|
26.3.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 108/85 |
P8_TA(2019)0317
Ċerti użi tat-triossidu tal-kromju
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Marzu 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tagħti awtorizzazzjoni għal ċerti użi tat-triossidu tal-kromu skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Lanxess Deutschland GmbH u oħrajn) (D060095/03 – 2019/2654(RSP))
(2021/C 108/07)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tagħti awtorizzazzjoni għal ċerti użi tat-triossidu tal-kromu skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Lanxess Deutschland GmbH u oħrajn) (D060095/03), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (1) tal-Kummissjoni (“ir-Regolament REACH”), u b'mod partikolari l-Artikolu 64(8) tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC) u tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (SEAC), (2) skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 64(5) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (3), |
|
— |
wara li kkunsidra s-sentenza tas-7 ta' Marzu 2019 tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-837/16 (4), |
|
— |
wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
A. |
billi t-triossidu tal-kromu ġie miżjud fil-lista ta' sustanzi kandidati ta' tħassib serju ħafna skont ir-Regolament REACH fl-2010 (5) minħabba l-klassifikazzjoni tiegħu bħala karċinoġeniku (kategorija A1) u mutaġeniku (kategorija B1); |
|
B. |
billi t-triossidu tal-kromu ġie inkluż fl-Anness XIV tar-Regolament REACH fl-2013 (6) minħabba dik il-klassifikazzjoni, il-volumi għoljin li qed jintużaw bħalissa, l-għadd kbir ta' siti fejn jintuża fl-Unjoni u r-riskju ta' esponiment sinifikanti għall-ħaddiema (7), b'data tat-terminazzjoni tal-21 ta' Settembru 2017; |
|
C. |
billi l-kumpaniji li huma lesti jkomplu jużaw it-triossidu tal-kromu kellhom jippreżentaw applikazzjoni għal awtorizzazzjoni sal-21 ta' Marzu 2016; |
|
D. |
billi Lanxess u sitt kumpaniji oħra (“l-Applikanti”) iffurmaw konsorzju biex jissottomettu applikazzjoni konġunta, bi sħubija ta' aktar minn 150 kumpanija, iżda li s-sħubija eżatta tiegħu mhijiex magħrufa (8); |
|
E. |
billi, wara li ressqu applikazzjoni konġunta qabel l-iskadenza tal-21 ta' Marzu 2016, l-Applikanti u l-utenti downstream tagħhom tħallew ikomplu jużaw it-triossidu tal-kromu, sakemm tittieħed id-deċiżjoni ta' awtorizzazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 58 tar-Regolament REACH, fir-rigward tal-użi li saret applikazzjoni għalihom; |
|
F. |
billi l-Kummissjoni rċeviet l-opinjonijiet tar-RAC u tas-SEAC f'Settembru 2016; billi d-dewmien tal-Kummissjoni fl-abbozzar tad-deċiżjoni de facto wassal biex l-użu kontinwu tat-triossidu tal-kromu jiġi ttollerat għal aktar minn sena u nofs wara d-data tat-terminazzjoni; |
|
G. |
billi l-objettiv primarju tar-Regolament REACH, fid-dawl tal-premessa 16 tiegħu, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (9), huwa li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent; |
|
H. |
billi skont l-Artikolu 55, u fid-dawl tal-premessa 12 tar-Regolament REACH, is-sostituzzjoni ta' sustanzi ta' tħassib serju ħafna b'sustanzi jew teknoloġiji alternattivi aktar sikuri, jirrappreżenta għan ewlieni tal-awtorizzazzjoni; |
|
I. |
billi r-RAC ikkonferma li mhuwiex possibbli li jiġi stabbilit livell derivat ta' bla effett għall-proprjetajiet karċinoġeniċi tat-triossidu tal-kromu u, għaldaqstant, huwa meqjus bħala “sustanza mingħajr valur ta' limitu” għall-finijiet tal-Artikolu 60(3)(a) tar-Regolament REACH; billi dan ifisser li ma jistax jiġi stabbilit u użat bħala punt ta' riferiment “livell ta' esponiment sikur” teoretiku għal din is-sustanza bil-għan li jiġi vvalutat jekk ir-riskju ta' użu huwiex ikkontrollat b'mod xieraq; |
|
J. |
billi r-RAC stima li l-għoti ta' tali awtorizzazzjoni jwassal għal 50 każ statistiku fis-sena ta' kanċer fatali; |
|
K. |
billi l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH jipprevedi li tista' tingħata awtorizzazzjoni għall-użu ta' sustanza li toħloq riskji mhux ikkontrollati b'mod xieraq biss jekk jintwera li l-benefiċċji soċjoekonomiċi jegħlbu r-riskju għas-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent li jinħoloq mill-użu tas-sustanza u jekk ma jkun hemm l-ebda sustanza jew teknoloġija alternattiva xierqa; |
|
L. |
billi l-applikazzjoni tikkonċerna l-użu ta' 20 000 tunnellata ta' triossidu tal-kromu fis-sena; |
|
M. |
billi l-applikazzjoni tikkonċerna għadd kbir ħafna ta' utenti downstream (aktar minn 4 000 sit) attivi f'setturi industrijali li jvarjaw minn kożmetiċi sas-settur ajruspazjali, mill-ippakkjar tal-ikel sal-karozzi, u mis-settur sanitarju sa dak tal-kostruzzjoni, bl-esponiment ta' għadd bla preċedent ta' ħaddiema (aktar minn 100 000 ħaddiem); |
|
N. |
billi l-applikazzjoni formalment tikkonċerna sitt “użi”; billi dawk id-deskrizzjonijiet ta' użu madankollu tant huma ġeneriċi li jirriżultaw f'ambitu wiesa' ħafna, jew anke “f'ambitu estremament wiesgħa” (10); billi dan il-fatt jivvizzja kemm il-valutazzjoni soċjoekonomika kif ukoll il-valutazzjoni ta' alternattivi xierqa; |
|
O. |
billi l-punt (d) tal-Artikolu 62(4) tar-Regolament REACH jirrikjedi li l-Applikanti jipprovdu rapport dwar is-sikurezza kimika skont l-Anness I; billi dan irid jinkludi valutazzjoni ta' esponiment (11); |
|
P. |
billi r-RAC innota diskrepanza ewlenija bejn l-ambitu tal-applikazzjoni sottomessa u l-informazzjoni pprovduta fiha (12); |
|
Q. |
billi r-RAC identifika lakuni kbar fl-informazzjoni pprovduta mill-Applikanti rigward ix-xenarji ta' esponiment għall-ħaddiema (13); |
|
R. |
billi l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni (14) jirrikonoxxi n-nuqqas tal-Applikanti li jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa rigward ix-xenarji ta' esponiment tal-ħaddiema; |
|
S. |
billi minflok l-applikazzjoni tiġi kkunsidrata bħala mhux konformi mal-Artikolu 60(7) tar-regolament REACH, l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jirrikjedi sempliċement li l-Applikanti jipprovdu d-data nieqsa fir-rapport ta' rieżami taghħom, snin wara l-adozzjoni ta' dan l-abbozz ta' deċiżjoni (15); |
|
T. |
billi r-rapport ta' rieżami, bi qbil mal-Artikolu 61 tar-Regolament REACH, mhuwiex intiż biex jagħti lill-kumpaniji żmien addizzjonali biex jimtlew id-diskrepanzi fl-informazzjoni li kellha tiġi pprovduta minn qabel (peress li din l-informazzjoni hija ewlenija għat-teħid ta' deċiżjonijiet), iżda għandu l-għan li jiżgura li l-informazzjoni inizjalment ipprovduta fl-applikazzjoni tkun għadha aġġornata; |
|
U. |
billi l-Qorti Ġenerali ddikjarat b'mod ċar li l-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 60(8) u (9) tar-Regolament REACH, ma jistgħux jintużaw biex jiġu rimedjati n-nuqqasijiet jew id-diskrepanzi potenzjali fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni (16); |
|
V. |
billi l-opinjoni tas-SEAC enfasizzat, barra minn hekk, l-inċertezzi sinifikanti fl-analiżi ta' alternattivi ppreżentati mill-Applikanti, li ġew riflessi wkoll fl-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni (17); |
|
W. |
billi, fid-dawl tal-Artikolu 55 u tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH, applikant jeħtieġ li jagħti prova li m'hemmx sustanzi jew teknoloġiji alternattivi xierqa għall-użi li jkun applika għalihom; |
|
X. |
billi ntwera li jeżistu alternattivi xierqa għal ħafna mill-applikazzjonijiet li huma koperti mill-użi li għandhom jiġu awtorizzati (18); |
|
Y. |
billi l-Qorti Ġenerali fakkret lill-Kummissjoni li, sabiex tagħti awtorizzazzjoni ġuridika skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH, hija trid tivverifika kwantità suffiċjenti ta' informazzjoni sostanzjali u verifikabbli sabiex tikkonkludi jew li m'hemmx alternattivi xierqa disponibbli għal kwalunkwe wieħed mill-użi koperti fl-applikazzjoni jew, inkella, li l-inċertezzi li baqa' dwar in-nuqqas ta' alternattivi disponibbli fid-data tal-adozzjoni tal-awtorizzazzjoni, huma biss negliġibbli (19); |
|
Z. |
billi f'dan il-każ l-inċertezzi dwar l-analiżi tal-alternattivi ma kinux daqshekk negliġibbli (20); |
|
AA. |
billi, il-fatt li “l-użi” li għalihom l-Applikanti ddeċidew li japplikaw huma wiesgħa ħafna ma jiġġustifikax b'mod leġittimu li jkun hemm analiżi mhux kompleta tal-alternattivi; |
|
AB. |
billi l-Artikolu 62 tar-Regolament REACH ma jipprovdi l-ebda rinunzja ta' informazzjoni għall-kumpaniji li japplikaw flimkien bħala konsorzju; |
|
AC. |
billi, għalhekk, l-awtorizzazzjoni proposta mill-Kummissjoni tikser l-Artikoli 60(7) u (4) tar-Regolament REACH; |
|
AD. |
billi, barra minn hekk, numru ta' utenti downstream, koperti mill-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni, diġà applikaw separatament għall-awtorizzazzjoni; billi r-RAC u s-SEAC diġà ħarġu l-opinjoni tagħhom dwar uħud minn dawn l-applikazzjonijiet; billi diġà ngħataw xi awtorizzazzjonijiet għall-utenti downstream; |
|
AE. |
billi, madankollu, jista' jkun hemm applikazzjonijiet speċifiċi fost l-użi wiesa' ħafna tal-applikazzjoni konġunta mill-Applikanti li dwarhom l-utenti downstream ma għamlux talba separata għal awtorizzazzjoni, iżda li għalihom jistgħu jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH; |
|
AF. |
billi tali applikazzjonijiet jistgħu jkunu f'oqsma importanti; |
|
AG. |
billi, għalhekk, ikun xieraq li eċċezzjonalment tingħata opportunità lil utenti downstream simili li għadhom ma għamlux applikazzjoni speċifika biex jippreżentaw applikazzjoni separata abbażi ta' skadenza qasira; |
|
1. |
Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha u tippreżenta abbozz ġdid; |
|
2. |
Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa jekk tistax tingħata kwalunkwe awtorizzazzjoni f'konformità sħiħa mar-Regolament REACH għal użi speċifiċi u ddefiniti sewwa koperti mill-applikazzjoni ppreżentata mill-Applikanti; |
|
3. |
Jistieden lill-Kummissjoni, eċċezzjonalment, tagħti lill-utenti downstream li l-użu tagħhom huwa kopert mill-applikazzjoni mill-Applikanti, iżda li għalihom tkun għadha ma saritx applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni separata, u li għalihom id-data rilevanti tkun għadha nieqsa, il-possibbiltà li jissottomettu d-data nieqsa fi żmien skadenza qasira; |
|
4. |
Jistieden lir-RAC u lis-SEAC jivvalutaw malajr dawk l-applikazzjonijiet, ikkompletati sussegwentement inkluża verifika xierqa li dawk l-applikazzjonijiet ikunu inkludew l-informazzjoni kollha meħtieġa speċifikata fl-Artikolu 62 tar-Regolament REACH; |
|
5. |
Jistieden lill-Kummissjoni tieħu deċiżjonijiet rapidi fir-rigward ta' dawk l-applikazzjonijiet f'konformità sħiħa mar-Regolament REACH; |
|
6. |
Jistieden lir-RAC u s-SEAC ma jibqgħux jaċċettaw applikazzjonijiet li ma jinkludux l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont l-Artikolu 62 tar-Regolament REACH; |
|
7. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri. |
(1) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
(2) Użu 1: https://echa.europa.eu/documents/10162/a43a86ab-fcea-4e2b-87d1-78a26cde8f80
Użu 2: https://echa.europa.eu/documents/10162/dc9ea416-266e-4f49-88cb-35576f574f4a
Użu 3:https://echa.europa.eu/documents/10162/fab6fe18-3d69-483b-8618-f781d18d472e
Użu 4: https://echa.europa.eu/documents/10162/0f5571f8-d3aa-4031-9454-843cd7f765a8
Użu 5: https://echa.europa.eu/documents/10162/6ee57573-de19-43b5-9153-dad5d9de3c1e
Użu 6: https://echa.europa.eu/documents/10162/ab92f048-a4df-4d06-a538-1329f666727a
(3) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(4) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta' Marzu 2019, L-Iżvezja vs Il-Kummissjoni, T-837/16, ECLI:EU:T:2019:144. http://curia.europa.eu/juris/documents.jsf?oqp=&for=&mat=or&lgrec=en&jge=&td=%3BALL&jur=C%2CT%2CF&num=T-837%252F16&page=1&dates=&pcs=Oor&lg=&pro=&nat=or&cit=none%252CC%252CCJ%252CR%252C2008E%252C%252C%252C%252C%252C%252C%252C%252C%252C%252Ctrue%252Cfalse%252Cfalse&language=en&avg=&cid=2535071
(5) https://echa.europa.eu/documents/10162/6b11ec66-9d90-400a-a61a-90de9a0fd8b1
(6) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 348/2013 tas-17 ta' April 2013 li jemenda l-Anness XIV għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (“REACH”) (ĠU L 108, 18.4.2013, p. 1).
(7) https://echa.europa.eu/documents/10162/13640/3rd_a_xiv_recommendation_20dec2011_en.pdf
(8) http://www.jonesdayreach.com/SubstancesDocuments/CTAC%20Press%20Release%20Conclusion%20plus%20Annex%20+%20Cons%20Agt+amendm.PDF
(9) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Lulju 2009, S.P.C.M. SA u Oħrajn vs Secretary of State for the Environment, Food and Rural Affairs, C-558/07, ECLI:EU:C:2009:430 paragrafu 45.
(10) Ara l-opinjoni RAC/SEAC dwar l-użu 2, p. 25 jew dwar l-użu 5, p. 61.
(11) REACH, l-Anness I, it-taqsima 5.1
(12) “Ir-RAC jinnota diskrepanza f'kull użu applikat għal, […] bejn a) in-numru totali ta' siti potenzjali li l-applikant […] jikkunsidra li jistgħu jiġu koperti b'din l-applikazzjoni (sa 1 590 sit kif stipulat fis-SEA) [għall-użu 2], b) in-numru ta' membri CTAC (150+) u c) id-data ta' esponiment imkejla fornuta (minn 6 sa 23 sit għall-użi minn 1 sa 5)”.
(13) “L-akbar inċertezza tirriżulta min-nuqqas ta' rabta ċara bejn l-OCs [kundizzjonijiet operattivi], l-RMMs [miżuri ta' ġestjoni tar-riskju] u l-valuri ta' esponiment għal kompiti u siti speċifiċi, li jistgħu jirriflettu l-applikazzjoni b'mod ġustifikabbli. Ir-RAC jikkunsidra dan bħala dgħjufija sostanzjali tal-applikazzjoni” (opinjoni RAC dwar l-użu 2, p. 12).
(14) “Ir-RAC ikkonkluda li hemm inċertezzi sinifikanti rigward l-esponiment tal-ħaddiema minħabba d-disponibbiltà limitata ta' data mkejla dwar l-esponiment. Ikkonkluda wkoll li nuqqas prevalenti ta' informazzjoni kuntestwali għamilha diffiċli li tiġi stabbilita rabta bejn il-kundizzjonijiet operattivi u l-miżuri ta' ġestjoni tar-riskju deskritti fl-applikazzjoni u l-livelli ta' esponiment dikjarati għal kompiti u siti speċifiċi, u b'hekk tiġi evitata evalwazzjoni ulterjuri mir-RAC. Dawk l-inċertezzi jikkonċernaw l-affidabbiltà u r-rappreżentanza tad-data ta' esponiment u kif din tirrelata mal-miżuri speċifiċi ta' ġestjoni tar-riskju fis-seħħ”, Abbozz ta' deċiżjoni, premessa 7.
(15) Abbozz ta' deċiżjoni, premessa 25 u Artikolu 8.
(16) Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta' Marzu 2019, L-Iżvezja vs il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2019:144, paragrafi 82 u 83.
(17) “Minħabba l-ambitu wiesa' ħafna tal-użi intiżi, is-SEAC ma jistax jeskludi l-inċertezza possibbli rigward il-fattibbiltà teknika ta' alternattivi għal numru limitat ta' applikazzjonijiet speċifiċi li huma koperti mid-deskrizzjoni tal-użi li saret applikazzjoni għalihom” Abbozz ta' deċiżjoni, premessa 14.
(18) Alternattivi relatati mal-applikazzjonijiet 2 sa 5
PVD CROMATIPIC plasma coating, ara https://marketplace.chemsec.org/Alternative/Eco-friendly-chrome-plating-based-on-nanotechnologies-94
EHLA process, ara https://marketplace.chemsec.org/Alternative/Effective-Protection-against-Wear-Corrosion-with-the-EHLA-Process--185
TripleHard, ara https://marketplace.chemsec.org/Alternative/TripleHard-REACH-compliant-hard-chrome-is-the-best-in-the-market-96
Hexigone Inhibitors, ara https://marketplace.chemsec.org/Alternative/Chrome-and-Zinc-free-Corrosion-Inhibitor-for-Coatings-Highly-Effective-Drop-In-Replacement-of-Hexavalent-Chromate--95
SUPERCHROME PVD COATING, ara https://marketplace.chemsec.org/Alternative/SUPERCHROME-PVD-COATING-a-green-alternative-to-hexavalent-chrome-plating-10
Oerlikon Balzers ePD, ara https://marketplace.chemsec.org/Alternative/Oerlikon-Balzers-ePD-Reach-compliant-Chrome-look-for-plastic-parts-on-a-new-level-69
(19) Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta' Marzu 2019, L-Iżvezja vs il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2019:144, paragrafu 86.
(20) “Skont l-applikant, dawk l-applikazzjonijiet fejn is-sostituzzjoni hija diġà possibbli, minkejja kollox, mhumiex koperti mill-applikazzjoni. L-applikant, madankollu, ma jispeċifikax dawn l-applikazzjonijiet jew ir-rekwiżiti tekniċi relatati magħhom. Is-SEAC ikkunsidra li l-approċċ tal-applikant biex isolvi din il-kwistjoni mhuwiex kompletament adegwat u jenfasizza l-ħtieġa li l-applikant jindika b'mod aktar konkret li s-sostituzzjoni seħħet fejn tabilħaqq hija diġà fattibbli. Dan seta' jinkiseb bit-twettiq ta' valutazzjoni aktar preċiża u ta' valutazzjoni speċifika skont l-użu tal-alternattivi”, opinjoni tas-SEAC dwar l-użu 2, p. 25.