26.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 108/90


P8_TA(2019)0318

Wara r-Rebbiegħa Għarbija: It-triq 'il quddiem għar-reġjun tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq (MENA)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Marzu 2019 dwar il-perjodu wara r-Rebbiegħa Għarbija: it-triq' il quddiem għar-reġjun MENA (2018/2160(INI))

(2021/C 108/08)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu “Shared Vision, Common Action: A Stronger Europe – A Global Strategy for the European Union’s Foreign and Security Policy” (Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b'Saħħitha – Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea) ippreżentat mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/HR) fit-28 ta' Ġunju 2016 (1), u r-rapporti ta' implimentazzjoni tal-2017 u l-2018,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 232/2014 (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat (ENI),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 235/2014 (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja,

wara kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ġunju 2018 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (COM(2018)0460),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-18 ta' Novembru 2015 bit-titolu “Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat” (JOIN(2015)(0050), r-rapport konġunt tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-Implimentazzjoni tar-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (JOIN(2017)0018),

wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet konġunti tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-8 ta' Marzu 2011 bit-titolu “Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran” (COM(2011)0200), u tal-25 ta' Mejju 2011 bit-titolu “Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni” (COM(2011)0303),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2017 bit-titlu “Elementi għal Strateġija tal-UE għas-Sirja” (JOIN(2017)0011) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sirja tat-3 ta' April 2017, li flimkien jikkostitwixxu l-istrateġija l-ġdida tal-UE rigward is-Sirja,

wara li kkunsidra l-prijoritajiet tas-sħubija konklużi bejn l-Unjoni Ewropea u firxa ta' pajjiżi fil-Lvant Nofsani, inkluż l-Eġittu, il-Lebanon u l-Ġordan,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Summit tan-NATO tal-2018,

wara li kkunsidra d-Djalogu Mediterranju tan-NATO u l-immaniġġar ta' kriżijiet u l-isforzi kooperattivi għas-sigurtà li għaddejjin bħalissa fir-reġjun,

wara li kkunsidra l-Approċċ Globali tal-UE għall-Migrazzjoni u l-Mobbiltà (GAMM),

wara li kkunsidra s-settijiet ta' linji gwida tematiċi tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż dwar id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi u dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,

wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha mill-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI), adottati mill-Kunsill fl-24 ta' Ġunju 2013,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-Viċi President tal-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, tal-25 ta' Jannar 2017 bit-titolu “Il-migrazzjoni fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali – Niġġestixxu l-flussi, insalvaw il-ħajjiet” (JOIN(2017)0004),

wara li kkunsidra l-Patt Globali għall-Migrazzjoni,

wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDGs),

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019, adottat mill-Kunsill fl-20 ta' Lulju 2015, u r-rieżami ta' nofs it-terminu tiegħu ta' Ġunju 2017,

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-21 ta' Settembru 2015 bit-titolu “Gender Equality and Women's Empowerment: Transforming the Lives of Girls and Women through EU External Relations 2016-2020” (L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa: Nittrasformaw Ħajjet il-Bniet u n-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020) (SWD(2015)0182),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran (PA UfM) bit-titolu “Participation of women in the leadership positions and decision making: Challenges and prospects” (Il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-karigi ta' tmexxija u fit-teħid ta' deċiżjonijiet: Sfidi u prospetti), adottata fil-13-il Sessjoni Plenarja tagħha li saret f'Mejju 2017 f'Ruma,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing ta' Settembru 1995 u l-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (il-Konferenza tal-Kajr) ta' Settembru 1994 u l-eżiti tal-konferenzi ta' rieżami tagħhom,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-isfidi fir-rigward tas-sigurtà fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq u l-prospettivi ta' stabbiltà politika (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2016 dwar ir-relazzjonijiet tal-UE mat-Tuneżija fil-kuntest reġjonali attwali (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti ta' finanzjament estern tal-UE: analiżi ta' nofs it-terminu fl-2017 u arkitettura futura wara l-2020 (7),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-30 ta' Mejju 2018 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ dwar il-Libja (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 (9),

wara li kkunsidra l-Kunsilli ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Tuneżija tal-11 ta' Mejju 2017 u l-15 ta' Mejju 2018, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Alġerija tal-14 ta' Mejju 2018, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Eġittu tal-25 ta' Lulju 2017,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-Libja tas-6 ta' Frar 2017 u l-15 ta' Ottubru 2018, u dwar is-Sirja tat-3 ta' April 2017 u s-16 ta' April 2018,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0077/2019),

A.

billi r-ribelljonijiet Għarab li affettwaw ir-reġjun tal-Lvan Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq (MENA(fl-2011 ikkostitwixxew mument ta' taqlib kbir kontra r-reġimi awtoritarji u deterjorament tal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi; billi l-parti l-kbira tad-dimostranti kienu nisa u rġiel żgħażagħ li kienu qegħdin jaspiraw għad-demokrazija, għal-libertà u għall-istat tad-dritt, kif ukoll għal futur aħjar u aktar inklużiv, rikonoxximent tad-dinjità tagħhom u inklużjoni soċjali u prospetti ekonomiċi aħjar; billi t-twaqqigħ tal-poter ta' xi wħud mir-reġimi u, f'xi każijiet, l-introduzzjoni ta' riformi demokratiċi wasslu għal tama u aspettattivi kbar;

B.

billi l-maġġoranza tal-popolazzjoni fir-reġjun MENA hija taħt il-35 sena; billi l-qgħad fost iż-żgħażagħ fir-reġjun għadu fost l-ogħla fid-dinja; billi dan iwassal għall-esklużjoni soċjali u għaċ-ċaħda tad-drittijiet tal-votazzjoni politika, kif ukoll eżodu ta' mħuħ lejn pajjiżi oħra; billi dawn il-fatturi kollha kienu l-kawża tal-protesti tal-2011 u għal darb'oħra qegħdin jiġġeneraw protesti fi wħud mill-pajjiżi; billi żgħażagħ f'ambjenti vulnerabbli, mingħajr aġenzija jew prospetti, jistgħu jikkostitwixxu grupp fil-mira għal movimenti radikali;

C.

billi fil-pajjiżi importaturi taż-żejt b'mod partikolari, il-kriżi finanzjarja globali, it-tnaqqis fil-prezzijiet taż-żejt, ix-xejriet demografiċi, il-kunflitti u t-terroriżmu komplew jaggravaw is-sitwazzjoni wara l-avvenimenti tal-2011; billi l-mudell ekonomiku li jikkaratterizza dawn il-pajjiżi ma għadux vijabbli, u jirriżulta fi kriżi ta' fiduċja li jeħtieġ li tiġi indirizzata b'mod urġenti mill-gvernijiet ikkonċernati, bil-għan li jiġi stabbilit kuntratt soċjali ġdid maċ-ċittadini rispettivi tagħhom; billi l-impatt soċjali dejjem jiżdied tat-tnaqqis fis-sussidji tal-istat, l-impjiegi fis-settur pubbliku u s-servizzi pubbliċi, il-firxa ta' faqar u problemi ambjentali, speċjalment f'żoni remoti u fost il-komunitajiet emarġinati, kien sors ta' taqlib kontinwu u protesti spontanji fir-reġjun, li x'aktarx se jkomplu jikbru fis-snin li ġejjin;

D.

billi, tmien snin wara r-Rebbiegħa Għarbija u l-iżviluppi politiċi li wasslu lill-pajjiżi fir-reġjuni tal-Magreb u l-Maxreq biex isegwu ħafna mogħdijiet evoluzzjonarji differenti f'termini ta' politika u stabbiltà, għadu essenzjali li jiġi vvalutat x'risposta għandha tingħata għall-aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi u għax-xewqa ta' stabbiltà sostenibbli fir-reġjun, kif ukoll għall-ħtieġa urġenti ta' impjiegi, l-istat tad-dritt u titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien u sigurtà sostenibbli; billi huwa importanti li jinżamm rendikont tal-isforzi u l-pożizzjoni ta' politika adottata mill-UE b'rispons għar-Rebbiegħa Għarbija u biex tiġi vvalutata l-kapaċità tagħha għat-twettiq tal-politika; billi huwa essenzjali li jiġi vvalutat mill-ġdid u adattat il-qafas ta' politika tal-UE lejn il-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar u l-objettivi futuri tiegħu u l-mezzi biex dawn jinkisbu, filwaqt li titqies id-diversità tas-sitwazzjonijiet fil-pajjiżi tar-reġjun;

E.

billi nuqqas ta' koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u l-UE jdgħajjef il-kapaċità tat-tnejn li huma li jeżerċitaw influwenza pożittiva fir-reġjuni tal-Magreb u tal-Maxreq; billi l-azzjoni tal-Istati Membri individwali fir-reġjun teħtieġ li tkun koordinata, u li tkun f'sinerġija mal-objettivi tal-UE; billi l-UE jeħtiġilha ssegwi l-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 8 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; billi l-UE teħtieġ li żżid l-influwenza politika u diplomatika tagħha; billi l-istabbiltà politika u ekonomika fit-tul fir-reġjuni, kif ukoll ir-reżiljenza tal-Magreb u l-Maxreq hija ta' importanza strateġika fundamentali għall-UE, u għalhekk tirrikjedi approċċ aktar fit-tul, integrat u li jħares 'il quddiem fir-rigward tal-qafas ta' politika u l-objettivi tiegħu, f'konformità mal-ħtiġijiet taċ-ċittadini tal-pajjiżi sħab u tal-interessi strateġiċi tal-UE;

F.

billi l-politika tal-UE fir-rigward tal-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq u tal-Lvant Nofsani għandha żewġ objettivi ewlenin, jiġifieri li jitħeġġu riformi politiċi u ekonomiċi f'kull pajjiż individwali filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi, u li titħeġġeġ il-kooperazzjoni reġjonali bejn il-pajjiżi tar-reġjun stess u mal-UE;

G.

billi l-UE għandha rwol ċentrali fil-promozzjoni tal-prevenzjoni tal-kunflitti, il-medjazzjoni u r-riżoluzzjoni, fil-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-ispazju għas-soċjetà ċivili, kif ukoll il-governanza demokratika, soċjali u ekonomika ġusta fir-reġjuni tal-Magreb u tal-Maxreq; billi soċjetà ċivili miftuħa u l-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem bħala atturi għall-bidla soċjali huma fundamentali għar-reżiljenza u l-prosperità fit-tul tar-reġjun;

H.

billi kwalunkwe detenzjoni li tirriżulta mill-eżerċizzju tad-drittijiet jew il-libertajiet garantiti mid-dritt internazzjonali, bħal-libertà tal-espressjoni u l-libertà ta' għaqda, tikkostitwixxi detenzjoni arbitrarja li hija pprojbita skont id-dritt internazzjonali; billi, f'oqsma sinifikanti tar-reġjun MENA, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti, avukati, attivisti tal-oppożizzjoni politika u s-soċjetà ċivili inġenerali jiffaċċjaw persekuzzjoni sistematika, theddid, attakki, ritaljazzjoni, fastidju ġudizzjarju, detenzjoni arbitrarja, tortura u maltrattament, li lkoll qegħdin jiżdiedu; billi l-UE u l-Istati Membri jeħtiġilhom iżidu b'mod sinifikanti l-isforzi tagħhom sabiex jindirizzaw b'mod adegwat din il-kwistjoni;

I.

billi fir-reġjun, hemm bosta kunflitti armati u eluf ta' persuni nqatlu u għebu u miljuni sfaw spostati; billi l-ISIS/Daesh u gruppi ġiħadisti oħra wettqu atroċitajiet, fosthom eżekuzzjonijiet brutali, kif ukoll atti tal-waħx ta' vjolenza sesswali, ħtif, tortura, konverżjonijiet furzati u tjassir tan-nisa u l-bniet; billi tfal ġew irreklutati u użati f'attakki terroristiċi; billi hemm tħassib serju dwar il-benessri tal-popolazzjoni li bħalissa tinsab taħt il-kontroll tal-ISIS/Daesh u dwar l-użu possibbli tagħhom bħala tarki umani waqt il-kampanja ta' liberazzjoni; billi dawn ir-reati jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità;

J.

billi bi tweġiba għall-iżviluppi fir-reġjun, fl-2015, l-UE rrevediet il-Politika tal-Viċinat tagħha; billi r-rieżami jipprevedi involviment aktar profond tal-Istati Membri fil-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV);

K.

billi l-istat u r-reżiljenza soċjetali huma fost il-prijoritajiet ewlenin tal-Istrateġija Globali tal-UE; billi din tal-aħħar tirrikonoxxi li soċjetà reżiljenti hija kkaratterizzata mid-demokrazija, il-fiduċja fl-istituzzjonijiet, u l-iżvilupp sostenibbli li jinsabu fil-qalba ta' stat reżiljenti, filwaqt li l-istati repressivi huma intrinsikament fraġli fuq terminu twil;

L.

billi, għal dawk il-pajjiżi li magħhom l-UE ffirmat ftehimiet ta' assoċjazzjoni, l-impenji ġuridikament vinkolanti ta' dawn il-ftehimiet, inkluż dwar id-drittijiet tal-bniedem, għandhom jiffurmaw bażi għar-relazzjonijiet u, b'mod partikolari, il-prijoritajiet ta’ sħubija maqbula bejn l-UE u ċerti pajjiżi tal-viċinat;

M.

billi, skont il-UNICEF, l-ewwel theddida li tolqot lit-tfal f'żoni ta' kunflitt tal-MENA hija t-tħaddim tat-tfal; billi 2,1 miljun tifel u tifla fis-Sirja u 700 000 tifel u tifla refuġjati Sirjani ma għandhomx aċċess għall-edukazzjoni; billi l-vjolenza kontinwa u l-ispostament estern, id-diżastri naturali, iż-żieda fl-inugwaljanza ekonomika u bejn is-sessi, u r-rati għoljin ta' qgħad fost iż-żgħażagħ u l-faqar f'diversi pajjiżi MENA ħallew 28 miljun tifel u tifla fi bżonn ta' assistenza umanitarja;

1.

Jinnota bi tħassib li, tmien snin wara l-ewwel taqlib, il-biċċa l-kbira tal-aspirazzjonijiet leġittimi tad-dimostranti paċifiċi għal dinjità, drittijiet tal-bniedem u riformi soċjali, ekonomiċi u politiċi progressivi għadhom ma ġewx issodisfati fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi; jirrikonoxxi li f'xi każijiet kien hemm xi ftit ta' żviluppi pożittivi u ġew ikkonsolidati xi kisbiet demokratiċi, madankollu, jirrimarka l-fatt li dawn għadhom mhumiex biżżejjed; jikkundanna l-ksur persistenti u kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istat tad-dritt u tal-libertajiet fundamentali, u diskriminazzjoni mifruxa kontra minoranzi; jinsab imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni soċjoekonomika li għadha mwiergħa fir-reġjun, u b'mod partikolari, dwar il-livelli għoljin ta' qgħad (li jaffettwaw, b'mod partikolari, lin-nisa u liż-żgħażagħ) u l-esklużjoni soċjali, li jikkawżaw diżillużjoni u nuqqas tal-eżerċitar tad-dritt tal-vot fuq skala kbira, speċjalment fost iż-żgħażagħ, li jwassalhom għal disprament, għall-migrazzjoni irregolari bħala mezz ta' ħelsien jew isiru aktar vulnerabbli għar-radikalizzazzjoni; jenfasizza li s-sitwazzjoni ekonomika ta' dawn il-pajjiżi għandha impatt qawwi wkoll fuq is-sitwazzjoni tas-sigurtà tagħhom; jiddeplora l-livelli persistenti ta' korruzzjoni, nepotiżmu u nuqqas ta' responsabbiltà fir-reġjun;

2.

Jenfasizza li l-prosperità fuq żmien twil tal-pajjiżi ta' wara r-Rebbiegħa Għarbija timxi id f'id mal-kapaċità tagħhom li jiżguraw b'mod attiv il-protezzjoni tad-drittijiet universali tal-bniedem u l-istabbiliment u l-ankrar ta' istituzzjonijiet demokratiċi u trasparenti li jkunu impenjati li jipproteġu d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini; jinsab, għalhekk, imħasseb ħafna dwar il-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem, it-tnaqqis jew l-għeluq tal-ispazju għad-demokrazija u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali, it-tneħħija tal-kisbiet tal-libertà tal-espressjoni – kemm online kif ukoll offline – u ta' għaqda u assoċjazzjoni, ir-repressjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u t-trażżin tar-rwol tal-midja – inkluż permezz ta' abbużi tal-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu u t-teknoloġija ta' sorveljanza u l-limitazzjoni tal-istat tad-dritt, f'għadd ta' pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq; jinnota bi tħassib ir-rwol u r-responsabbiltà partikolari tas-servizzi militari u tas-sigurtà fid-deterjorament tar-rotta politika ta' diversi pajjiżi wara r-Rebbiegħa Għarbija, u l-kontroll persistenti u dominanti tagħhom fuq l-Istat u r-riżorsi ekonomiċi; jappella, għalhekk, lill-UE u lill-Istati Membri jinkorporaw b'mod adegwat din id-dimensjoni fundamentali fl-involviment tagħhom mar-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq; jappella lill-UE u lill-Istat Membri jinvolvu ruħhom mal-gvernijiet ta' pajjiżi terzi sabiex itemmu dawn il-prattiki u jirrevokaw il-leġiżlazzjoni ripressiva, kif ukoll jiżguraw skrutinju xieraq tal-esportazzjonijiet ta' teknoloġija ta' sorveljanza u assistenza teknika Ewropej; iħeġġeġ lill-UE tagħti prijorità lill-appoġġ tal-isforzi parlamentari u tas-soċjetà ċivili lejn responsabilità u trasparenza akbar tas-servizzi tas-sigurtà u dawk militari;

3.

Jilqa' l-isforzi kontinwi tal-UE u tal-Istati Membri biex jippromwovu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, kif ukoll l-iżvilupp ekonomiku u r-rabta importanti bejn id-demokrazija u s-sigurtà sostenibbli f'pajjiżi ta' wara r-Rebbiegħa Għarbija, u jagħraf il-kumplessità ta' tali kompitu; huwa tal-fehma, madankollu, li, minkejja ffukar tal-politika għal ħmistax-il sena fuq il-pajjiżi tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Mediterran, sforzi tal-politika mġedda u żieda fir-riżorsi baġitarji fid-dawl tar-Rebbiegħa Għarbija (jew Rebbiegħat Għarbin), għadhom ma ntlaħqux sal-punt huwa meħtieġ l-għanijiet u l-politiki tal-UE (u f'ċertu każijiet is-sitwazzjoni ġiet agħar), u li proċess reali għall-inklużjoni soċjoekonomika għad irid jibda; jenfasizza li l-azzjoni esterna tal-UE fil-konfront tal-pajjiżi ta' wara r-Rebbiegħa Għarbija għandha tqis ir-realtajiet fil-livell lokali u tadatta l-istrateġiji ta' politika u l-implimentazzjoni tagħhom kif xieraq; iqis li tmexxija u inizjattiva insuffiċjenti tal-UE fil-ħidma lejn ir-riżoluzzjoni ta' kunflitti mtawla dgħajfu l-kapaċità tal-UE li tagħmel impatt diplomatiku fir-reġjun; jappella lill-UE tappoġġa bil-qawwa l-proċessi ta' paċi tan-NU mmirati lejn ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq;

4.

Ifakkar id-dannu u t-tbatija kkawżati mill-estremiżmu u t-terroriżmu fir-reġjun, u jenfasizza li l-vjolenza hija theddida serja għall-istabbiltà tiegħu u li l-kooperazzjoni tas-sigurtà fir-reġjun, kif ukoll il-kooperazzjoni mal-UE u l-Istati Membri tagħha, b'rispett sħiħ għad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, jibqgħu ta' importanza assoluta sabiex jingħelbu b'suċċess organizzazzjonijiet terroristiċi bħal Daesh u, b'hekk, jgħinu lin-nies fir-reġjun biex eventwalment jgħixu fil-paċi u f'ambjent ta' stabbiltà u progress; jilqa', għalhekk, l-inizjattivi tal-UE li għandhom l-għan li jindirizzaw it-theddida terroristika fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq; jissottolinja l-importanza li tissaħħaħ il-kapaċità tal-atturi statali li jaqdu rwol ewlieni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, kif ukoll il-ħtieġa essenzjali li ssir enfasi fuq is-sħubijiet bejn l-awtoritajiet, iż-żgħażagħ u l-komunitajiet biex jiġu indirizzati l-fatturi sottostanti li jistgħu jagħmlu lill-komunitajiet vulnerabbli għal estremiżmu vjolenti, u biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-kunflitt;

5.

Jesprimi tħassib dwar il-fatt li, minkejja l-investimenti politiċi u baġitarji konsiderevoli u s-sensibilizzazzjoni politika u ekonomika kontinwa tagħha, l-UE ma rnexxilhiex tikseb influwenza politika u ekonomika reali u sostanzjali, l-impatt tal-politiki tal-UE għadu limitat, u l-UE mhijiex meqjusa bħala bidla radikali mill-pajjiżi fir-reġjun; jirrimarka n-nuqqas ta' sodisfazzjon li ħassew is-soċjetà ċivili, l-NGOs lokali u ż-żgħażagħ b'mod ġenerali dwar kif l-UE tonqos milli tittraduċi kompletament il-viżjoni tagħha f'azzjoni fil-post; huwa mħasseb dwar is-sitwazzjoni politika dejjem aktar kumplessa fir-reġjuni tal-Magreb u l-Maxreq, u jinnota l-introduzzjoni ta' atturi politiċi u ekonomiċi reġjonali ġodda u oħrajn li qamu mill-ġdid, bħar-Russja u ċ-Ċina, minbarra n-narrattivi u l-finanzjament li qed jikkompetu mill-pajjiżi tal-Golf u l-Iran, li għandhom objettivi li jistgħu saħansitra jkunu konfliġġenti ma' dawk tal-UE; jappella għal impenn aktar b'saħħtu u viżjoni aktar soda min-naħa tal-UE biex din tkun tista' ssir parteċipant aktar ċentrali; jappella lill-UE tinvolvi ruħha fi djalogu akbar mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex issegwi politiki li jkunu kapaċi jissodisfaw l-aspettattivi tal-partijiet interessati demokratiċi kollha; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE timpenja ruħha fi djalogu mal-atturi politiċi kollha fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq;

6.

Jenfasizza l-importanza tal-Unjoni għall-Mediterran (UgħM), li hija l-uniku forum politiku li jgħaqqad flimkien l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi Mediterranji kollha; jenfasizza li l-Unjoni għall-Mediterran, li dan l-aħħar iċċelebrat l-għaxar anniversarju tagħha, jeħtiġilha jkollha rwol akbar fl-indirizzar konġunt tal-isfidi li għandna komuni; jieħu nota pożittiva tat-Tielet Forum Reġjonali tal-UgħM li sar fit-8 ta' Ottubru 2018, li fakkar l-għaxar Anniversarju tas-Summit ta' Pariġi għall-Mediterran, u rrikonoxxa l-utilità li jkomplu jiġu żviluppati l-interazzjonijiet bejn l-UgħM u atturi oħra fir-reġjun Ewro-Mediterranju; jistieden lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lir-Rappreżentant Għoli jerġgħu jikkunsidraw u jerġgħu jqajmu b'mod sostanzjali l-proġett tal-UgħM; iħeġġeġ l-użu ta' dan il-proġett bħala mezz biex titrawwem kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Mediterran;

7.

Jiddispjaċih li qed jiġu konklużi prijoritajiet ta' sħubija ma' pajjiżi mingħajr l-ebda kundizzjoni mehmuża u minkejja rigress sinifikanti u kontinwu fil-qasam tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

8.

Huwa tal-fehma li għal wisq żmien il-pożizzjoni tal-politika lejn il-pajjiżi tal-Magreb u tal-Maxreq kienet imtappna b'approċċ li kien ibbażat wisq fuq l-aspettattivi u l-objettivi tal-UE, li ma kkunsidrawx kompletament l-interessi u r-realtajiet tal-pajjiżi sħab tal-UE, u bi ftit inċentiv għal dawn tal-aħħar u sjieda min-naħa tagħhom, u ftit wisq kunsiderazzjoni għall-aspirazzjonijiet tal-popolazzjonijiet li għandhom jibbenefikaw mill-politiki tal-UE, u għas-sitwazzjoni politika partikolari f'pajjiżi differenti; jiddispjaċih li l-isforzi inizjali wara r-Rebbiegħa Għarbija (jew ir-Rebbiegħat Għarbin) biex jiġu introdotti inċentivi aktar stretti ta' kondizzjonalità u twettiq fir-rigward tal-pajjiżi benefiċjarji permezz tal-prinċipju “aktar għal aktar” ma wasslux għal influwenza akbar min-naħa tal-UE fil-kapaċità tagħha li tippromwovi bidla reali fl-oqsma tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, tal-iżvilupp ekonomiċi u soċjali u s-sigurtà sostenibbli fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi; jenfasizza li d-differenzazzjoni u s-sjieda reċiproka akbar huma l-karatteristika tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, li tirrikonoxxi l-livelli differenti ta' involviment, u tirrifletti l-interessi ta' kull pajjiż fir-rigward tan-natura u l-fokus tas-sħubija tiegħu mal-Unjoni; jappella għal applikazzjoni aktar konsistenti tal-prinċipju “aktar għal aktar”, billi jiġu definiti, fil-livelli ta' politika, programmi u proġetti fir-relazzjonijiet bilaterali, objettivi u punti ta' riferiment konkreti għal aktar appoġġ; ifakkar li l-għan tad-demokratizzazzjoni jista' jintlaħaq biss b'mod sostenibbli jekk jiġi segwit bir-reqqa mill-pajjiżi rispettivi kemm fiż-żoni urbani kif ukoll, b'mod partikolari, fiż-żoni rurali, u jenfasizza li l-istabbiltà tappoġġja l-iżvilupp ta' demokrazija, u li proċess ta' tħejjija f'waqtu li għandu jinkludi konsultazzjoni wiesgħa u l-inklużjoni ta' gruppi u mexxejja tas-soċjetà rilevanti, huwa ta' benefiċċju biex jintlaħaq dan l-għan; jenfasizza wkoll li d-demokratizzazzjoni tappoġġa l-iżvilupp ekonomiku u ssaħħaħ l-istat tad-dritt;

9.

Jagħraf l-isforzi inizjali tas-SEAE u tal-Kummissjoni, b'kooperazzjoni u fi djalogu mal-Parlament Ewropew, biex jirriformaw b'mod sostanzjali l-qafas ta' politika tal-UE għall-pajjiżi ta' wara r-Rebbiegħa Għarbija sabiex tiżdied il-kapaċità ta' ingranaġġ politiku fir-reġjuni tal-Magreb u l-Maxreq; jirrimarka l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea u l-valur miżjud tagħha fir-rigward tal-potenzjal biex jinkisbu sinerġiji fl-azzjonijiet fil-livell tal-UE, jinbena djalogu politiku, ekonomiku u soċjali, tiġi enfasizzata aktar ir-rabta bejn l-iżvilupp soċjoekonomiku u s-sigurtà sostenibbli, u jiġu żgurati appoġġ u implimentazzjoni adegwati permezz tal-Istrumenti Finanzjarji għall-azzjoni esterna tal-UE; jieħu nota tar-reviżjoni tal-2015 tal-Politika Ewropea tal-Viċinat immirata biex tqis ix-xenarji li qed jinbidlu fir-reġjun; jinsisti fuq l-importanza ta' rappurtar fil-fond, annwali u pajjiż b'pajjiż dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat; ifakkar ukoll fl-appoġġ importanti pprovdut mill-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) fl-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija u l-linji gwida tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istrateġiji tal-pajjiż, li ppermetta lill-UE taġixxi b'mod aktar strateġiku f'dan il-qasam, inkluż fil-Viċinat tan-Nofsinhar, u żgurat aktar responsabbiltà, viżibbiltà u effikaċja;

10.

Jenfasizza l-ħtieġa li jsir sforz favur l-aktar użu effiċjenti tar-riżorsi disponibbli sabiex jiġi ottimizzat l-impatt tal-azzjoni esterna tal-UE li għandha tinkiseb permezz ta' koerenza u komplementarjetà bejn l-istrumenti ta' finanzjament għall-azzjoni esterna tal-Unjoni;

11.

Jirrimarka l-kumplessità ta' rispons xieraq għall-flussi tal-migrazzjoni u tar-refuġjati minn u permezz tar-reġjuni tal-Magreb u l-Maxreq u lejhom, il-kumplessità ta' perspettiva ffokata fuq is-sigurtà fir-rigward tal-migrazzjoni, tal-isfidi tat-terroriżmu u tat-tħassib leġittimu dwar il-fraġilità ta' ċerti pajjiżi fir-reġjun, u tal-ħtieġa li tingħata kunsiderazzjoni akbar fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima, kif ukoll tal-isfidi li jirriżultaw min-nuqqas ta' approċċ koeżiv tal-Istati Membri; jinsab imħasseb dwar il-fatt li dawn il-fatturi qed iwasslu biex l-azzjoni tal-UE fir-rigward tar-reġjun tiddependi b'mod eċċessiv fuq ideoloġija ta' stabbiltà għal żmien qasir, u b'hekk tinjora aspetti importanti oħra; huwa tal-fehma li meta l-istabbiltà u s-sigurtà jsiru l-objettivi predominanti, dawn iwasslu għal viżjoni ta' politika fuq terminu iqsar u li ma tħarisx fit-tul, u jipprevjenu azzjoni tal-UE mmirata lejn l-affermazzjoni mill-ġdid tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali bl-intensità meħtieġa; ifakkar li t-trawwim ta' reżiljenza tal-istat u tas-soċjetà m'għandux iwassal għall-kontinwazzjoni ta' reġimi awtoritarji; itenni li d-drittijiet tal-bniedem mhumiex subordinati għal azzjonijiet ta' ġestjoni tal-migrazzjoni jew azzjonijiet kontra t-terroriżmu, u huwa konvint li stabilità kredibbli u koerenti u politika ta' sigurtà sostenibbli tista' tinkiseb biss billi jiġu segwiti interessi u prinċipji aktar fit-tul, bħall-iżvilupp ekonomiku u soċjali inklużiv u ta' benefiċċju, kif ukoll it-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, fil-qafas ta' approċċ iċċentrat fuq il-bniedem u sensittiv għall-kunflitti; ifakkar, madankollu, li l-istabbiltà fit-tul ta' dawn il-pajjiżi tista' tinkiseb biss permezz ta' relazzjoni bilanċjata bejn ir-rekwiżiti ta' sigurtà u l-iżvilupp, ibbażata fuq l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

12.

Jistieden lill-UE tindirizza l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni bħalma huma l-kunflitti, il-kwistjonijiet ambjentali, il-faqar estrem u l-esklużjoni soċjali, u torjenta mill-ġdid il-kooperazzjoni politika lejn sħubija aktar bilanċjata u ugwali mar-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, billi tpoġġi l-politiki dwar iż-żgħażagħ u l-investimenti għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) fil-qalba tagħha;

13.

Jinnota li xi pajjiżi jospitaw miljuni ta' rifuġjati, li l-maġġoranza tagħhom huma nisa u tfal li jgħixu fil-faqar, u li dan jaggrava l-vjolenza domestika, il-prostituzzjoni tan-nisa u l-bniet, iż-żwieġ furzat tat-tfal u t-tħaddim tat-tfal fil-komunità;

14.

Jappella lill-istituzzjonijiet Ewropej, lill-Istati Membri tal-UE kif ukoll lill-aġenziji tal-iżvilupp nazzjonali, jistinkaw biex jipprovdu pożizzjoni Ewropea unifikata lejn ir-reġjun, li tiffoka fuq l-interessi komuni tagħna, biex tiġi żgurata strateġija Ewropea unika u koerenti, sabiex jiġi ssodisfat il-potenzjal sħiħ tal-UE bħala sostenitur sinifikanti tar-riformi demokratiċi, ekonomiċi u soċjali;

15.

Jinnota bi tħassib partikolari li s-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq jiffaċċjaw theddid, rappreżalji, fastidju ġudizzjarju, detenzjoni arbitrarja, tortura u maltrattament kif ukoll forom oħra ta' persekuzzjoni li lkoll qegħdin jiżdiedu; jissottolinja li l-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem hija kruċjali għall-iżvilupp u l-istabbiltà fit-tul tar-reġjun; itenni, f'dan il-kuntest, it-talba tiegħu għall-implimentazzjoni sħiħa tal-linji gwida tal-UE dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-ħtieġa li l-mexxejja u d-diplomatiċi tal-Istati Membri u tal-UE fil-livelli kollha jqajmu każijiet ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem individwali li jinsabu f'riskju ma' gvernijiet ta' pajjiżi terzi inkluż, fejn xieraq, permezz ta' dikjarazzjonijiet pubbliċi, inizjattivi politiċi u djalogi regolari, laqgħat mad-difensuri, żjarat lid-difensuri fid-detenzjoni, u osservazzjoni tal-proċessi tad-difensuri; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri jżidu l-finanzjament u l-kapaċità tagħhom għall-appoġġ tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu f'riskju, permezz ta' għotjiet ta' emerġenza kif ukoll permezz ta' appoġġ għall-mekkaniżmi ta' protezzjoni tas-soċjetà ċivili bħal ProtectDefenders.eu; jilqa' l-isforzi konsistenti tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija u tal-EIDHR biex jippromwovu d-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali fil-viċinat tan-Nofsinhar tal-UE; jinsisti li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom ifittxu b'mod attiv li jinvolvu u jappoġġaw lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-atturi tas-soċjetà ċivili li huma l-aktar vulnerabbli fir-reġjun, inklużi dawk f'reġjuni remoti u rurali, dawk li qed jiġġieldu għad-drittijiet tal-persuni LGBTI u indiġeni, għad-drittijiet ambjentali u tal-art, għad-drittijiet tar-refuġjati u d-difensuri tad-drittijiet tal-ħaddiema, u n-nisa, li jiffaċċjaw riskji u theddid speċifiċi minħabba l-ġeneru tagħhom;

16.

Jilqa' l-kunċett ta' sjieda konġunta mressaq mill-Politika Ewropea tal-Viċinat riveduta; huwa mħasseb, madankollu, li din toħloq ir-riskju li tippermetti lil reġimi awtoritarji f'ċerti pajjiżi sħab biex jagħżlu l-prijoritajiet li jaqblilhom skont l-aġenda nazzjonali tagħhom, minflok ma jimxu fit-triq lejn id-demokratizzazzjoni; jisħaq, għaldaqstant, fuq l-importanza ta' qafas ta' politika fit-tul u sinerġiji fil-programmazzjoni għall-pajjiżi ta' wara r-Rebbiegħat Għarbin abbażi tal-primat tad-demokrazija, l-inklużjoni tal-forzi politiċi demokratiċi kollha u l-primat tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-valuri fundamentali; itenni li t-tisħiħ ta' dawn l-aspetti, kif ukoll l-iżvilupp ta' klima ekonomika attraenti u l-appoġġ għal riformi pożittivi huma fl-interess tal-pajjiżi sħab u tal-popolazzjonijiet tagħhom, kif ukoll tal-UE, u jappella għal kundizzjonalità aktar b'saħħitha f'każijiet ta' ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem mill-awtoritajiet; ifakkar li l-pajjiżi sħab li huma lesti li jwettqu riformi, li jkollhom djalogu politiku aktar mill-qrib u li jiksbu aktar għandhom jingħataw inċentivi ġdida u appoġġ adegwat għall-aspirazzjonijiet u l-impenji tagħhom, u jitlob approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni, ibbażat fuq djalogu inklużiv, prijoritajiet u objettivi ċari f'dan is-sens; jinsisti li f'każijiet ta' ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem mill-awtoritajiet, l-assistenza baġitarja tal-UE għandha tiġi diretta mill-ġdid lejn is-soċjetà ċivili lokali;

17.

Jappoġġa l-aspirazzjonijiet ta' dawk kollha li jinsabu fir-reġjun MENA, inkluż tal-maġġoranza taż-żgħażagħ, li jixtiequ jistabbilixxu pajjiżi liberi, stabbli, prosperi, inklużivi u demokratiċi, li jirrispettaw l-impenji nazzjonali u internazzjonali tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; jilqa' l-proċessi demokratiċi fir-reġjun u s-sħubija sostnuti mal-UE; jistieden lill-UE tqis dan fl-oqsma tal-politika kollha tagħha, sabiex issaħħaħ il-koerenza tagħhom u tgħin lill-pajjiżi sħab b'mod aktar effettiv; jenfasizza li, biex kwalunkwe trasformazzjoni politika tkun sostenibbli għalkollox, huwa importanti u meħtieġ li wieħed jsib tarf l-imgħoddi tiegħu u, f'dan il-kuntest, jindika x-xogħol importanti tal-“Kummissjoni għall-Verità u d-Dinjità” tat-Tuneżija, li tagħti eżempju lir-reġjun kollu;

18.

Jiddispjaċih dwar il-fatt li f'ċerti każijiet, il-kooperazzjoni investigattiva u ġudizzjarja bilaterali dwar każijiet ta' detenzjoni, vjolenza jew imwiet taċ-ċittadini tal-UE ma kinitx adegwata, bħal fil-każ tar-riċerkatur Taljan Giulio Regeni; iqis li huwa essenzjali li jkun hemm rabta bejn aktar kollaborazzjoni f'setturi oħra għal titjib sostanzjali f'dan il-qasam;

19.

Huwa konvint li fejn il-prerekwiżiti għan-negozjar ta' Żoni t' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi (DCFTAs), li jiddependu fuq progress demokratiku, għadhom mhumiex fis-seħħ jew ma jissodisfawx l-aspirazzjonijiet tal-pajjiżi rispettivi, l-UE għandha tipprovdi aċċess akbar għall-kummerċ u l-investiment sostenibbli, b'mod partikolari għall-benefiċċju tal-popolazzjonijiet u tal-ekonomiji tan-Nofsinhar tal-Mediterran, tappoġġa l-kapaċitajiet ta' produzzjoni, il-modernizzazzjoni tal-infrastruttura u l-ħolqien ta' klimi ekonomiċi attraenti, b'enfasi fuq is-swieq domestiċi u reġjonali, filwaqt li trawwem xogħol deċenti, protezzjoni soċjali u żvilupp soċjoekonomiku inklużiv;

20.

Huwa tal-fehma li, hekk kif l-UE tbati biex toħroġ b'viżjoni li tħares 'il quddiem, li hija bbażata fuq id-drittijiet u ċċentrata fuq il-poplu għall-politika tagħha dwar il-migrazzjoni u l-asil, hemm riskju dejjem akbar li xi pajjiżi fir-reġjun jistgħu jużaw konteniment tal-migrazzjoni u r-rwol tagħhom fih biex ifittxu influwenza akbar fid-djalogu politiku u ta' politika tagħhom mal-UE; iqis li għandha tingħata aktar għajnuna lill-pajjiżi tal-MENA biex jindirizzaw l-influss ta' immigranti mill-Afrika sub-Saħarjana, u, f'dan il-kuntest, jilqa' l-isforzi li saru mill-UE biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni, iżda jfakkar li hemm bżonn ta' aktar sforzi biex dan l-isforz jirnexxi; iqis li huwa importanti li s-sħab fir-reġjun MENA jkunu involuti fl-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet komuni biex jiġu indirizzati kwistjonijiet bħall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; jinsab imħasseb, madankollu, dwar l-istrumentalizzazzjoni possibbli tal-politika estera tal-UE bħala “ġestjoni tal-migrazzjoni”, u jenfasizza li t-tentattivi kollha għal ħidma ma' pajjiżi ta' wara r-Rebbiegħat Għarbin, inkluż pajjiżi ta' oriġini u tranżitu, fir-rigward tal-migrazzjoni jridu jimxu id f'id mat-titjib tal-kundizzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem f'dawn il-pajjiżi u l-konformità tagħhom mad-dritt internazzjonali fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt dwar ir-refuġjati; jenfasizza li l-isfida tal-flussi migratorji hija sfida komuni għall-pajjiżi tar-reġjun MENA (pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu) u għall-pajjiżi tal-Unjoni (pajjiżi ta' destinazzjoni); jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza ta' qafas ta' politika li jippromwovi l-inklużjoni demokratika, politika u soċjoekonomika bħala fatturi li jsaħħu lil xulxin, inkluż fir-rigward tat-trawwim tal-kundizzjonijiet għal ħajja sikura u dinjituża għall-persuni fir-reġjun u t-tnaqqis tal-ispostament furzat;

21.

Jirrimarka r-riskju li l-azzjoni tal-UE għar-reġjun u l-approċċ magħżul mill-Istati Membri permezz ta' relazzjonijiet bilaterali jistgħu jkunu qegħdin jiġu imminati minn approċċi mhux koordinati u unilaterali, u li l-kapaċità tal-UE biex ikollha impatt politiku tista' tintilef b'riżultat ta' dan; jilqa', f'dan il-kuntest, il-proposta magħmula mill-President tal-Kummissjoni biex nimxu lil hinn mill-unanimità fit-teħid ta' deċiżjonijiet mill-Kunsill fl-oqsma dwar il-politika estera u ta' sigurtà komuni, peress li dan jista' jgħin lill-UE titkellem b'vuċi waħda, magħquda wara strateġija waħda ċara dwar ir-relazzjonijiet barranin tagħha u jkollha influwenza akbar; huwa tal-fehma li l-involviment aktar profond tal-Istati Membri fil-PEV kif previst fir-rieżami tal-PEV tal-2015, għalkemm pożittiv, għandu jiġi segwit aħjar; jenfasizza l-importanza u l-profondità tar-rabtiet bejn bosta Stati Membri u l-popli tagħhom u ħafna mill-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Istati Membri tal-UE jsaħħu l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tagħhom fir-reġjun u jeżaminaw modi li bihom jistgħu jaġixxu b'mod aktar effettiv;

22.

Jappella lill-UE u lill-Istati Membri, filwaqt li jqisu l-acquis tal-UE kontra l-korruzzjoni, isaħħu l-programmi ta' kooperazzjoni ġudizzjarja tagħhom mal-pajjiżi sħab fir-reġjun sabiex jiġi promoss l-iskambju tal-aħjar prattiki u jiġu stabbiliti mezzi legali effikaċi biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni; jemmen li r-riformi tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u tas-settur pubbliku fil-Viċinat tan-Nofsinhar għandhom ikunu prijorità, flimkien mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u għandhom jiġu segwiti permezz ta' żieda fir-riżorsi finanzjarji, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet u kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Istati Membri, kif ukoll appoġġ għall-atturi tas-soċjetà ċivili fl-oqsma tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, it-trasparenza u r-responsabbiltà;

23.

Itenni li l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt huma fost il-prinċipji fundamentali tal-politika barranija tal-UE; jinsab imħasseb dwar il-bejgħ kontinwu ta' armi u tagħmir tas-sigurtà mill-Istati Membri tal-UE, inklużi teknoloġiji ta' sorveljanza użati għar-repressjoni interna lill-awtoritajiet fir-reġjun li ma jirrispettawx id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkonformaw b'mod strett mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/994/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari (10), li fost affarijiet oħra tiddikjara li l-liċenzji ta' esportazzjoni għandhom jiġu miċħuda meta jkun hemm riskju ċar li t-teknoloġija jew it-tagħmir militari li se jiġu esportati jistgħu jintużaw għal repressjoni interna, jew biex jitwettaq ksur serju tad-dritt umanitarja internazzjonali; itenni l-pożizzjoni tiegħu kif stabbilita fl-emendi tiegħu għall-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija, l-assistenza teknika u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju, kif adottat fit-17 ta' Jannar 2018 (11); iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jagħtu l-akbar importanza lil dan il-fajl biex jippruvaw jilħqu ftehim mal-Kunsill;

24.

Iqis li l-prijoritajiet ta' sħubija miftiehma bejn l-UE u l-pajjiżi sħab fl-ambitu tal-PEV għandhom jagħmlu referenza espliċita għall-ftehim ta' assoċjazzjoni rilevanti, b'mod partikolari l-klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem, biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-bniedem jikkostitwixxu aspett essenzjali u trasversali tal-prijoritajiet miftiehma ta' sħubija, li għandhom jiġu diskussi fil-livelli kollha, b'mod partikolari fl-ogħla livell politiku, u mhux limitati għal laqgħat tas-sottokumitati ta' livell baxx;

25.

Jappella għal aktar inklużività u involviment aktar mill-qrib tas-soċjetà ċivili lokali fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet fil-pajjiżi sħab; jilqa' l-isforzi tas-SEAE u tal-Kummissjoni biex iwessgħu s-sensibilizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u jinkludu s-settur privat, u jħeġġiġhom jaħdmu aktar f'dan ir-rigward; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ta' rappreżentanti indipendenti tas-soċjetà ċivili, inklużi gruppi tad-drittijiet tal-bniedem mhux reġistrati u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u jiddispjaċih li dan qed jiġi mxekkel b'mod partikolari f'każijiet fejn id-djalogu u l-appoġġ jgħaddu minn aġenziji kkontrollati mill-gvern jew jiffukaw biss fuq organizzazzjonijiet favur il-gvern; huwa tal-fehma li l-UE għandha tiffaċilita l-aċċess għall-fondi disponibbli għal organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili iżgħar u lokali, inklużi s-sħab soċjali, u tissimplifika l-proċessi ta' applikazzjoni u tiffoka fuq organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali; jirrimarka l-perċezzjoni fost interlokuturi tas-soċjetà ċivili lokali ta' fokus primarju mill-UE fuq organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kbar u internazzjonali; jappella lill-UE tinvesti aktar riżorsi fil-promozzjoni tal-bini ta' kapaċità ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u tiffaċilita sħubijiet imsaħħa bejnhom u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kbar u internazzjonali, kif ukoll ittejjeb il-kapaċità tas-sħab soċjali li jkollhom djalogu soċjali mal-gvern, bil-għan li tiżdied is-sjieda lokali;

26.

Jistieden lis-SEAE jżid l-isforzi tiegħu biex jiskambja l-aħjar prattiki f'dak li għandu x'jaqsam mar-rwol tan-nisa fil-ħajja pubblika;

27.

Jissottolinja li l-involviment u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa fl-isferi pubbliċi, politiċi, ekonomiċi u kulturali fil-pajjiżi tar-reġjun MENA huma essenzjali biex jinkisbu l-istabbiltà, il-paċi u l-prosperità ekonomika fit-tul; jissottolinja li fil-pajjiżi li fihom ir-Rebbiegħa Għarbija wasslet għal kunflitt kontinwu, l-involviment tan-nisa fil-proċessi tal-istabbiliment tal-paċi u l-medjazzjoni huma essenzjali biex tiġi stabbilita soċjetà mhux vjolenti; iqis li l-aċċess għall-edukazzjoni għan-nisa, bl-appoġġ tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u l-ugwaljanza bejn is-sessi, huma essenzjali biex jinkiseb dan;

28.

Jenfasizza li t-tisħiħ tal-awtoritajiet lokali jikkontribwixxi għat-tixrid tad-demokrazija u l-prinċipji tal-istat tad-dritt; jappella, għalhekk, biex jitħeġġeġ il-proċess ta' deċentralizzazzjoni u tissaħħaħ il-pożizzjoni tar-reġjuni bl-iżvilupp tal-awtonomija lokali; iħeġġeġ u jappoġġa s-sħubijiet mal-Istati Membri tal-UE u l-proġetti ta' kooperazzjoni deċentralizzata mwettqa mill-awtoritajiet lokali tal-Istati Membri bil-għan li tiġi żviluppata l-governanza muniċipali u reġjonali fil-pajjiżi tar-reġjun;

29.

Ifakkar fl-importanza li tiġi żgurata viżibbiltà adegwata għall-isforzi tal-UE u għall-assistenza u l-investiment mill-UE fir-reġjun, permezz ta' komunikazzjoni strateġika msaħħa, diplomazija pubblika, kuntatti bejn il-persuni, diplomazija kulturali, kooperazzjoni fi kwistjonijiet edukattivi u akkademiċi, u attivitajiet ta' outreach biex jiġu promossi l-valuri tal-Unjoni. jitlob, b'mod partikolari, li jerġa' jiġi stabbilit il-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għan-Nofsinhar tal-Mediterran, li għandu jmexxi l-impenn tal-UE mar-reġjun u jiżgura viżibbiltà akbar tal-UE;

30.

Jemmen li bil-għan li tiżdied il-kapaċità tal-UE biex ikollha impatt politiku u ta' politika u biex tippromwovi sjieda u appoġġ mifrux minn pajjiżi benefiċjarji, kull Delegazzjoni tal-UE għandha tipprevedi konsultazzjonijiet regolari mal-esperti u mar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u b'mod partikolari, għandha tistabbilixxi kunsilli konsultattivi ta' livell għoli, li jirriflettu d-diversità soċjali, ekonomika u politika tal-pajjiż ikkonċernat, li jkunu magħmula minn mexxejja ekonomiċi, medjatiċi, kulturali, akkademiċi, tas-soċjetà ċivili u mexxejja taż-żgħażagħ prominenti, u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ewlenin mill-pajjiż ikkonċernat, u tipprovdi input fir-rigward tal-prijoritajiet ta' politika u l-istruttura tal-politika mfassla mill-UE;

31.

Huwa konvint li ż-żgħażagħ għandhom ikunu fokus primarju tal-azzjoni tal-UE lejn ir-reġjun, b'azzjoni intersezzjonali; jitlob li l-politiki għaż-żgħażagħ jiġu ssimplifikati fil-politiki kollha tal-Unjoni fir-reġjun MENA; jemmen li huwa kruċjali li jitfasslu soluzzjonijiet dejjiema li jirriflettu l-iskala tal-isfida tal-impjiegi taż-żgħażagħ, u jissottolinja r-rilevanza tal-promozzjoni ta' impjiegi deċenti, l-intraprenditorija u l-opportunitajiet ta' impjieg indipendenti; jipproponi, f'dan il-kuntest, li kull Delegazzjoni tal-UE taħdem biex tistabbilixxi bord taż-żgħażagħ informali magħmula minn mexxejja politiċi, soċjali, ekonomiċi, medjatiċi, kulturali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili żgħażagħ bil-għan li jipprovdu input dwar il-prijoritajiet ta' politika, il-kapaċità ta' politiki tal-UE li jkollhom impatt fil-pajjiż u jintroduċu element addizzjonali ta' obbligu ta' rendikont fir-rigward tal-għażliet ta' politika; jistieden lill-familji politiċi u lill-grupp ta' riflessjoni Ewropej biex jinvolvu ruħhom fi skambji mtejba ma' żgħażagħ lokali attivi mill-pajjiżi tal-MENA, bil-għan li jippromwovu l-awtonomizzazzjoni, it-taħriġ u l-bini ta' kapaċità tagħhom biex ikunu jistgħu jikkontestaw f'elezzjonijiet lokali u jsiru atturi ġodda ta' bidla pożittiva fil-pajjiżi rispettivi tagħhom;

32.

Jappella lill-UE tgħin lis-sħab tagħha jindirizzaw il-kawżi ewlenin tar-radikalizzazzjoni bħall-faqar, il-qgħad, l-esklużjoni soċjali u politika u n-nuqqas ta' kapaċità tas-soċjetà li tindirizza l-ħtiġijiet tan-nies u toħloq opportunitajiet għaż-żgħażagħ permezz ta' kooperazzjoni msaħħa mar-reġjun MENA li tpoġġi n-nies, b'mod speċjali ż-żgħażagħ, fil-qalba tagħha; jappella lill-UE tappoġġa l-aċċess taż-żgħażagħ għall-intraprenditorija permezz ta', pereżempju, l-inkoraġġiment u l-appoġġ ta' investimenti f'negozji ġodda; jemmen li l-azzjoni tal-UE fir-rigward tar-reġjun għandha tqiegħed enfasi akbar fuq l-iżvilupp ekonomiku u soċjali inklużiv biex jiġu promossi l-ħolqien tal-impjiegi, l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, l-introduzzjoni ta' taħriġ imfassal aħjar għas-suq tax-xogħol u r-riformi tad-drittijiet tax-xogħol, flimkien ma' riformi mmirati biex jistabbilixxu sistemi ta' protezzjoni soċjali universali b'saħħithom, b'enfasi speċifika fuq il-gruppi l-aktar vulnerabbli; jappella lill-UE tinvesti aktar riżorsi f'azzjonijiet immirati lejn it-titjib tal-aċċess għal servizzi essenzjali ta' kwalità għal kulħadd, bħall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, u biex iżżid l-isforzi tagħha biex ittejjeb id-djalogu soċjali kif ukoll fil-promozzjoni tar-riformi leġiżlattivi fir-rigward tal-libertà ta' assoċjazzjoni, tal-assemblea paċifika u tal-espressjoni, tal-libertà tal-istampa, tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-iżgurar tal-aċċess għar-riżorsi u għall-informazzjoni bħala ingredjenti ewlenin għall-istabbiltà u għal soċjetà miftuħa, dinamika u reżiljenti;

33.

Huwa inkwetat ħafna dwar il-fatt li t-tensjonijiet fir-reġjun qegħdin jiħraxu; jiddenunzja l-istrumentalizzazzjoni tad-differenzi reliġjużi biex jiġu istigati kriżijiet politiċi u gwerer settarji;

34.

Jappella lill-UE tappoġġa bil-qawwa l-pajjiżi tar-reġjun MENA fil-ġlieda tagħhom kontra l-perikli tar-radikaliżmu reliġjuż, li ż-żgħażagħ qiegħda huma partikolarment esposti għalihom;

35.

Jemmen li huma meħtieġa mekkaniżmi biex jitwaqqaf il-finanzjament tat-terroriżmu permezz ta' entitajiet lil hinn mill-kosta li jinvolvu stati u istituzzjonijiet finanzjarji, u biex jitwaqqaf it-traffikar tal-armi u x-xiri u l-bejgħ ta' riżorsi tal-enerġija u materja prima li minnhom jibbenefikaw il-gruppi terroristiċi;

36.

Jiġbed l-attenzjoni għall-isfidi relatati mat-tibdil fil-klima, id-deżertifikazzjoni u n-nuqqas ta' ilma li qed jaffettwaw bil-kbir lir-reġjun; iħeġġeġ bil-qawwa lil dawk li jfasslu l-politika kif ukoll lill-atturi kollha kemm fl-UE kif ukoll fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq biex iżidu l-kooperazzjoni tagħhom mal-pajjiżi sħab, inklużi l-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, dwar is-sigurtà tal-enerġija, il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli u sostenibbli u l-miri tal-effiċjenza fl-enerġija, sabiex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi; jenfasizza l-opportunità għar-reġjun biex jimxi 'l quddiem fit-tranżizzjoni tal-enerġija tiegħu permezz ta' żieda fl-isfruttament ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli li għandhom potenzjal ekonomiku kbir għal ħafna mill-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq; jirrimarka l-opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi li dan jġib miegħu, kif ukoll l-opportunitajiet għal kooperazzjoni reġjonali dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-opportunità li sejbiet reċenti tar-riżervi tal-gass naturali fil-Mediterran tal-Lvant jistgħu jikkostitwixxu għall-pajjiżi kollha involuti;

37.

Jirrimarka l-fatt li l-ftuħ tas-settur privat u ekonomiji ulterjuri li jiddifferenzjaw jistgħu jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-impjiegi tant meħtieġ fil-qasam, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ u n-nisa; jilqa' s-sinjali pożittivi ta' rkupru fis-settur tat-turiżmu fiż-żona, jirrikonoxxi l-potenzjal kbir tiegħu biex irawwem tkabbir sostenibbli u opportunitajiet ta' impjiegi, u jitlob attenzjoni u appoġġ partikolari tal-UE għaż-żoni affettwati minn sfidi infrastrutturali u/jew ta' sigurtà; jistieden lill-UE ssaħħaħ l-appoġġ tagħha lill-pajjiżi li huma aktar lesti li javvanzaw fuq id-demokratizzazzjoni, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali billi tuża l-għodod finanzjarji kollha disponibbli għad-dispożizzjoni tagħha, mill-assistenza makrofinanzjarja, permezz tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat, tal-Pjan ta' Investiment Estern Ewropew, kif ukoll l-Istrument futur ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI);

38.

Ifakkar fil-ħtieġa li jiġi sfruttat il-potenzjal, li fil-biċċa l-kbira tiegħu għadu mhux sfruttat, għall-innovazzjoni u d-dinamiżmu tas-settur privat fir-reġjun b’mod aktar wiesa'; iħeġġeġ lill-UE żżid id-djalogu u l-assistenza finanzjarja u teknika tagħha f'dan is-sens; jilqa' inizjattivi bħal Startup Europe Mediterranean (SEMED) maħsuba biex jimmappjaw u jistabbilixxu netwerk bejn negozji ġodda, investituri, universitajiet, istituzzjonijiet ta' riċerka u dawk li jfasslu l-politika fuq iż-żewġt ixtut tal-Mediterran, bħala azzjoni ewlenija biex tiġi stimulata l-kooperazzjoni fl-innovazzjoni, fil-ħolqien tal-impjiegi u fit-tkabbir ekonomiku sostenibbli;

39.

Jenfasizza l-importanza li jiġu konnessi r-riformi u l-investimenti kollha, kif ukoll l-azzjoni tal-UE b'rabta maż-żona, mal-kisba tal-SDGs u mal-iżvilupp sostenibbli b'mod ġenerali;

40.

Ifakkar fil-valur miżjud tad-diplomazija parlamentari u tal-laqgħat interparlamentari bilaterali regolari li l-Parlament jorganizza mal-kontropartijiet tiegħu mill-Viċinat tan-Nofsinhar bħala għodda għall-iskambju ta' esperjenzi u t-trawwim ta' fehim reċiproku; jirrimarka l-importanza tal-Kumitati Parlamentari Konġunti f'dan il-kuntest bħala strument uniku għall-formulazzjoni ta' politiki konġunti ambizzjużi bejn l-UE u l-eqreb sħab tagħha; iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali tal-UE jorganizzaw laqgħat interparlamentari bilaterali fi ħdan il-qafas tal-PEV; jenfasizza għal darb'oħra li l-partiti politiċi fil-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew jista' jkollhom rwol f'dan ir-rigward; huwa tal-fehma li djalogu bejn il-Parlament Ewropew, il-parlamenti nazzjonali tal-UE u l-parlamenti tal-Viċinat tan-Nofsinhar jista' jipprovdi opportunità ta' valur kbir biex jitrawmu djalogu u kooperazzjoni reġjonali fil-Viċinat tan-Nofsinhar; jindika, f'dan ir-rigward, ir-rwol importanti li l-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran jista' jkollha bħala post fejn l-integrazzjoni reġjonali u aġenda politika u ekonomika ambizzjuża għal din l-organizzazzjoni jistgħu jerġgħu jingħataw enerġija mill-ġdid; jinnota t-trikkib bejn l-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran u l-Assemblea Parlamentari għall-Mediterran; huwa tal-fehma li l-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran għandu jkollha rwol aktar importanti fi ħdan il-qafas reġjonali tal-Unjoni għall-Mediterran, billi tiżgura t-trasparenza u s-sorveljanza parlamentari tal-attivitajiet tal-Unjoni għall-Mediterran, b'mod partikolari l-proġetti bit-tikketta tal-Unjoni għall-Mediterran;

41.

Jenfasizza li n-nisa jistgħu jkunu muturi b'saħħithom fil-promozzjoni u l-bini tal-paċi, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u l-proċessi ta' stabilizzazzjoni, u jenfasizza r-rwol essenzjali tan-nisa fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, l-indirizzar tal-estremiżmu vjolenti u l-ġlieda kontra t-terroriżmu; ifakkar li l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-livelli kollha tat-teħid ta' deċiżjonijiet fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' dawn l-istrateġiji tikkontribwixxi għall-effettività u s-sostenibbiltà tal-politiki u l-programmi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw lin-nisa fir-reġjun MENA u l-organizzazzjonijiet li jiddefendu u jippromwovu d-drittijiet tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa ta' aċċess faċli għall-ġustizzja u l-ġustizzja tranżitorja, li tiffoka fuq in-nisa superstiti tal-vjolenza sesswali relatata mal-kunflitti;

42.

Itenni t-talba tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran għal appoġġ għal proġett Ewro-Mediterranju dwar id-disparitajiet bejn is-sessi, biex jinkludi analiżi tar-rata tar-rappreżentanza tan-nisa fil-parlamenti nazzjonali u reġjonali u fl-istituzzjonijiet lokali; huwa tal-fehma li l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa ta' dik l-Assemblea Parlamentari u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-Parlament Ewropew għandhom jirċievu informazzjoni kull sena dwar l-indikaturi tal-inugwaljanza bejn is-sessi fir-reġjun Ewro-Mediterranju;

43.

Ifakkar li d-drittijiet tan-nisa, l-awtonomizzazzjoni tan-nisa, l-ugwaljanza bejn is-sessi, id-drittijiet tat-tfal, il-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin u d-dritt ta' nondiskriminazzjoni ta' minoranzi etniċi u reliġjużi u ta' gruppi vulnerabbli, inklużi persuni b'diżabbiltà u persuni LGBTQI, huma drittijiet fundamentali u prinċipji ewlenin tal-azzjoni esterna tal-UE;

44.

Jitlob li tissaħħaħ id-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tad-drittijiet tan-nisa tal-PEV, skont il-prijoritajiet tal-GAP II; jilqa' r-riformi reċenti approvati f'xi wħud mill-pajjiżi dwar kwistjonijiet bħall-eżonerazzjoni tal-istupraturi li sussegwentement jiżżewġu lill-vittmi tagħhom, il-vjolenza kontra n-nisa u d-drittijiet tal-wirt; jappella għal infurzar qawwi ta' dawn il-liġijiet; jinsab imħasseb, madankollu, li – b'mod ġenerali – is-sitwazzjoni tan-nisa ma tjibitx fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi affettwati mir-Rebbiegħa Għarbija; jissottolinja li l-involviment u l-awtonomizzazzjoni tan-nisa fl-isferi pubbliċi, politiċi, ekonomiċi u kulturali fil-pajjiżi tar-reġjun MENA huma essenzjali biex jinkisbu l-istabbiltà, il-paċi u l-prosperità ekonomika fit-tul; iqis li l-aċċess għall-edukazzjoni għan-nisa huwa essenzjali biex jinkiseb dan; jinsab imħasseb ukoll dwar il-fatt li l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol fir-reġjun hija waħda mill-aktar baxxi fid-dinja, li tikkawża l-esklużjoni soċjali u telf sostanzjali għall-ekonomija kollha kemm hi; jirrimarka l-importanza li din il-kwistjoni tiġi indirizzata bħala komponent fundamentali tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-koeżjoni soċjali; jinnota wkoll li d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa jiffaċċjaw detenzjoni arbitrarja, fastidju ġudizzjarju, kampanji ta' malafama u intimidazzjoni;

45.

Jikkundanna l-persekuzzjoni mifruxa tal-persuni LGBTI u d-difensuri tad-drittijiet tal-persuni LGBTI fir-reġjun MENA, inklużi l-fastidju ġudizzjarju, it-tortura, l-attakki fiżiċi u l-kampanji ta' malafama; jappella lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri jiddefendu b'mod attiv u konsistenti l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet LGBTQI, fil-qafas tal-kooperazzjoni tagħhom mal-istati MENA, u jenfasizzaw li dawn id-drittijiet jeħtieġ li jiġu rispettati permezz ta' prattiki tal-Istat kif ukoll permezz ta' leġiżlazzjoni;

46.

Jistieden lill-pajjiżi tal-MENA jkollhom rwol attiv fl-indirizzar tal-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa; jistieden lill-pajjiżi tal-MENA jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul, strument għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, inklużi l-vjolenza domestika u l-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF); jistieden, b'mod partikolari, lill-pajjiżi li għad iridu jagħmlu dan biex jirrevedu l-leġiżlazzjoni tagħhom billi jżidu diċitura dwar il-vjolenza sessista u d-delitti tal-unur, billi jagħmlu theddid għat-twettiq ta' tali atti reat u billi jimponu pieni aktar ħorox għad-delitti kollha ta' dak it-tip;

47.

Jistieden lill-pajjiżi fir-reġjun MENA jimplimentaw il-Pjan ta' Azzjoni ta' Beijing għall-aċċess tan-nisa għall-edukazzjoni u s-saħħa bħala drittijiet fundamentali tal-bniedem, inkluż l-aċċess għall-ippjanar tal-familja volontarju u għas-saħħa u d-drittijiet riproduttivi sesswali, bħall-aċċess għal kontraċezzjoni mingħajr ħlas, aborti sikuri u legali u edukazzjoni dwar is-sess u r-relazzjonijiet għall-bniet u s-subien;

48.

Jinsab imħasseb dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għall-kura tas-saħħa pubblika u, b'mod partikolari, dwar l-aċċess għas-saħħa sesswali u riproduttiva, speċjalment għan-nisa u l-bniet fiż-żoni rurali;

49.

Iħeġġeġ lil dawn il-pajjiżi kollha jirratifikaw u jneħħu kull riżerva eżistenti għas-CEDAW; iħeġġeġ lil dawn il-pajjiżi jieħdu l-miżuri meħtieġa biex isaħħu l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-soċjetà, pereżempju permezz tal-adozzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali li jinkludu miżuri effettivi għall-ugwaljanza bejn is-sessi, fi sħubija mal-organizzazzjonijiet tan-nisa u ma' partijiet ikkonċernati oħrajn tas-soċjetà ċivili;

50.

Jemmen li l-UE għandha tiżviluppa approċċ aktar komprensiv għall-assistenza dwar ir-riformi fl-edukazzjoni fil-pajjiżi sħab u tiddedika r-riżorsi u l-programmi rilevanti għall-edukazzjoni bikrija, inkluż il-livell preskolastiku, kif ukoll biex tiżgura l-iżvilupp tal-kompetenzi u l-ħiliet, inklużi l-ħiliet diġitali, it-taħriġ vokazzjonali u edukattiv adegwat u l-programmi edukattivi tal-intraprenditorija, il-ħsieb kritiku u s-sensibilizzazzjoni soċjali fi ħdan is-soċjetà b'mod ġenerali, u minn età żgħira ħafna; jenfasizza l-importanza li tiġi pprovduta edukazzjoni ta' kwalità bħala mezz biex tingħata s-setgħa liż-żgħażagħ u tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali;

51.

Jilqa' l-programmi żviluppati mis-Segretarjat tal-Unjoni għall-Mediterran, bħal Med4Jobs, bħala mezz biex tiġi indirizzata l-problema tal-impjegabbiltà taż-żgħażagħ u tan-nisa fil-Mediterran; jistieden lill-Istati Membri tal-Unjoni għall-Mediterran biex jagħtu istruzzjonijiet lis-Segretarjat tagħha biex jiffoka l-ħidma tiegħu fuq l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi tal-MENA bil-ħsieb li jappoġġa l-konsolidazzjoni tal-proċess ta' tranżizzjoni tagħha, filwaqt li jagħti prominenza partikolari lin-nisa u lill-bniet;

52.

Jistieden għal darb'oħra lill-Kummissjoni taġixxi fuq il-proposta tal-Parlament għall-ħolqien ta' programm Erasmus Ewro-Mediterranju ambizzjuż separat mill-Erasmus+, b'fondi ddedikati u dimensjoni ambizzjuża f'termini ta' kamp ta' applikazzjoni u riżorsi disponibbli, u b'enfasi mhux biss fuq iċ-ċikli tal-edukazzjoni primarja, sekondarja u ogħla, iżda wkoll fuq it-tagħlim vokazzjonali u edukattiv; itenni li l-investiment fiż-żgħażagħ se jipprovdi bażi solida għar-reżiljenza u l-prosperità fit-tul tar-reġjun; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Parlament iżidu l-kamp ta' applikazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-programm ta' Żjarat tal-Unjoni Ewropea tagħhom u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u tal-mexxejja politiċi nisa; jappella, barra minn hekk, lill-UE tappoġġa riformi biex jiġu mmodernizzati s-sistemi edukattivi f'dawn il-pajjiżi;

53.

Ifakkar fl-appoġġ tiegħu għall-finanzjament ta' programmi ta' taħriġ akkademiku u vokazzjonali biex jinħolqu riżervi kbar ta' ħiliet professjonali fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, kif ukoll għal azzjonijiet bħall-Karta ta' Mobbiltà tal-Erasmus+ ETV, li għandhom jiġu estiżi kemm jista' jkun għall-pajjiżi kollha tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta; Fuq permezz ta' għodod flessibbli u li qed jevolvu bħalma huma s-sħubijiet għall-mobbiltà;

54.

Jikkundanna bil-qawwa, għal darb'oħra, l-atroċitajiet kollha u l-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa matul il-kunflitt, u b’mod partikolari dawk imwettqa mill-forzi tar-reġim ta' Assad, inkluż bl-appoġġ tal-alleati tiegħu, kif ukoll mill-organizzazzjonijiet terroristiċi elenkati min-NU; jiddispjaċih ħafna dwar il-falliment tal-isforzi ripetuti reġjonali u internazzjonali biex tintemm il-gwerra, u jħeġġeġ kooperazzjoni globali mġedda u intensiva sabiex tinkiseb soluzzjoni paċifika u sostenibbli għall-kunflitt; jenfasizza li m'għandu jkun hemm l-ebda tolleranza jew impunità għad-delitti tal-waħx li twettqu fis-Sirja; itenni l-appell tiegħu biex isiru investigazzjonijiet indipendenti, imparzjali, bir-reqqa u kredibbli, kif ukoll prosekuzzjonijiet ta' dawk responsabbli, u jappoġġa l-ħidma tal-Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti (MIII) dwar delitti internazzjonali mwettqa fir-Repubblika Għarbija Sirjana sa minn Marzu 2012; jappella, barra minn hekk, biex jingħata appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-NGOs, li qed jiġbru u jgħinu biex tiġi ppreservata l-evidenza ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u ta' ksur tad-dritt umanitarju;

55.

Jiddispjaċih li sa mir-reviżjoni tal-PEV tal-2015, rapport wieħed biss, tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-Implimentazzjoni tar-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (JOIN(2017)0018), ivvaluta l-iżviluppi fil-viċinat fil-livell reġjonali, minkejja l-impenn li jinsab fil-komunikazzjoni tal-2015 dwar ir-rieżami tal-PEV biex jitfasslu rapporti regolari fil-livell tal-viċinat, flimkien ma' rappurtar speċifiku għall-pajjiż, inkluża informazzjoni dwar il-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt, l-ugwaljanza bejn is-sessi u kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob li r-rapporti fuq livell nazzjonali u reġjonali jinkludu analiżi xierqa tal-eżitu u valutazzjonijiet tal-impatt tad-drittijiet tal-bniedem tal-politiki tal-UE u tal-Istati Membri;

56.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ.

(1)  https://eeas.europa.eu/archives/docs/top_stories/pdf/eugs_review_web.pdf

(2)  ĠU L 77, 15.3.2014, p. 27.

(3)  ĠU L 77, 15.3.2014, p. 85.

(4)  ĠU C 265, 11.8.2017, p. 110.

(5)  ĠU C 265, 11.8.2017, p. 98.

(6)  ĠU C 204, 13.6.2018, p. 100.

(7)  Testi Adottati, P8_TA(2018)0119.

(8)  Testi Adottati, P8_TA(2018)0227.

(9)  Testi Adottati, P8_TA(2018)0449.

(10)  ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.

(11)  ĠU C 458, 19.12.2018, p. 187.