aktar kompetittiva, tipproteġi l-pjaneta u ttejjeb is-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini tagħna;

4.

jilqa’ l-proposta tal-President elett Ursula von der Leyen ta’ Patt Ekoloġiku Ewropew bl-ewwel Liġi Ewropea dwar il-Klima biex tiġi stabbilita l-mira tan-newtralità klimatika tal-2050, u b’mod partikolari l-ħolqien ta’ Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta ġdid li se jgħin lir-reġjuni tal-faħam jimxu lejn enerġija nadifa filwaqt li tingħata spinta lill-kompetittività Ewropea;

5.

jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw mira b’saħħitha għal perjodu ta’ żmien medju f’konformità mal-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija, bħala pass kruċjali lejn emissjonijiet netti żero tal-gass serra sal-2050 (3), u biex jiżdied il-livell ta’ ambizzjoni tal-Kontributi Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali tal-Unjoni (4) b’mira mifruxa mal-ekonomija kollha ta’ mill-inqas 50 % ta’ tnaqqis fil-livell tal-pajjiż tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990, waqt li ssir enfasi speċjali fuq dawk is-setturi li l-emissjonijiet tagħhom għadhom mhux limitati bl-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet; itenni t-talba tiegħu għal miri aktar ambizzjużi iżda fl-istess ħin realistiċi għall-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli fil-livell tal-UE, li għandhom jiżdiedu għal 40 % sal-2030, kif ukoll appoġġ estensiv għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi li jippermettu iktar progress;

6.

jappella għal impenn u għoti ta’ setgħa adegwati fil-livelli kollha tal-gvern fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ azzjoni dwar il-klima u l-enerġija li tkun effettiva u orjentata lejn il-ksib tal-miri. Jenfasizza r-responsabilità kbira li għandhom l-Istati Membri u l-UE, huma u jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ġenerali. Jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma fl-aħjar lok biex jinvolvu lill-komunitajiet tagħhom, jattiraw investituri privati u jimplimentaw azzjoni ambizzjuża u f’waqtha, filwaqt li jaġixxu mhux biss bħala amministraturi iżda wkoll bħala fornituri tas-servizzi tal-enerġija u xerrejja sinifikanti tas-servizzi tal-enerġija (eż. grids tal-elettriku, servizzi ta’ tisħin, trasport pubbliku, dawl). Jenfasizza, barra minn hekk, li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jagħtu eżempju u jispiraw lill-komunitajiet tagħhom.

It-trasferiment tal-għarfien u t-trawwim tal-koeżjoni biex tkun tista’ ssir tranżizzjoni tal-enerġija b’veloċità unika għall-Ewropa: l-appoġġ għal reġjuni kif ukoll gżejjer b’użu intensiv tal-faħam u tal-karbonju

7.

jinnota li t-tibdil fil-klima huwa sfida globali u l-progress li sar mill-UE biex tintlaħaq ekonomija newtrali għall-klima sal-2050 irid jintlaħaq permezz ta’ impenji simili minn pajjiżi terzi; f’dan ir-rigward jenfasizza r-riskju għall-kompetittività globali tal-UE kkawżat minn pajjiżi terzi li ma għandhomx miri klimatiċi daqstant ambizzjużi. Għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżommu t-tibdil fil-klima bħala prijorità diplomatika strateġika sabiex jinkisbu kundizzjonijiet ekwi globali;

8.

jenfasizza l-importanza li tiġi ġestita t-tranżizzjoni tal-enerġija mil-livelli l-aktar qrib taċ-ċittadini, u li jiġu mifhuma l-karatteristiċi lokali u reġjonali u r-restrizzjonijiet u l-ħtiġijiet finanzjarji, storiċi, ġeografiċi u ġeopolitiċi. Jistieden lill-Istati Membri, bl-appoġġ tal-istituzzjonijiet Ewropej, biex juru aktar solidarjetà u jiżviluppaw tranżizzjoni tal-enerġija sostenibbli b’veloċità waħda, filwaqt li jrawmu l-iżvilupp ekonomiku u l-koeżjoni soċjali fl-Ewropa, u jiffukaw attenzjoni partikolari u appoġġ fuq ir-reġjuni tal-faħam, ir-reġjuni li jużaw ħafna l-karbonju u l-gżejjer li jsofru minn tnaqqis fil-popolazzjoni li ser jintlaqtu ħażin mit-telf ta’ impjiegi minħabba din it-tranżizzjoni;

9.

jilqa’ l-inizjattivi tal-Kummissjoni, inklużi l-inizjattiva tar-Reġjuni fi Tranżizzjoni Intensivi fil-Faħam u l-Karbonju u l-inizjattiva tal-Enerġija Nadifa għall-Gżejjer tal-UE, maħsuba biex jappoġġjaw u jipprovdu assistenza teknika lil reġjuni li huma aktar vulnerabbli għar-riskji ekonomiċi u soċjali, li l-karatteristiċi tagħhom ifixklu din it-tranżizzjoni u jagħmlu l-implimentazzjoni korretta aktar diffiċli u urġenti;

10.

jirrimarka li bħalissa hemm 41 reġjun tal-faħam fil-livell NUTS-2 fi 12-il pajjiż tal-UE (inkluż ir-Renju Unit), u li s-settur tal-faħam jipprovdi madwar 240 000 impjieg dirett fil-minjieri tal-faħam u fl-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam, kif ukoll madwar 215 000 impjieg indirett. Barra minn hekk, hemm reġjuni li jiddependu ħafna fuq attivitajiet intensivi tal-karbonju, inklużi l-ħadid, l-azzar jew il-pit. Għalhekk, jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ finanzjarju u tekniku biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista fir-reġjuni affettwati minn bidliet sistemiċi, u biex jiġu mitigati l-aspetti soċjali u ekonomiċi negattivi tat-tranżizzjoni;

11.

jinnota li aktar minn 2 200 gżira abitata Ewropea, fejn hemm residenti 12-il miljun persuna, huma affettwati b’mod partikolari mit-tranżizzjoni tal-enerġija minħabba li dawn isofru minn taħlita ta’ prezzijiet għoljin tal-enerġija u dipendenza għolja fuq il-karburanti fossili. Sadanittant, il-gżejjer jistgħu jipprovdu esperimenti siewja għal soluzzjonijiet skalabbli ta’ enerġija sostenibbli biex jaqilbu għal sistema ħielsa mill-fossili, u jnaqqsu s-sussidji attwali tal-karburanti fossili;

12.

jappoġġja l-iżvilupp ta’ ċentri ta’ innovazzjoni reġjonali bil-għan li jinġiebu flimkien ir-riċerka, l-akkademja u l-industrija; jinnota li dawn iċ-ċentri għandhom jaġixxu bħala bord sperimentali, fejn jinfurmaw u jqajmu kuxjenza fost iċ-ċittadini u l-komunitajiet lokali u jipprovdu spazju fejn l-istrateġiji ta’ innovazzjoni reġjonali jiġu mfassla u implimentati b’mod interattiv;

13.

peress li t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa diġà ħolqot 2 miljun impjieg madwar l-UE, jappella biex jinħolqu ċentri ta’ taħriġ vokazzjonali reġjonali fil-kuntest tat-tranżizzjoni tal-enerġija biex jiġu pprovduti t-tisħiħ tal-kapaċità (inklużi l-ħiliet diġitali) u t-taħriġ biex il-ħiliet tax-xogħol jiġu rivalorizzati lejn industriji aktar sostenibbli;

14.

jappella wkoll li ssir aktar enfasi fuq it-tranżizzjoni tal-enerġija taħt il-programm Erasmus u Erasmus+ sabiex titqajjem kuxjenza u l-individwi milqutin mit-tranżizzjoni jingħataw possibbiltajiet addizzjonali biex itejbu l-opportunitajiet tagħhom permezz tal-iskambju tal-ideat u tal-għarfien; itenni l-appoġġ tiegħu għal “sħubijiet strateġiċi” (5) taħt ġestjoni deċentralizzata, biex jiġi permess l-iskambju tal-aħjar prattiki fl-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali permezz ta’ proġetti transkonfinali u transnazzjonali;

15.

jenfasizza kif, bis-saħħa tal-istorja tagħhom, ir-reġjuni b’użu intensiv tal-faħam u l-karbonju jistħoqqilhom jiġu apprezzati għall-iżvilupp ekonomiku tagħhom u l-importanza tal-enerġija għall-iżvilupp taċ-ċivilizzazzjoni. Ħafna minnhom kisbu għarfien espert u sensibilizzazzjoni kulturali tas-sinifikat tax-xejriet li qed jinbidlu fil-produzzjoni tal-enerġija u huma miftuħa għall-innovazzjoni u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali fis-settur tal-enerġija. Dawn it-tradizzjonijiet (riżorsi) u opportunitajiet għandhom jintużaw għall-iżvilupp ta’ strateġiji reġjonali, inklużi t-trasferiment tal-għarfien u t-taħriġ mill-ġdid, fejn l-għarfien espert u x-xogħol jintefa’ f’teknoloġiji u innovazzjonijiet b’livell baxx ta’ karbonju;

Ninvestu fi tranżizzjoni tal-enerġija li tibqa’ valida fil-futur għall-Ewropa

16.

jinnota li t-tranżizzjoni tal-enerġija tipprovdi opportunità kbira biex isir investiment f’infrastruttura li tibqa’ valida fil-futur u biex tiġi xprunata trasformazzjoni li tkun ta’ benefiċċju għall-kwalità tal-ħajja tal-Ewropej kollha. Għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali b’riżorsi adegwati, mandati u appoġġ biex titħaffef it-tranżizzjoni tal-enerġija madwar l-Ewropa;

17.

f’dan il-kuntest, jilqa’ t-tħabbir tal-President elett Ursula von der Leyen li jiġi stabbilit Fond ġdid ta’ Tranżizzjoni Ġusta u jitlob li l-finanzjament ikun marbut mill-qrib mal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027 sabiex ir-reġjuni NUTS 2 tal-faħam affettwati jkunu jistgħu jsaħħu l-programmi operattivi tagħhom peress li dawn jiffaċċjaw l-akbar sfidi biex jekoloġizzaw l-ekonomiji tagħhom u jiżguraw tranżizzjoni tal-enerġija ġusta għaċ-ċittadini tagħhom. Din l-allokazzjoni ma għandhiex tiġi kkalkulata fil-limiti proposti tal-Anness XXII, iżda għandha tkun disponibbli bħala finanzjament addizzjonali. Dan il-finanzjament addizzjonali jista’ mbagħad jintuża biex jissaħħu l-programmi tal-FEŻR u tal-FSE għal dawn iż-żoni fil-livell 2 tan-NUTS matul is-seba’ snin li ġejjin u b’hekk jiġi promoss il-valur miżjud tal-UE;

18.

minbarra ż-żieda fl-integrazzjoni tal-klima baġitarja, jappella għal miżuri effettivi biex jiġu eliminati gradwalment is-sussidji diretti u indiretti fuq il-karburanti fossili (bħal pereżempju l-eżenzjonijiet mit-taxxa eżistenti fuq il-karburant tal-inġenji tal-ajru) sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-enerġiji rinnovabbli, titħeġġeġ il-bidla fl-imġiba u jiġu ġġenerati r-riżorsi meħtieġa biex jappoġġjaw tranżizzjoni ġusta; jilqa’ f’dan il-kuntest id-dibattitu mniedi mill-President elett tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen dwar l-ipprezzar tal-karbonju u t-tariffi tal-karbonju fuq il-fruntieri;

19.

jenfasizza l-importanza ta’ rati ta’ kofinanzjament għall-fondi tal-UE biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għalihom minn komunitajiet żgħar u gżejjer; jitlob li tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jintużaw bħala “laboratorji” għat-tranżizzjoni tal-enerġija, billi jitfasslu soluzzjonijiet innovattivi u azzjoni politika kkoordinata li tiffoka fuq l-oqfsa ta’ politika, il-miżuri regolatorji, il-finanzjament, il-kooperazzjoni u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati;

20.

jilqa’ l-proposta għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027, bl-enfasi tagħha fuq l-iżvilupp sostenibbli u jtenni l-appell tiegħu sabiex aktar minn 30 % tal-baġit jiġi ddedikat għas-semplifikazzjoni tal-politika dwar il-klima; jappella biex jiġi appoġġjat aktar l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti sabiex jiżdiedu l-prodotti u l-proċessi innovattivi u jiddaħħlu fis-suq Ewropew (6); jilqa’ l-qasam ta’ ffukar tar-riċerka propost għal bliet intelliġenti u newtrali fil-qasam tal-klima taħt Orizzont Ewropa bil-għan li tingħata spinta lir-riċerka u l-innovazzjoni madwar l-UE;

21.

jirrakkomanda li tiżdied ir-rata ta’ finanzjament mis-60 % propost għal 70 % għal organizzazzjonijiet orjentati lejn il-profitti u għal 100 % għall-awtoritajiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ fis-sottoprogramm LIFE dwar it-Tranżizzjoni lejn Enerġija Nadifa, u li jkomplu jiġu attirati awtoritajiet lokali u reġjonali u organizzazzjonijiet iżgħar bħal aġenziji tal-enerġija lokali; jilqa’ l-istabbiliment tal-Fond InvestEU, u jissuġġerixxi li din l-opportunità tiġi sfruttata biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni tal-enerġija, b’mod partikolari f’reġjuni vulnerabbli; jipproponi li dawn il-programmi jippremjaw proġetti mwettqa fir-reġjuni fi tranżizzjoni b’punteġġ addizzjonali;

22.

fid-dawl tal-qafas tal-għajnuna mill-Istat għal wara l-2020, jappella għal żieda fil-livell tal-għajnuna statali permissibbli kif ukoll għal flessibilità suffiċjenti għal proġetti relatati mat-tranżizzjoni tal-enerġija f’reġjuni tal-faħam u f’reġjuni u gżejjer b’użu intensiv tal-karbonju, kif ukoll f’komunitajiet lokali sabiex jitħeġġeġ l-investiment mis-settur tan-negozju;

23.

jappella li jinħolqu mekkaniżmi għal appoġġ u finanzjament akbar għall-proġetti ta’ tranżizzjoni tal-enerġija fir-reġjuni kklassifikati bħala intensivi fil-faħam u l-karbonju. Hemm bosta raġunijiet għal dan: 1) m’għandniex nistennew li l-konsegwenzi tat-tranżizzjoni jaffettwaw lil dawn ir-reġjuni b’modi irrimedjabbli; 2) għandu jkun possibbli li jiżdiedu l-livelli massimi ta’ għajnuna lill-impriżi kollha, b’mod partikolari għall-impriżi l-kbar, minħabba l-kapaċità tagħhom li jinvestu f’territorju partikolari u l-potenzjal li jinkoraġġixxu l-bidla; 3) għandu jkun possibbli li jiġu implimentati miżuri oħrajn biex itaffu l-effetti tat-tranżizzjoni, eż. jiżdied il-livell ta’ finanzjament tal-FEŻR; 4) ir-reġjuni tal-faħam għandhom jiġu identifikati bħala żoni megħjuna skont l-Artikolu 107(3)(a) u (c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u r-regoli ta’ għajnuna tal-UE għal dawk ir-reġjuni għandhom jiġu adattati kif xieraq;

24.

itenni l-appell tiegħu biex titnaqqas il-burokrazija u jiġu ssemplifikati l-mekkaniżmi relatati mat-tħejjija ta’ proġetti u l-bini tal-kapaċità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali; itenni t-talba tiegħu biex tkompli tiġi implimentata l-assistenza teknika mfassla apposta biex il-bliet u r-reġjuni jiġu megħjuna jassiguraw investiment għal proġetti ambizzjużi, kemm biex jaċċessaw il-programmi JASPERS u ELENA tal-Bank Ewropew tal-Investiment, kif ukoll biex jiżviluppaw proġetti bankabbli, inklużi proġetti fuq skala iżgħar; jistenna b’ħerqa f’dan il-kuntest il-proposti mħabbra mill-President elett tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen dwar bank Ewropew għall-klima;

25.

jappella għal aktar sinerġiji bejn diversi sorsi ta’ finanzjament fil-livell tal-UE, dak nazzjonali u dak reġjonali, kif ukoll għal sinerġiji aktar b’saħħithom bejn il-finanzjament pubbliku u dak privat biex tiżdied l-effettività tat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa;

26.

jappoġġja l-iżvilupp ta’ faċilità finanzjarja tar-reġjuni b’użu intensiv tal-faħam u tal-karbonju biex tiġi pprovduta assistenza finanzjarja u teknika minn stadju bikri ħafna fl-iżvilupp tal-proġetti; jirrakkomanda li l-istrateġiji reġjonali li għadhom kemm ġew żviluppati jintrabtu ma’ pjani komprensivi ta’ ċessjoni minn karburanti fossili u prattiki insostenibbli, filwaqt li jinħolqu opportunitajiet għal impjiegi ta’ kwalità għolja;

L-ixprunar tal-innovazzjoni u l-applikazzjoni strateġika tat-teknoloġija

27.

jirrimarka li l-awtoritajiet lokali u reġjonali diġà jaġixxu bħala faċilitaturi u katalisti tal-innovazzjoni soċjali, governattiva u teknoloġika, billi jipprovdu pjattaformi organizzattivi u istituzzjonali għall-partijiet ikkonċernati biex jinvolvu ruħhom u jiżviluppaw b’mod konġunt strateġiji għal tranżizzjoni ġusta, sostenibbli u innovattiva tal-enerġija;

28.

jindika li firxa wiesgħa ta’ soluzzjonijiet tekniċi għal Ewropa kosteffikaċi u newtrali mil-lat ta’ klima diġà huma disponibbli fis-suq, u li bit-teknoloġiji attwali, sa 86 % tal-emissjonijiet tas-CO2 (7) jistgħu jitnaqqsu b’sistema tal-enerġija interkonnessa;

29.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jitħeġġu soluzzjonijiet innovattivi għall-ħżin tal-enerġija li ma jiddependux fuq ir-riżorsi naturali li huma skarsi jew li huma ġeografikament ikkonċentrati ħafna; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jsir progress fit-teknoloġiji għall-qbid, l-użu u l-ħżin tal-karbonju u fil-proċessi kummerċjali għal dawk il-proċessi industrijali li ma jistgħux jiġu kompletament dekarbonizzati bil-livell attwali ta’ għarfien (eż.: ix-xogħol tal-azzar komprensiv);

30.

jenfasizza li l-ostakli ewlenin għall-implimentazzjoni rapida ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju huma relatati man-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji u umani, ma’ politiki, regolamenti u strutturi organizzattivi eżistenti li għadhom jiddependu minn ktajjen ta’ valur ibbażati fuq il-karburanti fossili, kif ukoll ma’ fatturi soċjokulturali bħan-nuqqas ta’ aċċettazzjoni soċjali, hekk kif fir-reġjuni tal-minjieri dan jista’ jwassal għat-telf ta’ impjiegi u tnaqqis fil-popolazzjoni. Jaqbel għalhekk li l-innovazzjoni għandha tiġi minn kuntesti lokali speċifiċi u minnufih tindirizza l-impatt fuq is-sistema u l-komunità ġenerali u tikkumbatti l-proċessi li jikkawżaw in-nuqqas ta’ aċċettazzjoni pubblika;

31.

jitlob għal aktar semplifikazzjoni amministrattiva u tnaqqis tal-ostakli regolatorji fir-rigward tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji u mudelli ta’ negozju ġodda u innovattivi;

32.

jitlob li jitjiebu l-integrità u l-operat tal-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet, filwaqt li jiġi pprovdut appoġġ għal reġjuni u gruppi vulnerabbli bi provvista ta’ enerġija affidabbli u bi prezz raġonevoli;

Sfidi kumplessi jirrikjedu soluzzjonijiet komuni: l-abilitazzjoni ta’ kontributi biex il-Ftehim ta’ Pariġi jintlaħaq fil-livelli kollha

33.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġu involuti l-atturi kollha — iċ-ċittadini, l-industrija, il-privat — filwaqt li jinkiseb l-appoġġ għal dan il-proċess b’mod partikolari tal-parteċipanti li jibqgħu lura, billi jinxteħet dawl fuq il-kobenefiċċji kollha tat-tranżizzjoni tal-enerġija: kwalità tal-arja aħjar, saħħa, ambjent, spazji ekoloġiċi, bijodiversità, enerġija irħas, eċċ.;

34.

jilqa’ l-adozzjoni tal-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għal Kulħadd (8) u jenfasizza l-importanza ta’ parteċipazzjoni pubblika u kooperazzjoni reġjonali effettivi fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Pjani Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima (9). Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu djalogu permanenti f’diversi livelli dwar il-klima u l-enerġija mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u partijiet interessati oħra fit-tranżizzjoni tal-enerġija (10) u jsaħħu l-koordinazzjoni orizzontali u vertikali sistematika tat-teħid ta’ deċiżjonijiet mil-lat politiku u tekniku; dan id-djalogu mal-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-aġenziji tal-enerġija huwa importanti ħafna minħabba li għandhom għarfien profond taż-żona;

35.

jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tiġi sfruttata bis-sħiħ il-komplementarjetà bejn il-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali u l-kontributi stabbiliti fil-livell lokali/reġjonali, billi jiġu appoġġjati l-pjani lokali u reġjonali volontarji integrati (11) u jiġu allinjati r-rekwiżiti ta’ rapportar u jiġu massimizzati l-impatti fost is-setturi (12) u l-livelli ta’ governanza;

36.

jenfasizza li aktar minn 9 000 awtorità lokali u reġjonali madwar l-Ewropa impenjaw ruħhom għal miri ambizzjużi biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u jindirizzaw it-tibdil fil-klima billi jipparteċipaw f’inizjattivi bħall-Patt Ewropew tas-Sindki, u billi jiżviluppaw strateġiji u pjani ta’ azzjoni b’rispons dirett għall-ħtiġijiet u l-viżjoni tal-komunità tagħhom għal futur sostenibbli;

It-tfassil ta’ tranżizzjoni tal-enerġija ċċentrata fuq il-persuni

37.

jirrikonoxxi li ċ-ċittadini u l-komunitajiet tal-enerġija issa għandhom opportunitajiet bla preċedent biex isiru “prosumaturi” (parteċipanti attivi fis-suq) u jilqa’ l-istabbiliment formali ta’ komunitajiet tal-enerġija lokali fil-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa, u jappella li jiġi pprovdut sett ċar ta’ drittijiet u obbligi, u rekwiżiti għal appoġġ fil-livell nazzjonali biex il-potenzjal ta’ strutturi bħal dan ikun jista’ jintuża kompletament;

38.

biex il-konsumaturi jsiru aktar indipendenti u responsabbli għall-konsum tagħhom tal-enerġija, itenni l-appell tiegħu li jiġu żviluppati grilji u miters intelliġenti (bil-kundizzjoni li jkun sodisfatt l-interess ekonomiku tal-konsumatur finali), li huma affordabbli, kost-effettivi, effiċjenti, tajbin biex jitnaqqas il-frodi, faċli biex jintużaw, sikuri u mfassla skont il-ħtiġijiet u l-istennijiet tal-konsumaturi fir-rigward tal-informazzjoni, tal-kontroll tal-konsum u t-tnaqqis fil-kontijiet tagħhom;

39.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-produzzjoni deċentralizzata tal-prosumaturi, billi jiffavorixxu l-iżvilupp ta’ grilji tal-enerġija u jiżguraw iċ-ċertezza regolatorja għall-investimenti fl-enerġija fuq skala żgħira u kbira, u jżidu l-aċċess għal sistemi, servizzi u pjattaformi ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni diġitalizzati għall-konsumaturi;

40.

jenfasizza l-ħtieġa ta’ regoli tas-suq ċari, politiki stabbli, proċeduri amministrattivi semplifikati u flessibbli u skemi ta’ appoġġ finanzjarju mmirati biex titħaffef it-tranżizzjoni enerġetika;

It-tisħiħ tas-sinerġiji għal bidla sistematika fis-setturi kollha

41.

jirrikonoxxi s-settur termali bħala komponent essenzjali għall-akkoppjament tas-settur u l-aktar soluzzjoni kosteffettiva li tippermetti li jiġu integrati ishma tal-enerġija rinnovabbli varjabbli sa 87 % u aktar, mat-teknoloġiji diġà disponibbli, filwaqt li tiġi pprovduta flessibbiltà u tiġi żgurata l-istabbiltà ta’ sistema globali ta’ enerġija sostenibbli integrata (13); jinnota li bħalissa hemm telf estrem ta’ enerġija bħal sħana żejda fi ħdan il-produzzjoni tal-elettriku, li teoretikament tista’ tipprovdi l-istokk tal-bini kollu tal-Ewropa (14), li huwa direttament responsabbli għal 36 % tal-emissjonijiet ta’ CO2, u li kważi 75 % tiegħu huwa meqjus bħala ineffiċjenti fl-enerġija (15);

42.

jenfasizza li tranżizzjoni sostenibbli tal-enerġija jeħtieġ li tqis is-sistema tal-enerġija kollha kemm hi, fejn il-produzzjoni, il-provvista, id-distribuzzjoni u l-konsum ikunu marbutin ma’ xulxin; jappoġġja bis-sħiħ l-imperattiv primarju tal-effiċjenza u l-impenn biex il-mira eżistenti ta’ 32 % tal-enerġija rinnovabbli tiżdied għal 40 % sal-2030 bil-għan li jonqos ir-ritmu tat-tisħin globali antropoġeniku u tintlaħaq in-newtralità fil-klima sal-2050, u jappella għal suq tal-enerġija integrat u transsettorjali li fih it-telf tal-enerġija jkun regolat u l-enerġija rinnovabbli tkun tista’ tiġi pprovduta b’mod effiċjenti;

43.

jiġbed l-attenzjoni għall-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom ir-reġjuni ultraperiferiċi fl-implimentazzjoni ta’ tranżizzjoni tal-enerġija sostenibbli. F’dan ir-rigward, il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tirrikonoxxi r-restrizzjonijiet inerenti fuq dawn ir-reġjuni u biex tadotta leġislazzjoni li tippermettilhom li mill-inqas jitqiegħdu fuq l-istess livell ma’ reġjuni Ewropej oħra;

44.

jenfasizza li t-tranżizzjoni tal-enerġija tipprovdi opportunità biex titfassal sistema tal-enerġija aktar sikura u valida għall-futur billi tiżdied l-effiċjenza enerġetika u jitnaqqas il-konsum, jiżdiedu l-enerġiji rinnovabbli, u jinbnew infrastruttura u interkonnessjonijiet madwar l-Ewropa sabiex ikun hemm reazzjoni rapida għal interruzzjonijiet fil-provvista. Jappoġġja għalhekk l-iżvilupp ta’ sinerġiji bejn iż-żoni urbani u rurali biex jikkombinaw il-potenzjal tagħhom marbut mal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-ġestjoni tal-iskart tal-enerġija f’infrastrutturi tal-enerġija ottimizzati, b’inqas telf ta’ enerġija u aktar reżiljenti;

45.

jenfasizza l-importanza tal-ekonomija ċirkolari bħala parti integrata ta’ tranżizzjoni tal-enerġija sostenibbli, bl-użu ta’ kunċetti taċ-ċiklu tal-ħajja għad-domanda u l-provvista ta’ infrastrutturi, prodotti u servizzi; l-akkwist pubbliku joffri potenzjal kbir biex jitnaqqas l-impatt tal-klima. Dan jenħtieġ li jkun appoġġjat minn rekwiżiti tal-ekodisinn, standards u sistemi ta’ informazzjoni għad-data taċ-ċiklu tal-ħajja, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fl-Istati Membri,u jiġi enfasizzat l-akkwist tal-innovazzjoni bħala strument strateġiku biex jappoġġja dan l-approċċ integrat, li fih l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jaqdu rwol kruċjali biex jiżguraw l-implimentazzjoni multisettorjali u l-iskalar;

46.

jenfasizza li biex tinkiseb tranżizzjoni f’diversi livelli, fir-rigward kemm tar-reġjuni kif ukoll tal-muniċipalitajiet, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jaħtru maniġers tal-enerġija biex jikkoordinaw b’mod effiċjenti l-politiki dwar il-klima u l-enerġija f’livelli differenti;

47.

iħeġġeġ lill-membri tiegħu biex iwaqqfu intergrupp li jlaqqa’ flimkien rappreżentanti ta’ reġjuni b’użu intensiv tal-faħam u tal-karbonju, kif ukoll l-esperti u l-partijiet interessati rilevanti biex jaħdmu fuq proposti konkreti għal tranżizzjoni tal-enerġija innovattiva u sostenibbli u jiskambjaw l-aħjar prattiki madwar l-UE.

Brussell, id-9 ta’ Ottubru 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  Xenarju globali f’konformità mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi jitlob li s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli jfornu 70-85 % tal-elettriku sal-2050. Skont l-istatistika tal-2017 li nħarġet mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, is-settur tal-provvista tal-enerġija huwa l-akbar kontributur (28 %) tal-emissjonijiet diretti tal-gassijiet serra fl-UE.

(2)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Marzu 2019 dwar It-tibdil fil-klima — viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi (2019/2582 (RSP)).

(3)  COM(2018) 773 final.

(4)  Fil-Kontributi Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali, l-UE u l-Istati Membri tagħha għamlu l-impenn biex jilħqu mira ta’ tnaqqis fil-livell tal-pajjiż ta’ mill-anqas 40 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2030 meta mqabbel mal-1990.

(5)  CDR 3950/2018 (ĠU C 168, 16.5.2019, p. 49).

(6)  COM(2018) 374 final.

(7)  Ix-xenarju ta’ Heat Roadmap Europe 2050 meta mqabbel mal-1990, Quantifying the Impact of Low-carbon Heating and Cooling Roadmaps (en).

(8)  Il-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għal Kulħadd jistabbilixi miri għall-2030: mira vinkolanti tal-enerġija rinnovabbli ta’ mil-inqas 32 % u mira ta’ effiċjenza fl-enerġija ta’ mill-anqas 32,5 %, bil-possibbiltà ta’ reviżjoni ’l fuq fl-2023.

(9)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

(10)  CDR 830/2017 (ĠU C 342, 12.10.2017, p. 111).

(11)  Bħall-Pjani ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli u l-Klima taħt il-Patt tas-Sindki.

(12)  Inklużi l-elettriku, it-tisħin u t-tkessiħ, it-trasport, l-iskart, l-agrikoltura u s-sottosetturi tagħhom.

(13)  Ix-xenarju ta’ Heat Roadmap Europe 2050 meta mqabbel mal-1990, Quantifying the Impact of Low-carbon Heating and Cooling Roadmaps.

(14)  Linji Gwida għat-Tranżizzjoni tas-Sistema tal-Enerġija. Il-perspettiva tal-Unjoni tal-Enerġija.

(15)  EASME, “High energy performing buildings - Support for innovation and market uptake under Horizon 2020 energy efficiency” (Bini b’rendiment għoli fl-użu tal-enerġija — Appoġġ għall-innovazzjoni u l-adozzjoni fis-suq taħt l-effiċjenza fl-enerġija ta’ Orizzont 2020).