26.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 108/75


P8_TA(2019)0315

Ċerti użi tal-bis(2-etileżil)ftalat (DEHP) (DEZA a.s.)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Marzu 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tagħti awtorizzazzjoni għall-użi tal-bis(2-etileżil)ftalat (DEHP) skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (DEZA a.s.) (D060865/01 – 2019/2605(RSP))

(2021/C 108/05)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li parzjalment tagħti awtorizzazzjoni għall-użi tal-bis(2-etileżil) ftalat (DEHP) skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (DEZA a.s.) (D060865/01),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (1) (“ir-Regolament REACH”), u b'mod partikolari l-Artikolu 64(8) tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskji (RAC) u tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (SEAC) (2), skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 64(5) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/2005 tas-17 ta' Diċembru 2018 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) fir-rigward tal-bis(2-etileksil) ftalat (DEHP), tal-ftalat tad-dibutil (DBP), tal-benżil-butil-ftalat (BBP) u tal-ftalat tad-diisobutil (DIBP) (3),

wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015 dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni ta' XXX tal-Kummissjoni li tagħti awtorizzazzjoni għall-użi tal-bis(2-etileżil) ftalat (DEHP) skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5),

wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T-837/16 (6),

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi d-DEHP ġie miżjud mal-lista ta' kandidati ta' sustanzi ta' tħassib serju ħafna skont ir-Regolament REACH fl-2008 (7) minħabba l-klassifikazzjoni tiegħu bħala tossiku għar-riproduzzjoni;

B.

billi d-DEHP kien inkluż fl-Anness XIV tar-Regolament REACH fl-2011 (8), minħabba dik il-klassifikazzjoni, l-użu mifrux tiegħu u l-volum għoli ta' produzzjoni fl-Unjoni (9), b'data tat-terminazzjoni tal-21 ta' Frar 2015;

C.

billi l-kumpaniji li kienu lesti li jkomplu jużaw id-DEHP kellhom jissottomettu applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni sa Awwissu 2013; billi d-DEZA, wara li preżentat l-applikazzjoni tagħha qabel dik l-iskadenza, tħalliet tkompli tuża d-DEHP sakemm tittieħed id-deċiżjoni ta' awtorizzazzjoni kif prevista mill-Artikolu 58 tar-Regolament REACH;

D.

billi l-Kummissjoni rċeviet l-opinjonijiet tal-RAC u tas-SEAC f'Jannar 2015; billi d-dewmien tal-Kummissjoni fl-abbozzar tad-deċiżjoni de facto wassal biex l-użu kontinwu tad-DEHP jiġi ttollerat għal aktar minn erba' snin wara d-data tat-terminazzjoni;

E.

billi fl-2014 id-DEHP ġie identifikat bħala li għandu proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali għall-annimali u l-bnedmin; billi l-lista ta' kandidati ġiet aġġornata skont dan fl-2014 (10) fir-rigward tal-ambjent u fl-2017 (11) fir-rigward tas-saħħa tal-bniedem;

F.

billi r-Regolament (UE) 2018/2005 illimita l-użu tad-DEHP u ftalati oħra f'ħafna oġġetti fuq il-bażi ta' riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem; billi l-RAC enfasizza, fil-kuntest ta' dik ir-restrizzjoni, il-fatt li “l-valutazzjoni ta' inċertezza tindika li l-perikli u għalhekk ir-riskji mill-erba' ftalati jistgħu jiġu sottovalutati” (12);

G.

billi r-Regolament (UE) 2018/2005 jeżenta ċerti applikazzjonijiet sakemm ma jitqisux li jippreżentaw riskju mhux aċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem; billi apparti l-esportazzjoni ta' formulazzjonijiet li fihom id-DEHP, l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni huwa għalhekk ta' rilevanza partikolari għal dawk l-applikazzjonijiet eżentati;

H.

billi applikazzjonijiet bħal dawn jistgħu, madankollu, jirrappreżentaw riskju inaċċettabbli għall-ambjent, b'mod partikolari minħabba l-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali tad-DEHP;

I.

billi l-għan primarju tar-Regolament REACH huwa li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent fid-dawl tal-premessa 16 tiegħu, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (13);

J.

billi skont l-Artikolu 55 u l-premessa 12 tar-Regolament REACH, is-sostituzzjoni ta' sustanzi ta' tħassib serju ħafna b'sustanzi jew teknoloġiji alternattivi aktar adegwati huwa għan ċentrali tal-awtorizzazzjoni;

K.

billi l-punt (d) tal-Artikolu 62(4) tar-Regolament REACH jirrikjedi li l-applikant jipprovdi rapport dwar is-sigurtà kimika skont l-Anness I;

L.

billi f'dan il-każ l-opinjoni tal-RAC identifikat nuqqasijiet kbar fl-informazzjoni pprovduta mill-applikant (14); billi għal użu wieħed ma ġiet ipprovduta l-ebda informazzjoni (15);

M.

billi l-RAC u l-Kummissjoni kkonkludew li l-applikant naqas li juri li r-riskju kien ikkontrollatb'mod adegwat skont l-Artikolu 60(2); billi l-RAC ikkonkluda wkoll li, kuntrarju għall-Artikolu 60(10), ir-riskju ma tnaqqasx għal-livell l-aktar baxx possibbli mil-lat tekniku u prattiku;

N.

billi l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jirrifjuta l-awtorizzazzjoni għal dak l-uniku użu li għalih ma ngħatat l-ebda informazzjoni fl-applikazzjoni, abbażi tal-Artikolu 60(7) tar-Regolament REACH;

O.

billi l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni x'imkien ieħor jirrikonoxxi n-nuqqasijiet indikati mill-RAC billi jirreferi għal “informazzjoni limitata sottomessa dwar l-esponiment fuq il-post tax-xogħol (16)”, iżda minflok jirrifjuta bl-istess mod l-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 60(7), jirrikjedi li l-applikant jipprovdi d-data nieqsa fir-rapport ta' reviżjoni tiegħu 18-il xahar wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni (17);

P.

billi r-rapport ta' reviżjoni previst mill-Artikolu 61 mhuwiex maħsub biex jagħti aktar ħin lill-kumpaniji biex jimlew lakuni fl-informazzjoni li kellha tiġi pprovduta inizjalment, iżda huwa maħsub biex jiżgura li l-informazzjoni inizjalment ipprovduta fl-applikazzjoni tkun għadha aġġornata wara perjodu stabbilit, inkluż, b'mod partikolari, rigward jekk sarux disponibbli alternattivi ġodda;

Q.

billi l-Qorti Ġenerali ddikjarat biċ-ċar li l-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni, fit-tifsira tal-Artikolu 60(8) u (9), ma jistgħux jintużaw legalment biex jirrimedjaw in-nuqqasijiet potenzjali jew lakuni fl-informazzjoni pprovduta mill-applikant għall-awtorizzazzjoni (18);

R.

billi l-Artikolu 60(4) jipprovdi għal obbligu li juri li l-benefiċċji soċjoekonomiċi tal-użu tas-sustanza huma akbar mir-riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent u li ma hemm l-ebda sustanza alternattiva xierqa disponibbli;

S.

billi l-opinjoni tas-SEAC enfasizzat nuqqasijiet sinifikanti fl-analiżi soċjoekonomika ppreżentata mill-applikant, riflessa wkoll fl-abbozz tad-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni (19);

T.

billi, fid-dawl tal-Artikolu 55 u l-Artikolu 60(4), applikant għandu jagħti prova li m'hemmx alternattivi xierqa għall-użi li jkun applika għalihom;

U.

billi l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jirrikonoxxi li l-użu 2 ma kienx speċifiku biżżejjed (20); billi s-SEAC sab nuqqasijiet gravi fl-applikazzjoni fir-rigward tad-disponibilità ta' alternattivi (21)(22);

V.

billi mhijiex ġustifikazzjoni leġittima għall-applikant li jiddependi fuq l-istatus tiegħu bħala manifattur tas-sustanza biex jonqos milli jipprovdi biżżejjed informazzjoni dwar l-idoneità ta' alternattivi għall-użi koperti fl-applikazzjoni;

W.

billi minħabba d-data nieqsa pprovduta membru tas-SEAC uffiċjalment ma qabilx mal-konklużjoni tas-SEAC dwar in-nuqqas ta' alternattivi xierqa (23);

X.

billi l-Artikolu 60(5) ma jistax jiġi interpretat li jfisser li l-adattabbiltà tal-alternattivi mill-perspettiva tal-applikant hija l-fattur uniku u determinanti; billi l-Artikolu 60(5) ma jistabbilixxix lista eżawrjenti tal-informazzjoni li għandha titqies fl-analiżi tal-alternattivi; billi l-punt (c) tal-Artikolu 60(4) jirrikjedi wkoll li titqies l-informazzjoni minn kontribuzzjonijiet ta' partijiet terzi; billi l-informazzjoni pprovduta waqt il-konsultazzjoni pubblika diġà kienet kixfet f'dak il-perjodu d-disponibbiltà ta' alternattivi għall-użi koperti (24);

Y.

billi l-Qorti Ġenerali fakkret lill-Kummissjoni li, sabiex tagħti legalment awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 60(4), hija għandha tivverifika ammont suffiċjenti ta' informazzjoni sostanzjali u verifikabbli sabiex tikkonkludi jew li mhija disponibbli l-ebda alternattiva xierqa għal kwalunkwe wieħed mill-użi koperti fl-applikazzjoni jew li l-inċertezzi li għad baqa' dwar in-nuqqas ta' alternattivi disponibbli, fid-data tal-adozzjoni tal-awtorizzazzjoni, huma negliġibbli (25);

Z.

billi l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jagħti wara li qies “l-informazzjoni l-ġdida disponibbli mill-proċess ta' restrizzjoni” (26) bħala raġuni għad-dewmien fl-adozzjoni tagħha; billi għalhekk huwa ta' sorpriża li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni naqas milli jikkunsidra d-disponibbiltà ta' alternattivi li hija ddokumentata b'mod ċar fid-dossier dwar ir-restrizzjoni (27); billi l-alternattivi msemmija fil-proposta ta' restrizzjoni huma wkoll rilevanti għall-użi koperti fl-abbozz tad-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni (28);

AA.

billi, finalment, il-Kummissjoni ma qisitx il-fatt li d-DEHP ġie uffiċjalment rikonoxxut bħala sustanza li tfixkel is-sistema endokrinali li taffettwa s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent; billi din l-informazzjoni kellha titqies mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-valutazzjoni soċjoekonomika skont l-Artikolu 60(4), billi l-benefiċċji ta' rifjut ta' awtorizzazzjoni huma xort'oħra sottovalutati;

AB.

billi l-awtorizzazzjoni proposta mill-Kummissjoni hija għalhekk bi ksur tal-Artikolu 60(4) u 60(7) tar-Regolament REACH;

AC.

billi l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jippremja lil dawk li baqgħu lura, u jaffettwa negattivament lill-kumpaniji li investew f'alternattivi (29);

AD.

billi l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jiddikjara li “l-Kummissjoni ħadet nota” tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2015; billi ħafna min-nuqqasijiet strutturali fl-implimentazzjoni tal-kapitolu tal-awtorizzazzjoni tar-Regolament REACH li l-Parlament enfasizza f'dik ir-riżoluzzjoni jivvizzjaw ukoll l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni attwali tal-Kummissjoni (30);

AE.

billi l-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-ekonomija ċirkolari: alternattivi li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart" (31), tenna li “t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari tirrikjedi l-applikazzjoni stretta tal-ġerarkija tal-iskart u, fejn possibbli, l-eliminazzjoni gradwali ta' sustanzi ta' tħassib, b'mod partikolari fejn diġà jeżistu jew se jiġu żviluppati alternattivi aktar sikuri”;

1.

Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1907/2006;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha u tippreżenta abbozz ġdid li jirrifjuta l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni ttemm malajr l-użu tad-DEHP fl-applikazzjonijiet li fadal kollha, speċjalment minħabba l-fatt li alternattivi aktar sikuri għall-PVC artab u għad-DEHP huma disponibbli;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  Opinjonijiet tal-RAC u tas-SEAC għall-użu 1: https://echa.europa.eu/documents/10162/60f338a5-09ac-423a-b7c1-2511ee2d9b77; għall-użu 2: https://echa.europa.eu/documents/10162/1ce96eb6-9e30-447d-a9ff-dc315f75f124; għall-użu 3: https://echa.europa.eu/documents/10162/bfbf6ddc-dd94-456b-bbff-32d7d32e6c92

(3)  ĠU L 322, 18.12.2018, p. 14..

(4)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(5)  ĠU C 366, 27.10.2017, p. 96.

(6)  http://curia.europa.eu/juris/documents.jsf?oqp=&for=&mat=or&lgrec=en&jge=&td=%3BALL&jur=C%2CT%2CF&num=T-837%252F16&page=1&dates=&pcs=Oor&lg=&pro=&nat=or&cit=none%252CC%252CCJ%252CR%252C2008E%252C%252C%252C%252C%252C%252C%252C%252C%252C%252Ctrue%252Cfalse%252Cfalse&language=en&avg=&cid=2535071

(7)  https://echa.europa.eu/documents/10162/c94ac248-378f-4058-9907-205b497c286e

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 143/2011 tas-17 ta' Frar 2011 li jemenda l-Anness XIV għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH), (ĠU L 44, 18.2.2011, p. 2.).

(9)  https://echa.europa.eu/documents/10162/6f89a308-c467-4836-ae1e-9c6163a9ae10

(10)  https://echa.europa.eu/documents/10162/30b654ce-1de3-487a-8696-e05617c3173b

(11)  https://echa.europa.eu/documents/10162/88c20879-606b-03a6-11e4-9edb90e7e615

(12)  “Il-valutazzjoni tal-inċertezza indikat li l-perikli u għalhekk ir-riskji mill-erba' ftalati jistgħu jiġu sottovalutati. Id-DNELs għad-DEHP u l-BBP jistgħu jkunu inqas minn dawk derivatifil-preżent. Numru ta' studji sperimentali u epidemjoloġiċi indikaw effetti possibbli fuq is-sistema immunitarja, is-sistema metabolika u l-iżvilupp newroloġiku. Xi wħud minn dawn l-istudji jindikaw li t-tossiċità riproduttiva tista' ma tkunx l-aktar punt aħħari sensittiv u li d-DNELs magħżula jistgħu ma jkunux protettivi biżżejjed kontra dawn l-effetti l-oħra. Barra minn hekk, il-Kumitat tal-Istati Membri (MSC) ikkonferma li dawn l-erba' ftalati huma sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali fir-rigward tas-saħħa tal-bniedem u l-Kummissjoni qed tikkunsidra li tidentifikahom bħala sustanzi ta' tħassib ekwivalenti skont l-Artikolu 57(f) ta' REACH. Dan joħloq inċertezzi addizzjonali mar-riskju ta' dawn is-sustanzi.” Ara https://www.echa.europa.eu/documents/10162/713fd91d-2919-0575-836a-f66937202d66, p. 9.

(13)  Kawża C-558/07, S.P.C.M. SA and Others vs Secretary of State for the Environment, Food and Rural Affairs, ECLI:EU:C:2009:430, punt 45.

(14)  “L-RAC jivvaluta li d-data dwar l-esponiment ippreżentata fis-CSR mhijiex rappreżentattiva għall-kamp ta' applikazzjoni estensiv tal-applikazzjoni. Għalhekk, valutazzjoni tal-esponiment imsejsa tajjeb mill-RAC mhijiex possibbli. L-evalwazzjonijiet li ġejjin huma bbażati biss fuq bażi ta' data b'nuqqasijiet u b'dan [huma] ta' ftit sinifikat għall-evalwazzjoni tar-riskju li ġejja” – ara l-opinjoni tal-RAC dwar l-użu 2, p. 10: https://echa.europa.eu/documents/10162/1ce96eb6-9e30-447d-a9ff-dc315f75f124

(15)  L-abbozz tad-Deċiżjoni, paragrafu 19.

(16)  L-abbozz tad-Deċiżjoni, paragrafu 17.

(17)  L-abbozz tad-Deċiżjoni, paragrafu 17.

(18)  Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta' Marzu 2019, l-Iżvezja vs il-Kummissjoni, Kawża T-837/16, § 82-83

(19)  “valutazzjoni kwantitattiva tal-impatt fuq is-saħħa tal-bniedem tal-użu kontinwu ma kinitx possibbli minħabba l-limitazzjonijiet fl-informazzjoni disponibbli” – Abbozz ta' awtorizzazzjoni, paragrafu 5

(20)  L-abbozz tad-Deċiżjoni, paragrafu 18.

(21)  “il-konklużjoni tal-applikant dwar l-idoneità u d-disponibbiltà ta' alternattivi… mhijiex ġustifikata biżżejjed” – Opinjoni tas-SEAC dwar l-użu 2, p. 18 – https://echa.europa.eu/documents/10162/1ce96eb6-9e30-447d-a9ff-dc315f75f124

(22)  “il-valutazzjoni tal-alternattivi ma tindirizzax speċifikament is-sitwazzjonijiet differenti koperti mill-kamp ta' applikazzjoni wiesa' ħafna ta' din l-applikazzjoni u għalhekk ma turix li l-alternattivi mhumiex teknikament fattibbli” – Opinjoni tas-SEAC dwar l-użu 2, p. 19

(23)  https://echa.europa.eu/documents/10162/03434073-5619-4395-8293-92ddaf6c85ad

(24)  https://echa.europa.eu/comments-public-consultation-0004-02 – ara b'mod partikolari l-linja 58;

(25)  Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta' Marzu 2019, L-Iżvezja vs Il-Kummissjoni, TEU:T:2019:144, § 86

(26)  L-abbozz tad-Deċiżjoni, paragrafu 3.

(27)  “Alternattivi teknikament fattibbli b'riskju aktar baxx fil-preżent huma disponibbli bi prezzijiet simili għall-użi kollha fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din il-proposta” – https://www.echa.europa.eu/documents/10162/713fd91d-2919-0575-836a-f66937202d66

(28)  https://www.echa.europa.eu/documents/10162/713fd91d-2919-0575-836a-f66937202d66 – p. 69; ara l-“applikazzjonijiet” fit-tabella, li jkopru wkoll użi fuq barra.

(29)  Ara pereżempju: https://marketplace.chemsec.org/Alternative/Non-phthalate-plasticizer-for-extreme-applications-302; https://marketplace.chemsec.org/Alternative/Safe-plasticizer-for-demanding-outdoor-applications-298; http://grupaazoty.com/en/wydarzenia/plastyfikatory-nieftalanowe.html

(30)  Ara b'mod partikolari l-premessi N, O, P u R ta' dik ir-riżoluzzjoni.

(31)  Testi adottati, P8_TA(2018)0353.